Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2235(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0129/2010

Testi mressqa :

A7-0129/2010

Dibattiti :

PV 19/05/2010 - 10
CRE 19/05/2010 - 10

Votazzjonijiet :

PV 20/05/2010 - 7.6
CRE 20/05/2010 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0191

Testi adottati
PDF 312kWORD 81k
Il-Ħamis, 20 ta' Mejju 2010 - Strasburgu
Il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona
P7_TA(2010)0191A7-0129/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-kisba tal-objettivi ta' Lisbona (2009/2235(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar il-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar “l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta' koeżjoni u l-programmi operazzjonali”(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Awwissu 2007 dwar “Reġjuni Ewropej kompetittivi permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni - Kontribuzzjoni lejn aktar tkabbir u impjiegi aktar u itjeb” (COM(2007)0474),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2007 dwar “Reġjuni li jwasslu l-innovazzjoni permezz tal-politika ta' koeżjoni” (SEC(2007)1547),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona” (COM(2005)0024),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Dokument ta' evalwazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona” (SEC(2010)0114),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar “It-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni tal-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, 2007-2013” (COM(2007)0798),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2008 dwar “Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013” (COM(2008)0301),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2009 dwar l-20 rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) (COM (2009)0617),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet ex post tal-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2009 dwar Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura “EU2020” (COM(2009)0647),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew Informali tal-11 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020 u r-riżultat tagħha (SEC2010)0116),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 “Ewropa 2020. Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 li jħeġġeġ dibattitu tal-UE dwar il-koeżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7–0129/2010),

A.  billi, wieħed iżomm f'moħħu li l-għan finali tal-politika ta' koeżjoni huwa li jitnaqqas id-distakk bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-limitu sa fejn ir-reġjuni l-inqas favoriti u l-gżejjer (inklużi ż-żoni rurali) qed jaqgħu lura, mill-2007 r-regolamenti tal-Fondi Strutturali jinkludu l-għoti obbligatorju ta' flus għall-objettivi ta' Lisbona għall-UE15 u mekkaniżmu simili għall-għoti mhux obbligatorju ġie applikat b'mod volontarju mill-UE12, b'tali mod li r-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni jappellaw għall-Istati Membri u r-reġjuni, it-tkabbir u l-impjiegi,

B.  billi - b'mod partikolari matul ir-reċessjoni attwali - il-politika ta' koeżjoni hija waħda mill-istrumenti ewlenin biex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi fl-UE minħabba, fost affarijiet oħra, l-ammont stabbli tagħha ta' fondi għal programmi u politiki ta' żvilupp fuq tul ta' żmien twil, is-sistema ta' mmaniġġjar deċentralizzata applikata u l-inklużjoni ta' prijoritajiet ta' żvilupp sostenibbli Komunitarji fost l-objettivi fundamentali tagħha,

C.  billi żewġ terzi tal-investiment tas-settur pubbliku madwar l-UE ġej mil-livelli reġjonali u lokali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali spiss jikkonċentraw kompetenzi sostanzjali tal-politika u huma atturi ewlenin fit-twassil kemm tal-Istrateġija attwali ta' Lisbona kif ukoll tal-Istrateġija futura tal-UE2020,

D.  billi l-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġija UE 2020 għandhom jiġu integrati minħabba li l-politika ta' koeżjoni hija inkluża fit-Trattat ta' Lisbona sabiex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjieg, li huma l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija,

E.  billi l-istrateġija proposta UE2020, simili għall-Istrateġija ta' Lisbona, ma tirriflettix b'mod suffiċjenti l-livelli ta' żvilupp differenti ta' reġjuni u Stati Membri u għalhekk ma tenfasizzax biżżejjed il-koeżjoni ekonomika fl-UE mkabbra,

Il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġija ta' Lisbona

1.  Josserva li fl-allokazzjonijiet tal-programm għall-2007-2013 madwar €228 biljun ġew assenjati matul il-perjodu ta' 7 snin għall-prijoritajiet ta' Lisbona; jindika li l-allokazzjonijiet inġenerali, fl-UE12 ukoll, marru “l bogħod mill-persentaġġi suġġeriti;

2.  Jinnota li l-allokazzjonijiet ivarjaw ħafna madwar l-Istati Membri u fost l-Objettivi; jenfasizza li m'hemmx politika waħda li tgħodd għall-oqsma kollha u li tentattiv bħal dan iwassal għal nuqqas ta' sjieda u identifikazzjoni bi kwalunkwe strateġija għat-tkabbir u jirriżulta fl-implimentazzjoni fqira tagħha;

3.  Ifakkar li diġà fil-perjodu 2000-2006, minkejja l-assenza ta' mekkaniżmu ta' assenjazzjoni, ir-rabta bejn il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġija ta' Lisbona kienet b'saħħitha b'€10.2 biljuni investiti fir-riċerka u l-innovazzjoni;

4.  Huwa tal-fehma li l-Istrateġija ta' Lisbona oriġinali, ibbażata biss fuq il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, strutturalment ma kienx possibbli li jinkisbu l-miri msemmija u li kien biss meta kienet marbuta mal-Politika ta' Koeżjoni li ntlaħqu riżultati veri; jisħaq li dan l-iżball għandu jiġi evitat fl-istrateġija proposta UE 2020;

5.  Jiddispjaċih li minħabba d-dewmien għall-bidu tal-programmi u n-nuqqas sussegwenti ta' data dwar l-infiq, il-korrispondenza bejn l-allokazzjonijiet tal-programm u n-nefqa proprja ma tistax tiġi verifikata f'dan l-istadju, u lanqas hu possibbli li jiġi evalwat jekk l-investimenti ta' Lisbona humiex affidabbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' programmar f'pajjiżi inqas avvanzati; jilqa' l-pubblikazzjoni tar-rapport strateġiku tal-Kummissjoni u jitlob li dibattitu interistituzzjonali ta' livell għoli jsir fuq din il-bażi biex janalizza l-kontribuzzjoni tal-politika ta' koeżjoni għall-objettivi ta' Lisbona u biex jevalwa interrelazzjonijiet futuri;

6.  Jikkritika n-nuqqas ta' evalwazzjoni ġenerali tal-impatt tan-nefqa ta' koeżjoni dwar l-iżvilupp reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt territorjali tal-assenjazzjoni ta' Fondi Strutturali għall-Istrateġija ta' Lisbona u biex tevalwa jekk din is-sistema hijiex verament qiegħda tikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali bilanċjat u koerenti;

7.  Jirrikonoxxi li evalwazzjoni effettiva għandha tkun ibbażata fuq indikaturi li jippermettu t-tqabbil tad-data u l-aggregazzjoni fost ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħejji proposta għall-indikaturi tal-evalwazzjoni qabel l-2012 sabiex tipprovdi l-mezzi biex tkejjel ir-riżultat tal-impatt kif ukoll fir-rigward tal-kwantità u l-kwalità u biex tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

8.  Jiddispjaċih li, filwaqt li l-objettivi ewlenin tal-Aġenda ta' Lisbona inizjalment inkludew it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, it-tnedija mill-ġdid tal-Istrateġija fl-2005 ppreżentat programm anqas ambizzjuż;

9.  Jikkunsidra l-governanza dgħajfa f'ħafna livelli bħala waħda mil-limiti ewlenin tal-Istrateġija ta' Lisbona, bl-involviment insuffiċjenti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-soċjetà ċivili fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-komunikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija; jirrakkomanda l-integrazzjoni qawwija tagħhom fil-futur fl-istadji kollha;

10.  Jenfasizza li meta l-prinċipju ta' sħubija ġie applikat fl-Istrateġija ta' Lisbona, żied is-sens ta' approprjazzjoni tal-objettivi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll mill-partijiet ekonomiċi u soċjali interessati, u sostenibilità ogħla żgurata tal-intervenzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija fl-Istati Membri b'mod aktar effikaċi;

11.  Jinnota li r-reġjuni u l-ibliet tal-Ewropa jiżvolġu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona, minħabba li huma atturi ewlenin fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-politika ta' edukazzjoni; jindika li huma jimplimentaw aktar minn terz tal-investiment pubbliku kollu fl-UE u kulma jmur qed jiffikuaw aktar l-infiq tal-Fond Strutturali fuq it-tkabbir – u l-objettivi relatati mal-impjiegi;

12.  Jindika li l-livell reġjonali u b'mod partikolari dak lokali għandu rwol kruċjali x'jilgħab bħala l-magna biex tilħaq atturi ekonomiċi u soċjali numerużi li jgħixu u jipproduċu fl-Ewropa, partikolarment l-SMEs, u dawk li jrawmu l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

13.  Jiddispjaċih dwar is-sinerġiji dgħajfin li jeżistu bejn l-Oqsfa ta' Referenza Strateġika Nazzjonali u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma skont l-istrateġija; jirrakkomanda djalogu aktar b'saħħtu u regolari fil-livelli kollha, inkluż il-livell Komunitarju, bejn amministrazzjonijiet responsabbli mill-politika ta' koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Lisbona/UE2020 u l-isħab relevanti mill-kumitat tal-monitoraġġ;

14.  Japprezza li r-riżultati li saru sa issa permezz tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja u l-koperazzjoni mal-BEI fit-trawwim tal-innovazzjoni u r-riċerka permezz ta' forom rinnovabbli ta' finanzjament u jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet bejn l-istrument ta' finanzjament tal-UE u l-istrumenti ta' finanzjament tal-BEI; jirrikonoxxi l-potenzjal għall-ingranaġġ għal investimenti u jitlob għat-tisħiħ tagħhom b'mod speċjali fir-rigward ta' JEREMIE u JESSICA biex jiżguraw appoġġ aħjar għan-negozji u l-SMEs; jirrakkomanda li r-regoli li jiggvernaw dawn l-istrumenti ikunu simplifikati biex jippermettu użu akbar mill-benefiċjarji;

Il-Politika ta' Koeżjoni u l-UE2020

15.  Jilqa' d-dibattitu dwar l-istrateġija UE2020; jenfasizza n-natura ta' din l-istrateġija fuq medda twila ta' żmien li għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet qafas għal tkabbir stabbli u ħolqien ta' impjiegi fl-Ewropa u tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli, u jaqbel mal-prijoritajiet definiti; jisħaq fuq il-bżonn li jiġi żviluppat b'mod sussegwenti approċċ ta' governanza fuq ħafna livelli għall-koeżjoni territorjali li tant hemm bżonnha fl-Ewropa;

16.  Jiddispjaċih li din l-istrateġija ġiet proposta qabel it-tlestija tar-reviżjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona attwali; Jirrakkomanda bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tipprepara evalwazzjoni onesta tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona; Jenfasizza li r-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport parlamentari għandhom jiġu inklużi fil-verżjoni finali tal-istrateġija l-ġdida;

17.  Jitlob għall-bżonn li tiġi żgurata infrastruttura effiċjenti u estensiva billi jiġu mmodernizzati s-sistemi ta' trasport, jiġu introdotti arranġamenti ta' trasport li ma jħammġux, li jitjieb b'mod kwalitattiv l-aċċess għall-ilma u d-dranaġġ u s-sistemi ta' mmaniġġjar tal-iskart, billi jiġi introdott immaniġġjar ambjentali effettiv, u billi jiġi żgurat l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali u enerġiji rinnovabbli, bil-għan li jkun hemm żvilupp ekonomiku u koeżjoni soċjali mtejba;

18.  Iħeġġeġ lill-UE tadotta dispożizzjonijiet speċfiċi u tieħu azzjoni xierqa biex tilħaq il-ħtiġijiet speċjali ta' reġjuni kkaratterizzati minn nuqqasijiet naturali jew demografiċi ta' natura serja u permanenti, bħal ma huma reġjuni kostali, gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni transkonfinali u l-aktar imbiegħda, fid-dawl tal-bażi legali għall-koeżjoni territorjali li jipprovdi t-Trattat ta' Lisbona l-ġdid;

19.  Japprezza li d-dimensjoni soċjali hija kkunsidrata fil-proposta, iżda jenfasizza li l-pilastru ekonomiku għandu r-rwol ċentrali f'termini ta' ħolqien tax-xogħol u għalhekk huwa importanti li jitlesta s-Suq Intern ħieles, miftuħ u funzjonali li jippermetti lin-negozji jirreaġixxu mal-flessibilità ta' tendenzi makroekonomiċi; jenfasizza li l-kriżi riċenti wriet li l-ebda strateġija għat-tkabbir ma tista' tittraskura l-objettivi tal-protezzjoni soċjali, l-aċċess għas-servizzi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u l-ħolqien ta' xogħlijiet ta' kwalità;

20.  Jilqa' t-talba għal impjiegi aktar sostenibbli u intelliġenti, iżda jagħraf li mudell ġdid ekonomiku jista' jwassal għal distribuzzjoni mhux ugwali tal-ispejjeż u l-benefiċċji fost Stati Membri u reġjuni individwali, u għalhekk biex jipprevjeni dan milli jseħħ, jitlob lill-Unjoni tieħu r-responsabilità u tidentifika oqsma ewlenin tal-azzjoni fejn skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà l-intervent fil-livell Ewropew huwa l-aktar xieraq biex jinkisbu l-aqwa riżultati għal kulħadd;

21.  Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni huma strumenti ewlenin għall-iżvilupp tal-UE u biex ikunu jistgħu jagħmluha aktar kompetittiva quddiem sfidi globali; huwa tal-opinjoni li għandu jkun hemm investiment regolari f'dawn l-oqsma kif ukoll evalwazzjoni regolari tal-progress li sar fuq bażi tar-riżultati li nkisbu; f'dan ir-rigward jappella għal koordinazzjoni aħjar tal-Fondi Strutturali u l-Programm ta' Qafas biex ikabbru l-benefiċċji tal-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-futur u għall-iżvilupp ta' gruppi innovattivi reġjonali fl-Istati Membri u bejniethom;

22.  Jinsab konvint li l-edukazzjoni u t-taħriġ huma prekundizzjonijiet fundamentali għall-iżvilupp tal-UE u biex ikunu jistgħu jagħmluha aktar kompetittiva quddiem sfidi globali; jemmen li l-investiment irid jiġi żgurat f'dan il-qasam b'mod regolari u li l-progress tal-objettivi jrid jiġi valutat regolarment;

23.  Jirrikonoxxi li l-istruttura stabbilita ta' oġġetti fil-politiki strutturali taw prova li kien hemm suċċess waqt l-ewwel snin tagħha; jappella f'ġieħ l-affidabilità tal-ippjanar għall-kontinwazzjoni ta' din l-istruttura kif ukoll għall-kontinwazzjoni tal-prinċipju ta' mmaniġġjar maqsum; jirrikonoxxi li jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' aġġustament tal-kontenut oġġettiv għal adattament għall-miri tal-2020;

24.  Jinnota li n-nuqqasijiet infrastrutturali, partikolarment f'reġjuni rurali, xorta jvarjaw b'mod konsiderevoli madwar l-Ewropa li jibblokkjaw it-tkabbir potenzjali tagħha u l-funzjonament bla xkiel tas-Suq Intern; jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni transkonfinali f'dan ir-rigward u jemmen li jeħtieġ li tinħoloq sitwazzjoni verament bl-istess kondizzjonijiet fit-trasport, l-enerġija, it-telekomunikazzjonijiet u l-infrastruttura tal-IT, u għandha tiġi inkluża fl-istrateġija u tkompli tkun parti essenzjali tal-politika ta' koeżjoni;

25.  Jirrikonoxxi li l-Baġit tal-UE għandu jilgħab rwol ċentrali biex jinkisbu l-miri tal-UE 2020; jikkunsidra li l-politika ta' koeżjoni, minħabba l-fokus strateġiku tagħha, il-kundizzjonalità b'saħħitha u li torbot, l-interventi magħmula bil-qies, u l-monitoraġġ u l-għajnuna teknika, hija mekkaniżmu effiċjenti u effettiv għat-twassil tal-istrateġija UE2020;

26.  Jinnota li, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal broadband, jeżistu defiċits kbar f'żoni rurali, li għandhom jingħelbu skont l-objettiv imsemmi fl-Aġenda Diġitali, biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli ta' dawn ir-reġjuni;

27.  Jilqa' r-rikonoxximent tar-rwol tal-Fondi Strutturali fit-twassil tal-miri UE2020; madankollu jenfasizza, li l-politika ta' koeżjoni mhijiex sempliċiment is-sors ta' allokazzjonijiet finanzjarji stabbli, iżda hi strument qawwi għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kollha tal-Ewropa. Il-miri ewlenin tagħha – li jegħlbu n-nuqqas ta' qbil bejn ir-reġjuni u jintroduċu koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali reali fl-Ewropa, u prinċipji - approċċ integrat, governanza fuq ħafna livelli u sħubija reali - huma l-elementi prinċipali kumplimentari għas-suċċess tal-istrateġija u għandhom ikunu kkoordinati magħha;

28.  Jenfasizza li politika ta' koeżjoni b'saħħitha u ffinanzjata sew, li tiġbor fiha r-reġjuni Ewropej kollha, għandha tkun element ewlieni għall-Istrateġija UE2020; jemmen li din il-politika, bl-approċċ orizzontali tagħha, hija prekundizzjoni fundamentali għat-twassil b'suċċess tal-miri UE2020, kif ukoll għal ksib ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jirrifjuta kull tentattiv biex din il-politika ta' koeżjoni tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid u jitlob għad-dimensjoni reġjonali biex tkun appoġġjata bis-sħiħ fir-reviżjoni tal-baġit tal-UE;

29.  Jenfasizza li d-definizzjoni fil-ħin ta' mekkaniżmi ta' twassil hija ta' importanza kbira għas-suċċess tal-Istrateġija UE 2020;

30.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni mhijiex subordinata għall-Istrateġija UE2020; jenfasizza li filwaqt li l-prijoritajiet tal-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu konformi mal-objettivi tal-UE2020, għandha tkun permessa biżżejjed flessibilità biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet reġjonali u tappoġġja r-reġjuni anqas b'saħħithom u l-aktar li għandhom bżonn biex jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi tagħhom, nuqqasijiet naturali u jnaqqsu n-nuqqas ta' qbil;

31.  Jitlob għal sistema ta' governanza mtejba fl-Istrateġija UE2020 meta mqabbla mal-Istrateġija ta' Lisbona; jirrakkomanda t-tfassil u l-implimentazzjoni, filwaqt li jintużaw il-fondi ta' Koeżjoni u dawk strutturali, skont il-prinċipju ta' governanza fuq ħafna livelli sabiex jiżgura involviment akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li dan l-involviment jaf jinkludi l-adozzjoni ta' ftehimiet ta' governanza fuq ħafna livelli;

32.  Jikkunsidra li l-istrateġija tal-UE2020 għandha tkun parti integrali fil-ksib tal-mira ta' koeżjoni territorjali, inkluża bħala objettiv ġdid fit-Trattat ta' Lisbona; jemmen li l-inizjattivi lokali għal koperazzjoni transkonfinali joffru potenzjal għal koeżjoni territorjali li għadha ma ġietx sfruttata biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-proposti tagħha tistabbilixxi r-rwol tal-istrateġiji tal-makroreġjuni f'aktar dettall għall-arranġamenti ta' koperazzjoni territorjali futuri;

33.  Jindika li dimensjoni territorjali aktar b'saħħitha tal-istrateġija, li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet u l-livelli differenti tal-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej, bl-involviment dirett tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba kif imsemmija fir-Regolament dwar il-Fondi Strutturali fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi relevanti, twassal għal sens akbar ta' approprijazzjoni tal-miri tiegħu fil-livelli kollha u tiżgura għarfien aħjar tal-objettivi u r-riżultati fir-realtà; jemmen, barra minn hekk, li r-reġjuni jeħtieġu jiġu appoġġjati kontinwament billi jiġu żviluppati strumenti finanzjarji innovattivi biex b'hekk jinżamm ir-rwol tagħhom biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Lisbona;

34.  Jenfasizza l-importanza ta' għarfien bażiku, kemm lokalment u b'mod reġjonali, għall-objettivi tal-IstrateġijaUE2020; minn dan il-lat, iqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata d-dispożizzjoni ta' statistiċi konġunti, kif ukoll titkejjel il-kapaċià fir-rigward tal-indikaturi, kemm fil-livell reġjonali u lokali;

35.  Jindika li r-rwol prinċipali tal-ibliet fil-ksib tal-miri UE2020; iħeġġeġ li l-esperjenza u l-kontribuzzjoni tagħhom jiġu kkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet UE2020, b'mod partikolari fir-rigward ta' tibdil fil-klima, fl-integrazzjoni soċjali u fid-demografija u investimenti fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, fl-enerġija, fit-trasport, fil-ġestjoni tal-ilma, fil-kura tas-saħħa, fis-sigurtà pubblika eċċ; jaqbel mal-konklużjonijiet abbozzati tal-Kunsill li r-reġjuni għandhom ikunu involuti fl-istrateġiji tal-impjiegi u tat-tkabbir fil-futur; jissuġġerixxi li, minħabba li kull strateġija f'dan il-qasam għandha tiġi eżegwita f'koperazzjoni mar-reġjuni u l-ibliet, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iqisu l-parir tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija UE 2020;

36.  Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti għall-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki settorali eżistenti skont approċċ integrat; jirrakkomanda razzjonalizzazzjoni tal-objettivi, strumenti u proċeduri amministrattivi tal-programmi u allinjament tat-tul ta' żmien tal-programm ta' dawn il-politiki;

37.  Jemmen, madankollu, li l-Unjoni għandha tkompli tuża bħala l-mekkaniżmi ta' finanzjament ewlenin, il-Fond ta' Koeżjoni u l-fondi struturali, li għandhom metodi ta' twassil operazzjonali stabbiliti ħafna; iqis li m'hemmx bżonn jinħolqu fondi tematiċi separati ġodda biex jiġu indirizzati l-miri UE2020 u minflok jaħseb li għandhom jiġu inklużi fil-politika ta' koeżjoni u dik ta' żvilupp rurali;

38.  Jirrakkomanda l-adozzjoni ta' approċċ simplifikat għall-użu tal-Fondi Strutturali fil-qafas regolatorju tal-futur; jenfasizza li l-armonizzazzjoni tar-regoli u proċeduri kif ukoll l-attenzjoni mogħtija lill-mudelli tal-aħjar prattika jistgħu jwasslu għal sistemi simplifikati ta' twassil u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni minn benefatturi potenzjali fi programmi kofinanzjati tal-UE;

39.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq reviżjoni annwali tal-prijoritajiet tal-Istrateġija UE-2020, fuq bażi tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tagħha u tqis kwalunkwe tibdil fil-kundizzjonijiet kif previsti mill-bidu u l-identifikazzjoni ta' prijoritajiet ġodda bħala dawk marbuta mill-qrib ma' bidliet ta' natura permanenti fil-livell lokali, reġjonali u globali;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament, kemm jista' jkun malajr, programm ta' ħidma strutturat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u, fil-futur, evalwazzjonijiet ta' implimentazzjonijiet ċari; barra minn hekk jappella għal dokument ta' ħidma ċar li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn il-politika tal-Istrateġija u tal-Koeżjoni;

41.  Jikkunsidra li l-Kumitat tar-Reġjuni, permezz tal-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Lisbona, għandha tkompli timmoniterja l-progress fuq bażi tal-istrateġija futura UE2020 u li l-Istati Membri għandhom jintalbu jirrappurtaw kull sena, f'manjiera strutturata, fuq il-progress li sar;

o
o   o

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(2) ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
(3) Testi adottati, P6_TA(2009)0165.

Avviż legali - Politika tal-privatezza