Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar il-ħtieġa ta' strateġija Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar (2009/2216(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nofsinhar tal-Kawkasu, inklużi r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP)(1), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika aktar effettiva għan-Nofsinhar tal-Kawkasu(2) u dwar Approċċ ta' Politika Reġjonali dwar il-Baħar l-Iswed(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni riċenti tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Ażerbajġan: il-liberta' tal-espressjoni(4) tat-3 ta' September 2008 dwar il-Ġeorġja(5); tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar id-Deterjorazzjoni tas-Sitwazzjoni fil-Ġeorġja(6); u tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Armenja(7),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2008 dwar is-Sħubija tal-Lvant (COM(2008)0823),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit dwar is-Sħubija tal-Lvant li sar fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,
– wara li kkunsidra l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat adottati mal-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI), li hu marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP,
– wara li kkunsidra r-Rapporti ta' Progress ENPI dwar l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Georġja adottati mill-Kummissjoni fit-23 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra d-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiżi 2007-2013 u l-Programmi Indikattivi Nazzjonali 2007-2010 taħt l-ENPI għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra r-Reviżjoni Intermedja tad-Dokumenti ta' Programmar tal-ENPI għall-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Sħubija u Koperazzjoni milħuqa mal-Armenja, mal-Ażerbajġan u mal-Ġeorġja,
– wara li kkunsidra r-rapporti ta' monitoraġġ rilevanti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali ta' Tfittxija tal-Fatti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja, li ġie ppubblikat fit-30 ta' Settembru 2009 (ir-Rapport Tagliavini),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0123/2010),
A. billi fil-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tat-8 Diċembru 2009 l-UE affermat mill-ġdid l-intenzjoni tagħha li tippromwovi l-istabbiltà, il-koperazzjoni, il-prosperità u l-governanza tajba mal-Kawkasu tan-Nofsinhar kollu, inkluż permezz ta' programmi ta' assistenza teknika,
B. billi minħabba l-gwerra fil-Ġeorġja ta' Awwissu 2008, tal-intervent ta' suċċess mill-UE biex jintlaħaq ftehim ta' waqfien mill-ġlied u tal-ħtieġa kbira għal aktar impenn li segwew wara dawn l-iżviluppi, l-UE saret attur sinifikanti għas-sigurtà fir-reġjun, billi bagħtet il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE, bit-tnedija ta' programm ta' assistenza ta' wara l-gwerra u billi nediet missjoni ta' inkjesta dwar il-kawżi u l-andament tal-gwerra,
C. billi fl-2009 rajna l-intensifikazzjoni tan-negozjati għas-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno Karabakh immexxija mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) tal-Grupp ta' Minsk,
D. billi persuni li kienu spostati bil-forza miz-zoni tal-kunflitt fin-Nofsinhar tal-Kawkasu għadhom miċħuda mid-dritt li jerġgħu lura lejn djarhom; billi minkejja li t-tliet pajjiżi bdew programmi għall-integrazzjoni lokali tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament (IDPs) tagħhom, xorta għadhom iħabbtu wiċċhom ma' diversi diffikultajiet li qed ifixklu s-suċċess tagħhom; billi r-refuġjati u l-persuni spostati internament ma għandhomx jintużaw mill-awtoritajiet ikkonċernati bħala strumenti politiċi fil-kunflitti,
E. billi l-iffirmar mill-Armenja u mit-Turkija f'Ottubru 2009 tal-protokolli dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi u dwar il-ftuħ tal-fruntiera komuni tagħhom kienu passi promettenti, iżda r-ratifika tal-ftehim ma saritx,
F. billi l-kunflitti staġnati huwa impediment għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u jfixklu t-titjib fil-livell tal-għajxien tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu kif ukoll l-iżvilupp sħiħ tas-Sħubija tal-Lvant tal-ENP; billi riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti hija essenzjali għall-istabilità fil-Viċinat tal-UE; billi għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu identifikati oqsma komuni ta' interess li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali u l-opportunitajiet ta' żvilupp,
G. billi l-UE tirrispetta l-prinċipji ta' sovranità u integrità territorjali fir-relazzjonijiet tagħha mal-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu,
H. billi s-Sħubija tal-Lvant toħloq possibbiltajiet ġodda għall-approfondiment tar-relazzjonijiet bilaterali u tintroduċi wkoll il-koperazzjoni multilaterali,
I. billi s-Sħubija tal-Lvant timmira li tħaffef ir-riformi, l-approssimazzjoni legali u l-integrazzjoni ekonomika, u li tagħti għajnuna tanġibbli għall-konsolidazzjoni tal-istatus ta' stat u integrità territorjali ta' pajjiżi sħab, hija bbażata fuq il-prinċipji tal-kundizzjonalità, id-divrenzjar u s-sjieda konġunta u tipprevedi n-negozjar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni ġodda, li ser jeħtieġu l-qbil tal-Parlament Ewropew,
J. billi l-Assemblea Parlamentari tal-Viċinat tal-UE (EURONEST) se titwaqqaf b'mod uffiċjali bħala mekkaniżmu multilaterali kruċjali ta' djalogu interparlamentari intensifikat bejn il-Parlament Ewropew u s-sitt isħab tal-Lvant tal-UE, inklużi l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja, bil-ħsieb li jqarrbu aktar lil dawn il-pajjiżi lejn l-UE,
K. billi s-sitwazzjoni fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu titlob politika dejjem iżjed proattiva fl-impenn tal-UE f'dan ir-reġjun, u billi t-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jipprovdu opportunità tajba biex titfassal strateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu,
1. Jikkonferma mill-ġdid li l-objettiv ewlieni tal-UE fir-reġjun huwa li jinkuraġixxi l-iżvilupp tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja lejn stati miftuħa, paċifiċi, stabbli u demokratiċi, li jkunu lesti jistabbilixxu relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien tagħhom u kapaċi jittrasformaw lin-Nofsinhar tal-Kawkasu f'reġjun ta' paċi, stabilità u prosperità sostenibbli, bil-ħsieb li tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-politiki tal-UE; iqis li sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-UE teħtieġ ikollha rwol politiku dejjem aktar attiv, billi bi ftehim mal-pajjiżi tar-reġjun tiżviluppa strateġija li tgħaqqad is-soft power tagħha ma' approċċ sod u li tkun ikkumplimentata b'politiki bilaterali;
Kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti
2. Jenfasizza li l-persistenza tal-istatus quo fil-kunflitti fir-reġjun hija inaċċettabbli u insostenibbli, peress li din tirrappreżenta r-riskji kontinwi li jeskalaw it-tensjonijiet u li jerġgħu jibdew l-ostilitajiet bl-armi; iqis li n-naħat kollha għandhom jaħdmu b'mod attiv biex jinkisbu l-istabilità u l-paċi; jirrakkomanda l-użu ta' programmi u djalogu transkonfinali fost is-soċjetajiet ċivili bħala għodda biex jiġi ttrasformat il-kunflitt u jkun hemm bini ta' fiduċja bejn il-linji ta' separazzjoni; jenfasizza li l-UE għandha sehem importanti x'tikkontribwixxi favur il-kultura ta' djalogu fir-reġjun u fl-iżgurar li jiġu implimentati r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU; inkluża r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU;
3. Jinnota li l-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti kif ukoll id-djalogu bażiku jeħtieġu, inter alia, ir-rikonoxximent tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tal-partijiet u tal-komunitajiet kollha rilevanti, ir-rieda li ssir reviżjoni tal-perċezzjonijiet tal-ġrajjiet tal-imgħoddi u li jintlaħaq fehim komuni dwar dawn il-ġrajjiet, il-volontà li jintgħelbu l-mibegħda u l-biża“, id-dispożizzjoni li jsiru kompromessi dwar pożizzjonijiet massimalisti u li jiġu abbandunati attitudnijiet ta' tpattija u d-dispożizzjoni li jiġu diskussi konċessjonijiet reali, sabiex ikunu jistgħu jiġu kkonsolidati l-istabbiltà u l-prosperità;
4. Jirrimarka l-importanza tal-prevenzjoni tal-kunflitti, inkluż permezz tar-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali kollha, it-tolleranza reliġjuża u l-isforzi biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u ekonomika;
5. Jenfasizza li l-atturi esterni għandhom ir-responsabilità li jużaw is-setgħa u l-influwenza tagħhom b'modi li jkunu konsistenti għalkollox mal-liġi internazzjonali, inkluż mal-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li għand u jkun hemm iżjed koperazzjoni bbilanċjata bejn l-atturi esterni fir-reġjun sabiex jingħata kontribut favur l-ilħiq ta' soluzzjoni paċifika tal-kunflitti; iqis li huwa inaċċettabbli għal kull attur estern li jiġu introdotti kundizzjonijiet għar-rispett lejn is-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati tan-Nofsinhar tal-Kawkasu;
Il-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh
6. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pass dinamiku tan-negozjati dwar il-kunflitt Nagorno-Karabakh li ħareġ fid-dieher permezz tas-sitt laqgħat bejn il-presidenti tal-Armenia u tal-Ażerbajġan li saru matul l-2009 fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni ta' Moska; jistieden lill-partijiet jintensifikaw l-isforzi tat-taħditiet tagħhom tal-paċi ħalli tinstab soluzzjoni fix-xhur li ġejjin, juru attitudni iżjed kostruttiva u jabbandunaw il-preferenzi li jipperpetwaw l-istatus quo li nħoloq bil-forza u bla ebda leġittimità internazzjonali, li permezz tiegħu ġiet ikkaġunata l-instabbiltà u twalet it-tbatija tal-popolazzjonijiet milquta mill-gwerra; jikkundanna l-idea ta' soluzzjoni militari u l-konsegwenzi gravi tal-forza militari li diġà ntużat, u jistieden liż-żewġ naħat jevitaw kwalunkwe ksur tal-waqfien mill-ġlied tal-1994;
7. Jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi ta' medjazzjoni tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE, il-Prinċipji Bażiċi li jinsabu fid-Dokument ta' Madrid u d-dikjarazzjoni mill-pajjiżi tal-Kopresidenza tal-Grupp Minsk tal-OSCE li saret fl-10 ta' Lulju 2009 fil-marġini tas-Summit tal-G8 fl-L'Aquila; jistieden lill-komunità internazzjonali turi kuraġġ u rieda politika ħalli tassisti biex jingħelbu l-bqija tal-punti pendenti li qed ixekklu l-ilħiq ta' ftehim;
8. Huwa mħassab ferm dwar il-fatt li l-mijiet ta' eluf ta' refuġjati u IDPs li ħarbu minn djarhom matul jew minħabba l-gwerra tan-Nagorno-Karabakh għadhom imxerrdin u mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, inkluż mid-dritt tar-ritorn, mid-drittijiet għall-proprjetà u mid-dritt għas-sigurtà personali; jistieden lill-partijiet kollha biex jirrikonoxxu dawn id-drittijiet mingħajr ambigwità u mingħajr kundizzjoniiet, il-ħtieġa li dawn jitwettqu minnufih u l-ħtieġa li malajr kemm jista' jkun tinstab soluzzjoni għal din il-problema li tkun tirrispetta l-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-forzi Armeni jirtiraw minn kull territorju okkupat tal-Ażerbajġan , akkumpanjati mill-forzi internazzjonali li jkunu organizzati b'mod li jirrispetta l-Karta tan-NU sabiex jiġu pprovduti l-garanziji tas-sigurtà meħtieġa f'dan il-perjodu ta' tranżizzjoni, li jiżguraw is-sigurtà tal-popolazzjoni ta' Nagorno-Karabakh u jippermettu li l-persuni spostati jirritornaw lejn djarhom u li jiġu evitati iżjed kunflitti minħabba l-persuni bla dar; jistieden lill-awtoritajiet tal-Armenja u tal-Ażerbajġan u lill-mexxejja tal-komunitajiet rilevanti juru l-impenn tagħhom favur il-ħolqien ta' relazzjonijiet interetniċi paċifiċi permezz ta' tħejjijiet prattiċi għar-ritorn ta' persuni spostati u permezz ta' mezzi oħra; iqis li s-sitwazzjoni tal-IDPs u tar-refuġjati għandha tiġi ttrattata b'konformità mal-istandards internazzjonali, inkluż mar-Rakkomandazzjoni 1877 (2009) tal-PACE, “Il-persuni minsija tal-Ewropa: il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem ta' persuni li ilhom spostati”;
9. Jenfasizza li sforzi reali huma meħtieġa biex iwittu t-triq għal paċi dejjiema; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti kollha jevitaw politiki u retoriki provokattivi, dikjarazzjonijiet infjammatorji u manipulazzjonijiet tal-istorja; jistieden lill-mexxejja tal-Armenja u Ażerbajġan biex jaġixxu b'mod responsabbli, ikunu aktar diskreti fid-diskorsi u jippreparaw il-bażi, hekk li l-opinjoni pubblika taċċetta u tifhem sew il-benefiċċji ta' soluzzjoni komprensiva;
10. Jemmen li l-pożizzjoni li skontha n-Nagorno-Karabakh jinkludi l-artijiet okkupati kollha tal-Ażerbajġan li jinsabu madwar Nagorno-Karabakh għandha tiġi abbandunata malajr; jinnota li l-għoti ta' status temporanju għan-Nagorno-Karabakh jista' joffri soluzzjoni sakemm jiġi stabbilit l-istatus finali u li dan jista' joħloq qafas tranżitorju għall-koeżistenza paċifika u għall-koperazzjoni bejn il-popolazzjonijiet Armeni u Ażerbajġani fir-reġjun;
11. Jenfasizza li s-sigurtà għal kulħadd hija element indispensabbli għal kwalunkwe soluzzjoni; jirrikonoxxi l-importanza ta' arranġamenti adegwati għaż-żamma tal-paċi li jkunu konformi mal-istandards tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem li jinvolvu kemm aspetti militari u kemm aspetti ċivili; jistieden lill-Kunsill jesplora l-possibbiltà li jappoġġa l-proċess ta' paċi b'missjonijiet tal-Politika Komuni ta' Sigurtà u Difiża (PKSD), anke billi jibgħat missjoni kbira ta' monitoraġġ fil-post li tkun tista' tiffaċilita l-ħolqien ta' forza internazzjonali għaż-żamma tal-paċi, wara li tkun instabet soluzzjoni politika;
Ir-rapprochement bejn l-Armenja u t-Turkija
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-protokolli dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Armenja u t-Turkija, li jinkludu l-ftuħ tal-fruntiera komuni; jistieden liż-żewġ naħat jaħtfu din l-opportunità biex itejbu r-relazzjonijiet tagħhom permezz tar-ratifika u tal-implimentazzjoni mingħajr kundizzjonijiet minn qabel u fi żmien raġonevoli; jenfasizza li r-rapprochement bejn l-Armenja u t-Turkija u n-negozjati tal-Grupp ta' Minsk tal-OSCE huma proċessi separati li għandhom jimxu “l quddiem skont ir-razzjonal tagħhom stess; jinnota, madankollu, li progress f'wieħed miż-żewġ proċessi jista” jkollu konsegwenzi wiesgħa u potenzjalment pożittivi ħafna fir-reġjun kollu;
Il-kunflitti fil-Ġeorġja
13. Jinsisti fuq l-appoġġ bla kundizzjoni tiegħu għas-sovranità, għall-integrità territorjali u l-invjolabilità tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tal-Ġeorġja , u jitlob lir-Russja biex tirrispettahom iħeġġeġ lill-awtoritajietĠeorġjani biex jagħmlu aktar sforzi ħalli tinkiseb soluzzjoni għall-kunflitti interni tal-Ġeorġja fl-Abkażja u fin-Nofsinhar tal-Ossezja; jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Tagliavini u jappoġġa l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu; jistenna li l-ħafna informazzjoni ġenerali provduta minn dan ir-Rapport tista' tintuża għal proċeduri legali quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u minn ċittadini individwali rigward ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); jappoġġa l-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ (EUMM) tal-UE; jitlob estensjoni tagħha fit-tul jitlob lir-Russja u l-awtoritajiet de facto tar-reġjuni li jridu jinqatgħu għal rashom tal-Abkażja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja biex jieqfu milli jibblukkaw l-implimentazzjoni tagħha;
14. Jinnota b'sodisfazzjon li l-komunità internazzjonali tirrifjuta b'mod kważi unanimu d-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tan-Nofsinhar tal-Ossezja u tal-Abkazja, jikkundanna r-rikonoxximent mill-Federazzjoni Russa tal-indipendenza tal-Abkażja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja bħala kuntrarju għal-liġi internazzjonali; u jistieden lill-partijiet kollha biex jirrispettaw il-Ftehim tal-Waqfien mill-Ġlied tal-2008 u jiggarantixxu s-sikurezza u l-aċċess ħieles tal-persunal tal-EUMM fil-post, u jistieden lir-Russja tirrispetta l-impenn li ħadet biex tirtira t-truppi tagħha għall-pożizzjonijiet li kienu fiha qabel ma faqqgħet il-gwerra f'Awwissu 2008; jinnota bi tħassib il-ftehim li sar fis-17 ta' Frar 2010 bejn il-Federazzjoni Russa u l-awtoritajiet de facto tal-Abkazja biex tiġi stabbilita bażi militari Russa fl-Abkazja mingħajr il-kunsens tal-Gvern tal-Ġeorġja, u jinnota li ftehim bħal dak huwa kuntradittorju għall-Ftehimiet ta' Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008;
15. Jenfasizza l-importanza tal-protezzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-persuni kollha li għadhom jgħixu f'dawn ir-reġjuni li sseparaw, tal-promozzjoni tar-rispett għad-dritt tal-Ġeorġjani etniċi li jirritornaw f'kundizzjonijiet sikuri u dinjitużi, li jieqaf il-proċess li jsiru passaporti b'mod sfurzat, tal-kisba ta' tnaqqis fil-fruntieri de facto magħluqa u tal-kisba tal-possibbiltà li l-UE u atturi internazzjonali oħrajn jgħinu lill-persuni li qegħdin f'dawn iż-żewġ reġjuni; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm objettivi għal żmien qasir u medju li jkunu identifikati b'mod iżjed ċar f'dan ir-rigward; jinkuraġġixxi lil Ġeorġja tkompli timplementa l-Pjan ta' Azzjoni tagħha għall-IDPs u tgħin lill-IDPs li jinsabu fit-t-territorju tagħha;
16. Jenfasizza l-bżonn li tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-kunflitti bejn il-Ġeorġja u l-Abkazja u bejn il-Ġeorġja u l-Ossezja tan-Nofsinhar u li jiġi żgurat li d-drittijiet u l-interessi tal-popolazzjonijiet kollha involuti jkunu meqjusa ugwalment; jenfasizza l-fatt li l-iżolament tal-Abkazja u tan-Nofsinhar tal-Ossezja huwa kontraproduttiv għas-soluzzjoni tal-kunflitt, u jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tal-Istat dwar it-teħid ta' impenn permezz tal-koperazzjoni li ġiet adottata fis-27 ta' Jannar 2010; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Ġeorġja jikkonsultaw mal-partijiet involuti kollha rigward it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Istrateġija; jenfasizza l-importanza ta' miżuri għall-bini tal-kunfidenza u tal-kuntatti bejn il-popli involuti fil-kunflitt; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-UE tippromwovi proġetti ta' moviment ħieles flimkien ma' Linji Amministrattivi tal-Fruntiera bejn il-popli milquta;
17. Iqis l-importanza kbir tad-diskussjonijiet ta' Ġinevra bħala l-uniku forum li fih in-naħat kollha involuti fil-kunflitt huma rappreżentati u fejn it-tliet atturi internazzjonali ewlenin – l-UE, l-OSCE u n-NU – jaħdmu b'koperazzjoni mill-qrib għas-sigurtà u l-istabilità tar-reġjun; jiddispjaċih li l-potenzjal ta' dan il-forum għadu ma tatx riżultati sostanzjali u li fuq il-linja tal-waqfien mill-ġlied għadhom għaddejjin l-inċidenti minkejja l-ilħuq tat-twaqqif tal-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti; jistieden lill-partijiet jieħdu vantaġġ bis-sħiħ mill-Mekkaniżmu u mill-potenzjal tiegħu sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni (VP/HR) biex tagħmel kull sforz possibbli ħalli tingħata spinta ġdida u friska lil dawn it-taħdidiet bil-ħsieb li tintlaħaq stabilizzazzjoni sodisfaċenti tas-sitwazzjoni u ħalli jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied ta' Awwissu 2008;
Progress fit-triq tad-demokratizzazzjoni u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt
18. Jenfasizza li r-rispett għad-demokratizzazzjoni, għall-governanza tajba, għall-pluraliżmu politiku, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali huwa importanti ħafna sabiex jiġu determinati r-relazzjonijiet ġejjiena tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja mal-UE; jitlob li jsiru sforzi ġodda mill-pajjiżi biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-ENP, u jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tgħinhom f'dawn l-isforzi; huwa mħasseb bil-progress limitat li sar mill-pajjiżi tar-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu f'dan il-qasam, kif jidher fir-rapporti ta' progress tal-2009 tal-Kummissjoni u kif rifless fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa; jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Ġeorġja u l-Armenja, u jistieden lill-Ażerbajġan u l-UE biex jiffinalizzaw id-diskussjonijiet dwar struttura ta' koperazzjoni ekwivalenti;
19. Jenfasizza l-importanza li titkompla l-parteċipazzjoni f'riformi demokratiċi u tar-rwol essenzjali tad-djalogu u tal-koperazzjoni politiċi bħala fatturi kruċjali fl-iżvilupp ta' konsensus nazzjonali; jenfasizza l-importanza li jissaħħu istituzzjonijiet aktar indipendenti, trasparenti u aktar b'saħħithom demokratikament, inklużi l-indipendenza tal-ġudikatura, it-tisħiħ tal-kontroll parlamentari fuq l-eżekuttiv u l-iżgurar tal-bidla demokratika tal-poter, l-appoġġ u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-iżvilupp tal-kuntatti bejn il-popli fil-promozzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; jinnota l-progress kajman fil-proċess tad-demokratizzazzjoni, minkejja l-impenji li saru;
20. Jinnota li l-korruzzjoni għadha mifruxa fir-reġjun u jistieden lill-awtoritajiet iżidu l-miżuri biex jissiltulha, peress li din thedded it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi kkonċernati; għandha tingħata iżjed attenzjoni lill-ġlieda kontra l-monopolji kif ukoll lill-ingaġġ tal-persunal fis-servizz pubbliċi; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-Ġeorġja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
21. Jinnota l-elezzjonijiet li saru dan l-aħħar fil-pajjiżi tar-reġjun; u jenfasizza l-importanza ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti li jsiru skont l-impenji u l-istandards internazzjonali u l-ħtieġa li dawn il-pajjiżi jagħmlu sforzi ulterjuri biex jadottaw u jimplimentaw riformi ħalli jilħqu dawn l-istandards, inkluż bil-ħsieb li jissaħħu l-mekkaniżmi tal-kontroll ta' wara l-elezzjoni u jkun żgurat li jkun hemm stħarriġ u responsabbilità xierqa fir-rigward ta' kull inċident vjolenti li jiġri wara l-elezzjoni; jenfasizza r-rwol tal-UE fl-għoti ta' għajnuna teknika u fl-iżgurar li jkun hemm monitoraġġ internazzjonali u indipendenti tal-elezzjonijiet; jikkonferma l-pożizzjoni li l-UE ma tirrikonoxxix il-qafas kostituzzjonali u legali li fih isiru l-elezzjonijiet fit-territorji mifrudin u jiddefendi d-drittijiet politiċi tal-persuni spostati;
22. Iqis li l-libertà tal-espressjoni hija dritt u prinċipju fundamentali u li r-rwol tal-midja huwa essenzjali, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-midja tkun libera u indipendenti; huwa imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà tal-espressjoni u dwar in-nuqqas ta' pluraliżmu tal-midja fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, u jistieden lill-awtoritajiet biex jiżgurawhom it-tnejn; jiddeplora l-atti ta' fastidju u ta' intimidazzjoni li qed isru b'mod kontinwi fuq il-professjonisti tal-midja, u l-attakki, it-tortura u t-trattament ħażin tal-ġurnalisti; iqis li jeħtieġ li l-prinċipji u l-mekkaniżmi awto-regolatorji - li huma element importanti tal-libertà tal-kelma - ikunu mtejba u msaħħa minn korpi professjonali kompetenti;
–
huwa mħasseb dwar l-attakki li saru fuq il-ġurnalisti fl-Armenja u b'mod partikulari dwar id-detenzjoni kontinwa tal-attivist u ġurnalist tal-oppożizzjoni Nikol Pashinian, minkejja l-amnestija tat-18 Ġunju 2009;
–
għadu mħasseb dwar id-deterjorazzjoni tal-klima tal-midja fl-Ażerbajġan; filwaqt li jilqa' b'sodisfazzjon il-maħfra Presidenzjali lil 99 priġunier li ngħatat fil-25 ta' Diċembru 2009, u lil 62 priġunier fis-17 ta' Marzu 2010, jikkundanna d-detenzjoni u l-għoti tas-sentenza lil żewġ attivisti u bloggejja żgħażagħ Emin Milli u Adnan Hajizade;
–
għaldaqstant jitlob li huma jinħelsu; jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani jiċċaraw is-sitwazzjoni rigward is-sjieda tal-midja u l-għoti tal-liċenzji tal-midja; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Parlament Ġeorġjan biex jkabbar il-Bord tax-Xandir Pubbliku ħalli jinkludi aktar rappreżentanti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili u jistenna li jara r-riżultati f'dan ir-rigward;
23. Huwa tal-fehma li għandha tkun iggarantita l-libertà tas-sħubija, peress li din hija essenzjali fl-iżvilupp ta' soċjetà libera, demokratika u vibranti; huwa jinnota bi tħassib id-diffikultajiet, diretti u indiretti, li qed tiffaċċja s-soċjetà ċivili biex torganizza ruħha, u jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni ta' liġijiet u prattiki li b'mod indirett jistgħu jillimitaw il-libertà tas-sħubija, inkluż il-fastidju amministrattiv dwar kwistjonijiet fiskali; jenfasizza r-rwol importanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-proċessi tad-demokratizzazzjoni, tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni fir-reġjun;
24. Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun biex jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-UE u l-Assemblea Parlamentari (EURONEST) u biex jużaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħha bħala qafas għall-iskambji multilaterali u bilaterali ta' fehmiet, kif ukoll għall-approsimazzjoni leġiżlattiva lejn l-istandards tal-UE u l-iskrutinju parlamentari fuq ir-riformi demokratiċi; f'dan ir-rigward jinnota li d-djalogu intensifikat bejn il-membri tal-parlament tal-pajjiżi fir-reġjun huwa fattur kruċjali; jittama li dan jista' joħloq qafas għal laqgħat bilaterali bejn il-membri tal-parlamenti tal-Armenja u l-Ażerbajġan sabiex jibdew djalogu parlamentari, fil-preżenza ta' membri tal-Parlament Ewropew; jappella lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE interessati u lill-Parlament Ewropew biex isaħħu l-koperazzjoni parlamentari mal-parlamenti tar-reġjun sabiex isaħħu r-rwol u l-kapaċitajiet tagġhom fit-tfassil tal-politika;
Il-kwistjonijiet ekonomiċi u l-iżvilupp soċjali
25. Huwa tal-fehma li koperazzjoni usa' f'livell reġjonali u mal-UE f'setturi bħall-ekonomija, it-trasport, l-enerġija u l-ambjent hija essenzjali biex dawn is-setturi jiżviluppaw bl-aqwa mod possibbli u biex tiġi żgurata l-istabilità fir-reġjun, iżda jemmen ukoll li l-koperazzjoni għandha tinkludi wkoll il-bini tal-kapital uman fir-reġjun kollu bħala investiment fit-tul; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li t-tliet pajjiżi qed jibbenefikaw mis-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, tal-UE, u jinnota li dawn jikkwalifikaw kollha kemm huma għall-GSP+ għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba; jinnota li l-koperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-pulizija u tal-ġudikatura u l-istabbiliment ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri huma essenzjali biex issir iżjed promozzjoni tal-mobilità fir-reġjun u lejn l-UE; jikkundanna l-fatt li l-implimentazzjoni ta' proġetti reġjonali bl-involvimrnt tat-tliet pajjiżi kollha għadha mxekkla bil-persistenza ta' kunflitti mhux riżolti;
26. Jenfasizza l-importanza tal-bini ta' klima favorevoli għan-negozju u l-iżvilupp tas-settur privat; jinnota li t-tkabbir ekonomiku notevoli tal-Ażerbajġan huwa prinċipalment ibbażat fuq id-dħul miż-żejt u l-gass; jappoġġa l-proċess ta' riforma, li tagħmel l-ekonomija aktar attraenti għall-investituri barranin; jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet Ażerbajġani biex jgħaġġlu n-negozjati dwar id-dħul f-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u jappella lill-Kummissjoni biex tappoġġja aktar lill-Ażerbajġan f'dan il-proċess; jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fir-riformi ekonomiċi fl-Armenja u fil-Ġeorġja; jinnota, madankollu, li l-iżvilupp ekonomiku tal-Armenja u tal-Ġeorġja ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali, u jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ħadet l-UE fl-aħħar tal-2009 li tingħata għajnuna makrofinanzjarja liż-żewġ pajjiżi;
27. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-infiq li qiegħed jiżdied b'rata mgħaġġla fuq il-militar u tad-difiża fil-Kawkasu t'Isfel u dwar l-akkumulazzjoni ta' ħażniet militari; jindika li din il-parti relevanti tal-baġits domestiċi taħli ammont kbir ta' riżorsi finanzjarji li setgħu jintużaw għal kwistjonijiet aktar urġenti bħat-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà soċjali u l-iżvilupp ekonomiku; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jħallux għajnuna makrofinanzjarja tal-UE tiffinanzja indirettament lejn it-tkabbir tal-militar fir-reġjun;
28. Jinnota l-pożizzjoni ġeopolitika strateġika tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u l-importanza dejjem tikber tagħha bħala kuridur ta' enerġija, trasport u komunikazzjoni li jgħaqqad ir-reġjun Kaspju u l-Asja Ċentrali mal-Ewropa; iqisha tal-akbar importanza, għalhekk, li l-koperazzjoni bejn l-UE u n-Nofsinhar tal-Kawkasu tingħata priorità għolja, mhux anqas f'materji relatati mal-enerġija; jenfasizza li r-rwol tat-tliet pajjiżi huwa essenzjali għat-tranżitu tar-riżorsi tal-enerġija, kif ukoll għad-diversifikazzjoni tal-provvista u r-rotot tal-enerġija tal-UE; f'dan id-dawl, ifakkar għal darb'oħra li l-Unjoni għandha tieħu passi konkreti biex tiżgura l-istabilità politika fir-reġjun; jilqa' b'sodisfazzjon il-volontà tal-Gvernijiet tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja biex ikomplu jagħtu sehem attiv fil-promozzjoni tal-provvista tal-enerġija bbażata fuq is-suq u tad-diversifikazzjoni tat-tranżitu fir-reġjun; jirrakkomanda bil-qawwi li l-pajjiżi involuti u l-Kummissjoni għandhom jinkludu lill-Armenja fi proġetti relevanti ta' trasport u enerġija fir-reġjun;
29. Jirrikonoxxi s-sinifikat tar-reġjun għall-koperazzjoni fl-enerġija u sigurtà tal-enerġija tal-UE speċjalment fil-kuntest ta' żvilupp tal-Kuridur tan-Nofsinhar (pipeline tan-Nabucco); jenfasizza l-importanza tal-approfondiment tas-sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan u jinnota l-valur kbir tar-riżorsi tal-enerġija l-Ażerbajġan u r-rwol essenzjali tagħhom fl-iżvilupp ekonomiku tagħha; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-benefiċċji li jittieħdu mill-isfruttament tar-riżorsi naturali jkunu mqassma b'mod ugwali u investiti fl-iżvilupp tal-pajjiż kollu, sabiex il-pajjiż ikun jista' jilqa' kontra l-konsegwenzi negattivi ta' tnaqqis eventwali fil-produzzjoni taż-żejt; jinnota li l-isħubija bejn ir-Russja u l-Ażerbajġan qiegħda tkompli tintensifika ruħha, b'mod partikulari fis-settur tal-enerġija, u f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Ażerbajġan li jiddiversifika l-ekonomija tiegħu; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fis-settur tal-enerġija f'dan ir-reġjun bħala rekwiżit ewlieni għall-fiduċja tal-investituri, u jfaħħar lill-Ażerbajġan għall-parteċipazzjoni tiegħu fl-Inizjattivia ta' Trasparenza tal-Industriji Estrattivi;
30. Jirrikonoxxi r-rwol vitali tal-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda u ta' kurituri tat-trasport, proġetti li jgħaqqdu l-Baħar Kaspju mar-reġjuni tal-Baħar l-Iswed permezz tal-Kawkasu tan-Nofsinhar jew minnu, kif imsemmi wkoll fil-komunikazzjoni dwar “It-Tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija”; f'dan il-kuntest, jappoġġa l-inizjattivi li ser jagħtu kontribut favur it-twaqqif ta' djalogu aktar b'saħħtu bejn il-produtturi u l-konsumaturi u l-pajjiżi ta' tranżitu, bi skambju ta' kompetenzi dwar sistemi regolatorji tal-enerġija u dwar is-sikurezza tal-leġiżlazzjonijiet fuq il-provvista kif ukoll bi skambju tal-aħjar prattiki, inklużi l-mekkaniżmi ta' trasparenza u solidarjetà u l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija dwar interruzzjonijiet fl-enerġija; jemmen li dan imur id f'id mal-konverġenza tal-oqfsa regolatorji, tal-integrazzjoni tas-suq u tar-reġim mhux diskriminatorju għall-infrastrutturi tat-trasmissjoni transkonfinali;
31. Jenfasizza l-importanza li ssir promozzjoni għal miżuri effiċjenti tal-enerġija, li jsir investiment fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li jiġi żgurat li jiġi ttrattat it-tħassib dwar l-ambjent; jirrikonoxxi li l-ġenerazzjoni tad-diversità fil-provvista hija vitali u tista' tinkiseb biss permezz ta' koperazzjoni msaħħa mal-istati ġirien; hu tal-fehma li ċ-Ċentru Ambjentali Reġjonali għall-Kawkasu għandu jingħata fondi u jkun megħjun b'mod adegwat sabiex ikunu jistgħu jsiru wkoll proġetti transkonfinali li jkunu kredibbli; iqis li l-pjanijiet imħabbra mill-Ażerbajġan biex l-iżvilupp ta' sorsi alternattivi tal-enerġija jsir prijorità tal-gvern huma ta' min ifaħħarhom, u jinkuraġġixxi li jibqgħu jiġu segwiti għanijiet bħal dawn; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Armenja biex tiddiżattiva l-impjant nukleari f'Medzamor, u jinkuraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Armenja biex isibu soluzzjonijiet alternattivi u vijabbli għall-provvista tal-enerġija, kif mitlub mill-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-gvern Ġeorġjan biex jiżviluppa settur tal-idroenerġija u jenfasizza l-bżonn ta' appoġġ mill-UE f'dan ir-rigward;
32. Iqis li l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tad-djalogu soċjali permezz tal-involviment tal-atturi soċjali kollha, il-promozzjoni tal-ugwaljanzi bejn il-ġeneri u tad-drittijiet tan-nisa, l-investiment fl-edukazzjoni u fis-saħħa, l-iżvilupp tal-kapital uman u l-iżgurar ta' livelli xierqa ta' għajxien huma essenzjali sabiex jinbnew soċjetajiet demokratiċi u vibranti; jinnota pożittivament l-adozzjoni mit-tliet pajjiżi tal-programmi rispettivi tagħhom dwar it-tnaqqis tal-faqar u jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;
Lejn strateġija tal-UE
33. Jilqa' b'sodisfazzjon is-Sħubija tal-Lvant u jieħu nota tal-inizjattivi relatati li ġew attivati u tal-laqgħat li saru; jenfasizza li biex issir aktar kredibbli għandha tkun akkumpanjata bi proġetti konkreti u inċentivi adegwati; biħsiebu jkompli jiżviluppa d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità provduta mis-Sħubija tal-Lvant li tqawwi r-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u tal-UE billi jiġu stabbiliti relazzjonijiet kuntrattwali ġodda fil-forma ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni; jenfasizza l-importanza ta' kisbiet prinċipali u standards inkorporati biex jiġu inklużi fid-dokumenti tal-Pjanijiet ta' Azzjoni kurrenti; ifakkar li l-kundizzjonijiet biex jinbdew in-negozjati jridu jinkludu livell suffiċjenti ta' demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna teknika fejn ikun hemm bżonn sabiex tgħin lill-pajjiżi jissodisfaw il-prekundizzjonijiet; jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikulari, il-Programm Komprensiv ta' Bini ta' Istituzzjonijiet offrut mis-Sħubija tal-Lvant bħala għodda innovattiva, speċifikament maħsuba biex tgħin lill-pajjiżi jissodisfaw dawn il-prekundizzjonijiet; jinsisti li l-prerogattiva tal-Parlament Ewropew tkun infurmata minnufih u kollha kemm hi fl-istadji kollha tal-proċess tan-negozjati tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, ukoll ladarba jkollha tagħti l-kunsens tagħha għall-konklużjoni tagħhom; jistenna li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta'Assoċjazzjoni mill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar tal-Kawkasu jgħaġġlu l-proċess ta' integrazzjoni ekonomika u koperazzjoni politika mal-UE;
35. Iqis li l-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP u l-implimentazzjoni tagħhom jikkostitwixxu bażi essenzjali għall-valutazzjoni tar-rispett għall-impenji u l-progress tar-relazzjonijiet bilaterali mal-UE u biex jiġi kkunsidrat it-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-pajjiżi kkonċernati; jinnota l-impenn tal-Armenja u tal-Ġeorġja favur l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP, u jappella lill-Ażerbajġan biex jgħaġġel l-isforzi tiegħu f'dan ir-rigward; huwa tal-fehma li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut f'dan il-proċess; jinnota l-progress differenti magħmul mit-tliet pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP rispettivi; jemmen li n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġodda għandhom iqisu dawn id-differenzi u l-objettivi differenti kif ukoll id-dimensjoni reġjonali u li l-pajjiżi iridu jiġu trattati b'mod ugwali;
36. Hu tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu għandha tiġi msaħħa kif imiss; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-allokazzjoni ta' aktar riżorsi finanzjarji għall-ENPI fi ħdan il-qafas tas-Sħubija tal-Lvant għal programmi ta' żvilupp reġjonali u koperazzjoni multilaterali; jappella lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi sett ta' proġetti reġjonali u transkonfinali u programmi għat-tliet pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu f'oqsma bħat-trasport, l-ambjent, il-kultura u s-soċjetà ċivili, sabiex tipprovdi inċentivi konkreti għal titjib tal-koperazzjoni u bini tal-fiduċja bejn il-partijiet;
37. Ifakkar li l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu huma wkoll parti mill-inizjattiva tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, li ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-imsieħba billi trawwem il-koperazzjoni reġjonali f'ċerti zoni, anke permezz ta' programmi transkonfinali; jenfasizza l-importanza li għandu r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għall-UE, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u speċjalment lill-Viċipresident tal-Kummissjoni/Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, biex jiżviluppaw ideat u strateġiji għal koperazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-pajjiżi tal-Baħar l-Iswed u għat-tkabbir ta' kuntatti mal-Unjoni Ewropea; minħabba dan, jirrakkomanda t-twaqqif ta' struttura istituzzjonalizzata li tieħu s-sura ta' Unjoni tal-Baħar l-Iswed;
38. Isostni li l-pożizzjonijiet tar-Russja, tat-Turkija u tal-Istati Uniti għandhom rwol importanti fis-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jirrimarka li l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant mhux maħsub biex jiżola lir-Russja iżda, għall-kuntrarju, għandu l-ħsieb li jġib il-paċi, l-istabilità u l-progress ekonomiku sostenibbli lill-partijiet kollha konċernati, b'benefiċċji għar-reġjun kollu u għall-pajjiżi ġirien;
Kwistjonijiet ta' sigurtà u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti
39. Jemmen li l-għoti ta' appoġġ favur il-proċessi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti huwa kruċjali, u jemmen ukoll li l-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tappoġġa l-bini tal-fiduċja, ir-rikostruzzjoni u r-rijabilitazzjoni u li għandha l-possibilità li tgħin lill-komunitajiet milquta biex jinvolu ruħhom; f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' spazji għal impenn ċiviku mhux biss bejn il-mexxejja iżda wkoll bejn l-organizzazzjonijiet ċiviċi huwa tal-akbar importanza; barra minn dan, iqis li huwa essenzjali li jinżamm livell għoli ta' attenzjoni internazzjonali fuq il-kunflitti fir-reġjun biex jiġi żgurat li dawn jinħallu malajr; jirrikonoxxi li l-koperazzjoni reġjonali hija kundizzjoni meħtieġa għall-bini ta' fiduċja u għat-tisħiħ tas-sigurtà skond il-prijoritajiet tal-ENP; jappella lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fid-direzzjoni tas-Sħubija tal-Lvant lejn koperazzjoni multilaterali mingħajr ma jorbtuha mas-soluzzjoni finali tal-kunflitti;
40. Jenfasizza l-potenzjal perikoluż għal tixrid ta' kunflitti staġnati fir-reġjun; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda t-tlaqqigħ ta' Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Koperazzjoni fin-Nofsinhar tal-Kawkasu, li tħaddan il-pajjiżi konċernati u l-atturi relevanti reġjonali u globali, bil-ħsieb li jiġi żviluppat Patt ta' Stabilità għan-Nofsinhar tal-Kawkasu;
41. Jieħu nota tal-involviment attwali tal-UE fil-proċessi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun, u jemmen li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona jiġġustifika rwol aktar prominenti għall-UE; jappoġġja bis-sħiħ ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE (EUSR) għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, is-Sur Peter Semneby; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Missjoni ta' Monitoraġġ (EUMM) fil-Ġeorġja u jistieden lill-UE biex tieħu azzjoni iżjed b'saħħitha ħalli tikkonvinċi lir-Russja u lill-awtoritajiet de facto rilevanti biex ma jkomplux jimblokkaw id-dħul tal-EUMM fin-Nofsinhar tal-Ossezja u fl-Abkazja; iqis li l-UE issa għandha l-opportunità li tappoġġa s-soluzzjoni tal-kunflitt fin-Nagorno-Karabakh, u jenfasizza l-importanza tal-kontribut tal-UE f'dan ir-rigward; għalhekk iqis li huwa inevitabbli li jiġi aġġornat ir-rwol tal-UE fil-Grupp Minsk permezz tat-twaqqif ta' mandat tal-UE għall-President Konġunt Franċiż tal-Grupp Minsk; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilità li tiġi provduta għajnuna u assistenza umanitarja lill-popolazzjoni tar-reġjun tan-Nagorno-Karabakh kif ukoll lill-IDPs u lir-refuġjati li ħarbu mir-reġjun; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EUSR Semneby jikkunsidraw jestendu l-istess tip ta' għajnuna u tixrid ta' informazzjoni lin-Nagorno-Karabakh bħal ma sar fl-Abkazja u f'Ossezja;
42. Jitlob lill-Viċipresident tal-Kummissjoni/Rappreżentat Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni biex isegwi mill-qrib l-iżviluppi fir-reġjun u biex ikun involut b'mod attiv fil-proċessi tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jirrikonoxxi l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali għan-Nofsinhar tal-Kawkasu u jesprimi t-tama li r-Rappreżentant Għoli ser tiżgura l-kontinwità u l-konsistenza tagħha; jinkuraġġixxi lill-Kunsill biex jikkunsidra l-possibilità tal-użu ta' għodod mill-PSDK biex iżid il-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċessi tat-tisħiħ tal-paċi u tal-ġestjoni tal-kunflitti;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-possibilità li tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku sostanzjali sabiex tappoġġa miżuri li jibnu l-fiduċja u li jippromwovu l-fiduċja bejn u fost il-popolazzjonijiet, u biex tieħu sehem fir-rijabilitazzjoni u fir-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta mill-kunflitti, permezz ta' proġetti li jiġġeneraw id-dħul u ta' proġetti relatati mal-integrazzjoni soċjoekonomika tal-IDPs u r-ripatrijati u permezz tar-rijabilitazzjoni tad-djar u tal-isforzi favur id-djalogu u l-medjazzjoni, u jistedinha wkoll telabora u tappoġġa proġetti tas-soċjetà ċivili li jkollhom l-għan li jmexxu “l quddiem ir-rikonċiljazzjoni u l-kuntatti bejn il-popolazzjonijiet lokali u l-individwi;
Id-demokratizzazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt
44. Jappoġġja l-finanzjament u l-assistenza mill-UE għar-reġjun biex tippromwovi dawn il-prinċipji u l-proċessi, u jqis li din l-assistenza mill-UE għandha tingħata fil-qafas tal-kundizzjonalità politika, bħar-riforma tal-ġudikatura u l-progress fil-proċessi tad-demokratizzazzjoni; iwissi kontra l-possibilità li l-gvernijiet jużaw ħażin il-kunflitti biex jaljenaw l-interess tal-komunità internazzjonali mill-kwistjonijiet domestiċi;
45. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li jkunu rrispettati l-impenji inklużi f'pakketti ta' kundizzjonalità politika, bħall-impenn speċifiku mill-Gvern Ġeorġjan li jagħti spinta ġdida lir-riformi demokratiċi inklużi fl-assistenza fl-UE ta' wara l-kunflitt li dwarha sar ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Ġeorġja f'Jannar 2009, u sabiex b'mod regolari tressaq rapporti dwar il-progress lill-Parlament Ewropew;
46. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Grupp Konsultattiv ta' Livell Għoli tal-UE lill-Armenja; jilqa' b'sodisfazzjon il-possibilità ta' aktar assistenza finanzjarja fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, inkluża l-assistenza fin-negozjar tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni l-ġdid mal-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tistħarreġ il-possibilità li toffri assistenza maħsuba apposta lill-Ażerbajġan u lill-Ġeorġja wkoll;
47. Huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-drittijiet tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, u jinkuraġġixxi lill-Armenja, lill-Ażerbajġan u lill-Ġeorġja jimplimentaw programmi ta' edukazzjoni pubblika fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-valuri tat-tolleranza, tal-pluraliżmu u tad-diversità, inkluż ir-rispett lejn il-minoranzi sesswali u lejn gruppi oħra li huma emarġinati u stigmatizzati;
48. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward ir-rifjut ta' Eutelsat li jxandar is-servizz tax-xandir pubbliku Ġeorġjan bil-lingwa Russa billi dan ir-rifjut jidher li hu motivat politikament; jindika li dan ir-rifjut iħalli de facto monopolju fit-trażmissjoni bis-satellita fuq udjenza reġjonali li titkellem bir-Russu lill-Intersputnik u lill-klijent prinċipali tiegħu, Gazprom Media Group; jenfasizza li hu importanti ħafna li f'soċjetà demokratika u pluralistika x-xandir ta' midja indipendenti ma jiġix imfixkel;
49. Jirrikonoxxi r-rwol potenzjali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Isħubija tal-Lvant bħala l-ispazju fejn jitrawwem l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u jissaħħu l-għeruq tiegħu fl-istati tar-reġjun, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Forum jirċievi biżżejjed appoġġ finanzjarju u tekniku; jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-finanzjament ta' proġetti tas-soċjetà ċivili u tar-rwol li għandhom id-Delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun fl-għażla tagħhom, u dwar l-importanza li jista' jkollhom dawn il-proġetti fil-promozzjoni ta' kuntatti f'livell reġjonali;
Il-koperazzjoni ekonomika u l-iżvilupp soċjali
50. Iqis li l-UE għandha tkompli tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku, il-kummerċ u l-investiment fir-reġjun u li politika ta' kummerċ hija fattur fundamentali għall-istabilità politika u għall-iżvilupp ekonomiku u li jwassal għal tnaqqis fil-faqar fin-Nofsinhar tal-Kawkasu; jemmen li f'dan ir-rigward, in-negozjar u u t-twaqqif ta' Zona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva għandha sehem importanti ħafna; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra modi possibbli biex tgħin lill-pajjiżi fir-reġjun fit-tħejjija, fin-negozjar u fl-implimentazzjoni tagħhom fil-ġejjieni, anke fiż-żamma tal-impenji li jirriżultaw mill-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi (DCFTAs), u jistedinha wkoll tipprovdi fi żmien xieraq evalwazzjoni komprensiva tal-impatt soċjali u ambjentali ta' dawn il-ftehimiet; aktar minn hekk, jinkuraġġixxi lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu biex iqisu li jistabbilixxu zona ta' kummerċ ħieles bejniethom;
51. Jenfasizza l-qagħda ġeopolitika tal-Armenja, tal-Ġeorġja u tal-Ażerbajġan fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, tat-Turkija bħala pajjiż kandidat tal-UE, u tar-Russja u tal-Iran; iqis li l-kummerċ huwa wieħed mill-komponenti ewlenin tal-politika ġenerali tal-UE li trawwem l-istabilità politika, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u l-prosperità, u huwa tal-fehma li d-dimensjoni reġjonali tal-Istrateġija tal-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu teħtieġ approċċ reġjonali fir-rigward tan-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali; jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika l-oqsma komuni ta' interess ekonomiku li jistgħu jegħlbu d-diverġenzi, jiffaċilitaw id-djalogu u jippromwovu l-koperazzjoni reġjonali; jappella biex ikun hemm iżjed impenn u involviment mill-UE favur il-kisba tal-integrazzjoni fir-reġjun, ġaladarba l-Komunità issa għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali;
52. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-istudji ta' fattibilità għall-Ġeorġja u l-Armenja ta' Mejju 2008, li wrew li d-DCFTAs iġibu benefiċċji ekonomiċi sinifikanti għal dawk il-pajjiżi u għall-UE, u b'hekk jippermettu lill-Kummissjoni tidħol f'fażi preparatorja għal negozjati ġejjiena dwar id-DCFTAs; jinkuraġġixxi lill-Ġeorġja, lill-Armenja u lill-Ażerbajġan sabiex itejbu l-progress tagħhom bil-għan li jirrispettaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni ENP rispettivi tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-aktar fir-rigward tat-titjib tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom u tal-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji (speċjalment fir-rigward tal-livelli baxxi ħafna ta' ħarsien tal-proprjetà intellettwali fit-tliet pajjiżi), li huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva, u għas-sostenn tal-effetti ta' dawn l-FTAs ambizzjużi; jemmen li l-konklużjoni ta' FTAs mal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Ażerbajġan tista' twassal mhux biss għal tkabbir ekonomiku, iżda tista' wkoll iżżid l-investiment barrani, toħloq impjiegi ġodda u teqred il-faqar;
53. Ifakkar li s-sigurtà fl-enerġija hija tħassib komuni; għalhekk iħeġġeġ lill-UE tagħti appoġġ aktar b'saħħtu lill-proġetti tal-enerġija fir-reġjun f'konformità mal-istandards Ewropej, inklużi proġetti li jmexxu “l quddiem l-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija alternattiva, biex tikkopera iżjed fil-kwistjonijiet tal-enerġija u biex taħdem bis-sħiħ ħalli malajr kemm jista” jkun jitlesta l-kuridur tal-enerġija tan-nofsinhar, inkluż il-linja ta' pajpijiet Nabukko; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proġetti tal-enerġija u tat-trasport fin-Nofsinhar tal-Kawkasu jrawmu relazzjonijiet bejn it-tliet pajjiżi u biex taċċerta li dawn ma jikkawżawx l-esklużjoni ta' ċerti komunitajiet; jafferma mill-ġdid l-importanza tal-Inizjattiva Baku u l-programmi korrispondenti tagħha li jappoġġjawha, jiġifieri l-INOGATE u t-TRACECA;
54. Jenfasizza li l-istabilità politika hija essenzjali għall-forniment affidabbli u bla interruzzjonijiet ta' riżorsi ta' enerġija sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet xierqa għal żvilupp infrastrutturali; f'dan ir-rigward, ifakkar li l-kuritur doppju tal-enerġija ffurmat mil-linja ta' pajpijiet Baku-Tbilisi-Ceyhan (BTC) u l-Baku-Tbilisi-Erzerum (BTE) irawwem it-tqarrib bejn l-UE u r-reġjun Kaspju; jitlob li jerġgħu jitħeġġu l-ftehimiet bilaterali eżistenti jew tal-Memoranda ta' Ftehim li kienu ġew konklużi mat-tliet pajjiżi taln-Nofsinhar tal-Kawkasu fil-qasam tal-enerġija, bl-inklużjoni ta' “klawsola ta' sigurtà tal-enerġija” li tistabbilixxi kodiċi ta' mġiba u miżuri speċifiċi fil-każ ta' interruzzjoni fil-provvista tal-enerġija; iqis li l-provvista tal-enerġija u tad-dispożizzjonijiet ta' tranżitu għandhom ikunu komponent fin-negozjar ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni wiesgħa ma' dawk il-pajjiżi;
55. Itenni l-importanza tal-kuntatti interpersonali u tal-programmi ta' mobilità, speċjalment ta' dawk maħsuba għaż-żgħażagħ, u tal-programmi ta' ġemellaġġi ma' reġjuni tal-UE u komunitajiet lokali li għandhomminoritajiet nazzjonali li qed jesperjenzaw livell għoli ta' awtonomija; jemmen li hemm bżonn ta' żjieda kbira fin-numru ta' studenti, għalliema u riċerkaturi li jipparteċipaw fi programmi ta' mobilità; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehimiet mal-Ġeorġja dwar il-faċilitar tal-viżi u tar-riammissjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu progress lejn l-iffaċilitar tal-viżi u ftehimiet ta' riammissjoni mal-Armenja u l-Ażerbajġan;
56. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa strateġija għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, minħabba l-importanza tar-reġjun għall-UE u r-rwol potenzjali li għandha l-UE fit-trawwim ulterjuri tal-iżvilupp tar-reġjun u fis-soluzzjoni tal-kunflitti tiegħu;
o o o
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u għall-Politika ta' Sigurtà tal-Unjoni, tal-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Armenja, tal-Ażerbajġan u tal-Ġeorġja.