Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Pakistan, b'mod partikolari dawk tat-12 ta' Lulju(1), tal-25 ta' Ottubru(2) u tal-15 ta' Novembru 2007(3),
– wara li kkunisdra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adotatti fis-16 ta' Novembru 2009 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin li fihom il-Kunsill jenfasizza l-importanza strateġika ta' din il-libertà u tal-ġlieda kontra l-intolleranza reliġjuża,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-Pakistan tas-17 ta' Ġunju 2009, li fiha ż-żewġ naħat saħqu fuq l-importanza ta' strateġija integrata u fit-tul li tinkludi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-istat tad-dritt, kif ukoll irrikonoxxew is-sinifikat ta' mezzi mhux militari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,
– f'antiċipazzjoni tat-tieni Samit UE-Pakistan fl-4 ta' Ġunju 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar il-“Ġlieda kontra d-diffamazzjoni tar-reliġjon” adottata b'maġġoranza żgħira tal-voti fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fis-26 ta' Marzu 2009, proposta kull sena mill-Pakistan f'isem l-Organizzazzjoni tal-Konferenza Iżlamika (OIC),
– wara li kkunsidra l-isqarrija tal-4 ta' April 2010 mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar attakki fil-Pakistan, kif ukoll dik tal-20 ta' April 2010 dwar l-adozzjoni tat-18-il Emenda Kostituzzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 (UDHR),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u tad-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin, tal-25 ta' Novembru 1981,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili huma prinċipji u miri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi,
B. billi fil-Pakistan l-Iżlam Sunnita huwa r-reliġjon tal-maġġoranza u tal-Istat u gruppi reliġjużi u ta' twemmin minoritarji jikonsistu fi Nsara, Ħindu, Sikh, Xiiti, Aħdmadi, Buddisti, Parsi, Baħa'I u oħrajn,
C. billi l-Pakistan huwa wieħed mill-pajjiżi ewlenin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tifrix tal-estremiżmu vjolenti,
D. billi l-istabbiltà interna u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż għaddejjin minn prova ħarxa minħabba l-għadd li qed jiżdied ta' attakki vjolenti minn estremisti, li jiġru kważi ta' kuljum,
E. billi t-theddida ma taqta' xejn minn forzi Muslim radikali li joperaw fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tal-Pakistan mal-Afganistan ikomplu jagħmluha ħtieġa saħansitra aktar imperattiva li jsiru sforzi internazzjonali konċertati biex l-iżvilupp soċjali tal-Pakistan jintrifed u jitqawwa,
F. billi d-drittijiet ugwali għall-minoranzi kienu parti mill-viżjoni tal-missier fundatur tal-Pakistan, Moħammed Ali Jinnah, kif esprima fid-diskors tiegħu quddiem l-Assemblea Kostitwenti fl-1947: “Tista” tappartjeni għal kwalunkwe reliġjon, kasta jew twemmin – dak xejn m'għandu x'jaqsam mal-Istat… Qed nitiliqu minn dan il-principju fundamentali, li lkoll kemm ahna cittadini, u cittadini ta' Stat wiehed“,
G. billi l-kapitolu dwar id-Drittijiet Fundamentali fil-Kostituzzjoni tal-Pakistan tal-1973 jiggarantixxi “l-libertà tat-tħaddin ta' reliġjon u l-ġestjoni ta' istituzzjonijiet reliġjużi” (l-Artikolu 20), l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha (l-Artikolu 25) u “d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-minoranzi” (l-Artikol 26),
H. billi, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 260 tal-Kostituzzjoni jiddistingwi bejn il-Musulmani u dawk li mhumiex, biex b'hekk jippermetti d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon;
I. billi rapporti u stħarriġiet minn aġenziji indipendenti jikxfu li l-minoranzi fil-Pakistan huma mċaħħda mil-libertajiet ċivili bażiċi u mill-opportunitajiet indaqs fix-xogħol, fl-edukazzjoni u fir-rappreżentanza politika,
J. billi huwa stmat li aktar minn 85% tan-nisa fil-Pakistan jiffaċċaw l-abbuż domestiku li jinkludi l-abbuż fiżiku u dak psikoloġiku; filwaqt li l-vjolenza kontra t-tfajliet u n-nisa, inklużi l-istupru, il-vjolenza domestika u ż-żwieġ sfurzat, għadhom problemi serji, li parzjalment jistgħu ikunu attribwiti għal-liġi Xarija,
K. billi l-gvern tal-Pakistan ħatar kelliemi għall-minoranzi u lill-Membru tal-Parlament tal-Pakistan Shabaz Bhatti laħħqu Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Minoranzi f'Novembru 2008, filwaqt li għall-ewwel darba refa' din il-kariga għal-livell tal-kabinett,
L. billi fil-perjodu minn Novembru 2008 l-Gvern tal-Pakistan ħoloq kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, irrikonoxxa vaganzi pubbliċi mhux Musulmani, iddikjara l-11 ta' Awwissu bħala l-Jum Nazzjonali tal-Minoranzi u rriserva xi siġġijiet fis-Senat għal rappreżentanti tal-minoranzi,
M. billi fil-25 ta' Diċembru 2009 il-President Asif Ali Zardari tenna l-wegħda tal-Partit tal-Poplu tal-Pakistan li jirrispetta d-dritt tal-minoranzi kollha li jiġu ttrattati bħala ċittadini ugwali,
N. billi hemm kontradizzjoni bejn l-impenn tal-gvern tal-Pakistan favur il-libertà tar-reliġjon u r-rwol ewlieni tiegħu fl-OIC f'li jmexxi l-aġenda tal-“Ġlieda kontra d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon” fin-Nazzjonijiet Uniti,
O. Bili d-dispożizzjonijiet legali magħrufin bħala l-“liġijiet dwar atti blasfemi”, introdotti fl-1982 u fl-1986, jimminaw id-drittijiet fundamentali reliġjużi u tal-minoranzi mogħtija bil-Kostituzzjoni, filwaqt li s-sentenza tal-mewt jew il-priġunerija għall-ħajja huma previsti taħt is-sezzjoni 295 C fil-Kodiċi Penali tal-Pakistan (PPC) f'każijiet ta' atti blasfemi,
P. billi l-liġijiet dwar l-atti blasfemi jiġu abbużati mill-gruppi estremisti u minn dawk li jkollhom aġenda personali kontra ħaddieħor u wasslu għal tkattir tal-vjolenza kontra membri tal-minoranzi reliġjużi, partikolarment l-Aħmadi, imma wkoll l-Insara, il-Ħindu, is-Sikh, ix-Xiiti, il-Buddisti, il-Parsi, il-Baħa'i kif ukoll ċittadini kritiċi li jazzardaw jgħollu leħinhom kontra l-inġustizzja,
Q. billi l-maġġoranza kbira tan-nies akużati taħt il-liġijiet dwar l-atti blasfemi huma Musulmani, imma l-akkużi kontra individwi minn reliġjonijiet minoritarji jistgħu jiskattaw vjolenza sproporzjonata kontra komunità sħiħa, billi kienu akkużi ta' atti blasfemi li skattaw il-vjolenza tal-folla kontra l-Insara f'Gojra u Korian fis-sajf tal-2009, li ħallew tmienja mejta u tal-anqas mitt dar meqruda,
R. billi 76 ruħ ġew akkużati fl-2009 b'atti blasfemi f“25 każ reġistrat, inklużi 17-il ruħ akkużati taħt is-sezzjoni 295 C tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan (PPC),
S. billi l-avukati u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Pakistan spiss jesperjenzaw theddid ta' qtil u fastidju, u l-avukati li jiddefendu f'kawżi ta' atti blasfemi huma speċjalment vulnerabbli għal riskji bħal dawn, u saħansitra anki dawk li jkunu nħelsu mill-akkużi jkollhom jgħaddu l-bqija ta' ħajjithom moħbija,
T. billi f'Awwissu 2009 il-Prim Ministru tal-Pakistan Gilani ħabbar it-twaqqif ta' kumitat biex jirrevedi u jtejjeb “liġijiet li jagħmlu l-ħsara għall-armonija reliġjuża”, meta fl-istqarrija tiegħu għamel allużjoni għal-liġijiet tal-1982 u l-1986 dwar l-atti blasfemi, billi, madankollu, sal-lum l-ebda reviżjoni tali għadha ma ġiet proposta,
U. billi l-Musulmani Aħmadija fil-Pakistan ibatu minn diskriminazzjoni u persekuzzjoni frekwenti mirfuda mid-dispożizzjonijiet kontra l-Aħmadija fis-sezzjoni 298 tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan, u eżempju riċenti ta' dan kien il-qtil ta' professur Aħmadi rtirat minn irġiel armati u b'wiċċhom mgħammad fil-5 ta' Jannar 2010,
V. billi l-Gvern tal-Pakistan jinsab fil-proċess li jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;
1. Jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-gvern tal-Pakistan minn Novembru 2008 “l hawn, bħalma huwa t-twaqqif ta' kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-vaganzi pubbliċi mhux Musulmani u d-dikjarar ra” Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;
2. Jappoġġja għalkollox l-isforzi tal-Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Minoranzi biex jistabbilixxi netwerk ta' Kumitati għall-Armonija bejn ir-Reliġjonijiet Lokali biex iħeġġeġ id-djalogu u jtaffi t-tensjonijiet reliġjużi; jitlob lil-livelli l-oħra kollha tal-gvern, inklużi l-Istati, biex jilqgħu dawn il-miżuri bis-sħiħ;
3. Jilqa' l-impenn li ħa l-Prim Ministru tal-Pakistan biex jagħti drittijiet tal-proprjetà lil minoranzi li jgħixu fis-slums f'Islamabad;
4. Jilqa' l-impenn tal-gvern tal-Pakistan biex jipprovdi siġġijiet fis-Senat għall-minoranzi, inkluż għar-rappreżentanti nisa tal-gruppi tal-minoranzi fis-Senat, u jispera li dawn l-impenji jitwettqu;
5. Jistieden lill-Gvern Pakistani biex jirrevedi l-prattika li jinkludi l-identità reliġjuża taċ-ċittadini tiegħu fil-passaporti l-ġodda kollha bil-għan li jevita kull prattiki diskriminatorja;
6. Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-gvern tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tifrix tal-estremiżmu vjolenti;
7. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu li l-liġijiet dwar l-atti blasfemi - li fil-Pakistan jistgħu jġorru magħhom il-piena tal-mewt u li ta' spiss jintużaw biex jiġġustifikaw iċ-ċensura, il-kriminalizzazzjoni, il-persekuzzjoni u f'ċerti każijiet il-qtil ta' minoranzi politiċi, razzjali u reliġjużi - huma suxxettibbli għal użu ħażin li jaffettwa l-popli tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan;
8. Jitlob lill-gvern tal-Pakistan biex jirrevedi sew il-liġijiet dwar l-atti blasfemi u l-applikazzjoni attwali tagħhom kif ukoll, fost l-oħrajn, is-Sezzjoni 295 C tal-Kodiċi Penali li titkellem dwar il-piena tal-mewt mandatorja għal kull min jinstab ħati ta' atti blasfemi u, sadanittant, biex jimplimenta emendi kif suġġerit mill-Ministru Federali għall-Affarijiet tal-Minoranzi;
9. Jitlob lill-Gvern biex iżomm il-wedgħa tiegħu tal-2008 li jbiddel il-pieni kollha tal-mewt għal żmien il-ħabs bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni lejn it-tneħħija tal-piena tal-mewt;
10. Ifakkar fl-istqarrija ripetuta tal-Kummissjoni, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari bil-miktub, li hija qiegħda ssegwi mill-qrib ir-rispons tal-gvern tal-Pakistan għall-vjolenza tal-massa li bdiet minħabba l-akkużi ta' atti blasfemi f'Gojra u Korian; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex titlob għal dettalji dwar il-progress tanġibbli li sar, b'mod partikolari rigward it-tressiq ta' dawk responsabbli duddiem il-qrati;
11. Jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu għad-diskriminazzjoni li għaddejja bħalissa kontra l-komunità Aħmadija fil-Pakistan u għall-persekuzzjoni tagħha u jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrevoka s-Sezzjoni 298 tal-Kodiċi Penali tal-Pakistan li tfixkel bil-kbir il-ħajja ta' kuljum ta' dan il-grupp, u biex jiskoraġġixxi avvenimenti xewwiexa bħalma huma l-konferenzi dwar “Tmiem il-Profeti” ġewwa Lahore;
12. Jitlob lill-awtoritajiet Pakistani biex jimplimentaw għalkollox is-sentenza tal-Qorti Suprema tal-Pakistan li biha għandhom l-obbligu jiżguraw ir-reġistrazzjoni tal-votanti eliġibbli kollha fil-listi elettorali l-ġodda, inklużi l-Musulmani Aħmadija;
13. Huwa mħasseb dwar il-possibiltà ta' użu ħażin tal-kampanja “Ġlieda Kontra d-Diffamazzjoni tar-Reliġjon” fin-NU, waqt li jisħaq dwar il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009;
14. Jitlob lill-Gvern tal-Pakistan biex jirratifika għalkollox u mingħajr riservi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra; Iqis li l-libertà tat-twemmin, kif imnaqqxa fil-Patt tan-NU, tipprovdi l-qafas u r-referenza adegwati li għandhom jaderixxu magħhom il-firmatarji kollha, b'tali mod li jipprovdu protezzjoni għaċ-ċittadini tagħhom sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-fidi tagħhom liberament;
15. Jitlob lill-Gvern biex jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tal-minoranzi stipulati fil-Kostituzzjoni u d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari Artikolu 18, li jipprevedi li “kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon”;
16. Jappoġġa kull inizjattiva li għandha l-għan li tippromwovi d-djalogu u r-rispett reċiproku fost il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi u politiċi biex jippromwovu t-tolleranza u biex jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u l-estremiżmu vjolenti;
17. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jimplimenta r-riformi proposti tas-sistema edukattiva u biex jirregola u jispezzjona l-Madrasas; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex ineħħu kull propaganda ta' mibegħda, superjorità reliġjuża u diffamazzjoni ta' reliġjonijiet mill-kotba tal-iskola approvati mill-fergħa tal-kurrikulu nazzjonali tal-Ministeru tal-Edukazzjoni;
18. Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jiffaċilita żjara fil-Pakistan tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin, is-Sinjura Asma Jahangir;
19. Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinkludu d-drittijiet tal-minoranzi fil-Pakistan fl-aġenda tas-samit li ġej, bil-għan li tinbeda riforma bikrija tal-leġiżlazzjoni diskriminatorja dwar l-atti blasfemi;
20. Jitlob lill-Kunsill biex jinkludi l-kwistjoni tat-tolleranza reliġjuża fis-soċjetà fid-djalogu tiegħu mal-Pakistan dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ġaladarba din hija ta' importanza ċentrali fil-ġlieda fit-tul kontra l-estremiżmu reliġjuż;
21. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex ikomplu l-appoġġ finanzjarju tal-organizzazzjonijiet u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu miżuri prattiċi ħalli jappoġġaw il-moviment dejjem jikber tas-soċjetà ċivili fil-Pakistan kontra l-liġijiet dwar l-atti blasfemi u leġiżlazzjoni diskriminatorja oħra;
22. Ifakkar fl-istqarrija ripetuta tal-Kummissjoni, bħala tweġiba għall-mistoqsijiet parlamentari bil-miktub, li hija qiegħda ssegwi mill-qrib ir-rispons tal-gvern tal-Pakistan għall-vjolenza kontra l-Insara f'Gojra u Korian, u jitlob lill-Kummissjoni biex titlob għal dettalji dwar il-progress tanġibbli li sar, b'mod partikolari rigward it-tressiq ta' dawk responsabbli duddiem il-qrati;
23. Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinsistu li l-Gvern tal-Pakistan jimxi mal-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem imnaqqxa fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan; Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u dwar il-klawsola tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem;
24. Jitlob lill-Kunsill biex jappoġġa lill-Gvern tal-Pakistan fl-iżvilupp tal-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu, u fit-twaqqif ta' Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem bis-sens, indipendenti u awtorevoli;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan.