Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Burma/Mjanmar
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU Tomás Ojea Quintana fil-5 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar adottat fit-3009 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin li saret il-Lussemburgu fis-26 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton tal-1 ta' Marzu 2010 dwar l-oġġezzjoni għall-appell ta' Aung San Suu Kyi mill-Qorti Suprema tal-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-President tas-16-il Samit tal-ASEAN li sar f'Hanoi fid-9 ta' April 2010,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew - Dikjarazzjoni dwar il-Burma/Mjanmar tad-19 ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar adottati fl-2938 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin li saret il-Lussemburgu fis-27 ta' April 2009,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta' Frar 2009 li sejħet għal djalogu globali inklussiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi fil-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-28 ta' Awwissu 2009 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Marzu 2010 dwar is-Sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma/Mjanmar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tal-14 ta' Mejju 2009 dwar l-arrest ta' Aung San Suu Kyi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. wara li kkunsidra l-avviż mill-awtoritajiet Burmiżi dwar l-elezzjonijiet nazzjonali fl-2010, l-ewwel elezzjonijiet mill-1990,
B. billi fil-forma ppubblikata tagħhom il-ħames liġijiet elettorali u l-erba' digrieti jiksru l-prinċipji demokratiċi u jagħmluha impossibbli biex isiru elezzjonijiet ħielsa, partikolarment billi jeskludu l-2200 priġunier politiku magħrufa; billi l-membri tal-ordnijiet reliġjużi fil-Burma/Myanmar, inklużi madwar 400 000 patri buddist, huma pprojbiti espliċitament milli jivvutaw, li juri d-diskriminazzjoni perpetwa mill-ġunta militari abbażi ta' reliġjon jew status,
C. billi dawn il-liġijiet jiksru l-prinċipji bażiċi tal-libertà ta' espressjoni u d-dritt ta' assoċjazzjoni; billi l-midja Burmiża bbażata barra l-pajjiż, li tikkostitwixxi s-sors ewlieni ta' aħbarijiet għall-poplu Burmiż, għadhom ipprojbiti milli joperaw fil-Burma/Mjanmar,
D. billi dawn il-liġijiet huma bbażati fuq il-Kostituzzjoni tal-2010, li tiggarantixxi l-impunità għar-reati li twettqu mir-reġim attwali u tipprovdi għall-waqfien totali tad-drittijiet fundamentali waqt stat ta' emerġenza, għal perjodu ta' żmien indefinit; billi l-kostituzzjoni l-ġdida tal-Burma/Mjanmar hija mfassla biex iżżomm dittatorjat taħt impressjoni ċivili, u ma tagħti l-ebda dritt tal-bniedem jew toffri l-ebda prospett ta' bidla ġenwina,
E. billi kwalunkwe espressjoni ta' opinjonijiet politiċi ta' oġġezzjoni titrażżan b'mod brutali u sistematiku (eż. permezz ta' arresti arbitrarji, proċessi inġusti, priġunerija, torturi u qtil extra-ġudizzjarji),
F. billi l-elezzjonijiet ma jistgħux jitqiesu ħielsa u ġusti jekk ma jkunx hemm l-involviment tal-oppożizzjoni,
G. billi l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), ir-rebbieħa b'mod ċar fl-aħħar elezzjonijiet demokratiċi, iddeċidiet li topponi l-elezzjonijiet mħabbra għall-2010, fid-dawl tal-kundizzjonijiet imposti fuq il-parteċipazzjoni; billi l-NLD ġiet imxolta bil-liġi fis-6 ta' Mejju 2010, wara li ma rreġistratx għall-elezzjonijiet,
H. billi d-dikjarazzjoni tas-16-il Samit tal-ASEAN tenfasizza l-importanza ta' rikonċiljazzjoni u li jsiru elezzjonijiet ġenerali regolari ħielsa u miftuħa għal kulħadd,
I. billi r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Burma/Mjanmar kkundanna l-abbużi “goffi u sistematiċi” tad-drittijiet tal-bniedem li saru mid-dittatorjat tal-Burma/Mjanmar, billi qal li jinvolvu “politika tal-istat li tinvolvi l-awtoritajiet fl-ambitu eżekuttiv, militari u ġudizzjarju fuq il-livelli kollha”, u talab li tiġi stabbilita kummissjoni ta' inkjesta tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità li twettqu mid-dittatorjat,
J. billi l-Gvern tal-Burma/Mjanmar jibqa' kontra l-permess għaż-żjara tal-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma f'pajjiżu u li jibda fi djalogu, minkejja bosta talbiet matul ħafna xhur,
K. billi mill-2003 l-Gvern tal-Burma Mjanmar oġġezzjona għal kull proposta min-Nazzjonijiet Uniti u l-komunità internazzjonali biex jiġi riformat il-“pjan direzzjonali lejn id-demokrazija” f'seba' stadji,
L. billi bħalissa hemm 2200 priġunier politiku magħruf li qegħdin jinżammu l-ħabs minħabba li pparteċipaw f'attivitajiet paċifiċi fil-Burma/Mjanmar, u billi iktar minn 140 priġunier politiku intenzjonament mhumiex qed jingħataw trattament mediku, inkluż Ko Mya Aye mexxej mill-grupp 88 Generation Student, li għandu kundizzjoni f'qalbu li tista' twassal għall-mewt,
M. billi l-militar baqa' jwettaq vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjonijiet ċivili f'żoni ta' kunflitti etniċi, inkluż qtil extra-ġudizzjarju, xogħol furzat u vjolenza sesswali,
N. billi jkomplu l-attakki kontra ċ-ċittadini tal-minoranza etnika fil-Lvant tal-Burma/Mjanmar, li wasslu biex mijiet ta' eluf ta' nies ġew spostati, li ħafna minnhom, minħabba restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja mid-dittatorjat, jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' għajnuna transkonfinali mill-pajjiżi ġirien,
O. billi Aung San Suu Kyi, il-kap tal-oppożizzjoni NLD, ilha taħt arrest domiċiljari mill-2003; billi fl-14 ta' Mejju 2009 l-awtoritajiet arrestawha b'akkużi li kienet kisret it-termini tal-arrest domiċiljari tagħha billi ħalliet lil John Yettaw, Amerikan, iżurha; billi fil-11 ta' Awwissu 2009 qorti kriminali fil-ħabs Insein f'Rangoon ikkundannat lil Aung San Suu Kyi għal tliet snin ħabs għall-ksur tal-arrest domiċiljari, sentenza li mbagħad tnaqqset għal 18-il xahar ta' arrest domiċiljari; billi fl-1 ta' Marzu 2010 l-Qorti Suprema tal-Burma/Mjanmar oġġezzjonat għall-appell ta' Aung San Suu Kyi kontra s-sentenza inġusta imposta fuqha fl-2009,
P. billi l-UE tibqa' donatur ewlieni għall-Burma/Mjanmar u hija lesta biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-poplu tal-pajjiż, sabiex ittejjeb il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom,
Q. billi l-ECHO naqqas il-fondi għar-rifuġjati fuq il-fruntieri bejn it-Tajlandja u l-Burma minkejja li għadd ta' rifuġjati jibqgħu kważi fl-istess sitwazzjoni, u waqqaf il-finanzjament għall-iskejjel li joffru faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għal għajxien fihom fil-kampijiet tar-refuġjati,
R. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u bosta gvernijiet qalu li s-soluzzjoni għall-problemi tal-Burma hija djalogu tripartitiku xieraq bejn Aung San Suu Kyi u l-NLD, rappreżentanti etniċi ġenwini u l-Gvern tal-Burma/Mjanmar, u billi l-Gvern tal-Burma/Mjanmar għadu qed joġġezzjoni li jidħol fi djalogu bħal dan,
1. Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għan-nies tal-Burma/Mjanmar;
2. Jikkundanna li jsiru elezzjonijiet f'kundizzjonijiet assolutament mhux demokratiċi u abbażi ta' regoli li jeskludu lill-partit demokratiku ewlieni fl-oppożizzjoni u li jiċħdu mijiet ta' eluf ta' ċittadini Burmiżi mid-dritt tagħhom biex jivvutaw u joħorġu għall-elezzjoni, f'attentat ovvju tal-esklużjoni tal-oppożizzjoni kollha tal-pajjiż mill-votazzjoni;
3. Jiddeplora l-fatt li, skont il-kostituzzjoni l-ġdida, il-militar se jiġi garantit b'tal-inqas 25% tas-siġġijiet fil-parlament u se jkollu s-setgħa li jwaqqaf il-libertajiet ċivili u jkollu l-awtorità leġiżlattiva kull meta jħoss li hemm il-ħtieġa fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali;
4. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex jieħu passi mingħajr dewmien li huma meħtieġa biex jiġi żgurat proċess elettorali ħieles, ġust u trasparenti, inkluż il-parteċipazzjoni tal-votanti kollha, il-partiti politiċi kollha u l-partijiet interessati rilevanti kollha fil-proċess elettorali, u jaqbel li jkun hemm preżenti osservaturi internazzjonali; jitlob li jitħassru l-liġijiet elettorali ppubblikati f'Marzu 2010, li jagħmluha impossibbli li jsiru elezzjonijiet ħielsa u trasparenti;
5. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex jagħtu widen lill-appelli tal-komunità internazzjonali biex Aung San Suu Kyi u l-priġunieri tal-kuxjenza l-oħrajn kollha jitħallew jipparteċipaw fil-proċess politiku;
6. Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tagħmel kull sforz biex tiżgura li jsiru elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi;
7. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex ineħħi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' għaqda, assoċjazzjoni, moviment u espressjoni, inkluża l-midja ħielsa u indipendenti, parzjalment billi s-servizzi tal-Internet u l-mowbajl isiru disponibbli u aċċessibbli u biex titwaqqaf l-użu taċ-ċensura;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet sistematiċi u li għadhom għaddejjin tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet demokratiċi bażiċi tan-nies tal-Burma/Mjanmar; jitlob lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex iwaqqfu l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;
9. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex jeħles lill-priġunieri tal-kuxjenza mingħajr dewmien, mingħajr kundizzjonijiet u bl-għoti lura tad-drittijiet politiċi kollha tagħhom u biex ma jibqax iwettaq arresti b'intenzjonijiet politiċi;
10. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex jappoġġaw pubblikament ir-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burma/Mjanmar biex in-Nazzjonijiet Uniti tistabbilixxi kummissjoni ta' inkjesta dwar ir-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità fil-Burma/Mjanmar, u biex din it-talba tiddaħħal fl-abbozz ta' riżoluzzjoni li għandu jiġi diskuss fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2010;
11. Jenfasizza li l-isfidi politiċi u soċjoekonomiċi għall-Burma/Mjanmar jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' djalogu ġenwin bejn il-partijiet interessati kollha, inklużi l-gruppi etniċi u l-oppożizzjoni;
12. Jafferma mill-ġdid l-importanza essenzjali ta' proċess ġenwin ta' djalogu u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali għal tranżizzjoni għad-demokrazija; jitlob lill-Gvern tal-Burma/Mjanmar biex minnufih jibda djalogu ġenwin mal-partiti kollha u mal-gruppi etniċi kollha; jilqa' f'dan il-kuntest l-isforzi ta' medjazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fil-Burma/Mjanmar;
13. Iħeġġeġ lill-Gvernijiet taċ-Ċina, l-Indja, u r-Russja biex jużaw l-influwenza ekonomika u politika konsiderevoli tagħhom mal-awtoritajiet tal-Burma sabiex ikun hemm titjib sostanzjali fil-Burma/Mjanmar u sabiex jitwaqqaf il-forniment ta' armi u ta' riżorsi strateġiċi oħra; jistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi ASEAN u taċ-Ċina, li għandhom “relazzjoni privileġġjata” mal-Burma/Mjanmar, biex jużaw l-uffiċċji tajbin tagħhom partikolarment biex jippruvaw ireġġgħu lura l-politika tal-Burma tat-tindif etniku kontra r-Rohingya, li qed twassal għall-ħarba ta' mijiet ta' eluf ta' nies fuq il-fruntieri għal ġol-Bangladexx u qed iżżid fit-tbatija ta' dawk f'faqar estrem li qed jgħixu fid-distrett Cox's Bazaar;
14. Jesprimi l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tal-UE u jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex jikkooperaw bis-sħiħ miegħu;
15. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill biex jestendi b'sena l-miżuri restrittivi pprovduti fid-Deċiżjoni attwali tal-UE u jenfasizza r-rieda tiegħu biex jirrevedi, jemenda jew isaħħaħ il-miżuri diġà adottati fid-dawl tal-iżviluppi fil-post;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tagħti l-fondi li kienet naqqset mill-fondi għar-refuġjati fuq il-fruntieri bejn it-Tajlandja u l-Burma, u biex minnufih tibda tiffinanzja għajnuna transkonfinali, partikolarment għajnuna medika;
17. Itenni it-talba tiegħu għal soluzzjoni għall-problema tar-refuġjati ta' Rohingya fil-Bangladexx; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jawtorizza r-reġistrazzjoni uffiċjali tagħhom bħala refuġjati u lill-awtoritajiet tal-Burma/Mjanmar biex jieqfu minn kwalunkwe forma ta' persekuzzjoni tar-Rohingya u biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali taghhom bhala minoranza relgijuża u etnika;
18. Jilqa' l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għall-embargo fuq l-armi globali u jħeġġeġ lill-gvernijiet Ewropej u lill-Kummissjoni biex jibdew jaħdmu b'mod attiv biex jintlaħaq kunsens globali favur projbizzjoni bħal din;
19. Jappoġġa lill-missjoni ta' medjazzjoni li qiegħda f'idejn is-Segretarju Ġenerali tan-NU u jilqa' l-impenn tiegħu biex isolvi din il-problema;
20. Jagħti istruzzjonijiet lid-delegazzjonijiet tiegħu għar-relazzjonijiet mal-ASEAN, iċ-Ċina, ir-Russja, l-Istati Uniti, l-Indja, il-pajjiżi tal-Asja tan-Nofsinhar u l-Ġappun biex iqiegħdu lill-Burma/Mjanmar fuq l-aġenda fil-laqgħat tagħhom mal-kontrapartijiet tagħhom u l-imsieħba ta' diskussjoni f'dawk il-pajjiżi;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi-President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma, lill-Kunsill tal-Istat tal-Burma għall-Paċi u għall-Iżvilupp, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-ASEAN u l-ASEM, lis-segretarjat tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari tal-ASEAN dwar il-Mjanmar, lil Daw Aung San Suu Kyi, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma/Mjanmar.