Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2227(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0143/2010

Testi mressqa :

A7-0143/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2010 - 7.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0209

Testi adottati
PDF 338kWORD 95k
It-Tlieta, 15 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu
Politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel
P7_TA(2010)0209A7-0143/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel (2009/2227(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ’Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel’ (COM(2009)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni : ’Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE’ (COM(2009)0512),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ’Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji’ (COM(2009)0158) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010(1) dwar id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Kunsill tal-4 ta' diċembru 2009 intitolat ’Towards a competitive, innovative and eco-efficient Europe – a contribution by the Competitiveness Council to the post-2010 Lisbon agenda’,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ’Inħarrku l-fruntieri fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – strateġija għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa’ (COM(2009)0184),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2009 dwar l-Att tan-Negozji Żgħar(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar: Reviżjoni tal-Politika industrijali ta' nofs it-terminu: Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar it-twaqqif ta' Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008: Promoting creativity and innovation through education and training(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2007 dwar ’It-tqegħid tal-għarfien fil-prattika: strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona: aktar riċerka u innovazzjoni – investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: Approċċ komuni(7),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)(9),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva tal-Komunità Ewropea (COM(2000)0412),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna statali għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ’Towards a more effective use of tax incentives in favour of R&D’ (COM(2006)0728),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni Ewropea ’Assessing Community innovation policies in the period 2005-2009’ (SEC(2009)1194),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ’Strateġija għar-R&Du l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira’ (COM(2009)0116),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0143/2010),

A.  billi l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha ’Reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel’, ħabbret strateġija ta' innovazzjoni riveduta fil-forma ta' pjan ta' azzjoni,

B.  billi din l-istrateġija ta' innovazzjoni għall-ġejjieni għandha tkun marbuta mill-qrib mal-Istrateġija 2020 tal-UE,

C.  billi fil-Komunikazzjoni tagħha ’Inħarrku l-fruntieri fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – strateġija għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni fl-Ewropa’, il-Kummissjoni ħabbret strateġija ġdida għar-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni (FET) bit-tnedija ta' inizjattivi ta' prominenza,

D.  billi, għall-iżvilupp ta' politika ta' innovazzjoni Ewropea, jeħtieġ li jitqiesu t-tliet naħat tat-triangolu tal-għarfien – ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni,

E.  billi l-kapaċità tal-kumpaniji għall-innovazzjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-aċċess għal riżorsi finanzjarji adegwati u l-kriżi tal-kreditu kkawżata mill-kriżi ekonomika attwali qed thedded drastikament li tnaqqas il-kapaċità tal-kumpaniji għall-innovazzjoni, b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji (SMEs),

F.  billi l-innovazzjoni hija l-muftieħ biex jintlaħqu b'suċċess l-isfidi attwali kbar tas-soċjetà u tal-ambjent tal-UE u biex jitwettqu l-għanijiet politiċi strateġiċi tagħha fl-oqsma bħall-kompetittività, it-tibdil fil-klima, l-impjiegi, il-bidla demografika u soċjetà inklużiva,

G.  billi l-Unjoni Ewropea mhix se tilħaq il-miri tagħha tal-enerġija u tal-klima għall-2020, u b'mod partikolari l-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b’20%, iżżid l-effiċjenza fl-enerġija b’20% u tilħaq sehem ta' mill-inqas 20% tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli, mingħajr ma jiġu aċċellerati l-proċess tal-iżvilupp u l-applikazzjoni mifruxa tat-teknoloġiji ta' enerġija nodfa, sostenibbli u effiċjenti; billi l-istrateġija ta' innovazzjoni fil-ġejjieni għandha tintegra bis-sħiħ din id-dimensjoni,

H.  billi r-riċerka fit-teknoloġiji ġodda u futuri (bħalma huma t-teknoloġiji quantum, it-teknoloġiji tal-ICT ispirati mill-bijoloġija u min-nanoteknoloġiji) hija katalizzatur għall-innovazzjoni permezz tal-impatt tagħha fuq il-kompetittività fit-tul, u billi hija toħloq oqsma ġodda għal kollox għall-attività ekonomika, filwaqt li tinkoraġġixxi industriji ġodda u SMEs b'teknoloġija avvanzata,

I.  billi il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli mhux biss huma essenzjali biex jinkisbu l-miri tal-UE fil-klima u fl-enerġija iżda ser ikunu wkoll ta' valur tremend għall-Unjoni f'termini ta' impjiegi fil-ġejjieni u tkabbir ekonomiku,

J.  billi distribuzzjoni inugwali tar-riżorsi skarsi tista’ tostakola l-innovazzjoni; billi l-politika tal-UE dwar il-materji primi għandha tindirizza l-isfidi ewlenin fir-rigward tal-isforz biex tiżgura aċċess ġust,

K.  billi, fi żminijiet ta' riżorsi dejjem iktar skarsi, il-promozzjoni ta' teknoloġiji sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija se ttejjeb is-sikurezza fil-provvista ta' enerġija tal-UE,

L.  billi l-bidla demografika se tkun waħda mill-isfidi ewlenin tal-ġejjieni, li teħtieġ, inter alia, reazzjonijiet teknoloġiċi ġodda,

M.  billi jeħtieġ li l-UE tgħaqqad ir-riżorsi tagħha u ssaħħaħ il-forza tagħha f'dawk is-setturi tal-industrija li fihom għadha f'qagħda tajba biex tikkompeti u tiżgura l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fid-dinja kollha,

Approċċ wiesa’ għall-innovazzjoni

1.  Hu tal-fehma li jeżistu opportunitajiet għal rabtiet aktar mill-qrib bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw strateġija integrata għax-xjenza u għall-innovazzjoni;

2.  Jagħti parir lill-Kummissjoni tal-UE li l-politika futura ta' innovazzjoni fl-UE għandha tkun wiesgħa fl-ambitu, tħaddan b'mod fundamentali l-innovazzjoni f'kull forma - mhux biss l-innovazzjoni teknoloġika (b'effett fuq il-prodotti u l-proċessi), iżda wkoll innovazzjoni amministrattiva, organizzattiva, soċjali u li tirrigwarda x-xogħol, inklużi mudelli innovattivi ġodda ta' negozju u innovazzjonijiet fil-provvista tas-servizzi, filwaqt li jitqiesu ż-żewġ naħat l-oħra tat-triangolu tal-għarfien (ir-riċerka u l-edukazzjoni);

3.  Jenfasizza li l-ewwel u qabel kollox, l-innovazzjoni tfisser novitajiet li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi u tas-suq; jitlob li, għaldaqstant, il-Kummissjoni tiżgura rikonoxximent aħjar tal-primat tad-domanda tal-konsumaturi bħala forza ta' motivazzjoni għall-innovazzjoni; Jinnota l-fatt li biex tilqa’ għall-ħolqien ta' forom ġodda ta' inugwaljanza fis-soċjetà, l-innovazzjonijiet fil-futur għandhom jitkejlu mhux biss f'termini tal-benefiċċji ambjentali u ekonomiċi, iżda wkoll skont il-valur miżjud soċjali tagħhom;

4.  Jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-intraprendituri bħala dawk li jimbuttaw l-innovazzjoni ’l quddiem fl-Ewropa huwa prerekwiżit neċessarju għat-tħaddim effikaċi ta' suq intern kompetittiv, ibbażat fuq it-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ u livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur u koeżjoni soċjali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi punti ta' referenza ambizzjużi għall-innovazzjoni li jiffukaw fuq l-isfidi l-kbar tas-soċjetà u jnaqqsu l-frammentazzjoni attwali ta' inizjattivi Ewropej differenti;

6.  Jappoġġja bil-qawwa kollha d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li teknoloġiji ewlenin u riċerka dwar teknoloġiji ġodda u tal-ġejjieni huma indispensabbli biex tissaħħaħ il-kompetittività mondjali tal-UE b'mod sostenibbli; jingħaqad mal-Kummissjoni fis-sejħa tagħha biex l-Istati Membri jiħqu qbil dwar l-importanza tal-użu ta' teknoloġiji abilitanti ewlenin fl-UE; jenfasizza f'dan ir-rigward li (i) teknoloġiji abilitanti ewlenin, bħall-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-fotonika, il-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija, (ii) materjali ġodda, u (iii) teknoloġiji ġodda u futuri jistgħu joffru potenzjal konsiderevoli għall-innovazzjoni u jistgħu jikkontribwixxu għal sistema ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien u b'inqas emissjonijiet tal-karbonju;

7.  Jenfasizza li l-innovazzjoni għandha tkun imsejsa fuq l-individwu u jilqa’ l-isforzi biex jiżdied id-djalogu bejn l-universitajiet u d-dinja tan-negozju, li qed jgħin sostanzjalment fil-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-użu aktar effikaċi ta' għarfien li joħroġ mis-settur privat fi ħdan l-universitajiet, u biex jarrikkixxi l-materjal ta' korsijiet akkademiċi skont il-ħtiġijiet soċjali u tan-negozju tal-lum;

8.  Jinnota li teknoloġiji abilitanti ewlenin u teknoloġiji ġodda u futuri għandhom jiġu identifikati f'kooperazzjoni mad-dinja tan-negozju, fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, inklużi l-SMEs, u li l-għanijiet tal-politika ekonomika reġjonali għandhom ukoll jiġu kkunsidrati; jistieden lill-UE biex tiżgura li l-kontribut tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli propost għall-identifikazzjoni, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' miżuri konkreti għal żmien qasir, medju u fit-tul b'appoġġ għal dawk it-teknoloġiji jkun ikkunsidrat;

9.  Jilqa’ dawn il-miżuri ta' politika ta' innovazzjoni bħala miżuri li jikkomplementaw l-istrateġiji industrijali nazzjonali fil-livell Komunitarju u f'termini transsettorjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli sejra b'dan l-approċċ;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jgħaqqdu t-tnedija tan-netwerks diġitali u tan-netwerks intelliġenti tal-ġenerazzjoni li jmiss ma' attivitajiet ta' innovazzjoni biex jinkiseb l-akbar benefiċċju minnhom; jenfasizza f'dan il-kuntest li għandhom ikunu pprovduti fondi suffiċjenti, inkluż mill-Fondi Strutturali;

11.  Jenfasizza li l-investiment f'netwerks tal-internet b'veloċità għolja u penetrazzjoni akbar tal-broadband huma kundizzjonijiet bażiċi għat-tixrid ta' kisbiet innovattivi akbar u aktar effikaċi u b'hekk jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni bejn ir-reġjuni tal-UE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki ta' konverġenza dwar l-innovazzjoni biex jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri;

13.  Jappoġġa l-fatt li bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tħejji ’Att Ewropew dwar l-Innovazzjoni’, għal ħidma lejn strateġija dwar l-innovazzjoni aktar koerenti;

14.  Jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni ekoloġika u l-intrapriżi ħodor, li jista’ jkollhom rwol importanti fir-rabta tal-politika tal-innovazzjoni mas-setturi ta' importanza ewlenija għall-UE, u jwasslu għal vantaġġi komparattivi kbar għall-ekonomija Ewropea;

15.  Jisħaq fuq l-importanza tar-rwol tal-ekoinnovazzjoni, b'mod partikolari fil-kuntest taż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi;

16.  Jenfasizza s-sehem importanti li għandhom ir-raggruppamenti (clusters) ta' innovazzjoni eżistenti għall-politika ta' innovazzjoni tal-ġejjieni tal-UE u jisħaq fuq il-potenzjal offrut b'mod partikolari mir-raggruppamenti tal-għarfien; jilqa’ b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' żoni speċjali ta' innovazzjoni u ta' intrapriża qrib universitajiet, istituti ta' riċerka u parks xjentifiċi u teknoloġiċi jitlob li tingħata kunsiderazzjoni għall-possibilitajiet ta' qafas uniformi u simplifikat għall-fondi u l-operat għaż-żoni ta' innovazzjoni l-ġodda;

17.  Jenfasizza li r-raggruppamenti eżistenti – inklużi dawk li f'ċerti oqsma jinsabu fuq qudddiem fid-dinja – għandhom jiġu żviluppati aktar, permezz tal-isforzi konġunti tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni, sabiex ikunu jistgħu jsostnu u jibnu fuq ir-rwol tagħhom;

18.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-bażi ta' kull attività fir-rigward tal-politika ta' raggruppamenti għandha tqis il-bżonnijiet tal-kumpaniji, inklużi dawk tal-SMEs, speċjalment dawk ta' SMEs innovattivi, peress li l-innovazzjoni għandha rwol importanti fil-promozzjoni tal-intrapriża;

19.  Jistieden lill-entitajiet involuti fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas għall-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-raggruppamenti;

20.  Jenfasizza s-sehem li għandhom l-SMEs kemm bħala msieħba f'katini ta' żieda tal-valur kif ukoll bħala fornituri individwali ta' prodotti innovattivi;

Żieda fil-fondi tal-UE u l-użu speċifiku tagħhom għall-innovazzjoni

21.  Jitlob li jkun hemm approċċ Ewropew imsaħħaħ għall-innovazzjoni dwar il-finanzjament biex jiġu evitati l-frammentazzjoni attwali u l-ippjanar għal żmien qasir; huwa tal-fehma li l-provvista ta' riżorsi finanzjarji adegwati hija kruċjali għall-iżvilupp tal-innovazzjoni u li l-baġit tal-UE għall-innovazzjoni, għalhekk, għandu jiżdied b'mod sostanzjali; jitlob biex dan ikun rifless fir-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju attwali u fil-proċess tal-ippjanar marbut mal-Perspettiva Finanzjarja 2014-2020; jinnota li r-regoli rigward l-eliġibilità għall-fondi tal-R & D dwar ir-riċerka u l-iżvulupp preindustrijali u/jew esperimentali għandhom jiġu riveduti fl-istess ħin; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-fondi allokati għar-riċerka u l-iżvilupp sabiex jinkiseb l-objettiv stabbilit f'Barċellona fl-2002, ta' nefqa ta' 3% tal-PGD fuq ir-riċerka u l-iżvilupp sal-2010; jenfasizza l-importanza ta' finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni fi żmien ta' kriżi ekonomika, peress li dan l-approċċ se jtejjeb il-ħolqien ta' impjiegi fil-ġejjieni fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi assenjat proporzjon akbar ta' programmi R & D għall-innovazzjoni;

22.  Huwa tal-fehma li n-nefqa tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni għandha tiffoka fuq għanijiet bħall-għoti ta' inċentivi għall-applikazzjoni kummerċjali tar-riżultati tar-riċerka, kif ukoll informazzjoni aktar komprensiva dwar is-sorsi u l-possibilitajiet ta' finanzjament; jenfasizza l-importanza li tinżamm it-trasparenza u l-opportunitajiet ugwali fl-aċċess għall-fondi fuq il-bażi ta' sejħiet miftuħa għal proposti ta' riċerka; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-fondi strutturali biex jinċentivaw l-innovazzjoni fuq skala kbira fil-livell tal-UE; jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati skemi ta' ffinanzjar innovattivi soċjali biex wieħed jikkonċentra iktar fuq ir-redditi soċjali;

23.  Jenfasizza li, flimkien ma' baġits akbar, huwa essenzjali li tinkiseb massa kritika; jirrakkomanda l-użu tal-akkwist pubbliku għal dan il-għan u jenfasizza, b'mod partikolari, li l-fondi għandhom ikunu diretti lejn dawk l-oqsma fejn l-effett ta' ’lieva’ huwa l-akbar, bħal teknoloġiji abilitanti ewlenin u inizjattivi ta' prominenza għal teknoloġiji emerġenti u teknoloġiji tal-ġejjieni sabiex jiġi ġġenerat valur miżjud għall-Ewropa; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn il-Programmi ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Fondi Strutturali; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-korpi differenti ta' ġestjoni tal-FP7, is-CIP u l-Fondi Strutturali għandhom ikunu konxji mill-possibilitajiet offruti minn kull wieħed minn dawn l-istrumenti; jiddispjaċih li l-opportunitajiet għal sinerġiji eżistenti fil-finanzjament għadhom mhumiex magħrufa biżżejjed; jistieden lir-reġjuni u lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex titjieb il-komunikazzjoni f'dan ir-rigward;

24.  Jilqa’ b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (IET) li ġie stabbilit biex jistimola u jwassal innovazzjoni li tkun minn ta' quddiem fid-dinja billi jlaqqa’ l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozji f'għan komuni; jenfasizza l-kontribut kbir li jista’ jingħata mill-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) fl-għoti ta' inċentivi għall-programmi ta' innovazzjoni u r-rwol importanti li jista’ jkollu f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal il-baġit tal-EIT b'tali mod li jiġi żgurat li l-fondi allokati, flimkien mal-fondi minn sorsi oħra, jistgħu jiksbu l-massa kritika meħtieġa sabiex jintlaqgħu u jiġu investigati bis-sħiħ l-isfidi essenzjali li qed jiffaċċjaw is-soċjetajiet tal-UE;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' linji gwida biex jiggarantixxu l-allokazzjoni kompetittiva u l-użu fil-pront ta' finanzjament u l-introduzzjoni ta' skema ta' għotjiet għal proġetti li għandhom impatt ekonomiku kbir immedjat;

26.  Jenfasizza li l-Ewropa għandha tkun fost il-pijunieri fl-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-Internet u fl-applikazzjonijiet tal-ICT b'karbonju baxx; jipproponi li l-baġit tal-UE għar-riċerka fl-ICT jiġi rduppjat fil-Perspettiva Finanzjarja li jmiss;

Titjib fl-istruttura ta' governanza tal-programmi

27.  Jenfasizza l-punt li l-politika dwar l-innovazzjoni għandha tkun ikkoordinata ma' politiki oħra kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali (inklużi l-politika tal-industrija, dik tal-ambjent u dik tal-konsumatur), filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-approċċi identifikati għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u reġjonali differenti;

28.  Jiddispjaċih li l-isforzi biex jiġu ssimplifikati l-instrumenti ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE ma kinux ta' suċċess, u li l-proċeduri għadhom wisq kumplessi u għadhom jieħdu wisq ħin, u dan ixekkel b'mod partikulari l-parteċipazzjoni tal-SMEs f'dawn il-programmi;

29.  Huwa tal-opinjoni li, fl-interess tal-faċilità tal-użu għall-utenti u t-trasparenza, huwa meħtieġ li jiġu evitati sovrapożizzjonijiet u duplikazzjoni tal-programmi ta' appoġġ, ikkawżati mill-koordinazzjoni fqira tal-livelli operazzjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk l-istrumenti ta' għajnuna tal-UE għall-SMEs jistgħux fil-futur jingħaqdu taħt il-kappa ta' Direttorat Ġenerali wieħed, bħad-DĠ Intrapriża; iqis li dan jagħmilhom aktar faċli biex jiġu pproġettati u jistgħu jservu ta' ’one-stop shop’ għall-benefiċjarji potenzjali;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni, bl-istess mod, biex tiżgura li l-qafas regolatorju tal-UE jappoġġa l-innovazzjoni aktar milli jikkostitwixxi ostaklu għat-tibdil u li jkun hemm kooperazzjoni aktar effettiva fost is-servizzi interni u d-direttorati ġenerali u biex tqis il-kwistjonijiet marbuta mal-innovazzjoni b'mod koerenti u komprensiv; jinsisti li dan għandu jwassal għal strumenti inqas frammentati tal-UE fil-qasam tal-politika tal-innovazzjoni;

31.  Jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jikkoordinaw b'mod effikaċi l-inizjattivi tal-korpi nazzjonali responsabbli;

32.  Jinnota li l-isforzi konġunti tal-entitajiet tal-UE għandhom jimmiraw biex jeliminaw il-vojt li jeżisti bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll bejn l-istat li fih prodott ikun lest għas-suq u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu; jenfasizza li l-programmi ta' qafas jeħtieġu interfaces bejniethom jew konnettività bejn il-programmi ta' xulxin għall-miżuri marbuta mar-riċerka u mal-innovazzjoni;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa indikaturi ġodda tal-innovazzjonijiet li jkunu adattati aħjar għall-ekonomiji ta' servizzi li kulma jmur qed ikunu bbażati iktar fuq l-għarfien, u biex tadatta dawk eżistenti, sabiex it-Tabella ta' Valutazzjoni Ewropea għall-innovazzjoni ma tagħtix biss analiżi komparattiva tal-kapaċità għall-innovazzjoni tal-Istati Membri, iżda biex tkun tista’ tidentifika wkoll is-saħħiet u l-kisbiet kif ukoll id-dgħufijiet tal-miżuri tal-UE dwar l-innovazzjoni;

34.  Jenfasizza l-importanza ta' informazzjoni aktar komprensiva dwar il-mezzi u s-sorsi xierqa ta' finanzjament u ta' data affidabbli dwar forom alternattivi ta' finanzjament, bħall-ftehimiet dwar il-liċenzji, sabiex l-impriżi jitħajru jinvestu aktar;

Inkoraġġiment għall-iffinanzjar mis-settur privat

35.  Jenfasizza li flimkien mal-iffinanzjar pubbliku għandu jiġi stimolat b'aktar qawwa l-iffinanzjar privat;

36.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm armonizzazzjoni aħjar għall-aċċess għall-fondi tal-UE għall-parteċipanti kollha sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-istrutturi u l-attivitajiet ta' governanza tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti;

37.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE biex tippreżenta, flimkien mal-pjan ta' azzjoni għall-innovazzjoni, strumenti konkreti għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-kumpaniji innovattivi; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jitqiesu r-rekwiżiti differenti ta' finanzjament u l-intensità fl-innovazzjoni tal-kumpaniji matul il-fażijiet differenti inizjali u ta' tkabbir tagħhom;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet li bihom kapital ta' riskju jkun aktar faċilment disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs, u li jiġu estiżi l-Faċilitajiet ta' Finanzjament għall-Qsim tar-Riskji tal-BEI (RSFF); jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga x'passi jistgħu jittieħdu biex jinkiseb arranġament dwar il-qsim tar-riskji li jkun aċċettabbli għall-atturi kollha involuti u b'hekk jiġi stimulat l-investiment privat fil-qasam tal-innovazzjoni;

39.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-entitajiet tal-UE rilevanti biex jiżviluppaw strumenti ta' ffinanzjar għall-SMEs, li taw prova tal-effikaċja tagħhom, bħalma huma l-mikrokrediti, il-kapital ta' riskju għal persuni li jfittxu li jinvestu fl-intrapriżi innovattivi, il-’business angels’ li jisponsorjaw proġetti tan-negozju minn, p.e. riċerkaturi żgħażagħ, self u garanziji u biex joħolqu inċentivi fiskali, finanzjarji, kummerċjali u amministrattivi għall-investimenti, peress li dan inaqqas ir-riskju ta' rilokazzjoni ta' kumpaniji minħabba qafas ta' kundizzjonijiet li ma jkunux favorevoli għall-għajnuna statali, billi dan jimmotiva l-kumpaniji biex jimpjegaw ir-riżorsi umani għal skopijiet ta' riċerka u innovazzjoni, u b'hekk tingħata spinta lill-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda;

40.  Jenfasizza l-importanza li jsir provvediment għal allokazzjoni minima ta' fondi għall-SMEs fis-sejħiet miftuħa ppubblikati fl-inizjattivi dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fuq l-istess impenn adottat għall-FP7 (15% tar-riżorsi fil-Programm ta' Kooperazzjoni);

Tisħiħ tal-kundizzjonijiet ta' qafas għall-impriżi, partikolarment l-SMEs

41.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'konformità mal-prinċipji tas-suq intern, biex tallinja r-regoli Komunitarji eżistenti dwar l-għajnuna statali b'mod li jappoġġjaw l-investiment f'teknoloġiji ġodda li huma urġentement meħtieġa biex tiżgura l-kompetittività tal-UE fuq perjodu ta' żmien twil u bl-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fid-dinja kollha; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jikkunsidraw l-inizjattiva dwar teknoloġiji abilitanti ewlenin filwaqt li jirrevedu r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna statali u b'hekk jagħmluha possibbli għall-Istati Membri li joħolqu sistemi ta' inċentivi nazzjonali biex jippromwovu teknoloġiji abilitanti ewlenin;

42.  Jenfasizza l-importanza ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jissodisfaw ċerti kriterji f'termini ta' daqs u strutturi ta' governanza u fit-twettiq ta' valutazzjoni tal-impatt perjodika tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti approvati għall-kontribuzzjoni tagħhom għall-kompetittività tal-industrija Ewropea;

43.  Jilqa’, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-’Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni’ se jiġi rivedut fis-sena 2010;

44.  Huwa tal-fehma li promozzjoni aħjar tal-innovazzjoni għandha dejjem timxi id f'id ma' tnaqqis fil-burokrazija li jiffaċċaw l-applikanti; jistieden lill-Kummissjoni biex telimina l-burokrazija billi terġa’ tiġġenera l-proċessi tal-Programm ta' Qafas u billi toħloq bord tal-utenti;

45.  Jistieden lill-entitajiet relevanti tal-UE biex itejbu – speċjalment għall-SMEs – il-kundizzjonijiet ta' qafas għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, speċjalment il-privattivi, peress li l-prezz u l-kwalità tagħhom huma fattur deċiżiv fl-innovazzjoni;

46.  Jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, għan-nuqqas ta' suq intern ġenwin għall-innovazzjonijiet fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam, b'mod partikulari f'dak li hu qbil fil-pront dwar privattiva Komunitarja u sistema legali waħda dwar il-privattivi, u jisħaq fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni għall-iżvilupp ta' prodotti innovattivi;

47.  Jirrakkomanda l-promozzjoni ta' politiki moderni dwar il-Privattivi Internazzjonali li jrawmu l-innovazzjoni bħall-ġbir flimkien tal-privattivi (patent pooling), pjattaformi komuni għall-privattivi u liċenzji għal drittijiet esklużivi;

48.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-iżvilupp ta' privattiva Komunitarja li tkun favorevoli għall-SMEs għall-ekonomija Ewropea, skont il-politiki tal-Unjoni dwar l-innovazzjoni;

49.  Jinnota l-użu dejjem jiżdied tal-privattivi bħala sigurtà għall-finanzjament bankarju, iżda li l-banek sikwit ma jkollhomx l-għarfien tekniku sabiex ikunu jistgħu jivvalutaw b'mod korrett il-valur tal-privattivi meta jagħtu self; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk l-UE għandhiex tipprovdi appoġġ għall-iżvilupp ta' standards ta' valutazzjoni;

50.  Jenfasizza l-importanza ta' programmi li jinkoraġġixxu lill-SMEs jagħmlu użu mill-iżviluppi teknoloġiċi u mill-istaff ta' riċerka;

51.  Jenfasizza li t-tliet naħat tat-triangolu tal-għarfien – l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni – ma għandhomx ikunu separati; jitlob, għal dan il-għan, li ma jonqosx l-investiment fit-taħriġ u t-taħriġ ulterjuri għall-impjegati tas-sengħa, billi dan l-investiment huwa importanti ħafna minħabba l-impatt tal-kapaċità tal-innovazzjoni fuq il-kompetittività tal-UE; Jenfasizza l-bżonn li l-kundizzjonijiet għar-riċerkaturi u l-ħaddiema speċjalizzati tagħhom isiru kemm jista’ jkun attraenti, u wkoll fir-rigward tal-mobilità tagħhom, biex l-UE tkun tista’ tlaħħaq mal-kompetizzjoni globali; jenfasizza li din tmur flimkien mat-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkaturi nisa;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0187.
(2) Testi adottati, P6_TA(2009)0100.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0226.
(4) ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1.
(5) ĠU C 141, 7.6.2008, p. 17.
(6) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 455.
(7) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 640.
(8) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.
(9) ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.
(10) ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza