Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2037(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0165/2010

Testi mressqa :

A7-0165/2010

Dibattiti :

PV 14/06/2010 - 19
CRE 14/06/2010 - 19

Votazzjonijiet :

PV 15/06/2010 - 7.15
CRE 15/06/2010 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0210

Testi adottati
PDF 375kWORD 142k
It-Tlieta, 15 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu
Il-progress sabiex jinkisbu l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs): reviżjoni ta' nofs it-terminu bħala tħejjija għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010
P7_TA(2010)0210A7-0165/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-progress li sar sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju: reviżjoni ta' nofs it-terminu bi preparazzjoni għal-laqgħa ta' livell għoli tan-NU f'Settembru 2010 (2010/2037(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Istati Uniti għall-Millennju tat-8 ta' Settembru 2000,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2010, li ffukat fuq l-MDGs,

–  wara li kkunsidra l-impenji fir-rigward tal-volum ta' għajnuna, tal-għajnuna lill-Afrika tas-Sub-Saħara, u tal-kwalità tal-għajnuna li ttieħdu mill-G8 fis-Samit ta' Gleneagles tal-2005 u fil-laqgħat kollha sussegwenti tal-G8 u l-G20,

–  wara li kkunsidra s-samit tal-G20 li sar f'Pittsburgh bejn l-24 u l-25 ta' Settembru 2009 u s-samit tal-G20 li sar f'Londra fit-2 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra s-samit tal-G8 li sar L'Aquila, fl-Italja, bejn it-8 u l-10 ta' Lulju 2009,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp(1) u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u d-Diviżjoni tax-Xogħol fil-Politika tal-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens ta' Monterrey, adottat fil-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Monterrey, fil-Messiku, bejn it-18 u t-22 ta' Marzu 2002,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għall-Azzjoni,

–  wara li kkunsidra s-Sejħa ta' Addis għal Azzjoni Urġenti għas-Saħħa Materna, is-Sejħa ta' Berlin għal Azzjoni u l-Possibilitajiet Strateġiċi għall-NGOs, u li l-aħħar żewġ dokumenti msemmija ġew ippubblikati biex jikkommemoraw il-15-il Anniversarju tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD/15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE li jistipola li ’L-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw’,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(4) (’Strument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp’ (SKI)),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta' Lisbona) li jafferma mill-ġdid li l-UE għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki u l-attivitajiet tagħha, meta jitqiesu l-għanijiet kollha tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tal-ILO dwar Xogħol Deċenti u l-Patt Globali tal-ILO dwar l-Impjiegi adottati b'kunsens globali fid-19 ta' Ġunju 2009 fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Lulju 2009 imħejji mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-UNDP (Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti) imsejjaħ ’Qbiżna nofs it-triq - Il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju’, ippubblikat f'Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, bit-titolu ’Pjan ta' Azzjoni tal-UE bi tnax-il punt biex jiġu appoġġati l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju’(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Progress fil-Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkolożi permezz ta' Azzjoni Esterna (2007-2011),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Novembru 2008 dwar l-attivitajiet ta' self esterni tal-BEI(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effettività tal-għajnuna u l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar ’l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju f'nofs it-triq’(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar mortalità materna(9), tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-kuntratti MDG(10) u tat-25 ta' Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7–0165/2010),

A.  billi t-tnaqqis u l-eradikazzjoni tal-faqar huma l-objettivi primarji tal-politika għall-iżvilupp tal-UE skont it-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li huma wkoll obbligu morali u fl-interess tal-UE stess għall-futur imbiegħed,

B.  billi kemm l-UE, bħala l-ikbar donatur tad-dinja, kif ukoll l-Istati Membri tagħha, għandu jkollhom rwol prinċipali fil-laqgħat ta' Settembru dwar l-MDGs u għandhom jadottaw pożizzjoni ambizzjuża u unita li tista’ taħdem bħala mutur sabiex l-MDGs jintlaħqu fiż-żmien stipulat,

C.  billi bħalissa l-UE jonqosha bejn wieħed u ieħor 20 biljun EUR biex tissodisfa l-impenji ta' nfiq tagħha fir-rigward tal-MDGs,

D.  billi xi wħud mill-Istati Membri tal-UE qed inaqqsu l-baġits tagħhom għall-għajnuna,

E.  billi l-valur tat-tranżazzjonijiet finanzjarji globali laħaq 70 darba l-GNI (Dħul Nazzjonali Gross) dinji,

F.  billi għajnuna li ma tistax tiġi prevista tista’ tkun detrimentali għall-pajjiżi riċevituri, u billi għajnuna ta' kwalità aħjar tista’ tirrilaxxa 3 biljun EUR fis-sena għal infiq għall-baġits ta' żvilupp tal-UE u l-Istati Membri tagħha(12),

G.  billi 82% tas-self il-ġdid mill-IMF (Fond Monetarju Internazzjonali) mar għall-pajjiżi fiż-żona Ewropea, filwaqt li l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) jibbenefikaw kieku jirċievu ammont akbar ta' self ġdid mill-IMF,

H.  billi, minkejja li l-G20 huwa iktar rappreżentattiv mill-G8, in-NU tibqa’ tirrappreżenta l-iktar forum inklussiv sabiex jiġu indirizzati kwestjonijiet globali ta' governanza,

I.  billi inkonsistenzi fil-politiki tal-UE m'għandhomx ifixklu l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp,

J.  billi l-flus mibgħuta mill-emigranti lura f'pajjiżhom jikkontribwixxu, tal-anqas, USD 300 biljun fis-sena għall-ekonomiji tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(13),

K.  billi, minkejja li kien hemm progress inkoraġġanti fir-rigward ta' xi wħud mill-MDGs, it-tmien MDGs kollha, bħalissa, mhumiex iżommu mal-miri tagħhom u hija biss wirja ta' rieda politika determinata li se tippermetti li l-MDGs jintlaħqu fil-ħames snin li fadal qabel l-iskadenza tal-2015,

L.  billi xi LDCs għadhom ’il bogħod ħafna milli jiksbu kwalunkwe MDG,

M.  billi l-kriżijiet reċenti tal-ikel u tal-fjuwil, flimkien mat-tnaqqis tal-attività ekonomika globali u t-tibdil fil-klima, wasslu għal tfixkil rigward il-progress li seħħ fl-aħħar għaxar snin fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar,

N.  billi s-sjieda ta' art toħloq inċentivi għall-individwi, il-familji u l-komunitajiet biex jieħdu l-kontroll tal-iżvilupp tagħhom stess u jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fil-livell lokali,

O.  billi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw tista’ tiswa madwar USD 100 biljun fis-sena sal-2020(14), u t-tnaqqis fl-attività ekonomika se jiswa mill-inqas l-istess ammont(15),

P.  billi s-sitwazzjoni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u li għandhom dħul medju għandha titqies meta jkunu qed jiġu riveduti l-MDGs, billi dawn il-pajjiżi għadhom jeħtieġu l-għajnuna fi triqithom lejn il-kisba tal-potenzjal ta' żvilupp sħiħ tagħhom,

Q.  billi n-nazzjonijiet industrijalizzati huma prinċiparjament responsabbli għat-tibdil fil-klima u għall-kriżi finanzjarja u ekonomika,

R.  billi n-numru ta' dawk li jaħdmu imma jibqgħu foqra u ta' dawk li għandhom xogħlijiet vulnerabbli qiegħed dejjem jiżdied dejjem iktar,

S.  billi nuqqas ta' paċi u sigurtà, demokrazija u stabilità politika ta' spiss ma jippermettix li pajjiżi foqra jilħqu l-potenzjal ta' żvilupp kollu tagħhom,

T.  billi l-korruzzjoni teqred il-produttività, toħloq instabilità u tiskoraġġixxi investiment barrani,

U.  billi flussi illegali ta' kapital mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma stmati għal madwar USD 641 biljun sa USD 941 biljun, u dan il-fluss ’il barra jipperikola l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiġġeneraw ir-riżorsi proprji tagħhom u jallokaw aktar fondi għat-tnaqqis tal-faqar(16),

V.  billi, minkejja li sar progress kbir fir-rigward ta' xi MDGs li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa, it-tliet MDGs marbuta mas-saħħa, b'mod partikulari rigward il-mortalità materna, għad baqagħlhom ħafna biex jintlaħqu,

W.  billi 13% tal-imwiet materni kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma dovuti għal abort mhux sigur, u billi din iċ-ċifra hija ħafna aktar għolja fl-Afrika(17),

X.  billi l-finanzjament għall-ippjanar tal-familja, meta dan jitqies għal kull mara, naqas drastikament matul l-aħħar għaxar snin,

Y.  billi, anki jekk niksbu l-MDGs kollha, xorta waħda jkun għad fadal sfidi relatati mal-faqar u sofferenza f'pajjiżi fqar,

Z.  billi, jekk nonqsu milli nżommu l-wegħdiet relatati mal-MDGs tagħna, dan ikun ifisser tbatija kontinwa għal miljuni ta' nies fqar, u dan serjament ikun ta' dannu għall-fiduċja bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar,

I.Finanzjament

1.  Jistenna li l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010 jilħaq ftehim dwar pożizzjoni ambizzjuża u unita tal-UE qabel il-laqgħa tan-NU dwar l-MDGs ta' Settembru, u li jwassal għal impenji ġodda, addizzjonali, trasparenti, li jistgħu jitkejlu u li huma mmirati lejn ir-riżultati;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jilħqu l-obbligi li qablu dwarhom bħala parti mill-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) trid tibqa’ objettiv ewlieni għall-Unjoni Ewropea; jenfasizza li t-tnaqqis tal-faqar permezz tal-kisba tal-MDGs irid jiġi rikonoxxut b'mod mhux ambigwu bħala l-qafas dominanti għall-politika tal-UE u li dan irid jiġi rifless b'mod ċar fil-politiki tal-iżvilupp rilevanti kollha, inklużi l-politika tal-kummerċ u l-proposti leġiżlattivi; jemmen li l-MDGs m'għandhomx jitqiesu bħala kwistjoni teknika li se tissolva sempliċement billi jiġu pprovduti aktar flus jew iżjed opportunitajiet ta' kummerċ mingħajr ma jiġu identifikati u ttrattati l-kawżi fundamentali tal-faqar;

4.  Jisħaq li l-figuri li ngħataw fir-rapport riċenti tan-NU bit-titolu ’Ħsibijiet ġodda dwar il-Faqar’ mhumiex biss allarmanti iżda wkoll indikazzjoni ċara li r-riskju li l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju ma jintlaħqux huwa reali;

5.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jżommu l-wegħdiet tagħhom ta' għajnuna ta' 0.7% sa mhux iktar tard mill-2015;

6.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jistabbilixxu miżuri li jtejbu r-responsabilità tagħhom għall-impenn li jagħtu 0.7% tad-Dħul Gross Nazzjonali bħala għajnuna sal-2015, fosthom it-twaqqif ta' proċess ta' ’Evalwazzjoni Orizzontali tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA)’ li, fi ħdan il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin, jivvaluta l-progress lejn il-mira ta' 0.7% sal-2015, b'rapport lill-Kunsill Ewropew u l-Parlament Ewropew;

7.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jintroduċu miżuri għall-għajnuna għall-iżvilupp u joħorġu skedi multiannwali sabiex jintlaħqu l-miri tal-MDGs; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) tkun totalment trasparenti, u għalhekk jitlobha tippubblika l-ammonti li ntefqu fuq l-ODA mill-Istati Membri;

8.  Jistieden lill-UE u lill-OECD biex ma jwessgħux id-definizzjoni ta' għajnuna għall-iżvilupp (ODA) u biex ma jniżżlux it-tħassir tad-dejn jew flussi oħra li mhumiex tal-ODA bħala nefqa għall-għajnuna;

9.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex b'mod attiv jinfurzaw il-liġi fuq ir-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti, fi ħdan il-qafas tal-G20 u tan-NU, u sabiex jippromwovu trasparenza akbar, inkluż l-iżvelar sistematiku tal-profitti li jkunu saru u t-taxxi mħallsa u sistema ta' rappurtar skont il-pajjiż sabiex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jżommu r-riżorsi tagħhom stess għall-iżvilupp ta' pajjiżhom;

10.  Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) sabiex jirrevedi l-politika tiegħu dwar ċentri finanzjarji offshore fuq il-bażi ta' kriterji aktar stretti minn dawk tal-lista tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) għad-definizzjoni ta' ġuriżdizzjonijiet projbiti u sorveljati, u sabiex jiżgura l-implimentazzjoni tagħha u jipprovdi rapporti annwali dwar il-progress;

11.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-komunità internazzjonali sabiex jieħdu azzjoni biex it-trażmissjoni ta' flus minn emigranti lura lejn pajjiżhom ma tibqax daqshekk għalja;

12.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jappoġġjaw l-inizjattivi tan-NU u jieħdu miżuri biex tiżdied ir-responsabilità ta' min jislef u ta' min jissellef fil-kuntest tat-tranżazzjonjiet sovrani tad-dejn;

13.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-komunità internazzjonali biex jagħmlu sforzi ġodda biex jitnaqqas il-piż tad-dejn tal-LDCs b'riżultati ta' responsabilità, trasparenza u governanza tajba;

14.  Jistieden lill-UE biex tipprovdi fondi suffiċjenti sabiex tgħin lin-nazzjonijiet il-fqar jiġġieldu l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kriżi ekonomika; jinsisti li dawn il-fondi jkunu ġenwinament addizzjonali għall-impenji ta' għajnuna eżistenti;

15.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jimpenjaw ruħhom sabiex jallokaw, b'mod sinifikanti, iktar riżorsi għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna ta' emerġenza skont il-Perspettiva Finanzjarja u l-Fond għall-Iżvilupp Ewropew li jmiss;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tuża l-istrumenti eżistenti tagħha ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż il-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-ENP, is-Sħubija tal-Lvant, il-GSP u l-GSP+, biex tiddefinixxi ulterjorment u timplimenta passi prattiċi bil-ħsieb li bihom tiġi ffaċilitata l-kisba tal-MDGs;

17.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex iżidu, b'mod sinifikanti, l-ammont ta' għajnuna mogħtija permezz ta' appoġġ baġitarju, b'mod partikolari permezz tal-kuntratti dwar l-MDGs, iżda jinsisti li għandhom jintlaħqu d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u kriterji essenzjali oħra u li jkun hemm iktar monitoraġġ u verifiki aħjar;

18.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiżguraw li l-UE tkompli taħdem permezz ta' firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji eżistenti fil-livelli globali u nazzjonali flimkien mal-appoġġ baġitarju, inkluż il-Fond Globali għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja, u permezz ta' organizzazzjonijiet u mekkaniżmi rilevanti oħra, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet tas-soċjetà ċivili;

19.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex ikomplu jtejbu l-koordinazzjoni billi jneħħu l-irbit kollu mill-għajnuna tagħhom, b'konformità mad-dikjarazzjonijiet ta' Pariġi u ta' Akkra, u b'hekk inaqqsu l-frammentazzjoni żejda tal-baġits tal-għajnuna, li huwa meħtieġ għall-koerenza u biex jitneħħa l-irbit mill-għajnuna; jirrikonoxxi wkoll li Stati Membri differenti jistgħu joffru għarfien espert f'bosta żoni ġeografiċi u setturi ta' żvilupp;

II.  Koerenza tal-politika għall-iżvilupp

20.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li r-responsabilità primarja għall-ipprogrammar tal-fondi ta' żvilupp u għall-istabbiliment ta' prijoritajiet tibqa’ fil-kompetenza tal-Kummissarju għall-Iżvilupp fl-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-UE;

21.  Jistieden lill-UE biex tieħu azzjoni konkreta kontra l-faqar billi tadotta politika koerenti li tkopri l-oqsma tal-kooperazzjoni għall-kummerċ u għall-iżvilupp, kif ukoll il-politiki tal-agrikoltura u tas-sajd komuni tagħha biex jiġu evitati impatti negattivi diretti jew indiretti fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

22.  Jistieden lill-UE biex tiddefendi l-prinċipju tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jikkonformaw ma' dan il-prinċipju matul in-negozjati preżenti tad-WTO;

23.  Jemmen li l-kisba tal-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju teħtieġ miżuri li jkattru l-aċċess għar-riżorsi tal-art, l-ilma u l-bijodiversità u miżuri li jippromwovu politika ta' appoġġ lokali għall-biedja sostenibbli fuq skala żgħira;

24.  Jistieden lill-UE sabiex teżamina l-ftehimiet tas-sajd tagħha fil-kuntest tal-iżvilupp sabiex dawn iqisu l-impatti soċjali u ekonomiċi fuq il-komunitajiet lokali, notevolment permezz ta' appoġġ settorjali tal-UE fuq perjodu twil u mekkaniżmu li permezz tiegħu s-sidien tal-vapuri jkopru parti ġusta tal-ispejjeż ta' aċċess għall-flotta tal-UE;

25.  Jistieden lill-UE sabiex ma tpoġġix pressjoni fuq il-pajjiżi fqar, permezz tal-politika tal-kummerċ tagħha, biex dawn jiftħu setturi tas-suq vulnerabbli meta l-livell ta' żvilupp tagħhom jipprekludihom milli jikkompetu b'mod ġust fil-livell globali, filwaqt li ssaħħaħ l-enfasi favur il-fqar tal-politika tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE;

26.  Jistieden lill-UE biex tiġġieled għal konklużjoni f'waqtha u li tkun immirata lejn l-iżvilupp tar-Rawnd ta' Doha tad-WTO;

27.  Jitlob biex evalwazzjoni tar-riskju tat-tibdil fil-klima tiġi inkorporata sistematikament fl-aspetti kollha tal-politika tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi l-kummerċ, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel; jitlob li r-riżultat ta' din l-evalwazzjoni jintuża biex ikunu formulati linji ta' gwida ċari għall-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli;

28.  Jenfasizza li hemm bżonn ta' rispons globali effikaċi għall-problema tat-tibdil fil-klima, fejn il-pajjiżi industrijalizzati jieħdu r-responsabilità tagħhom u jkunu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-effetti tal-gassijiet b'effett ta' serra, li jheddu l-MDGs jekk ma jiġux indirizzati;

29.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, li huma partijiet għall-Protokoll dwar l-Evalwazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni Espoo, biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll meta jgħinu fl-iżvilupp ta' programmi u proġetti pubbliċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

30.  Huwa konvint li l-kummerċ jista’ jkun forza b'saħħitha li tmexxi t-tkabbir ekonomiku, għalkemm il-kummerċ waħdu ma jistax isolvi l-problemi tal-iżvilupp; jemmen li l-progress bilmod tan-negozjati tar-Rawnd ta' Doha qed jostakola l-kontribut tas-sistema tal-kummerċ internazzjonali għall-MDGs; jisħaq fuq il-fatt li konklużjoni pożittiva tar-Rawnd ta' Doha tista’ tikkontribwixxi biex ikun stabbilit pakkett ta' stimulu ekonomiku fil-livell globali; jieħu nota tal-ħafna studji mill-UNCTAD u minn istituzzjonijiet oħrajn li juru li l-liberalizzazzjoni estensiva tal-kummerċ fil-pajjiżi l-inqas żviluppati rari wasslet għal tnaqqis kontinwu u sostanzjali tal-faqar u tat kontribut għal tnaqqis fit-termini tal-kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikulari tal-pajjiżi Afrikani;

31.  Jisħaq fuq l-importanza tal-isforzi biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija; itenni li l-ftuħ għall-kummerċ u l-appoġġ għall-kapaċità ta' provvista huma elementi importanti fi kwalunkwe strateġija koerenti għall-iżvilupp u li inizjattivi għal għajnuna teknika relatata mal-kummerċ jirrappreżentaw għodda addizzjonali biex jiġu affrontati l-qerda tal-faqar u s-sottożvilupp;

32.  Ifakkar li t-titjib fil-kapaċità tal-kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta' dawk inqas żviluppati jista’ jgħinhom biex jakkwistaw il-ħiliet relatati mal-kummerċ u l-infrastruttura li huma meħtieġa biex jimplimentaw u jibbenefikaw minn ftehimiet tad-WTO, ikabbru l-kummerċ tagħhom, jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ta' kummerċ ġodda u eżistenti, jimplimentaw ftehimiet ġodda u jadattaw ruħhom għal ambjent kummerċjali estern li qed jinbidel;

33.  Jilqa’ l-inizjattivi eżistenti fil-livelli tal-UE u tad-WTO fil-qasam tal-kummerċ ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-inizjattiva Everything But Arms (EBA), il-GSP u l-GSP +, kif ukoll il-prinċipju tal-assimetrija u l-perjodi ta' tranżizzjoni nnegozjati f'kull Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (EPA) eżistenti, u jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsolida din l-istrateġija politika; jinnota li s-sistema GSP tipprovdi aktar stabilità, prevedibilità u opportunitajiet kummerċjali għall-utenti tagħha; jinnota li preferenzi addizzjonali jingħataw (permezz tar-reġim GSP) lil pajjiżi li rratifikaw u implementaw b'mod effettiv il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet soċjali u l-governanza tajba;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kontenut dwar l-iżvilupp fin-negozjati attwali fid-WTO u n-negozjati bilaterali dwar l-FTA;

35.  Ifakkar li l-istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ hija mmirata biex tappoġġja pajjiżi fqar u vulnerabbli biex jiżviluppaw l-infrastruttura u l-għodod ekonomiċi bażiċi li għandhom bżonn biex il-kummerċ iservi bħala forza motriċi ta' tkabbir u żvilupp ekonomiku; jilqa’ l-istqarrijiet tal-Kummissjoni li l-UE diġà laħqet il-mira tagħha li timpenja €2 biljuni għall-għajnuna marbuta mal-kummerċ (TRA) sal-2010, billi l-appoġġ totali għat-TRA mill-UE u l-Istati Membri tagħha laħaq EUR 2.15 biljun fl-2008 (EUR 1.14-il biljun mill-Istati Membri u EUR 1.01 biljun mill-UE) u jinnota li nkisbu riżultati importanti rigward l-Aġenda aktar wiesgħa tal-Għajnuna għall-Kummerċ – inklużi t-trasport u l-enerġija, is-setturi produttivi u l-aġġustament marbut mal-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tippreżenta informazzjoni dettaljata (inklużi ċ-ċifri) dwar il-linji tal-baġit li jintużaw biex jiġu ffinanzjati l-għajnuna marbuta mal-kummerċ u l-Għajnuna għall-Kummerċ;

36.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jagħtu aktar attenzjoni, u appoġġ, lill-pajjiżi l-inqas żviluppati sabiex jiżdiedu l-livelli ta' finanzjament totali tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, li dan l-aħħar ma kellhomx żiediet sostanzjali; iqis li, minħabba li l-integrazzjoni reġjonali qed issir dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-aġenda tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE, għandhom jissaħħu l-isforzi biex jiġu finalizzati l-pakketti tal-Għajnuna għall-Kummerċ reġjonali għall-AKP; iqis li hemm lok għal titjib fl-effikaċja tal-għajnuna billi tiżdied l-analiżi konġunta, l-istrateġiji ta' rispons konġunti u t-twassil konġunt tal-miżuri tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

37.  Iqis li d-dimensjoni tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar qed issir komponent tal-kummerċ dinji li qed jikber malajr u tista’ ssir dejjem aktar rilevanti biex jiġi żgurat l-iżvilupp tal-ifqar pajjiżi u għandha tiġi mħeġġa u appoġġjata;

III.  Miri ta' prijorità tal-MDGs

38.  Jistieden lill-UE biex iżżomm approċċ integrat, globali u komprensiv għall-MDGs, u tirrikonoxxi li l-għanijiet individwali u l-miri kollha huma interkonnessi, u tistabbilixxi rekwżiti minimi għall-kisba tal-qerda tal-faqar;

Saħħa u edukazzjoni

39.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex jallokaw tal-inqas 20% tan-nefqa totali għall-iżvilupp għas-saħħa bażika u għall-edukazzjoni, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja, u biex iżidu l-iffinanzjar tagħhom ta' programmi oħra maħsuba biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa, u biex jagħtu prijorità lis-saħħa materna u lill-ġlieda kontra l-mortalità fit-tfal;

40.  Jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jonfqu tal-inqas 15 % tal-baġits nazzjonali tagħhom fuq il-kura tas-saħħa u biex isaħħu s-sistemi tagħhom tal-kura tas-saħħa;

41.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jippromwovu aċċess liberu għas-saħħa u l-edukazzjoni;

42.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni biex isibu rimedju għat-tnaqqis allarmanti fil-finanzjament tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex jappoġġjaw politiki dwar l-ippjanar volontarju tal-familja, l-abort sikur, it-trattament ta' infezzjonijiet trażmessi b'mod sesswali u l-forniment ta' provvisti tas-saħħa riproduttiva li jikkonsistu fi drogi li jsalvaw il-ħajja u kontraċettivi, inkluż kondoms;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-MDG 5 (dwar it-titjib tas-saħħa materna), l-MDG 4 (dwar il-mortalità tat-tfal) u l-MDG 6 (dwar l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi) b'mod koerenti u olistiku, flimkien mal-MDG 3 (dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa);

44.  Jitlob li d-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż u r-Reġjun jenfasizzaw il-ħtieġa għal leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa, iħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jkomplu jenfasizzaw il-ħtieġa għal politiki li jqisu kwistjonijiet tas-sess;

45.  Itenni li l-UE għandha tappoġġja dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jużaw l-hekk imsejħa flessibilitajiet inkorporati fil-Ftehima TRIPS (Ftehima dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali) biex ikunu jistgħu jipprovdu mediċini bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd skont il-programmi nazzjonali tagħhom tas-saħħa pubblika; jenfasizza li dawn il-ftehimiet li jiggarantixxu aċċess għal mediċini ġeneriċi ma għandhomx jiddgħajfu permezz ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

Gruppi vulnerabbli

46.  Jistieden lill-UE biex talloka tal-inqas nofs l-għajnuna tagħha lil-LDCs u biex ikollha fil-mira tagħha l-gruppi li huma l-aktar fil-bżonn f'dawn il-pajjiżi, b'attenzjoni speċjali lin-nisa, it-tfal u n-nies b'diżabilitajiet, u biex tingħata prijorità, b'mod iktar effettiv, lill-interessi tal-gruppi vulnerabbli fl-istrateġiji ta' żvilupp tagħha;

47.  Jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-proposta tal-Kummissjoni biex talloka mill-ġdid finanzjament għall-pajjiżi li l-iktar li qiegħdin lura fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu 2010 tal-programmi AKP;

48.  Jistieden lill-UE u lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jagħtu attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-minoranzi u jinsisti li l-UE ddaħħal klawżoli mhux negozjabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni fil-ftehimiet internazzjonali tagħha, inter alia fir-rigward ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u fil-konfront ta' nies li jgħixu bl-HIV/AIDS;

Ħelsien mill-ġuħ

49.  Jistieden lill-UE u lill-gvernijiet imsieħba sabiex iżidu l-investiment fis-sigurtà tal-agrikoltura u l-ikel għal livelli li jiggarantixxu ħelsien mill-ġuħ għal kulħadd, billi tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet urġenti tal-ġuħ, lill-biedja fuq skala żgħira u lill-programmi ta' protezzjoni soċjali;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi s-sjieda tal-art bħala għodda għat-tnaqqis tal-faqar u l-garanzija għas-sigurtà tal-ikel billi jissaħħu d-drittijiet ta' proprjetà u jkun iffaċilitat l-aċċess tal-kreditu għall-bdiewa, in-negozji żgħar u l-komunitajiet lokali;

Xogħol deċenti

51.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-akkwist attwali tal-artijiet agrikoli (partikolarment fl-Afrika) minn investituri barranin appoġġjati mill-gvern, li jista’ jipperikola s-sigurtà tal-provvista tal-ikel lokali u jwassal għal konsegwenzi serji u b'firxa wiesgħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lin-NU u lill-UE biex jindirizzaw serjament l-impatti negattivi tal-akkwist tal-artijiet agrikoli, (inkluża l-esproprjazzjoni ta' bdiewa żgħar u l-użu mhux sostenibbli tal-art u tal-ilma), billi jirrikonoxxu d-dritt tal-popolazzjoni li tikkontrolla l-art agrikola u riżorsi naturali vitali oħra;

52.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex isaħħu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, kemm billi jappoġġjaw programmi speċifiċi u kemm permezz ta' linji gwida għall-politiki ta' żvilupp u l-kummerċ internazzjonali;

53.  Jistieden lill-UE u lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jappoġġjaw bis-saħħa l-Patt ta' Xogħlijiet Globali tal-ILO u biex japplikaw b'mod effettiv l-aspetti kollha tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-protezzjoni soċjali, id-djalogu soċjali u l-istandards bażiċi fuq il-post tax-xogħol tal-ħaddiema fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u biex, fejn huwa neċessarju, toffri inċentivi u tapplika sanzjonijiet permezz ta' ftehimiet ta' negozju u kwalunkwe strument ieħor disponibbli;

IV.  Governanza

55.  Jistieden lill-Bank Dinji u lill-IMF sabiex jallokaw porzjon iktar ġust tad-drittijiet għall-vot lin-nazzjonijiet li mhumiex irrappreżentati biżżejjed billi jiżguraw li min jislef u min jissellef ikollhom sehem indaqs ta' voti fiż-żmien qasir, u li s-self ma jipperikolax il-prinċipji ta' sjieda, kif sar impenn għalihom f'Pariġi u f'Accra;

56.  Jistieden lill-IMF biex iżid il-livelli ta' aċċess tal-pajjiżi bi dħul baxx għall-faċilitajiet konċessjonarji tiegħu u jżid l-allokazzjoni tad-Drittijiet Speċjali għall-Ġbid tal-flus għall-LICs skont il-bżonnijiet tagħhom;

57.  Biħsiebu, meta jkun qed jieħu kodeċiżjoni dwar ir-reviżjoni li jmiss tal-mandat estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li jiżgura t-twettiq tal-obbligi ta' żvilupp tiegħu, u li jiffoka r-riżorsi tiegħu aktar fuq il-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inklużi l-faċilitajiet ta' self favur il-foqra li jkunu effettivi b'mod reċiproku;

58.  Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-komunità internazzjonali biex jiżguraw li n-NU jibqgħu l-forum preferit biex jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mal-governanza globali u mal-faqar;

59.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-UE u tal-UA biex jinvestu rieda politika mġedda fis-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-UE, u biex jiddedikaw riżorsi speċifiċi biex din tkun tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha;

60.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jippromwovu u jappoġġjaw id-demokrazija, il-paċi, l-istat tad-dritt u amministrazzjoni mhux korrotta fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

61.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jagħmlu sforz eċċezzjonali biex jappoġġjaw l-amministrazzjoni pubblika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan speċifiku li jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u joħolqu ambjent amministrattiv li jkun trasparenti, imparzjali u ġust, filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol essenzjali tal-protagonisti mhux statali u tas-soċjetà ċivili;

62.  Jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex jiffirmaw b'urġenza l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, sabiex jieħdu miżuri prattiċi biex jimplimentaw b'mod effettiv id-dispożizzjonijiet tagħha, u jistabbilixxu mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-progress;

63.  Jirrikonoxxi l-bżonn li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw itejbu l-istandards tal-kontabilità internazzjonali sabiex jiġu evitati l-prattiki tal-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa, u b'hekk tinkiseb governanza fiskali globali aħjar;

64.  Jistieden lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jinvolvu lill-parlamenti, lill-gvern lokali, lis-soċjetà ċivili u lil protagonisti mhux statali oħra fl-istadji kollha tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni politika;

65.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod speċjali dawk li jibbenefikaw l-aktar mill-għajnuna tal-UE, biex isaħħu l-governanza tajba fil-kwistjonijiet pubbliċi kollha, u b'mod speċjali fil-ġestjoni tal-għajnuna li jirċievu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ħalli tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-għajnuna tkun implimentata b'mod trasparenti u effiċjenti;

66.  Jirrikonoxxi r-rabta vitali bejn is-sigurtà u l-iżvilupp u jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress magħmul rigward il-kisba ta' soluzzjoni paċifika għall-kunflitti ffriżati fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu, u jħeġġeġ lill-UE biex tirrevedi l-isforzi tagħha f'dan il-qasam;

67.  Jistieden lill-UE biex tinvolvi ruħha fi djalogu ambizzjuż u kostruttiv mad-donaturi kollha, kemm dawk tradizzjonali kif ukoll dawk emerġenti, sabiex tiżgura li l-MDGs jinkisbu u li t-tnaqqis tal-faqar jibqa’ fuq nett tal-aġenda globali;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 46, 24.2.2006, p.1.
(2) Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/2007, 15 ta' Mejju 2007.
(3) COM(2005)0134 finali.
(4) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
(5) COM(2010)0159 finali.
(6) Kawża C-155/07, Il-Parlament Ewropew vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 327, 20.12.2008, p. 2.
(7) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 316.
(8) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 232.
(9) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 62.
(10) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 15
(11) Testi adottati P7_TA(2010)0089.
(12) ’Aġenda dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna: Benefiċċji ta' Approċċ Ewropew’, Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2009.
(13) ’Tendenzi ta' Migrazzjoni u Remissjonijiet 2009’, Bank Dinji, Novembru 2009.
(14) ’Żieda fil-finanzjament internazzjonali għall-klima: Pjan Ewropew għall-ftehim ta' Kopenħagen’, (COM(2009)0475).
(15) Kontra l-Kurrent: Kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jiffaċċjaw il-kriżi globali, Bank Dinji, Marzu 2009.
(16) Professur Guttorm Schjelderup, smigħ tal-Parlament Ewropew, 10 ta' Novembru 2009.
(17) Fatti dwar l-aborti intenzjonati madwar id-dinja, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Istitut Guttmacher, 2007.

Avviż legali - Politika tal-privatezza