Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011-2013) (COM(2009)0223 – C7-0037/2009 – 2009/0070(COD))
(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009)0223),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 157(3) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0037/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titlu ’Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa’ (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294 (3) u 189 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-20 ta' Jannar 2010(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tal-5 ta' Mejju 2010 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0161/2010),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-16 ta' Ġunju 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilldwar il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) u l-operazzjonijiet inizjali tiegħu (2011 sa 2013)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel ma' l-att leġislattiv finali, Regolament (UE) Nru 911/2010)