Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/0135(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0182/2010

Testi mressqa :

A7-0182/2010

Dibattiti :

PV 14/06/2010 - 23
CRE 14/06/2010 - 23

Votazzjonijiet :

PV 16/06/2010 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0217

Testi adottati
PDF 215kWORD 45k
L-Erbgħa, 16 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu
Adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011 *
P7_TA(2010)0217A7-0182/2010

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro fl-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011 (COM(2010)0239 – C7-0131/2010 – 2010/0135(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2010)0239),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2010 tal-Kummissjoni dwar il-Konverġenza (COM(2010)0238) rigward l-Estonja u r-Rapport ta' Mejju 2010 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-Konverġenza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-tkabbir taż-żona tal-euro(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2008(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro u l-Finanzi Pubbliċi 2009(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni(4) (riżoluzzjoni dwar l-EMU@10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar it-titjib tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-proċeduri ta' tkabbir ulterjuri taż-żona euro(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew għal proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar emenda għall-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/223/KE tal-21 ta' Marzu 2003 fuq l-emenda tal-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0131/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0182/2010),

A.  billi l-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat FUE) jiddefinixxi l-ilħuq ta' grad għoli ta' konverġenza sostenibbli b'referenza għal jekk kull Stat Membru jkunx issodisfa dawn il-kriterji: il-ksib ta' livell għoli ta' stabbiltà fil-prezzijiet; is-sostenibbilta’ tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Gvern; l-osservanza tal-marġni ta' fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju; u d-durabbiltà tal-konverġenza miksuba mill-Istat Membru u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea li tiġi riflessa fil-livelli tar-rati ta' mgħax f'perjodi fit-tul,

B.  billi l-Estonja kkonformat mal-kriterji ta' Maastricht f’ konformita’ mal-Artikolu 140(1) tat-Trattat FUE u l-Protokoll (Nru 13) dwar il-Kriterji ta' Konverġenza anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat FUE,

C.  billi r-Rapporteur żar l-Estonja biex jivvaluta kemm dak il-pajjiż hu lest biex jidħol fiż-żona tal-euro,

D.  billi l-Kummissjoni ddikjarat li l-EUROSTAT, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-uffiċċju Estonjan għall-istatistika, eżamina l-kwalità tad-data relevanti kollha trażmessa mill-awtoritajiet Estonjani,

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Huwa favur l-adozzjoni tal-euro mill-Estonja fl-1 ta' Jannar 2011;

3.  Jinnota li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) saret fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali globali li affetwat il-prospetti għal konverġenza nominali ta' ħafna Stati Membri oħra;

4.  Jinnota li l-Estonja ssodisfat il-kriterji, bħala riżultat ta' sforzi determinati, kredibbli u sostnuti mill-Gvern u l-poplu Estonjani;

5.  Juri tħassib dwar id-diskrepanzi bejn ir-rapporti dwar il-konverġenza tal-Kummissjoni u tal-BĊE rigward is-sostenibbiltà tal-istabbiltà tal-prezzijiet;

6.  Jinnota li r-Rapport tal-2010 tal-BĊE dwar il-Konverġenza jidentifika bħala sfida kbira ż-żamma tal-konverġenza tal-inflazzjoni, ladarba jintemm l-aġġustament ekonomiku attwali;

7.  Jistieden lill-Gvern Estonjan biex iżomm l-attitudni ta' politika fiskali prudenti tiegħu, flimkien mal-politiki globali tiegħu orjentati lejn l-istabbiltà, fil-konfront tal-iżbilanċji makroekonomiċi u r-riskji għall-istabbiltà tal-prezzijiet fil-ġejjieni;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħallu lill-Kummissjoni tevalwa l-konformità mal-kriterji ta' Maastricht fuq il-bażi ta' data definita, indipendenti, attwali, affidabbli, u ta' kwalità għolja;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel simulazzjoni tal-effett tal-pakkett ta' salvataġġ taż-żona tal-euro fuq il-baġit Estonjan meta l-pajjiż jingħaqad maż-żona tal-euro u b'hekk isir membru tal-grupp li jiggarantixxi l-fondi ta' salvataġġ;

10.  Jistieden lill-Kummissjonu u lill-BĊE biex iqisu l-aspetti kollha meta jirrakkomandaw ir-rata tal-kambju finali għall-kroon Estonjan;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Estonjani biex iħaffu t-tħejjijiet prattiċi tagħhom sabiex jiżguraw li l-proċess tal-bidla jkun bla intoppi; jistieden lill-Gvern Estonjan biex jiżgura li l-introduzzjoni tal-euro ma tintużax biex il-prezzijiet jiżdiedu bil-moħbi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE biex jirrapportaw lill-Parlament dwar il-passi li qed jiġu kkunsidrati għall-minimizzazzjoni tal-inflazzjoni tal-assi bħala konsegwenza tar-rati baxxi ta' mgħax;

13.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

14.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa’ jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Eurogroup u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 249.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0090.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0072.
(4) ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 8.
(5) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 251.
(6) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 374.
(7) ĠU L 83, 1.4.2003, p. 66.

Avviż legali - Politika tal-privatezza