Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni (10930/2010 – C7-0153/2010 – 2010/2056(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 310 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1) (’ir-Regolament Finanzjarju’), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) u l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2009(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra l-Abbozz tal-Baġit ta' Emenda Nru 4 għall-baġit tal-2010, li l-Kummissjoni ppreżentat fis-16 ta' April 2010 (COM(2010)0169),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 stabbilita fil-11 ta' Ġunju 2010 (10930/2010 - C7-0153/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0200/2010),
A. billi l-abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit tal-2010 l-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2009, li jammonta għal EUR 2 253 591 199,37,
B. billi l-elementi prinċipali ta' dan il-bilanċ favorevoli huma soprareġistrazzjoni fid-dħul ta' EUR 400 703 258, sottoeżekuzzjoni fin-nefqa ta' EUR 1 667 346 181 u differenzi pożittivi tar-rati tal-kambju li jammontaw għal EUR 185 541 760,
C. billi għall-Intestatura 1, is-sottoeżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas fl-2009 kienet tammonta għal EUR 451 miljun, għall-Intestatura 2 kienet tammonta għal EUR 244 miljun, għall-Intestatura 3 kienet tammonta għal EUR 106 miljun, għall-Intestatura 4 kienet tammonta għal EUR 603 miljun u għall-Intestatura 5 kienet tammonta għal EUR 263 miljun,
D. billi l-effett kombinat tal-marġni baġitarji stretti ħafna u l-ħtiġijiet finanzjarji li qed jitfaċċaw huwa li jipperikola l-prijoritajiet politiċi eżistenti, filwaqt li sottoeżekuzzjoni sinifikanti tnaqqas fl-istess ħin it-twettiq tal-politika tal-UE,
E. billi l-kalkolu tal-sottoimplimentazzjoni baġitarja tal-2009 għandha tqis l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 u l-Baġit ta' emenda Nru 10/2009,
1. Jieħu nota tal-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 ddedikat biss għall-ibbaġitjar tal-bilanċ favorevoli tal-2009, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Finanzjarju;
2. Jisħaq li s-sottoimplimentazzjoni attwali tal-baġit tal-2009 mhijiex limitata għall-bilanċ favorevoli ppreżentat fl-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 iżda jammonta għal aktar minn EUR 5 000 000 000, b'qies ukoll tal-baġit ta' emenda Nru 10/2009; iwissi għalhekk li l-baġits ta' emenda ta' tmiem is-sena li jnaqqsu l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' ħlas, filwaqt li konsegwentement inaqqsu l-kontribuzzjoni globali tal-Istati Membri għall-iffinanzjar tal-baġit tal-UE, jagħtu stampa mgħawġa tal-implimentazzjoni baġitarja;
3. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 4/2010 mhux emendat u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ta' emenda Nru 2/2010 ġie definittivament adottat u jirranġa għall-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.