Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0348/2010

Dibattiti :

PV 16/06/2010 - 4
CRE 16/06/2010 - 4

Votazzjonijiet :

PV 16/06/2010 - 8.12

Testi adottati :

P7_TA(2010)0223

Testi adottati
PDF 419kWORD 106k
L-Erbgħa, 16 ta' Ġunju 2010 - Strasburgu
UE 2020
P7_TA(2010)0223RC-B7-0348/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020, u l-eżitu tagħha (SEC(2010)0116),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona (SEC(2010)0114),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill Ewropew bl-isem ’Seven steps to deliver on the European strategy for growth and jobs’ (Seba’ passi għat-twettiq tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-UE 2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, meta wieħed iqis il-gravità persistenti tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, hemm stennijiet kbar ħafna rigward l-istrateġija l-ġdida UE 2020 li għandha tiġi approvata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2010,

B.  billi bosta Stati Membri għadhom iħabbtu wiċċhom ma' qgħad li qed jiżdied, li jista’ jaffettwa lil sa 28 miljun ruħ fl-UE fin-nuqqas ta' risposta politika adegwata fuq żmien medju, u b'hekk jiġġenera diffikultajiet soċjali u umani enormi; billi l-kriżi neħħiet miljuni ta' impjiegi u aggravat in-nuqqas ta' sikurezza tax-xogħol,

C.  billi mudell ta' produzzjoni, distribuzzjoni u konsum aktar sostenibbli huwa ħtieġa fundamentali fid-dawl tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali,

D.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-istqarrijiet tal-Kunsill dwar il-kontenut tal-istrateġija UE 2020, bħall-miri ewlenin, il-proposti prominenti, l-ostakli u l-indikaturi kienu ta' natura ġenerali ħafna u jeħtieġ li l-Kummissjoni, għalhekk, tipproduċi pjanijiet aktar dettaljati sabiex tiċċara kif dawn l-inizjattivi se jkunu implimentati b'suċċess, tressaq dawn il-pjanijiet lill-Parlament,

E.  Billi, biex jinkisbu r-riżultati, il-kompiti u r-responsabilitajiet Ewropej għandhom jitqassmu b'mod ikkoordinat bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-governanza, il-livelli kollha tal-governanza jridu jkunu tal-ogħla kwalità u responsabilità, u l-muturi importanti kollha tal-bidla - in-negozji u l-universitajiet li jaħdmu id f'id mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili - għandu jkollhom rwol prinċipali fil-mekkaniżmu l-ġdid ta' tqassim,

F.  Billi huwa importanti li wieħed iqis il-kriżi demografika u l-konsegwenzi tagħha, u billi l-ġenerazzjonijiet futuri m'għandhomx jiġu sakrifikati sabiex jinżammu l-benefiċċji stabbiliti tal-ġenerazzjoni preċedenti,

Rimarki ġenerali

1.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu dwar l-elementi ewlenija tal-istrateġija l-ġdida UE 2020 maqbula mill-Kunsill Ewropew fis-26 ta' Marzu 2010; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jieħu t-tagħlimiet mill-kriżi attwali u jiddefinixxi strateġija li tassew tħares fil-bogħod u li tkun ambizzjuża u koerenti;

2.  Jitlob li l-istrateġija UE 2020 timmira lejn kunċett politiku wiesa’ għall-ġejjieni tal-UE bħala Unjoni kompetittiva, soċjali u sostenibbli li tqiegħed lin-nies u l-ħarsien tal-ambjent fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika;

3.  Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom iżidu fir-rendiment ekonomiku tagħhom billi jintroduċu riformi strutturali sabiex isir l-aħjar użu mill-infiq pubbliku, titnaqqas il-burokrazija, jingħata l-poter liċ-ċittadini, jitħeġġu l-imprenditorija u l-innovazzjoni, il-leġiżlazzjoni ssir iktar favorevoli għall-SMEs u n-nies jingħataw l-opportunità li jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom;

4.  Jirrikonoxxi li, biex jiġi evitat li t-tweġibiet għall-kriżi tal-euro jirriżultaw f'perjodu twil ta' staġnar ekonomiku, l-Unjoni għandha, fl-istess ħin, timplimentata strateġija biex taċċellera t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, flimkien ma' riformi mmirati lejn ir-restawr u titjib tal-kompetittività;

5.  Jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma jqisux il-ħtieġa li jirriflettu b'mod sħiħ il-proċess fraġli ta' rkupru li jinsab għaddej bħalissa fi strateġija ġdida 2020, billi titfassal aġenda ta' politika koerenti u tiġi integrata b'mod komprensiv il-politika makroekonomika fl-istrateġija b'tali mod li ma tiġix mhedda mill-konsolidazzjoni baġitarja meħtieġa;

6.  Jiddeplora l-fatt li l-Parlament, bħala istituzzjoni li tirrappreżenta ċ-ċittadini tal-Ewropa, ma ġiex ikkonsultat dwar l-indikaturi li huma l-bażi tal-Programm ta' Riforma Nazzjonali UE 2020; iħeġġeġ lill-Kunsill biex japprova l-elementi ewlenin tal-istrateġija UE 2020 fil-laqgħa tiegħu ta' Ġunju iżda jinsisti li dan m'għandux jadotta d-deċiżjonijiet finali dwar l-istrumenti, il-miri u l-indikaturi ewlenin tal-istrateġija UE 2020 mingħajr ma jkun ikkonsulta lill-Parlament b'mod xieraq mill-aktar fis possibbli; fl-istess spirtu, huwa tal-fehma li l-parlamenti nazzjonali, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet, is-sħab soċjali u l-NGOs għandhom ikunu involuti attivament fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;

Ostakli u miri ewlenin

7.  Jinnota l-ħames miri ewlenin maqbula mill-Kunsill Ewropew dwar ir-rata tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, il-livelli tal-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza li dawn il-miri ewlenin m'għandhomx jiġu fformulati fil-qafas ta' strateġija sostenibbli u koerenti tal-iżvilupp li tiġbor flimkien l-aġenda tal-politika ekonomika, dik soċjali u dik ambjentali;

It-tnedija mill-ġdid tas-suq waħdieni

8.  Jenfasizza li s-suq waħdieni huwa wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir Ewropew u li għad irid jiġi kkumpletat. jirrimarka wkoll li l-persistenza ta' ċerti ostakli kontra ċ-ċaqliq liberu tal-persuni, oġġetti, servizzi u kapital teħtieġ sforz ulterjuri min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha, sabiex jinħoloq suq waħdieni ġust, imtejjeb, iktar kompetittiv u iktar effettiv;

9.  Jenfasizza li huwa importanti li jinżammu l-kummerċ ħieles u l-aċċess għas-suq globali fil-qofol tat-tfassil tal-politika u li ma nimxux lejn il-protezzjoniżmu, billi l-intraprendituri u l-kumpaniji innovattivi jistgħu jiżviluppaw f'suq ħieles u globali;

10.  Jenfasizza li inizjattivi aktar ambizzjużi huma meħtieġa biex jitlesta s-suq waħdieni u biex ikun iktar aċċettat miċ-ċittadini; jilqa’ għalhekk ir-rapport imfassal minn Mario Monti li, bħal fil-każ tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2010(2), fih proposti interessanti sabiex jinbena l-kunsens u jiġi pprovdut suq waħdieni msaħħaħ;

11.  Jemmen li sabiex jiġi stabbilit suq waħdieni effettiv, il-Kummissjoni għandha tipproduċi sett ċar ta' prijoritajiet politiċi permezz tal-adozzjoni ta' ’Att dwar is-Suq Uniku’, li għandu jkopri kemm l-inizjattivi leġiżlattivi kif ukoll dawk mhux leġiżlattivi mfassla biex joħolqu ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna;

L-SMEs f'ekonomija tas-suq soċjali

12.  Jenfasizza li l-UE għandha tistimola u tħeġġeġ l-SMEs u l-intraprenditorjat, li huma kruċjali għaż-żamma u għall-ħolqien tal-impjiegi, li għandha tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u regolatorji u tissimplifika r-regoli sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jikbru b'mod aktar mgħaġġel, billi jikkummerċjalizzaw liberament il-prodotti/is-servizzi tagħhom lill-500 miljun konsumatur li jikkostitwixxu s-suq waħdieni tal-UE, u li għandha tkompli tnaqqas il-burokrazija; bl-istess mod, jenfasizza l-importanza li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, permezz ta' sforzi politiċi f'kull livell;

13.  Jenfasizza li l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija tas-suq soċjali, joħolqu l-impjiegi u għandhom rwol kruċjali billi jagħtu nifs ġdid lit-tkabbir ekonomiku sostenibbli, u li għalhekk għandha tingħata prijorità biex jissaħħu l-isforzi fil-qasam tar-riforma, bħal leġiżlazzjoni favorevoli għall-SMEs, il-ħolqien ta' ambjent vibranti għall-impriżi li għadhom kemm fetħu, it-tħeġġiġ tal-imprenditorija u t-titjib tal-aċċess għall-finanzjament; huwa wkoll tal-fehma li l-Istrateġija UE 2020 għandha tinkludi objettivi u inizjattivi li jħeġġu ż-żieda fil-livell medju tal-ekwità u tal-kapital tar-riskju fil-kumpaniji;

14.  Jirrimarka li l-mikro-intrapriżi spiss jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-qgħad, u t-twaqqif ta' negozju spiss huwa mod ta' kif wieħed jista’ jirnexxi minkejja l-istaġnar soċjali, li l-ewwel pre-kundizzjoni għall-iżvilupp tal-SMEs hija l-ħila li jkollhom fondi suffiċjenti għall-attivitajiet tagħhom, u li ż-żamma ta' mekkaniżmi ta' garanzija għall-SMEs, swieq sekondarji dinamiċi u settur bankarju li jippromwovi l-attività ekonomika fl-Ewropa huma prerekwiżiti għall-iżvilupp tal-SMEs;

Mira tal-impjieg

15.  Itenni li l-impjieg ta' kwalità għolja għandu jkun prijorità ewlenija ta' strateġija għall-2020 u li enfasi aktar qawwija fuq swieq tax-xogħol li jaħdmu sewwa u fuq il-kundizzjonijiet soċjali hija kruċjali biex tittejjeb il-prestazzjoni rigward l-impjiegi; jitlob, għalhekk, li titfassal aġenda ġdida biex tippromwovi x-xogħol deċenti, tiżgura d-drittijiet tal-ħaddiema madwar l-Ewropa u ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol;

16.  Jemmen li l-istrateġija l-ġdida għandha tqiegħed iktar enfasi fuq ix-xogħol deċenti, inkluż fuq il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll fuq l-iżgurar li l-persuni li bħalissa huma esklużi mis-suq tax-xogħol ikunu jistgħu jiksbu aċċess għalih;

17.  Jemmen li l-istrateġija l-ġdida għandha tinkoraġġixxi swieq tax-xogħol li jtejbu l-inċentivi u l-kondizzjonijiet għall-persuni li qed jaħdmu filwaqt li, fl-istess ħin, iżżid l-inċentivi għal min iħaddem biex jirrekluta u jżomm l-istaff;

Mira tar-riċerka

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreservaw il-mira ġenerali ta' 3% tal-PGD għar-riċerka u l-iżvilupp; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal għas-sinerġija bejn il-finanzjament tal-politika tal-koeżjoni u dak tar-riċerka u l-iżvilupp u biex jiżguraw li dawn l-istrumenti jissarrfu f'innovazzjoni li twassal għal benefiċċji reali għas-soċjetà;

19.  Jenfasizza li proġetti ewlieni tar-riċerka u l-iżvilupp, investimenti ewlenin fl-infrastruttura tal-enerġija u l-kompetenza l-ġdida tal-UE dwar il-politika spazjali, kif ukoll il-politika tal-innovazzjoni tal-UE, jirrikjedu appoġġ finanzjarju sod, kredibbli u sostenibbli min-naħa tal-UE biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-Unjoni għall-2020;

20.  Jirrimarka li l-Ewropa trid tkompli ssaħħaħ il-potenzjal tagħha f'termini ta' ħaddiema tas-sengħa, ix-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġija, u b'hekk il-kapaċità tagħha għall- innovazzjoni, bħala aspetti ewlenin tal-kompetittività, u li t-trijanglu tal-għarfien għandu jibqa’ fil-qalba tal-istrateġija UE 2020;

21.  Huwa tal-fehma li, biex ir-riċerka Ewropea ssir iktar effiċjenti, huwa kruċjali li l-istrutturi eżistenti jiġu adattati aħjar u li jinħoloq ambjent aktar favorevoli għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri prattiċi biex jitjieb l-aċċess għall-finanzjament, b'mod partikolari lejn iktar disponibilità tal-kapital tar-riskju;

Miri tal-klima/tal-enerġija

22.  Jiddeplora l-fatt li l-miri ewlenin tal-Kunsill Ewropew dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, is-sorsi li jiġġeddu u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mhumiex ambizzjużi u, f'dan ir-rigward, mhumiex maħsuba biex iqiegħdu lill-Unjoni f'pożizzjoni ewlenija f'dinja li qed tiffaċċja t-tibdil fil-klima u tnaqqis serju fir-riżorsi naturali, u fejn l-ekosistemi globali waslu biex jikkollassaw; jitlob, għalhekk, għall-adozzjoni immedjata u simultanju tal-miri li jorbtu li ġejjin għall-UE:

   (a) mira ta' tnaqqis ta' 30% tal-gassijiet b'effett ta' serra fuq livell domestiku għall-2020 u tnaqqis ulterjuri sostanzjali fit-tul sakemm pajjiżi oħra huma wkoll lesti li jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni adegwata;
   (b) mira ambizzjuża għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;
   (c) mira ta' tnaqqis ta' 20% għall-konsum tal-enerġija u żieda fis-sehem ta' enerġiji li jiġġeddu għal mill-inqas 20% sal-2020, filwaqt li jitneħħew l-ostakli tekniċi u mhux tekniċi għall-iżvilupp ulterjuri ta' enerġiji sostenibbli li jiġġeddu, bħala l-ewwel pass lejn ħolqien, sal-2050, ta' ekonomija effiċjenti ferm li ma tarmix CO2 u li tkun bbażata l-aktar fuq enerġiji li jiġġeddu;
   (d) miri li jistgħu jitkejlu, immirati lejn it-twaqqif tat-telf tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistema u fejn ikun possibbli li jiġu restawrati sal-2020;

Mira tal-edukazzjoni

23.  Jinnota l-mira ewlenija dwar it-titjib tal-edukazzjoni; jiddeplora n-nuqqas ta' rati numeriċi ta' miri u jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jiffissa mira ta' 100% għall-edukazzjoni sekondarja kif ukoll miri u indikaturi kwalitattivi ċari għall-edukazzjoni primarja u sekondarja;

24.  Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw il-miri ambizzjużi stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-UE 2020 li, sal-2020, ir-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola għandha tinżel taħt l-10% tal-kategoriji tal-età, u li mill-inqas 40% tal-popolazzjoni għandha tkun temmet l-edukazzjoni terzjarja jew livell ekwivalenti;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' politiki ta' tagħlim tul il-ħajja sodi billi l-opportunitajiet ta' taħriġ għandhom jitħeġġu u jkunu disponibbli għall-individwi tul il-ħajja professjonali tagħhom; iqis li jkun neċessarju li jinżamm għadd ta' persuni attivi fuq is-suq tax-xogħol u li tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali;

Il-mira tal-faqar

26.  Jinsisti li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi mira għat-tnaqqis tal-faqar fl-UE bin-nofs, u jirrimarka li l-maġġoranza tal-Ewropej li bħalissa qegħdin jgħixu fil-faqar jew li huma fir-riskju tal-faqar huma nisa, partikolarment nisa ikbar fl-età, nisa imigranti, ommijiet mingħajr sieħeb u dawk li jieħdu ħsieb persuni oħra;

27.  Jilqa’ b'sodisfazzjon il-proposti tal-Kunsill Ewropew dwar l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari u bħala prijorità permezz tat-tnaqqis tal-faqar, u jenfasizza l-ħtieġa ta' miri u inizjattivi ċari; iqis li dan il-għan huwa wieħed mill-objettivi prinċipali tal-istrateġija UE 2020; jitlob għal strateġija ambizzjuża u fit-tul kontra l-faqar b'miri li jkollhom effett wiesa’ għat-tnaqqis tal-faqar, l-inklużjoni soċjali, inkluż għan-nisa, it-tfal u għal dawk imdaħħla fiż-żmien u għall-ġlieda kontra l-faqar fost il-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa għal mira biex jitnaqqsu l-għadd ta' familji mingħajr impjeg;

L-ugwaljanza bejn is-sessi

28.  Jiddeplora l-fatt li l-miri ewlenin definiti mill-Kunsill Ewropew ma jinkludux l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob għal programm għall-ugwaljanza bejn is-sessi biex tinqered id-diskrepanza eżistenti fil-ħlas bejn l-irġiel u n-nisa, tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fis-suq tax-xogħol u fil-politika u jiġu promossi l-opportunitajiet ta' karriera għan-nisa; jenfasizza l-ħtieġa għal kundizzjonijiet aħjar bil-ħsieb li jkun hemm rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja;

Inizjattivi ewlenin
Inizjattiva Ewlenija: ’Unjoni Tal-Innovazzjoni’

29.  Iqis li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-inizjattiva ewlenija l-ġdida ’Unjoni ta' Innovazzjoni’ hija importanti ħafna biex tingħata spinta lill-ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-pakkett finanzjarju totali mmarkat għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-baġit Komunitarju;

30.  Jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp u tat-tnaqqis tal-burokrazija, sabiex in-negozji mmexxija mill-għarfien ikunu jistgħu jisfruttaw l-effettività tagħhom b'mod sħiħ u jkunu jistgħu jitħeġġu opportunitajiet ta' impjiegi ġodda;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-innovazzjoni, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' privattiva unika tal-UE; huwa tal-fehma li programmi b'għan tajjeb maħsuba għat-tisħiħ tal-kompetittività u l-iffurmar ta' ekonomija sostenibbli mhumiex qegħdin jaħdmu sew u jemmen li l-SMEs, l-universitajiet u n-negozji għandhom jitħeġġu biex jipparteċipaw fi programmi Ewropej;

32.  Iqis li għandhom jiġu stabbiliti miri espliċiti għal għodod ta' finanzjament kompatibbli mal-SMEs, biex jiggarantixxu l-interoperabilità diġitali u l-aċċessibilità, u li huma għandhom jinkludu b'mod ċar miri tal-UE għall-eko-innovazzjoni;

33.  Iqis li hemm potenzjal sinifikanti mhux sfruttat għall-promozzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jenfasizzaw l-importanza tal-akkwist pubbliku innovattiv biex jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tar-riċerka u l-iżvilupp, ir-rwol li għandu biex jinkoraġġixxi l-SMEs ibbażat fuq ir-riċerka u l-potenzjal tiegħu f'termini ta' għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u fil-kisba tal-għanijiet rigward it-tibdil fil-klima;

Inizjattiva Ewlenija: ’Mobilità Fost Iż-Żgħażagħ’

34.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Parlament ukoll identifika ż-żgħażagħ bħala prijorità ewlenija għall-Baġit tal-2011, u esprima b'mod ċar l-intenzjoni tiegħu li jkompli jagħti appoġġ finanzjarju lill-programmi ewlenin kollha f'dan il-qasam;

35.  Jenfasizza li, sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' rata ta' qgħad għolja fost iż-żgħażagħ, għandu jkun hemm aktar enfasi fuq l-iżgurar ta' opportunitajiet ta' taħriġ u ta' xogħol għal kull persuna żagħżugħa, fuq it-tnaqqis tal-limiti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fl-ewwel impjieg u fuq it-twaqqif ta' programmi tal-UE biex jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

36.  Iqis li l-edukazzjoni għolja hija forza ewlenija għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, għall-innovazzjoni u għat-tkabbir, u li għandha titqiegħed iktar enfasi fuq is-segwitu tal-Proċess ta' Bologna u l-implimentazzjoni tal-prinċipji miftehma mill-Istati Membri fil-Qasam Ewropew tal-Edukazzjoni Ogħla kollu kemm hu;

Inizjattiva Ewlenija: ’Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa’

37.  Jilqa’ b'sodisfazzjon il-proposti ambizzjużi reċenti mill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Diġitali u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ dawn l-inizjattivi;

38.  Jenfasizza l-potenzjal kbir tal-impjiegi fis-settur tat-TIK u r-rwol ewlieni tiegħu sabiex l-Ewropa ssir ekonomija effiċjenti mil-lat tar-riżorsi u mil-lat enerġetiku; jirrimarka li l-kompetizzjoni fis-settur toħloq innovazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa għal swieq kompetittivi, ħielsa, mifuħin għal atturi ġodda, li jiffaċilitaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda u innovattivi; jenfasizza l-importanza tat-tkomplija tal-isforzi lejn aċċess minn kullimkien b'veloċità għolja għal broadband fiss u tal-mowbajl, b'termini ġusti u bi prezzijiet kompetittivi, għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha, irrispettivament fejn qegħdin; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu l-istrumenti ta' politika kollha disponibbli biex jiksbu aċċess għall-broadband għal kull ċittadin Ewropew, inkluż il-miri nazzjonali għall-broadband u kopertura b'veloċità għolja u programmi speċjali biex jiżdied il-litteriżmu diġitali tat-tfal permezz tal-użu tal-kompjuters fl-iskejjel;

39.  Jinnota li l-Aġenda Diġitali tal-Ewropa se jkollha impatt kruċjali fuq l-oqsma tal-kultura, il-midja u l-edukazzjoni u li għalhekk hemm bżonn ta' approċċ integrat, mhux wieħed kompartimentalizzat; iqis li jeħtieġ li tingħata attenzjoni għall-impatt ta' midja ġdida, pereżempju permezz ta' impenn għall-promozzjoni ta' kompetenzi elettroniċi, attenzjoni għall-kontenut fuq l-internet flimkien ma' kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, tekniċi u tas-suq intern fl-inizjattivi kollha ta' politika relatati mal-Aġenda Diġitali;

40.  Jinnota, madankollu, li l-moviment liberu tas-servizzi diġitali bħalissa jinsab serjament imxekkel mill-frammentazzjoni tar-regoli fuq livell nazzjonali;

41.  Iqis li l-industrija kreattiva wkoll għandha rwol importanti fl-ambjent diġitali fit-trawwim tad-diversità kulturali fl-UE;

Inizjattiva Ewlenija: ’Ewropa effiċjenti mil-lat ta' riżorsi’

42.  Iqis li l-aspetti ambjentali tal-istrateġija UE 2020 ġeneralment huma dgħajfa wisq u jeħtieġ li jissaħħu; iħeġġeġ li jiddaħħlu għanijiet ambjentali ċari u li jistgħu jitkejlu fl-għanijiet ewlenin tal-istrateġija, b'enfasi fuq it-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità;

43.  Iqis li l-istrateġija UE 2020 għandha tkun immirata lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni fuq terminu ta' żmien twil biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b’80% sal-2050, partikolarment billi tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u jitnaqqas l-iskart biex il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa tittejjeb u jitnaqqsu l-ispejjeż;

44.  Iqis li t-tisħiħ tal-effiċjenza mil-lat tar-riżorsi għandha tkun prijorità fl-istrateġija kollha kemm hi, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-effetti tal-prezzijiet taż-żejt li dejjem qed jiżdiedu u l-provvista limitata tal-metalli prezzjużi li huma kruċjali għall-elettronika b'mod ġenerali u partikolarment għall-produzzjoni tal-batteriji għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku b'mod partikolari;

45.  Iqis li l-innovazzjoni għandha tiġi mfittxa bil-qawwi sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' titjib ambjentali, l-effiċjenza rigward l-użu tar-riżorsi u t-tnaqqis fl-ispejjeż, u li t-twaqqif ta' miri legali u l-introduzzjoni ta' miżuri regolatorji huma l-aktar mezzi effettivi għall-promozzjoni ta' innovazzjoni ta' dan it-tip;

46.  Jemmen li r-regoli għad-distribuzzjoni tal-fondi strutturali tal-UE għandhom jiġu aġġustati biex iqisu l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-innovazzjoni li tnaqqas l-ispejjeż u ttejjeb l-użu tar-riżorsi;

Inizjattiva Ewlenija: ’Enerġija nadifa u effiċjenti’

47.  Jenfasizza li l-proċessi tal-produzzjoni sostenibbli, flimkien mal-effiċjenza tar-riżorsi u politika ta' enerġija integrata, u l-iżvilupp ulterjuri ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu se jippermettu lill-UE mhux biss li tilħaq il-miri tagħha rigward l-enerġija iżda wkoll li żżomm bażi ta' manifattura qawwija fl-Ewropa, u li ssaħħaħ il-kompetittività, it-tkabbir u l-impjieg;

48.  Jiddeplora n-nuqqas ta' kwalunkwe ambizzjoni fl-istrateġija UE 2020 biex tiġi żviluppata politika komuni Ewropea tal-enerġija; jenfasizza li, minkejja li suq intern jaħdem sewwa huwa objettiv ewlieni għall-Ewropa, u filwaqt li t-tielet pakkett dwar l-enerġija għandu jkun implimentat b'urġenza, l-enfasi żejjed fuq din il-parti tal-politika tal-Ewropa dwar l-enerġija jsir askapitu taż-żewġ objettivi l-oħra ta' ’żvilupp sostenibbli’ u ’sigurtà tal-provvista’; ifakkar li s-suq intern ma jistax jiġi ttrattat separatament mid-dimensjoni esterna, u li l-Ewropa teħtieġ politika Ewropea tassew komuni dwar l-enerġija biex ikollha effett reali fuq is-sigurtà tal-provvista, fuq it-tibdil fil-klima u fuq il-prezzijiet tal-enerġija li jkunu għall-but ta' kulħadd;

49.  Jenfasizza li l-effiċjenza fl-enerġija mhijiex biss l-iktar mezz ekonomiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tissaħħaħ is-sigurtà fl-enerġija, iżda wkoll tista’ toħloq għadd sinifikanti ta' impjiegi sal-2020; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ipoġġu l-effiċjenza enerġetika fil-quċċata tal-aġenda tal-UE, inkluż f'termini baġitarji; b'mod iktar speċifiku, jitlob biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u għal proposta ambizzjuża u f'waqtha tal-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid għall-Effiċjenza Ewropea, inkluża reviżjoni tad-direttiva tas-servizzi tal-enerġija u l-introduzzjoni ta' mira legalment vinkolanti rigward l-effiċjenza fl-enerġija;

50.  Jinnota li, sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-klima, se jkunu meħtieġa investimenti sostanzjali fl-infrastruttura tal-enerġija qabel l-2020 u lil hinn, inkluż l-investiment fit-titjib tan-netwerks tal-enerġija tal-Ewropa, supernetwerk tal-enerġija intelliġenti li tkun verament Ewropea, it-twettiq tal-proġett Galileo, it-teknoloġija ħadra, is-saħħa elettronika, il-Programm TEN-T u aċċess b'xejn u ekwitabbli għall-ICT u l-broadband; jirrimarka wkoll li huwa essenzjali li jitlesta s-suq intern tal-enerġija u li l-Istati Membri jitħeġġu biex jimplimentaw malajr it-tielet pakkett tal-enerġija sabiex jiġu stimulate t-tkabbir ekonomiku, il-ftuħ tas-suq u t-titjib tad-drittijiet tal-konsumatur u sabiex tissaħħaħ is-sikurezza tal-provvista tal-enerġija tal-UE; iqis li jeħtieġ li jiġu segwiti dawn l-inizjattivi, biex jiġi stimulat is-suq intern tal-enerġija u biex jiġi integrat ammont dejjem jikber ta' sorsi tal-enerġija li jiġġeddu kif ukoll biex jiġu żviluppati iktar il-proġetti ewlenin tal-infrastruttura f'pajjiżi terzi, partikolarment fil-Mediterran u r-reġjuni tal-Eurasja; jinnota li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli huma l-aqwa riżorsi tal-enerġija indiġena tal-kontinent tagħna, u għalhekk jitlob li ssir implimentazzjoni ambizzjuża tal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli tal-Istati Membri;

51.  Jinnota li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn tinvesti b'mod massiv fl-infrastrutturi tat-trasport, bħalma hi t-TEN-T, biex tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, ittejjeb il-koeżjoni soċjali u territorjali u toħloq sistema tat-trasport li tkun sostenibbli u interoperabbli; jitlob li jkun hemm interazzjoni bejn il-modi tat-trasport u l-użu intelliġenti tal-loġistika peress li biex is-settur tat-trasport jiġi dekarbonizzat u jsir wieħed sostenibbli se jeħtieġ l-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda u riżorsi finanzjarji;

Inizjattiva Ewlenija: ’Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni’

52.  Jappoġġa b'mod qawwi politika industrijali biex jinħoloq l-aħjar ambjent biex tinżamm u tiġi żviluppata bażi industrijali b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata fl-Ewropa; jilqa’, u jenfasizza, il-fatt li politika bħal din tkopri s-settur industrijali kollu kemm hu u li l-objettiv ewlieni tagħha huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas xierqa;

53.  Jitlob li sseħħ trasformazzjoni tal-industrija Ewropea permezz ta' politika industrijali Ewropea sostenibbli orjentata lejn il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u t-titjib fl-effiċjenza tar-riżorsi u fl-użu tagħhom; jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-industrija Ewropea jeħtieġ djalogu intensiv mal-impjegati u mal-ħaddiema; itenni li din it-tranżizzjoni sejra tirrikjedi miżuri biex jgħinu lill-ħaddiema jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ġdida u ambjentalment sostenibbli;

54.  Jagħmel l-argument li l-UE 2020 għandha tiżvela l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-konverżjoni għal ekonomija sostenibbli li tuża l-enerġija b'mod effiċjenti u jinnota li l-faċilitazzjoni tal-aġġustament tal-industrija għall-bidla strutturali hija objettiv tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

55.  Itenni t-talba tiegħu li jinkiseb finanzjament adegwat biex jiġu appoġġati t-teknoloġiji nodfa, sostenibbli u effiċjenti li jużaw ftit karbonju, li jkun jammota għal infiq totali mill-baġit tal-UE ta' mill-inqas EUR 2 biljun fis-sena, apparti l-FP7 u s-CIP, mill-2010 ’l quddiem; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu skeda ta' żmien għall-impenji tagħhom ta' finanzjament, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex jiġi żgurat li l-fondi jibdew jingħataw mill-2010 għad-diversi inizjattivi tal-pjan SET, kif ukoll l-inizjattivi kumplimentarji;

Inizjattiva Ewlenija: ’Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda’

56.  Iqis li hu importanti li wieħed iħares lejn il-kompetittività li kulma jmur qed tonqos tal-Ewropa fil-livell globali, u li, meta wieħed iżomm quddiem għajnejh l-iskarsità ta' ħaddiema proġettata fuq perjodu twil ta' żmien, huwa importanti wkoll li wieħed iħares lil hinn mill-kriżi u jesplora skemi Ewropej li joffru l-possibilità ta' migrazzjoni tal-għerf u l-prevenzjoni tat-telf tal-aħjar imħuħ fl-Ewropa;

57.  Jemmen li l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-trawwim ta' tqabbil effikaċi tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq għandhom ikunu punti fokali tal-politika u, għal dan il-għan, teżisti l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-mobilità transkonfinali tal-istudenti u tar-riċerkaturi, u li jiġu xprunati l-apprendistati biex tissaħħaħ il-ġibda tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni ogħla; iqis li l-impenn tal-Ewropa rigward l-edukazzjoni għandu jsib espressjoni prattika fl-istrateġija UE 2020, u jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi miri numeriċi għall-edukazzjoni fl-istrateġija;

58.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummisjsoni, biex flimkien mal-Parlament jadottaw, sa tmiem is-sena, strateġija ambizzjuża għal impjiegi ekoloġiċi, li tistipula kundizzjonijiet ta' qafas għall-isfruttament tal-potenzjal tal-impjiegi ta' ekonomija aktar sostenibbli bbażata fuq il-ħiliet u l-innovazzjoni, u li tiżgura li t-tranżizzjoni lejn ekonomija ta' dan it-tip tkun appoġġata permezz tat-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja u s-sigurtà soċjali għal kulħadd;

Inizjattiva Ewlenija: ’Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar’

59.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal pjattaforma kontra l-faqar, iżda jenfasizza li l-ġlieda kontra l-faqar trid tiġi intensifikata; f'dan ir-rigward, iqis li l-istrateġija UE 2020 għandha tinkludi b'mod ċar miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-inugwaljanza u, b'mod aktar speċifiku, tad-differenza bejn is-sinjuri u l-foqra; iqis, għalhekk, li l-faqar irid jitkejjel bħala ’faqar relattiv’ biex jgħin sabiex jiġu identifikati dawk li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni soċjali;

60.  Jemmen li l-għażla ta' indikaturi tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali għandha tirrifletti l-ħtieġa li jitnaqqas il-faqar billi l-individwi, speċjalment in-nisa, jiġu involuti fis-suq tax-xogħol; jitlob, għalhekk, li jiġu żviluppati strumenti ġodda għall-kejl tar-rabta bejn l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol u l-faqar fil-livell individwali; jenfasizza li s-servizzi soċjali huma kruċjali biex tinlaħaq l-inklużjoni soċjali;

Il-politika ta' koeżjoni

61.  Iqis li politika b'saħħitha u ffinanzjata sew tal-koeżjoni, li tkun tinkludi r-reġjuni Ewropej kollha, għandha tkun konformi kompletament mal-istrateġija UE 2020 u li politika bħal din, bl-approċċ orizzontali tagħha, hija prerekwiżit biex jintlaħqu b'suċċess l-objettivi tal-UE 2020, kif ukoll biex tintlaħaq il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; iħeġġeġ, għalhekk, sabiex ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni jiġu ssimplifikati iktar fl-interess tal-faċilità tal-użu, ir-responsabilità u approċċ li jirreaġixxi aħjar għall-isfidi tal-ġejjieni u għar-riskju ta' kriżijiet ekonomiċi;

62.  Iqis li l-kriżi globali għandha tintuża bħala opportunità biex l-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea tagħna tingħata pedament ġdid bħala mudell ta' soċjetà bbażata fuq is-sostenibilità, is-solidarjetà, l-għerf, tnaqqis deċiżiv fil-faqar u l-ħolqien ta' impjiegi, u li l-istrateġija UE 2020 għandha tiżviluppa l-potenzjal tal-impjiegi tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli;

Il-Politika Agrikola Komuni

63.  Jirrimarka li r-riforma tal-PAK sal-2013 u strateġija sostenibbli għall-foresterija għandhom jitqiesu fil-qafas tal-istrateġija UE 2020; jinnsab konvint li, jekk ikollna qafas politiku korrett u riżorsi baġitarji adegwati, l-agrikoltura u l-foresterija jistgħu jiżvolġu rwol importanti fi strateġija Ewropea ġenerali biex ikun garantit l-irkupru ekonomiku, filwaqt li simultanjament jikkontribwixxu għas-sigurtà alimentari dinjija u tal-UE, jippreservaw il-pajsaġġ rurali, li jirrappreżenta 90% tat-territorju tal-UE, jiżguraw il-ħarsien tal-impjiegi fiż-żoni rurali, jiżguraw benefiċċji ambjentali u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għat-tfittxija ta' sorsi alternattivi ta' riżorsi;

L-azzjoni esterna mill-Unjoni Ewropea

64.  Jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni esterna tal-istrateġija UE 2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ usa’ u aktar komprensiv fl-azzjoni esterna taghha, f'konformita mal-kuncett tal-UE tal-koerenza tal-politika ghall-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-istrateġija kummerċjali tagħha għall-UE 2020 biex tippromwovi l-valuri ewlenin tal-Unjoni, bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali u d-difiża tal-ambjent;

65.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha ssawwar l-istrateġija kummerċjali tagħha għall-UE 2020 b'mod li tittrasforma l-politika kummerċjali tal-UE f'mezz ġenwin għall-ħolqien tal-impjiegi u ta' żvilupp sostenibbli mad-dinja kollha, u li għandha tipprevedi, fi stadju bikri, djalogu miftuħ mal-Parlament u mas-soċjetà ċivili dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-era ta' wara Doha, b'mod partikolari l-istandards soċjali u ambjentali u r-riforma tad-WTO;

o
o   o

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0053.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0186.

Avviż legali - Politika tal-privatezza