Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2139(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0186/2010

Testi mressqa :

A7-0186/2010

Dibattiti :

PV 05/07/2010 - 19
CRE 05/07/2010 - 19

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2010 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0261

Testi adottati
PDF 242kWORD 82k
It-Tlieta, 6 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
Rapport annwali dwar l-attivitajiet 2009 tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet
P7_TA(2010)0261A7-0186/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2010 dwar id-deliberazzjonijiet 2009 tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (2009/2139 (INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0186/2010),

A.  billi l-attività tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2009 kienet ikkaratterizzata bit-tranżizzjoni mis-sitt leġiżlatura għas-seba' waħda, u l-kompożizzjoni tal-Kumitat inbidlet b'mod konsiderevoli, b'żewġ terzi tal-membri jieħdu posthom għall-ewwel darba,

B.  billi l-2009 kienet ikkaratterizzata bit-tmiem tal-mandat tal-Ombudsman Ewropew filwaqt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien involut direttament fis-smigħ tal-kandidati għall-kariga,

C.  billi t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009 u ħoloq il-kundizzjonijiet neċessarji għal parteċipazzjoni ikbar taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, fi sforz biex tissaħħaħ il-leġittimità u r-responsabilità tagħha,

D.  billi ċ-ċittadini tal-UE huma rrappreżentati direttament mill-Parlament, u d-dritt ta' petizzjoni kif imħaddan fit-Trattat joffri l-mezzi sabiex jindirizzaw lir-rappreżentanti tagħhom kull meta jqisu li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru,

E.  billi l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea għandu impatt dirett fuq iċ-ċittadini, li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jevalwaw l-effikaċa u n-nuqqasijiet tagħha u biex jindikaw il-lakuni li baqa' u li jeħtieġ li jiġu solvuti sabiex tiġi żgurata konformità mal-objettivi tal-Unjoni,

F.  filwaqt li jżomm f'moħħu li ċ-ċittadini Ewropej, individwalment jew b'mod kollettiv, iduru fuq il-Parlament għal rimedju meta tinkiser liġi Ewropea,

G.  billi l-Parlament, permezz tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu, għandu obbligu li jinvestiga dan it-tħassib u li jagħmel l-almu tiegħu biex iwaqqaf dan il-ksur tal-liġi; billi, sabiex iċ-ċittadini jiġu offruti l-iktar rimedji xierqa u rapidi, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kompla jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, ma' kumitati parlamentari oħrajn, korpi, aġenziji u netwerks Ewropej u mal-Istati Membri,

H.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet li rċieva l-Parlament fl-2009 kien ftit iktar minn dak irreġistrat fl-2008 (jiġifieri 1 924 meta mqabbel ma' 1 849), u billi t-tendenza li qed tikber fir-rigward ta' petizzjonijiet ippreżentati b'mod elettroniku ġiet ikkonfermata (madwar 65 % waslu f'din il-forma fl-2009 meta mqabbla ma' 60 % fl-2008),

I.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli li waslu fl-2009 jindika li għandu jkun hemm iktar enfasi sabiex iċ-ċittadini jiġu infurmati aħjar dwar il-kompetenzi tal-Unjoni u r-rwol tal-istituzzjonijiet varji tagħha,

J.  billi, bosta drabi, iċ-ċittadini jippetizzjonaw lill-Parlament dwar deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti fl-Istati Membri, u billi ċ-ċittadini għandhom bżonn mekkaniżmi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali biex jagħtu rendikont tal-parti tagħhom kemm fil-proċess leġiżlattiv Ewropew kif ukoll fil-proċess ta' infurzar leġiżlattiv,

K.  billi ċ-ċittadini għandhom, b'mod partikulari, jkunu konxji – kif rikonoxxut mill-Ombudsman Ewropew fid-deċiżjoni ta' Diċembru 2009 li għalqet l-investigazzjoni fir-rigward tal-ilment 822/2009/BU kontra l-Kummissjoni – li l-proċedimenti fil-qrati nazzjonali huma parti mill-proċess tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fl-Istati Membri, u li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ma jistax jindirizza kwistjonijiet soġġetti għal proċedimenti fi qrati nazzjonali u lanqas ma jista' jirrevedi r-riżultat ta' tali proċedimenti,

L.  billi l-ispejjeż għoljin tal-proċeduri tal-qorti b'mod partikulari f'xi Stati Membri, jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għaċ-ċittadini u li dan jista' jwaqqafhom milli jressqu azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti meta jikkunsidraw li l-awtoritajiet nazzjonali ma rrispettawx id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE,

M.  billi l-Parlament jaffaċċja problema partikulari meta titressaqlu petizzjoni dwar nuqqas allegat mill-ġudikatura nazzjonali biex jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja f'nuqqas ta' osservanza tal-Artikolu 267 tat-TFUE, speċjalment jekk il-Kummissjoni ma tużax il-poteri tagħha skont l-Artikolu 258 sabiex tieħu azzjonijiet kontra l-Istat Membru kkonċernat,

N.  billi l-proċess tal-petizzjonijiet – permezz tal-mekkaniżmi ta' ħidma tiegħu u minħabba li d-dritt ta' petizzjoni huwa mogħti liċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat – huwa differenti minn rimedji oħrajn disponibbli għaċ-ċittadini fil-livell tal-UE, bħalma hija l-preżentazzjoni ta' lmenti lill-Ombudsman Ewropew jew lill-Kummissjoni,

O.  billi ċ-ċittadini huma intitolati għal rimedju rapidu u orjentat lejn is-soluzzjoni u għal livell għoli ta' trasparenza u ċarezza min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha u billi l-Parlament talab repetutament lill-Kummissjoni biex tuża l-prerogattivi tagħha bħala gwardjan tat-Trattat sabiex tieħu azzjoni kontra l-ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea żvelat mill-petizzjonanti, speċjalment meta t-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali tirriżulta fil-ksur tagħha,

P.  billi ħafna petizzjonijiet għadhom iqajmu tħassib dwar it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-suq intern u l-ambjent, u filwaqt li jżomm f'moħħu t-talbiet preċedenti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-kontrolli ta' infurzar f'dawn l-oqsma jissaħħu u jsiru aktar effiċjenti,

Q.  billi, minkejja li l-Kummissjoni tista' biss tivverifika kompletament il-konformità mal-liġi tal-UE meta tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali biss, huwa importanti, b'mod partikulari fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-ambjent u fil-każijiet kollha meta l-aspett ta' żmien ikun sinifikanti b'mod speċjali, li minn stadju bikri jiġi vverifikat li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali japplikaw b'mod korrett ir-rekwiżiti proċedurali relevanti kollha skont il-liġi tal-UE u, meta jkun meħtieġ, jagħmlu studji ddettaljati dwar l-applikazzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, sabiex jiksbu t-tagħrif kollu meħtieġ,

R.  filwaqt li jżomm f'moħħu l-importanza li jiġi evitat iktar telf irreparabbli tal-bijodiversità, speċjalment fis-siti tan-Natura 2000, u l-impenn tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ta' żoni ta' konservazzjoni speċjali skont id-Direttiva tal-Ħabitats (92/43/KEE) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (79/409/KEE),

S.  billi l-petizzjonijiet jenfasizzaw l-impatt tal-leġiżlazzjoni Ewropea fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE, u filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jiġi kkonsolidat il-progress miksub fit-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini mogħtija lilhom mill-UE,

T.  billi, fir-rapport ta' ħidma preċedenti tiegħu u fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet talab li jinżamm infurmat regolarment dwar l-istadji milħuqa fil-proċeduri ta' ksur li s-suġġett tagħhom ikun kopert ukoll mill-petizzjonijiet,

U.  filwaqt li jżomm f'moħħu li l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità primarja għat-traspożizzjoni korretta u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea, u filwaqt li jirrikonoxxi li ħafna minnhom kienu involuti dejjem iżjed fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2009,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tranżizzjoni bla xkiel għal-leġiżlatura l-ġdida u jinnota li ħafna mill-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, b'differenza mill-ħidma ta' kumitati parlamentari oħrajn, ġiet ittrasferita għal-leġiżlatura l-ġdida minħabba li l-eżami ta' għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet kien għadu ma ġiex komplut;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u għandu fiduċja li l-Parlament se jkun involut mill-qrib fl-iżvilupp tal-inizjattiva taċ-ċittadini l-ġdida sabiex dan l-istrument ikun jista' jilħaq l-għan tiegħu b'mod sħiħ u jiġu żgurati trasparenza u responsabilità ikbar fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jissuġġerixxu titjib jew żidiet fir-rigward tal-liġi tal-UE;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej(1), ippubblikata mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-2009, bħala l-ewwel pass sabiex dan il-kunċett jitqiegħed fil-prattika;

4.  Jinnota li l-Parlament irċieva petizzjonijiet b'xejra ta' kampanja b'iktar minn miljun firma u jinsisti dwar il-bżonn li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji b'mod sħiħ bid-distinzjoni bejn din it-tip ta' petizzjoni u l-inizjattiva taċ-ċittadini;

5.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini(2), li fir-rigward tagħha l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikkontribwixxa opinjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli implimentattivi li jinftiehmu li jidentifikaw b'mod ċar ir-rwoli u l-obbligi tal-istituzzjonijiet involuti fil-proċessi ta' eżami u ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-saħħa legali vinkolanti li akkwistat il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u jenfasizza l-importanza tal-Karta li tiċċara iżjed id-drittijiet fundamentali u tagħmilhom iżjed viżibbli għaċ-ċittadini kollha;

7.  Iqis li kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha għandhom obbligu li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali inklużi fil-Karta jiġu osservati b'mod sħiħ, u għandu fiduċja li l-Karta se tgħin biex jiġi żviluppat il-kunċett ta' ċittadinanza tal-Unjoni;

8.  Għandu fiduċja li se jittieħdu l-passi proċedurali neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat li l-aspetti istituzzjonali tal-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali jiġu ċċarati malajr, u jinnota l-intenzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Parlament fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

9.  Ifakkar fit-talba preċedenti tiegħu li titwettaq reviżjoni sħiħa tal-proċeduri ta' rimedju disponibbli għaċ-ċittadini tal-UE mis-servizzi relevanti tal-Parlament u l-Kummissjoni u jenfasizza l-importanza li jitkomplew in-negozjati dwar il-Ftehim Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni sabiex jiġu kkunsidrati b'mod sħiħ id-drittijiet miżjuda taċ-ċittadni tal-UE b'mod partikulari permezz tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi meħuda mill-Kummissjoni biex tissimplifika s-servizzi ta' assistenza pubblika eżistenti, sabiex iċ-ċittadini jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom tal-UE u l-mezzi ta' rimedju disponibbli f'każ ta' ksur, permezz tar-raggruppament tal-paġni tal-Internet relevanti varji (bħal dawk tas-SOLVIT u l-ECC-Net) taħt it-titolu “Drittijietek fl-UE” fil-paġna ewlenija tal-Internet tal-UE;

11.  Jinnota li l-Parlament talab repetutament lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema sabiex tissenjala b'mod ċar il-mekkaniżmi varji għall-ilmenti disponibbli għaċ-ċittadini u jemmen li jeħtieġ li jittieħdu passi ulterjuri, bil-għan aħħari li l-paġna tal-Internet “Drittijietek fl-UE” tinbidel f'waħda fejn tkun tista' tinqeda minn kollox permezz tal-Internet u li tkun tista' tintuża faċilment; jistenna bil-ħerqa l-valutazzjonijiet inizjali tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2008 tiegħu(3), li mistennija joħorġu fl-2010;

12.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2008 u jħeġġeġ lill-Ombusman li għadu kif ġie elett mill-ġdid biex ikompli jaħdem sabiex ikabbar il-ftuħ u r-responsabilità tal-amministrazzjoni Ewropea u biex jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u kemm jista' jkun fl-aktar livell viċin taċ-ċittadini;

13.  Jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jappoġġja l-uffiċċju tal-Ombudsman fl-isforzi tiegħu biex iqajjem kuxjenza pubblika fir-rigward tal-ħidma tiegħu u biex jidentifika u jaġixxi kontra l-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li l-Ombudsman jirrappreżenta sors siewi ta' informazzjoni fil-ħidma ġenerali biex titjieb l-amministrazzjoni Ewropea;

14.  Jinnota li l-petizzjonijiet li waslu fl-2009, li kważi 40 % ġew meqjusa mhux ammissibbli, komplew jiffukaw fuq l-ambjent, id-drittijiet fundamentali u s-suq intern; f'termini ta' xejra ġeografika, ħafna mill-petizzjonijiet kienu jirrigwardaw l-Unjoni b'mod ġenerali – segwita mill-Ġermanja, Spanja, l-Italja u r-Rumanija – u dan juri li ċ-ċittadini jsegwu b'attenzjoni l-ħidma tal-Unjoni u jduru lejha sabiex tieħu azzjoni;

15.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma tal-petizzjonanti u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għall-ħarsien tal-ambjent tal-Unjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-kumitat li ordna studju dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, b'antiċipazzjoni tas-Sena Internazzjonali tal-Bijodiversità u jikkunsidraha bħala għodda utli għall-evalwazzjoni tal-istrateġija tal-bijodiversità tal-UE s'issa u għall-abbozzar ta' strateġija ġdida;

16.  Josserva li qed ikun hemm dejjem iżjed petizzjonijiet li jenfasizzaw il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt ta' moviment liberu tagħhom; dawn il-petizzjonijiet jirreferu għat-tul ta' żmien eċċessiv min-naħa tal-Istati Membri ospitanti biex joħorġu permessi ta' residenza lil membri tal-familja minn pajjiżi terzi, għal diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet ta' votazzjoni u għar-rikonoxximent tal-kwalifiki;

17.  Itenni t-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposti prattiċi sabiex il-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-prattiki kummerċjali inġusti tiġi estiża għan-negozji ż-żgħar, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa(4), minħabba li l-Kumitat għadu jirċievi petizzjonijiet minn vittmi ta' inganni tad-direttorji kummerċjali;

18.  Jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-Kummissjoni fil-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li għadu joqgħod fuq il-kompetenza tagħha fil-valutazzjoni tal-petizzjonijiet, fl-identifikazzjoni tal-ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea u biex jinstab rimedju, u jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni biex ittejjeb il-ħin totali ta' reazzjoni għat-talbiet ta' investigazzjoni tal-Kumitat sabiex il-każijiet li ġew irrappurtati miċ-ċittadini jkunu jistgħu jiġu solvuti kemm jista' jkun malajr;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tintervjeni fi stadju bikri kull meta l-petizzjonijiet jagħtu sinjal ta' danni potenzjali għal żoni protetti speċjali, billi tfakkar lill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati dwar l-impenji tagħhom li jiżguraw l-integrità tas-siti kklassifikati bħala Natura 2000 skont id-Direttiva 92/43/KEE (Ħabitats) u, fejn meħtieġ, billi tieħu miżuri preventivi biex tiżgura r-rispett tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

20.  Jilqa' lill-Kummissarji eletti ġodda – b'mod partikulari l-Kummissarju responsabbli għar-relazzjonijiet u l-amministrazzjoni interistituzzjonali – u jittama li se jikkooperaw mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mill-viċin u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun u li jirrispettawh bħala wieħed mill-mezzi ta' komunikazzjoni l-aktar importanti bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej;

21.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma indirizzatx it-talbiet ripetuti tal-Kumitat għal aġġornamenti uffiċjali u regolari dwar il-progress tal-proċedimenti ta' ksur fir-rigward ta' petizzjonijiet miftuħa; jinnota li l-pubblikazzjoni ta' kull xahar tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċedimenti ta' ksur – skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat – minkejja li ta' min ifaħħarha f'termini ta' trasparenza, ma tirrappreżentax tweġiba adegwata għal dawn it-talbiet;

22.  Jemmen li jekk il-Kumitat isib il-proċedimenti ta' ksur billi jsegwi l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kummissjoni u jqabbilhom ma' ċerti petizzjonijiet ikun qed jaħli l-ħin u r-riżorsi tiegħu inutilment, speċjalment fil-każ ta' ksur orizzontali u jitlob li l-Kummissjoni tinforma lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet dwar kwalunkwe ksur tal-proċeduri;

23.  Itenni t-twemmin tiegħu li ċ-ċittadini għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' trasparenza mill-Kummissjoni kemm jekk jagħmlu lment formali kif ukoll jekk jippreżentaw petizzjoni lill-Parlament u jistieden lill-Kummissjoni, għal darba oħra, biex tiżgura li jingħata rikonoxximent akbar għall-proċess tal-petizzjonijiet u għar-rwol ta' dan il-proċess li jiżvela l-ksur tal-leġiżlazzjoni Ewropea li fir-rigward tiegħu sussegwentement jitniedu proċedimenti ta' ksur;

24.  Ifakkar li, f'ħafna każijiet, il-petizzjonijiet jiżvelaw problemi relatati mat-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea u jirrikonoxxi li t-tnedija ta' proċedimenti ta' ksur mhux neċessarjament tipprovdi liċ-ċittadini b'soluzzjonijiet immedjati għall-problemi tagħhom, minħabba t-tul ta' żmien medju li jieħdu dawn il-proċedimenti;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa mezzi alternattivi sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni Ewropea, u l-attitudni pożittiva ta' ċerti Stati Membri li jieħdu l-passi neċessarji biex jikkoreġu l-ksur fi stadju bikri tal-proċess ta' implimentazzjoni;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-involviment ikbar tal-Istati Membri fl-attività tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-preżenza tar-rappreżentanti tagħhom fil-laqgħat; jemmen li tali kooperazzjoni għandha tissaħħaħ minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea ladarba din tiġi trasposta fl-ordni legali tagħhom;

27.  Jisħaq li l-kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri hija importanti ħafna għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; jemmen li waħda mis-soluzzjonijiet tista' tkun li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali b'mod partikulari fil-kuntest tat-Trattat ta' Lisbona,

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu ppreparati li jkollhom parti aktar trasparenti u proattiva meta jirrispondu l-petizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi Ewropea;

29.  Iqis li, fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta' dan il-Parlament għandu jsawwar rabtiet ta' ħidma aktar mill-qrib ma' kumitati simili fil-parlamenti reġjonali u nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi promoss fehim reċiproku tal-petizzjonijiet dwar il-kwistjonijiet Ewropej u biex tiġi żgurata r-risposta l-aktar veloċi liċ-ċittadin fil-livell l-aktar xieraq;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-impatt tal-urbanizzazzjoni estensiva fi Spanja u jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli biex ikomplu jipprovdu valutazzjonijiet tal-miżuri meħuda, hekk kif kienu qegħdin jagħmlu sa issa;

31.  Jinnota l-għadd dejjem ikbar ta' petizzjonanti li jduru fuq il-Parlament għal rimedju dwar kwisjonijiet li jaqgħu barra mill-qasam ta' kompetenza tal-UE, bħalma huma, pereżempju, il-kalkolu tal-benefiċċji tal-irtirar, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali u l-passività min-naħa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali; il-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel l-almu tiegħu biex jidderieġi mill-ġdid dawn l-ilmenti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

32.  Jemmen li, filwaqt li l-użu estensiv tal-Internet għandu jkun imħeġġeġ minħabba li jiffaċilita l-komunikazzjoni maċ-ċittadini, għandha tinstab soluzzjoni sabiex jiġi evitat li l-Kumitat jitgħabba b'nonpetizzjonijiet; iqis li tista' tinstab soluzzjoni possibbli fir-reviżjoni tal-proċess ta' reġistrazzjoni fil-Parlament u jħeġġeġ lill-persunal responsabbli biex jidderieġi mill-ġdid il-fajls inkwistjoni lill-Unità tal-Korrispondenza maċ-Ċittadini, minflok ma jippreżentahom lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

33.  Jenfasizza l-bżonn li titkompla l-ħidma fuq iż-żieda tat-trasparenza tal-immaniġġjar tal-petizzjonijiet: internament permezz tal-immodernizzar kontinwu tal-applikazzjoni “E-petition” – li tipprovdi lill-Membri b'aċċess dirett għall-fajls tal-petizzjonijiet – u esternament billi jiġi stabbilit portal tal-petizzjonijiet interattiv u li jkun jista' jintuża faċilment li jippermetti li l-Parlament jilħaq liċ-ċittadini b'mod iktar effikaċi, u li barra minn hekk jagħmel il-proċeduri ta' votazzjoni u r-responsabilitajiet tal-Kumitat iktar ċari għall-pubbliku;

34.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta' portal li joffri mudell interattiv b'diversi stadji għall-petizzjonijiet, li jkun jista' jinforma liċ-ċittadini dwar dak li jista' jinkiseb jekk issir petizzjoni lill-Parlament u dwar il-kompetenzi tal-Parlament, u li jkun jista' jinkludi konnessjonijiet għal mezzi ta' rimedju alternattivi fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali; jitlob li jiġu deskritti kemm jista' jkun f'dettal ir-responsabilitajiet tal-Unjoni f'diversi oqsma sabiex tiġi eliminata kwalunkwe konfużjoni bejn il-kompetenzi tal-UE u l-kompetenzi nazzjonali;

35.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta' inizjattiva bħal din mhux se tkun mingħajr spejjeż iżda jħeġġeġ lis-servizzi amministrattivi relevanti biex jaħdmu mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex isibu l-iktar soluzzjonijiet xierqa, minħabba li portal bħal dan ikun ta' importanza enormi mhux biss biex jitjieb il-kuntatt bejn il-Parlament u ċ-ċittadini tal-UE iżda wkoll biex jitnaqqas l-għadd ta' petizzjonijiet inammissibbli;

36.  Jisħaq li sakemm tiġi risolta b'mod sodisfaċenti l-kwistjoni tar-riżorsi, huwa meħtieġ titjib immedjat tal-websajt eżistenti;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approvazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura ġodda tal-Parlament u r-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-immaniġġjar tal-petizzjonijiet; iħeġġeġ il-ħidma tas-Segretarjat u r-rappreżentanti tal-gruppi politiċi fuq gwida riveduta għall-Membri dwar ir-regoli u l-proċeduri interni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, minħabba li dokument bħal dan mhux biss jassisti lill-Membri fil-ħidma tagħhom iżda jkompli jżid it-trasparenza tal-proċess tal-petizzjonijiet;

38.  Itenni t-talba tiegħu lid-dipartimenti amministrattivi relevanti biex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi stabbilit reġistru elettroniku li permezz tiegħu ċ-ċittadini jkunu jistgħu jappoġġjaw jew jirtiraw l-appoġġ tagħhom fir-rigward ta' petizzjoni skont l-Artikolu 202;

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom kif ukoll lill-ombudspersons nazzjonali tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.

(1) COM(2009)0622 tal-11.11.2009.
(2) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 b'talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini (Testi adottati, 7.5.2009, P6_TA(2009)0389).
(3) Pjan ta' azzjoni dwar approċċ integrat biex jiġu pprovduti Servizzi ta' Assistenza għas-Suq Uniku liċ-ċittadini u n-negozji - Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2008)1882.
(4) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-kumpaniji ta' direttorju qarrieqa (ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 17).

Avviż legali - Politika tal-privatezza