Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2236(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0204/2010

Testi mressqa :

A7-0204/2010

Dibattiti :

PV 08/07/2010 - 3
CRE 08/07/2010 - 3

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2010 - 6.8
CRE 08/07/2010 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0286

Testi adottati
PDF 499kWORD 176k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
Il-futur tal-PAK wara l-2013
P7_TA(2010)0286A7-0204/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013 (2009/2236(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra it-Tielet Parti, t-Titolu III, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' L-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kontroll tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu dwar “L-iskema ta' Pagament Uniku wara l-2013: Approċċ Ġdid, Objettivi Ġodda”,

–  wara li kkunsidra r-Rapport IAASTD (Evalwazzjoni Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija Agrikola għall-Iżvilupp) imfassal mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Bank Dinji u ffirmat minn 58 pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Prospects for agricultural markets and income 2008-2015”,

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni “The CAP in perspective: from market intervention to policy innovation”,

–  wara li kkunsidra l-istudju “Provision of public goods through agriculture in the European Union” mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147), kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-istaff bl-isem “L-adattament għat-tibdil fil-klima: l-isfida għall-agrikoltura u għaż-żoni rurali Ewropej” (SEC(2009)0417) u “Ir-rwol tal-agrikoltura Ewropea fit-taffija tat-tibdil fil-klima” (The role of European agriculture in climate change mitigation) (SEC(2009)1093),

–  wara li kkunsidra l-istudju “Ir-riforma tal-PAK lil hinn mill-2013: Idea għal viżjoni fil-bogħod” immexxi minn Notre Europe,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar l-integrazzjoni tal-Istati Membri l-Ġodda fil-PAK(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-agrikoltura tal-UE u t-tibdil fil-klima(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: liema strateġija għandna nsegwu?(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0204/2010),

A.  billi l-UE jeħtieġ li tkompli tassigura s-sikurezza tal-ikel għaċ-ċittadini tagħha u tipparteċipa fil-provvista globali tal-ikel filwaqt li tikkoopera aħjar u b'mod aktar koerenti mal-bqija tad-dinja, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw bil-għan li tgħin fl-iżvilupp fit-tul tas-setturi agrikoli tagħhom b'mod sostenibbli li jimmassimizza l-għarfien espert lokali, billi fis-sitwazzjoni attwali fejn in-numru globali ta' nies bil-ġuħ issa jaqbeż il-biljun ruħ u fl-Unjoni Ewropea hemm “il fuq minn 40 miljun nies foqra li m'għandhomx biżżejjed x'jieklu, l-iżviluppi xjentifiċi għandhom jintużaw jekk jistgħu jipprovdu soluzzjonijiet xierqa biex itaffu l-ġuħ tad-dinja, l-aktar permezz ta' effiċjenza aħjar tar-riżorsi,

B.  billi, skont il-FAO, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tirdoppja u l-popolazzjoni dinjija tikber minn 7 biljuni llum għal 9 biljuni sal-2050, u l-produzzjoni dinjija tal-ikel jeħtieġ li tiżdied konsegwentement fl-isfond tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, li jfisser li d-dinja se jkun jeħtiġilha tipproduċi aktar ikel filwaqt li tuża anqas ilma, anqas art, anqas enerġija, anqas fertilizzanti u anqas pestiċidi,

C.  billi l-objettivi tal-PAK, kif elenkati fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE), għandhom l-għan li tiżdied il-produttività agrikola, jiġi ggarantit livell ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, jiġu stabbilizzati s-swieq, tiġi garantita d-disponibilità tal-provvisti, u li jkun żgurat li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli; billi, s'issa, il-PAK fil-parti l-kbira laħqet l-għanijiet tagħha, u pparteċipat fl-isforzi biex trawwem l-integrazzjoni tal-UE, il-koeżjoni territorjali fl-Ewropa u l-funzjonament tas-Suq Uniku; madankollu, huwa biss b'mod parzjali li kkontribwixxiet għal livell ta' għajxien ġust għall-komunità agrikola, u għadu ma rnexxielhiex twettaq l-istabbilizzazzjoni tas-suq, peress li s-swieq saru estremament vulnerabbli, u b'hekk is-sigurtà tal-ikel qed titqiegħed f'riskju; billi, biex il-PAK twettaq sal-aħħar l-għanijiet tagħha, filwaqt li tippreserva l-ambjent u l-impjiegi rurali, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi,

D.  billi l-agrikoltura u s-silvikultura jibqgħu setturi importanti għall-ekonomija u fl-istess ħin jipprovdu prodotti essenzjali lill-pubbliku billi jieħdu ħsieb riżorsi naturali u pajsaġġi kulturali, li hija prekondizzjoni għall-attivitajiet kollha tal-bniedem f'żoni rurali, billi dawn is-setturi diġà qed jagħmlu l-akbar kontribut fl-UE biex jintlaħqu l-objettivi Ewropej fir-rigward tal-klima u tal-enerġija, b'mod partikolari l-objettivi għall-enerġiji rinnovabbli mill-bijomassa li ġejja mill-agrikoltura u mis-silvikultura, billi dan il-kontribut irid ikompli jikber fil-ġejjieni, u billi dawn is-sorsi tal-bijoenerġija jgħinu wkoll biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija u, fil-kuntest tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, jgħinu biex jinħolqu impjiegi ġodda u biex jittejjeb id-dħul tas-settur,

E.  billi ċ-ċittadini tal-UE jirċievu benefiċċji konsiderevoli mill-PAK f'termini ta' disponibilità u għażla ta' ikel sikur u ta' kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli, sigurtà tal-ikel, protezzjoni tal-ambjent, ħolqien ta' impjiegi u miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,

F.  billi bħalissa hemm 13.6 miljun ruħ impjegati direttament fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tas-sajd, b'5 miljun ruħ oħra jaħdmu fl-industrija tal-ikel agrikolu, fejn l-UE hija l-akbar produttur tal-ikel u x-xorb fid-dinja; billi dan jirrappreżenta 8.6% tal-impjiegi kollha tal-UE u jirrappreżenta 4% tal-PGD tal-UE,

G.  billi, b'riżultat tal-aħħar tkabbir tal-UE (2004 u 2007), 7 miljun bidwi ieħor żdied mat-total tal-forza tax-xogħol agrikolu u l-erja tal-art agrikola żdiedet b'40%; billi d-dħul agrikolu reali għal kull ras niżel bi 12.2% fl-UE-27 fl-aħħar 10 snin, u gradwalment nieżel sal-livelli tal-1995, billi d-dħul medju mill-agrikoltura fl-UE-27 huwa anqas minn 50% tad-dħul medju fil-bqija tal-ekonomija, filwaqt li l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' affarijiet bażiċi bħalma huma l-fertilizzanti, l-elettriku u l-fjuwil jinsabu fl-ogħla livell ta' dawn l-aħħar 15-il sena, fatt li jagħmel diffiċli ħafna l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni agrikola fl-UE,

H.  billi minħabba li 7% tal-bdiewa fl-Ewropa għandhom età inqas minn 35 sena filwaqt li 4.5 miljun bidwi b'età “l fuq minn 65 sena se jieqfu jaħdmu sal-2020, il-futur tas-settur agrikolu jista” jkun f'riskju jekk l-għadd ta' bdiewa jibqa' nieżel,

I.  billi l-agrikoltura tirrappreżenta l-użu prinċipali tal-art fl-UE, u tokkupa 47% tat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea; billi madwar l-UE hemm 13.7 miljun impriża tal-biedja, li jiġġeneraw “l fuq minn EUR 337 biljun fi produzzjoni, filwaqt li 15% tal-art agrikola fl-UE (madwar 26 miljun ettaru) tinsab f'żoni muntanjużi, u billi l-iżvantaġġi naturali f'dawk iż-żoni jxekklu lill-biedja,

J.  billi d-daqs medju fiżiku tal-impriżi agrikoli żdied b'riżultat tar-ristrutturar tas-settur, iżda l-farms żgħar xorta għadhom predominanti fl-UE, b'daqs medju ta' 12.6 ettaru kull farm; billi l-farms ta' sussistenza jibqgħu sfida kruċjali, speċjalment fl-Istati Membri l-ġodda, fejn ix-xogħol tal-biedja sussistenti jammonta għal nofs it-total tal-forza tax-xogħol, u billi l-farms żgħar u l-bdiewa li jħaddmuhom huma partikolarment importanti fl-għoti ta' beni pubbliċi mhux tal-produzzjoni,

K.  billi l-kriżi ekonomika kellha effett negattiv serju fuq l-agrikoltura, fejn id-dħul tal-farms naqas b'medja ta' 12.2% bejn l-2008 u l-2009 u l-qgħad fiż-żoni rurali żdied fl-aħħar sena; billi bħala effett dirett tal-kriżi ekonomika, il-konsum fl-Ewropa naqas b'medja ta' 10.55% bejn l-2008 u l-2009, u f'xi Stati Membri dan it-tnaqqis kien ta' aktar minn 20%; billi effetti oħra tal-kriżi ekonomika kienu n-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu għall-bdiewa u pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u dawn dgħajfu l-kapaċità tagħhom biex jipprovdu kofinanzjament,

L.  billi l-volatilità tal-prezzijiet fis-swieq agrikoli huwa aspett permanenti, iżda li dan l-aħħar żdied drammatikament minħabba kombinazzjoni ta' fatturi - inklużi kundizzjonijiet estremi tat-temp, il-prezzijiet tal-enerġija, l-ispekulazzjoni u l-bidliet fid-domanda – u, kif imbassar mill-OECD u mill-FAO, hija mistennija li se tiżdied aktar, u għaldaqstant se twassal għal żidiet u nżulijiet estremi fil-prezzijiet ta' prodotti bażiċi agrikoli fis-swieq Ewropej, billi bejn l-2006 u l-2008, il-prezzijiet ta' diversi prodotti bażiċi għolew b'mod konsiderevoli, xi wħud saħansitra b'180%, kif kien il-każ tal-qmuħ; billi l-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib ikkollassaw fl-2009, u tbaxxew b'medja ta' 40%, u billi prodotti oħra bħaċ-ċereali, il-frott u l-ħaxix u ż-żejt taż-żebbuġa ntlaqtu wkoll, u ċ-ċaqliq estrem fil-prezzijiet kellu konsegwenzi detrimentali għall-produtturi u mhux dejjem kien ta' benefiċċju għall-konsumaturi,

M.  billi l-indikaturi agroambjentali juru potenzjal importanti għas-settur agrikolu fl-isforz biex jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima, partikolarment rigward il-ħżin tal-karbonju, it-tnaqqis dirett fl-emissjonijiet netti tal-gassijiet b'effett ta' serra u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli, li jiżguraw iffrankar ġenwin tal-emissjonijiet; billi l-attività agrikola pprattikata b'mod sostenibbli hija essenzjali għall-ħarsien tal-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u tista' tkun fattur essenzjali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima,

N.  billi l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra kkawżati mill-attività agrikola (inkluż it-trobbija tal-annimali) naqas b'20% bejn l-1990 u l-2007 fis-27 Stat Membru; billi l-proporzjon ta' dawn l-emissjonijiet li tipproduċi l-agrikoltura niżel minn 11% fl-1990 għal 9% fl-2007, fost l-oħrajn b'riżultat ta' użu aktar effettiv ta' fertilizzanti u demel likwidu, tar-riformi strutturali reċenti tal-PAK u tal-implimentazzjoni gradwali tal-inizjattivi agrikoli u ambjentali,

O.  billi l-UE saret importatur nett tal-prodotti agrikoli b'aktar minn b'kemm jiswew €87.6 biljun fi prodotti li jigu importati kull sena (madwar 20% tal-importazzjoni agrikola dinjija); billi f'xi każijiet il-bilanċ tal-kummerċ qaleb b'mod stabbli favur pajjiżi terzi (l-UE issa qed timporta b'kemm jiswew €19 biljun fi prodotti agrikoli mill-pajjiżi tal-Mercosur u l-esportazzjonijiet tagħha lejn ir-reġjun lanqas ilaħħqu €1 biljun); billi l-UE qed tkompli tesperjenza defiċit dejjem jikber fil-kummerċ fil-prodotti agrikoli,

P.  billi l-UE għadha l-esportatur ewlieni fid-dinja ta' prodotti agrikoli (bejn wieħed u ieħor 17% tat-total tal-kummerċ dinji); billi l-UE tilfet sehem sinifikanti tas-suq fl-aħħar 10 snin (fl-2000 l-UE kkontribwixxiet madwar 19% tal-kummerċ dinji); billi l-UE tesporta prinċipalment prodotti b'valur miżjud għoli u pproċessati (67% tal-esportazzjonijiet agrikoli kollha tagħha),

Q.  billi l-prodotti ta' kwalità għolja huma essenzjali għall-potenzjal tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżentaw sehem kbir ħafna tal-kummerċ internazzjonali tagħha; billi l-UE qed tesporta prodotti ta' profil għoli b'valur ekonomiku konsiderevoli, u fil-każ ta' prodotti b'oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti l-valur nett ta' dawn il-prodotti u affarijiet tal-ikel huwa ta' EUR 14-il biljun fis-sena (barra l-inbejjed u l-ispirti, li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-prodotti li tesporta l-UE), billi, bil-għan li tkompli tiġi żviluppata produzzjoni ta' kwalità għolja biex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi, iridu jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn is-setturi biex tkun żgurata l-kompetittività tagħhom, inkluża l-ħtieġa ta' ħarsien aktar effikaċi tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u tal-marki ta' oriġini protetti tal-UE minn sħab kummerċjali minn pajjiżi terzi,

R.  billi l-estimi ta' appoġġ għall-produttur (PSE) juru li l-appoġġ totali lill-biedja fl-UE kien ilu gradwalment jonqos mill-2000 u issa huwa komparabbli fuq bażi per capita mal-livell ta' appoġġ li jingħata lil dawk li huma sħab ewlenin tal-UE fil-kummerċ, filwaqt li sħab kummerċjali oħrajn fl-aħħar ftit snin żammew u żiedu sussidji li jikkawżaw distorsjoni tal-kummerċ,

S.  billi d-distribuzzjoni u l-livell ta' appoġġ attwali lill-Istati Membri u lill-bdiewa jirriżultaw mid-distribuzzjoni u mil-livell ta' dak l-appoġġ fil-passat, meta kienu marbuta mat-tip u l-iskala tal-produzzjoni u kienu jirrappreżentaw kumpens għat-tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa li kien irriżulta mill-waqgħa sostanzjali fil-prezzijiet garantiti; billi dak il-metodu ta' distribuzzjoni jqajjem sens ta' inġustizzja komprensibbli min-naħa ta' wħud mill-bdiewa tal-UE u, barra minn hekk, jekk jinżamm, ikun inkonsistenti mal-objettivi futuri tal-PAK,

T.  billi, mill-2007, mekkaniżmi ta' modulazzjoni volontarji wasslu biex terġa' tingħata l-għajnuna finanzjarja bejn ħlasijiet diretti u żvilupp rurali, mingħajr, madankollu ma tjiebu t-trasparenza, il-legalità u s-simplifikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji allokati għall-agrikoltura,

U.  billi s-sehem tan-nefqa tal-PAK fil-baġit tal-UE naqas b'mod stabbli minn kważi 75% fl-1985 għal 39.3% li huwa pproġettat għall-2013; billi dan jirrappreżenta anqas minn 0.45% tal-PGD tal-UE; billi t-tnaqqis fin-nefqa baġitarja fuq miżuri tas-suq huwa saħansitra aktar sinifikanti – minn 74% tan-nefqa kollha tal-PAK fl-1992 għal anqas minn 10% fil-preżent; billi l-infiq tal-PAK tbiegħed b'mod kostanti minn appoġġ lis-suq u sussidji lill-esportazzjoni għal ħlasijiet diżakkoppjati u żvilupp rurali,

V.  billi dawn ir-riformi mmodifikaw sostanzjalment l-istrumenti ta' appoġġ għall-agrikoltura filwaqt li żammew it-tliet prinċipji fundamentali tal-PAK, jiġifieri:

     - l-għaqda tas-suq,
     - il-preferenza Komunitarja,
     - is-solidarjetà finanzjarja,

W.  billi minħabba li l-PAK wara l-2013 se jkollha tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi u l-objettivi tagħha se jiġu estiżi, huwa kruċjali li l-baġit li l-UE talloka għall-PAK jinżamm tal-anqas fil-livelli attwali,

X.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħmel il-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) att legalment vinkolanti li għandu jikkonforma miegħu l-baġit annwali,

Y.  billi n-nefqa f'forma ta' għajnuna diretta hija ta' 0.38% tal-PGD tal-UE (ċifra tal-2008), billi n-nefqa marbuta mal-politika ta' żvilupp rurali tirrappreżenta 0.11 % tal-PGD tal-UE,

Z.  billi l-marġni żgħir attwali disponibbli taħt l-Intestatura 2 li jibda fis-sena baġitarja 2011 jagħmilha diffiċli ħafna biex l-Unjoni tirreaġixxi kif jixraq għall-kriżijiet tas-suq u l-avvenimenti globali mhux mistennija u jista' jiċħad il-proċedura baġitarja annwali mis-sustanza tagħha,

AA.  billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament Ewropew kiseb is-setgħa li jfassal il-politika agrikola tal-Unjoni, mhux biss fir-rigward tal-programmi multiannwali iżda wkoll billi jagħmel emendi għall-baġit annwali tal-agrikoltura, biex b'hekk ta lill-Parlament ir-responsabilità li jiżgura politika agrikola komuni ġusta u sostenibbli,

AB.  billi bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Politika Agrikola Komuni hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-Parlament Ewropew għandu responsabilità importanti biex jgħin jadotta leġiżlazzjoni soda u effiċjenti f'dan il-qasam,

AC.  billi skont l-aħħar Eurobarometer, 90% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jikkonsidraw li l-agrikoltura u ż-żoni rurali huma importanti għall-futur tal-Ewropa, 83% taċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa huma favur l-appoġġ finanzjarju lill-bdiewa u, fil-medja tagħhom, jemmnu li l-politika agrikola għandha tkompli tiġi deċiża fuq livell Ewropew,

AD.  billi l-objettivi u s-sustanza tal-futur tal-Politika Agrikola Komuni jridu jkunu soġġetti għal diskussjonijiet pubbliċi wiesgħa sabiex jiżdied l-għarfien pubbliku tal-PAK, u billi, għaldaqstant, għandha tintlaqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar dibattitu pubbliku dwar il-PAK wara l-2013,

AE.  billi l-PAK trid tkun orjentata lejn iż-żamma u l-iżvilupp ta' agrikoltura multifunzjonali, li tkopri zona wiesgħa u sostenibbli fl-Ewropa,

L-evoluzzjoni tal-PAK: minn distorsjoni tas-suq għal orjentazzjoni lejn is-suq

1.  Ifakkar li l-PAK għaddiet minn riformi radikali matul l-aħħar 25 sena, li ġabu, b'mod partikolari, bidla fundamentali minn appoġġ għall-produzzjoni għal appoġġ għall-produttur(5), naqqsu l-intervent regolari fix-xiri u d-dumping ta' prodotti Ewropej żejda fi swieq dinjija(6) u għamlu li l-PAK u l-bdiewa tal-UE jkunu aktar orjentati lejn is-suq;

2.  Ifakkar li l-PAK kellha rwol kruċjali fiż-żieda tal-produzzjoni u biex titma' l-popolazzjoni Ewropea wara t-Tieni Gwerra Dinjija; ifakkar ukoll li l-PAK kienet l-ewwel politika komuni tal-KEE, li ħejjiet it-triq għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea f'oqsma politiċi oħrajn;

3.  Jirrimarka li l-istrumenti tas-suq tal-PAK speċifiċi għal kull settur għandhom rwol fundamentali u issa qed jintużaw bħala xbieki ta' sikurezza biex jgħinu fit-tnaqqis tal-volatilità tas-suq sabiex jiggarantixxu lill-bdiewa ċertu grad ta' stabilità; (jenfasizza li l-bidla fil-politika tas-suq ma wasslitx għal tnaqqis tad-dipendenza tal-bdiewa fuq ix-xerrejja; jinnota, barra minn hekk, li mindu ġiet adottata l-iskema ta' Pagamenti Agrikoli Uniċi diżakkoppjati kien hemm tbegħid determinat mill-miżuri li jgħawġu l-kummerċ, b'konformità mar-rekwiżiti tad-WTO;

4.  Jinnota li r-riformi tal-PAK li nbdew fl-1992 u l-1999 u, b'mod partikolari, ir-riforma tal-2003, li ġiet riveduta matul il-Kontroll tas-Saħħa u li introduċiet il-prinċipju tal-firda, kif ukoll id-diversi riformi settorjali, ilkoll kellhom l-iskop li jippermettu lill-bdiewa tal-UE jwieġbu u jirreaġixxu aħjar għas-sinjali u l-kundizzjonijiet tas-suq; juri x-xewqa li din it-tendenza tkompli f'aktar riformi filwaqt li xi miżuri tas-suq għadhom meħtieġa minħabba l-aspetti speċifiċi tal-produzzjoni agrikola;

5.  Jirrimarka li l-iżvilupp rurali issa huwa parti integrali mill-arkitettura tal-PAK, u għandu jibqa' element importanti tal-PAK futura permezz ta' strateġija ta' żvilupp rurali li tkun mgħammra tajjeb li tiffoka fuq il-komunitajiet rurali, fuq it-titjib tal-ambjent, fuq l-immodernizzar u r-ristrutturar tal-agrikoltura, fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni fiż-żoni rurali tal-UE, fuq l-għoti tal-ħajja mill-ġdid liż-żoni żvantaġġati u liż-żoni li jinsabu f'riskju li jiġu abbandunati, fuq it-titjib fil-kummerċjalizzazzjoni u l-kompetittività tal-prodotti u ż-żamma tal-impjiegi u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fiż-żoni rurali, kif ukoll fuq l-isfidi l-ġodda indirizzati fil-Kontroll tas-Saħħa, jiġifieri t-tibdil fil-klima, l-enerġiji li jiġġeddu, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiveristà;

6.  ifakkar li l-agrikoltura minn dejjem ipproduċiet beni pubbliċi li, fil-kuntest attwaoli, jissejħu “beni pubbliċi tal-ewwel ġenerazzjoni”; jinsisti fuq is-sikurezza u s-sigurtà tal-ikel, kif ukoll fuq il-valur nutrizzjonali għoli tal-prodotti agrikoli, li għandhom jibqgħu l-ewwel raġuni għall-eżistenza tal-Politika Agrikola Komuni, minħabba li jirrappreżentaw l-essenza tal-PAK u jikkostitwixxu l-preokkupazzjoni ewlenija taċ-ċittadini Ewropej; il-beni pubbliċi msemmija l-aktar reċenti, dawk “tat-tieni ġenerazzjoni”, l-ambjent, l-ippjanar tal-artijiet jew il-benessri tal-annimali, li wkoll huma għanijiet tal-PAK, huma supplimentari għall-beni tal-ewwel ġenerazzjoni, u għalhekk m'għandhomx jeħdulhom posthom;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tar-rwol multifunzjonali tal-bdiewa fil-provvista ta' beni pubbliċi bħall-ħarsien tal-ambjent tagħna, il-produzzjoni ta' ikel ta' kwalità għolja, it-trobbija tajba tal-annimali, il-formazzjoni u t-titjib tad-diversità u l-kwalità tal-pajsaġġi ta' valur fl-UE, u l-mixja lejn prassi ta' biedja aktar sostenibbli billi mhux biss jintlaħqu r-rekwiżiti bażiċi biex l-art tinżamm f'Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba iżda jintlaħqu wkoll standards saħansitra ogħla permezz ta' skemi agroambjentali, xogħol tal-biedja preċiż u produzzjoni organika, kif ukoll il-forom kollha oħrajn ta' prattika agrikola sostenibbli;

8.  Ifakkar li l-PAK hija l-aktar waħda integrata mill-politiki kollha tal-UE u għalhekk b'mod loġiku tirrappreżenta l-akbar sehem mill-baġit tal-UE; jagħraf li s-sehem tagħha mill-baġit naqas kostantement minn madwar 75% tat-total tal-baġit tal-UE fl-1985 għal 39.3% sal-2013(7), li jirrappreżenta anqas minn 0.45% tat-total tal-PDG tal-UE(8), filwaqt li fl-istess ħin l-għajnuna llum hija mifruxa aktar minħabba t-12-il Stat Membru ġdid li ssieħbu mal-UE;

9.  Huwa tal-fehma, għalhekk, li l-PAK evolviet, saret aktar ekoloġika u aktar orjentata lejn is-suq, u naqqset b'mod drammatiku l-impatt tagħha fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li fl-istess ħin tappoġġa lill-bdiewa biex jipproduċu ikel ta' kwalità għolja għall-konsumaturi Ewropej;

L-isfidi li trid tilqa' l-PAK wara l-2013

10.  Jirrimarka li s-sikurezza tal-ikel tibqa' l-isfida ċentrali għall-agrikoltura mhux biss fl-UE imma globalment, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba li, skont il-FAO, il-popolazzjoni tad-dinja mistennija tikber minn 7 għal 9 biljuni sal-2050 u d-domanda għall-ikel hija mistennija li tirdoppja sal-2050 (speċjalment f'ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina u l-Indja);

11.  Jafferma li jeħtieġ li l-Ewropa tkompli tikkontribwixxi għall-provvisti tal-ikel globali biex tikkontribwixxi biex jiġi ssodisfat dak il-bżonn fl-isfond ta' abandun dejjem jiżdied tal-biedja, anqas ilma u provvista ta' enerġija mnaqqsa minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, li ser ikun restrizzjoni serja fuq il-kapaċità tal-Ewropa biex iżżid il-provvista;

12.  Jinnota li l-kriżi dinjija tal-enerġija u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ser jgħollu l-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola, iwasslu għall-għoli tal-prezzijiet tal-ikel u għal volatilità dejjem akbar fil-prezz tas-suq kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-konsumaturi, u li ser ikollhom effetti ħżiena fuq l-istabilità tal-provvista tal-ikel u ser jirrestrinġu serjament il-kapaċità biex jinżammu u jiżdiedu l-livelli tal-produzzjoni attwali; iqis, madankollu, li l-awtosuffiċjenza fl-enerġija għas-settur agrikolu u għal dak tas-silvikultura tista' żżid is-sostenibilità tagħha;

13.  Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħti kontribut sinifikanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta' Gass b'effett Serra u żżid il-qbid tal-karbonju;

14.  Jagħraf li l-biedja diġà għamlet progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u, b'mod ġenerali, fl-indirizzar tal-problemi ambjentali (il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità, il-bijomassa, eċċ), iżda jsostni li dawk l-isforzi jeħtieġu li jitkomplew sabiex il-metodi ta' produzzjoni jkunu lesti għal forma iktar sostenibbli ta' żvilupp li tkun effiċjenti f'termini ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

15.  Ifakkar li l-aspettattivi tal-konsumaturi dwar is-sikurezza garantita tal-ikel iridu jintlaħqu, kif ukoll it-talbiet tagħhom għal standards ogħla fil-kwalità, benesseri aħjar tal-annimali u valur tajjeb għal flushom;

16.  Iqis li l-PAK trid tkompli tipprovdi soluzzjonijiet, u assistenza tanġibbli għat-theddida tal-abbandun tal-art, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali u l-popolazzjoni rurali li qed tixjieħ fl-UE, billi jiġu stabbiliti fondi u assistenza xierqa għal dak il-għan, biex tiġi żgurata s-sostenibilità fit-tul tal-komunitajiet rurali fl-UE; jemmen, għalhekk, li jinħtieġ ukoll li jitkompla l-iżvilupp rurali b'mira speċifika fil-PAK;

17.  Jemmen li l-PAK trid tipprovdi risposti immedjati għall-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-impriżi agrikoli, bħan-nuqqas ta' aċċess għall-kreditu għall-bdiewa, limitazzjonijiet fuq id-dħul mill-biedja(9), u l-qgħad li qed jiżdied f'żoni rurali;

18.  Jirrimarka, għalhekk, li d-differenzi fil-kapaċità tal-Istati Membri biex jiffaċċjaw il-kriżi ekonomika jistgħu jwasslu biex jiżdiedu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni rurali fl-UE;

19.  Jagħraf li l-PAK għandha tqis id-differenzi fl-istruttura u l-ħtiġijiet tal-modernizzazzjoni tal-agrikoltura f'UE ikbar, bl-għan li jinkisbu livelli ugwali ta' żvilupp u koeżjoni;

20.  Jemmen li, fid-dawl ta' dawn l-isfidi, il-prijoritajiet tal-PAK ta' wara l-2013 għandhom jiddaħħlu fis-sod f'politika tal-ikel u agrikola multifunzjonali b'saħħitha, sostenibbli, appoġġjata tajjeb u kredibbli, li tibgħat sinjali qawwija biex tappoġġja l-bdiewa b'effiċjenza u b'mod immirat, u tipprovdi tweġibiet għat-tħassib tal-komunità rurali filwaqt li tkun ta' ġid għas-soċjetà aktar wiesgħa;

Il-bżonn ta' PAK b'saħħitha wara l-2013
Biex jintlaħqu bżonnijiet soċjo-ekonomiċi

21.  Huwa tal-opinjoni li, minħabba l-Istrateġija Ewropa 2020, tinħtieġ Politika Agrikola Komuni Ewropea b'saħħitha u sostenibbli biex isservi l-interessi tal-bdiewa Ewropej kollha u ġġib benefiċċji aktar estensivi għas-soċjetà; hu tal-fehma li din il-Politika għandha tħalli lill-agrikoltura twettaq il-parti tagħha fl-ekonomija Ewropea u tiżgura li jkollha l-għodda biex tikkompeti fis-swieq dinjija; jemmen li, għal raġunijiet strateġiċi, l-UE ma tistax tippermetti lilha nnifisha li sserraħ fuq partijiet oħra tad-dinja biex jipprovdu s-sikurezza tal-ikel Ewropea fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, l-instabilità politika f'ċerti reġjuni tad-dinja u l-possibilità ta' epidemiji ta' mard jew avvenimenti oħra li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-kapaċità tal-produzzjoni;

22.  Ifakkar li l-agrikoltura tal-UE għadha settur ċentrali tal-ekonomija tal-UE, billi tagħti kontribut importanti lill-PGD u lill-impjiegi tal-UE, kemm direttament kif ukoll indirettament, permezz tal-effett multiplikatur fis-suq tal-industrija – upstream u downstream – tal-ikel u x-xorb; jemmen, għaldaqstant, li agrikoltura b'saħħitha u industrija tal-ikel u x-xorb b'saħħitha ma jistgħux jinfirdu u t-tnejn li huma jikkontribwixxu għas-suċċess ta' xulxin, partikolarment fis-swieq tal-esportazzjoni;

23.  Ifakkar li waħda mir-raġunijiet li għalihom l-UE teħtieġ PAK b'saħħitha hija biex tikkontribwixxi għaż-żamma u għall-iżvilupp ta' komunitajiet rurali vijabbli u dinamiċi, fil-qalba tad-diversità kulturali Ewropea, u li dawn huma ferm importanti għal żvilupp soċjo-ekonomiku sostenibbli u bilanċjat madwar it-territorju Ewropew kollu; huwa tal-fehma li dan jitlob li d-differenza bejn il-komunitajiet rurali u urbani tonqos, bil-għan li jiġi evitat l-abbandun tal-art u d-depopulazzjoni rurali li qegħdin dejjem jiżdiedu, fatti li min-naħa tagħhom qed ikomplu jiżolaw iż-żoni rurali;

24.  Jirrimarka li hemm bżonn urġenti li ġenerazzjonijiet żgħażagħ u nisa jiġu attirati lejn żoni rurali permezz ta' politiki fuq perjodu twil u li jiġu provduti lilhom opportunitajiet ekonomiċi alternattivi ħalli tiġi assigurata popolazzjoni rurali sostenibbli; iqis li għandhom jiġu esplorati modi ġodda kif jistgħu jinġibdu ż-żgħażagħ bħalma huma d-disponibilità ta' self u kreditu favorevoli għall-investimenti, u l-għarfien tal-ħiliet professjonali tagħhom biex jiġi żgurat li jistgħu jidħlu fl-ekonomija rurali b'mod relattivament faċli; jirrikonoxxi l-ostakli li jiffaċċjaw il-bdiewa żgħażagħ meta jippruvaw jidħlu fis-settur, bħall-ispejjeż għolja biex wieħed jibda negozju, il-prezz xi drabi projbittiv tal-art u d-diffikultà biex ikollhom aċċess għall-opportunitajiet ta' kreditu, speċjalment fi żminijiet diffiċli;

25.  Jemmen li ż-żieda fil-qgħad f'żoni rurali għandha tiġi ttrattata billi jiġu ppreservati l-impjiegi eżistenti, jiġu inkoraġġuti impjiegi ta' kwalità għolja u jiġu mrawma opportunitajiet addizzjonali għal diversifikazzjoni u sorsi ġodda ta' dħul;

26.  Ifakkar, kif jissuġġerixxi tajjeb l-Artikolu 39 tat-Trattat ta' Lisbona, li l-agrikoltura hija settur speċifiku li jsofri minn ċiklu ta' produzzjoni fuq perjodu ta' żmien twil u diversi tipi ta' fallimenti tas-suq bħaċ-ċaqliq qawwi tas-suq, esponiment kbir għal diżastri naturali, livell għoli ta' riskju, nuqqas ta' elastiċità tad-domanda, u l-fatt li l-bdiewa huma dawk li “jieħdu l-prezz” aktar milli dawk li “jagħmlu l-prezz” fil-katina tal-provvista tal-ikel;

27.  Iqis li, fil-każ ta' xi setturi agrikoli li jeħtieġu investiment tal-kapital sustanzjali fiċ-ċikli multiannwali tal-produzzjoni (tal-ħalib, il-frott taċ-ċitru, l-inbid, iż-żebbuġ u l-frott b'mod ġenerali), jeħtieġ li jiġu introdotti metodi ġodda ta' ġestjoni tal-provvista;

28.  Jirrimarka, bħala l-punt l-aktar importanti, li fil-ġejjieni l-politika agrikola Ewropea trid tibqa' politika komuni u li hija biss sistema bbilanċjata u ġusta ta' appoġġ madwar l-UE kollha b'sett ta' objettivi u regoli komuni li - għalkemm tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti setturi u reġjuni - tista' tikseb il-kundizzjonijiet xierqa għall-bdiewa u funzjonament tajjeb ta' suq uniku b'kundizzjonijiet kompetittivi u ġusti għall-prodotti agrikoli u għall-bdiewa fi ħdan l-UE, u b'hekk jinkiseb aktar valur għall-flus milli kieku jinkiseb permezz ta' politiki agrikoli rinazzjonalizzati, u possibilment konfliġġenti, f'kull Stat Membru individwali;

29.  Iqis li l-PAK għandha tiżgura l-eżistenza simultanja ta':

   il-biedja b'valur għoli miżjud bi prodotti primarji u proċessati ta' kwalità għolja, li ttiha pożizzjoni b'saħħitha fis-swieq dinjija;
   il-biedja miftuħa għas-swieq reġjonali;
   il-biedja maħsuba għas-swieq lokali, filwaqt li jitqies li wħud mill-bdiewa involuti huma bdiewa żgħar bi dħul limitat li, li kieku kellhom jabbandunaw il-biedja – minħabba l-età tagħhom, il-kwalifiki jew l-għażliet tal-istil ta' ħajja li jgħixu – isibuha diffiċli ħafna li jsibu xogħol barra l-biedja, partikolarment fi żmien ta' reċessjoni u ta' livell għoli ta' qgħad;

Benefiċċji f'termini ta' beni għall-pubbliku

30.  Jenfasizza li l-ikel huwa l-aktar importanti mill-beni pubbliċi prodotti mill-biedja; jagħraf li l-bdiewa jipprovdu varjetà ta' beni lill-pubbliku li s-suq ma jħallashomx tagħhom; għaldaqstant jinsisti li huma għandhom jiġu ppremjati b'mod ġust u inċentivati aktar biex ikomplu jagħtu prodotti sikuri u ta' kwalità għolja, kundizzjonijiet aħjar għall-benesseri tal-annimali u benefiċċji ambjentali oħra, minbarra li jinħolqu aktar impjiegi, sabiex tiġi ppreservata l-kampanja madwar l-Ewropa;

31.  Ifakkar, għaldaqstant, li jekk l-attività agrikola sostenibbli (vijabbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment fuq żmien twil) ma titkompliex madwar l-UE, il-provvista ta' beni għall-pubbliku tkun f'riskju;

32.  Jagħraf li ġenerazzjonijiet ta' bdiewa ffurmaw il-pajsaġġi ta' valur tal-UE u għalhekk, għandhom jiġu ppremjati talli jkomplu jagħmlu hekk b'mod sostenibbli, speċjalment f'żoni muntanjużi u f'żoni żvantaġġjati mill-aspett naturali; jemmen li huma qegħdin jikkontribwixxu b'mod attiv għall-valur u l-faxxinu kulturali kbar tal-Ewropa, billi jipprovdu x-xenarju biex jirnexxi t-turiżmu rurali; jirrimarka li dan għandu, madankollu, ikun ikkumplimentat minn politika reġjonali Ewropea u minn strumenti nazzjonali biex jiġi żgurat, permezz ta' effetti sinerġetiċi xierqa, il-ħolqien ta' kundizzjonijiet reġjonali stabbli, li huma prekondizzjoni essenzjali biex l-agrikoltura taħdem sewwa;

33.  Jirrimarka li l-bdiewa għandhom il-potenzjal li jagħtu benefiċċji ambjentali oħra li jissodisfaw id-domandi tas-soċjetà, b'mod partikolari l-preservazzjoni u r-restawrazzjoni tal-ħamrija, il-ġestjoni tajba u t-titjib tal-kwalità tal-ilma u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-art agrikola, u li huma jridu jiġu inkuraġġuti li jagħmlu hekk, u li għandu jingħata l-appoġġ għall-investiment għal dan il-għan;

34.  Jirrimarka li, s-sistema tal-kundizzjonalità tagħmel l-għoti tal-għajnuna diretta huwa soġġett għall-konformità mal-ħtiġijiet statutorji u maż-żamma ta' art agrikola f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, għadha waħda mill-mezzi xierqa biex tiġi ottimizzata l-provvista ta' servizzi tal-ekosistema mill-bdiewa u l-ilħuq ta' sfidi ambjentali ġodda permezz tal-iżgurar tal-provvediment ta' prodotti pubbliċi bażiċi; jinnota madankollu, li l-introduzzjoni tal-kundizzjonalità qajmet firxa sħiħa ta' problemi relatati ma' kwistjonijiet amministrattivi u mal-aċċettazzjoni mill-bdiewa, li kellhom l-impressjoni li kienu qed jitilfu ċerta libertà fix-xogħol tagħhom jitlob għalhekk li l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa jitnaqqas permezz ta' sistema ta' implimentazzjoni simplifikata għar-rekwiżiti tal-kondizzjonalità;

35.  Jemmen li l-impatt tal-agrikoltura fuq il-klima jista' jittaffa b'mod konsiderevoli permezz ta' titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta' nies li jaħdmu fl-agrikoltura, użu aħjar ta' innovazzjonijiet li joħorġu mir-riċerka u l-iżvilupp u titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni agrikola;

36.  Jemmen, skont l-aħħar riċerka disponibbli, li mingħajr politika agrikola komuni u Prattika Agrikola Tajba, jistgħu jiżviluppaw metodi mhux sostenibbli ta' produzzjoni min-naħa għall-oħra tal-UE (intensifikazzjoni estrema fuq l-aħjar art u abbandun ġenerali tal-art f'żoni żvantaġġjati), li jikkawżaw ħsara kbira lill-ambjent; jinsisti li l-prezz tal-appoġġ permezz ta' PAK b'saħħitha mhu xejn meta jitqabbel mal-prezz jekk ma tittieħed ebda azzjoni u l-konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati;

Il-prijoritajiet ġodda tal-PAK għas-seklu 21

37.  Jemmen li l-agrikoltura tinsab f'pożizzjoni tajba biex tagħmel kontribuzzjoni kbira biex twassal il-prijoritajiet ġodda tal-Istrateġija tal-UE 2020 biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u biex jinħolqu impjiegi ġodda permezz ta' tkabbir ekoloġiku u l-provvista ta' enerġija li tiġġedded filwaqt li fl-istess ħin tkompli tipprovdi sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej billi tipproduċi prodotti tal-ikel u ta' kwalità għolja;

PAK ġusta

38.  Jinsisti li l-agrikoltura tal-UE trid tibqa' kompetittiva kontra l-kompetizzjoni ħarxa u l-miżuri li jgħawġu l-kummerċ min-naħa tas-sħab kummerċjali u/jew il-pajjiżi fejn il-produtturi mhumiex soġġetti għal standards għoljin daqs dawk fl-UE fir-rigward, b'mod partikolari, tal-kwalità tal-prodotti, is-sikurezza tal-ikel, l-ambjent, il-leġiżlazzjoni soċjali, u l-benesseri tal-annimali; għalhekk jemmen li t-titjib tal-kompetittività f'livelli differenti (lokali, reġjonali, tas-Suq Intern, u tas-swieq dinjija) għandu jibqa' objettiv fundamentali tal-PAK wara l-2013 biex ikun żgurat li l-UE jkollha għażla wiesgħa ta' prodotti tal-ikel u ta' prodotti agrikoli oħra li jkunu ta' valur għoli u diversifikati li jkomplu jirbħu sehem akbar tas-suq dinji, kif ukoll jiġi żgurat kummerċ ġust u prezzijiet rimunerattivi għall-bdiewa;

39.  Ifakkar li l-bdiewa tal-UE jipproduċu ikel tal-ogħla standards ta' sikurezza, kwalità u benesseri tal-annimali u għandhom ikunu ppremjati talli jagħmlu dan; jemmen li l-oġġetti impurtati minn pajjiżi terzi għandhom, filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet u l-obbligi tad-WTO, jilħqu l-istess rekwiżiti biex tiġi assigurata kompetizzjoni ġusta u jiggarantixxu li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla informata dwar il-prodotti li jixtru, ibbażata, fost l-oħrajn, fuq traċċabilità affidabbli; jistiden lill-Kummissjoni biex tiddefendi l-interessi tal-bdiewa Ewropej fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kummerċ multilaterali u bilaterali li jiġu nnegozjati f'isem l-UE;

40.  Jinsisti li ż-żamma tal-attività agrikola min-naħa għall-oħra tal-Ewropa kollha hija fundamentali sabiex tinżamm il-produzzjoni tal-ikel differenti u lokali, jiġu żgurati d-dinamiżmu soċjoekonomiku u l-impjiegi, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali u tiġi evitata t-theddida tal-abbandun tal-art madwar it-territorju rurali tal-UE permezz tal-preservazzjoni kontinwa tal-ambjent u l-immaniġġjar tal-pajsaġġ; jemmen, għalhekk, li r-reġjuni żvantaġġati għandhom jingħataw l-opportunità li jegħlbu l-ostakoli addizzjonali kkawżati mis-sitwazzjoni speċifika tagħhom u li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw irwieħhom; iqis li l-isfida speċifika tal-biedja ta' sussistenza trid tiġi indirizzata;

41.  Jenfasizza li l-bdiewa jeħtieġu prospettivi ta' investiment fit-tul u dħul adegwat biex iwettqu l-ħidmiet tagħhom; jitlob għalhekk li l-garanzija ta' profitt ġust u stabbli għall-komunità agrikola jibqa' għan primarju għall-PAK il-ġdida, filwaqt li tipprovdi valur tajjeb għall-flus u trattament ġust għall-konsumaturi, mhux l-anqas billi tiżdied il-kompetittività fis-settur agrikolu u billi l-bdiewa jitħallew ikopru l-ispejjeż reali tagħhom u jirrispondu għas-sinjali tas-suq;

42.  Jitlob biex jittieħdu miżuri ħalli jissaħħu l-kapaċità ta' mmaniġġjar u s-setgħa ta' negozjar tal-produtturi primarji u tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi vis-à-vis operaturi ekonomiċi oħra fil-katina alimentari, u li titħeġġeġ il-formazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jsaħħu r-rabtiet bejn id-diversi partijiet interessati fi ħdan il-fergħat, sakemm dawn ikunu jistgħu jtejbu l-iskambju tat-tagħrif u l-adegwatezza tal-provvista mad-domandi tal-konsumaturi; huwa tal-fehma li żviluppi bħal dawn jistgħu jtejbu l-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel b'aktar trasparenza fil-prezzijiet tal-ikel u fl-azzjoni biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti, b'mod li l-bdiewa jkunu jistgħu jiksbu l-valur miżjud li jistħoqqilhom; jemmen li dawn l-objettivi jistgħu jirrikjedu aġġustament jew iċċarar tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex iqisu l-aspetti speċifiċi tas-swieq agrikoli, kemm-il darba ma jxekklux il-funzjonament xieraq tas-suq uniku;

43.  Jemmen li għandu jkun hemm miżuri tas-suq flessibbli u effiċjenti sabiex jiżguraw xibka ta' sikurezza adegwata fi ħdan il-qafas futur tal-PAK sabiex tiġi evitata l-volatilità estrema tal-prezzijiet tas-suq, jingħata livell akbar ta' stabilità, u sabiex jiġu pprovduti reazzjonijiet rapidi u effiċjenti għall-kriżijiet ekonomiċi li jinqalgħu fis-settur; huwa tal-fehma li dan għandu jkun ikkumplementat b'sistema ta' mmaniġġjar tar-riskji li tkun tgħin biex jiġu mminimizzati l-konsegwenzi tad-diżastri naturali u tas-saħħa;

44.  Huwa tal-fehma wkoll, li, sabiex is-suq ikun jista' jiġi mmaniġġjat b'mod aktar effiċjenti u tiġi evitata kriżi ta' produzzjoni żejda, l-istrumenti speċifiċi għall-immaniġġjar tal-potenzjal tal-produzzjoni li huma disponibbli f'ċerti setturi għandhom jinżammu, ibbażati fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u n-non-diskriminazzjoni;

45.  Jitlob għal distribuzzjoni ġusta tal-ħlasijiet tal-PAK u jinsisti li din għandha tkun ġusta mal-bdiewa kemm tal-Istati Membri ġodda kif ukoll ma' dawk antiki;

46.  Iqis li t-tnaqqis ta' ħlasijiet diretti taħt l-ewwel pilastru jkollu konsegwenzi devastanti, mhux biss għall-bdiewa imma, b'mod ugwali, għall-kampanja, għas-servizzi pubbliċi marbuta mal-agrikoltura, għall-konsumaturi u għas-soċjetà, minħabba l-fatt li tal-aħħar hija benefiċjarja fis-sħuħija tagħha; il-ħlasijiet diretti għalhekk huma essenzjali u jridu jinżammu; jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt, li jista' jkun negattiv, tat-tnaqqis tal-fondi tal-PAK fuq il-valur tal-irziezet, b'riperkussjonijiet serji partikolarment għall-bdiewa li sselfu mill-banek, partikolarment fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li affettwat b'mod gravi l-agrikoltura Ewropea;

47.  Jemmen li negozji agrikoli vijabbli huma fundamentali biex jiġu sostnuti komunitajiet rurali b'saħħithom għax negozji bħal dawn jiġġeneraw impjieg u servizzi fil-livell lokali; iqis għalhekk li l-PAK għandha tinvolvi l-komunitajiet lokali biex tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-vijabilità soċjoekonomika tagħhom, inkluż permezz tal-preservazzjoni tal-impriżi tal-biedja tal-familja, u r-ristrutturar u l-immodernizzar kontinwi tal-farms, fejn dawn ikunu meħtieġa; ifakkar li l-miżuri ta' diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura rurali wkoll huma importanti f'dan ir-rigward;

PAK sostenibbli

48.  Jemmen li l-agrikoltura għandha sehem importanti x'tagħti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima billi tnaqqas l-emissjonijiet GHG, iżżid il-kapaċità tal-qbid tal-karbonju u tiżviluppa u tuża aktar sorsi ta' enerġija rinnovabbli u materjali bijoloġiċi; jemmen li l-kunsiderazzjonijiet tal-klima għandhom jiġu integrati fil-miżuri kollha tal-PAK, fejn ikun xieraq;

49.  Iqis li produzzjoni effiċjenti hija fundamentali għal ġestjoni aktar sostenibbli ta' riżorsi skarsi u li l-bdiewa għandhom ikunu innovattivi fil-metodi tekniċi ta' produzzjoni tagħhom billi jużaw l-aktar għodda finanzjarja, xjentifika u teknika effiċjenti ta' mmaniġġjar ħalli tkun tista' tintlaħaq id-domanda li qed tikber għall-ikel u għall-materjali agrikoli rinnovabbli b'mod aktar sostenibbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment;

50.  Jenfasizza, fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE 2020, li r-riċerka u l-iżvilupp, l-użu ta' teknoloġiji ġodda u prattiki agrikoli tajba huma importanti biex tittejjeb il-kompetittività u tiżdied il-produzzjoni filwaqt li jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi, il-fertilizzanti, u l-użu ta' riżorsi skarsi bħalma huma l-ilma u l-enerġija; huwa tal-fehma li l-investiment fl-innovazzjoni agrikola għandu jkompli jitħeġġeġ aktar, fost l-oħrajn, permezz tal-programmi ta' qafas tar-riċerka u l-iżvilupp tal-PAK u tal-UE bil-għan li jiġu indirizzati sfidi ġodda;

51.  Jirrakkomanda għal dan il-għan il-preżenza attiva ta' konsulenti agronomiċi fir-reġjuni biex jiggwidaw lill-bdiewa fl-isforzi tagħhom li jwasslu prodotti pubbliċi ambjentali;

52.  Jemmen li jeħtieġ li jiddaħħlu salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-bijoteknoloġija tista' tkompli tiġi użata aktar fl-agrikoltura mingħajr ma jkollha impatt fuq il-metodi ta' produzzjoni eżistenti;

PAK ekoloġika

53.  Jinnota li s'issa s-suq naqas milli jippremja kif suppost lill-bdiewa talli jħarsu l-ambjent u beni pubbliċi oħra; għalhekk jemmen li l-PAK trid tqiegħed enfasi akbar fuq is-sostenibilità billi tipprovdi inċentivi ekonomiċi xierqa lill-bdiewa biex jottimizzaw it-twassil ta' servizzi tal-ekosistema u ħalli jtejbu aktar il-ġestjoni b'saħħitha tar-riżorsi ambjentali tal-art agrikola tal-UE; jenfasizza li dan għandu jintlaħaq mingħajr ma jinħoloq piż finanzjarju jew burokratiku ieħor fuq il-bdiewa;

54.  Jemmen li, bis-saħħa tat-titjib fil-fatturi tal-produzzjoni marbuta mal-avvanzi fl-għarfien, il-bdiewa jinsabu f'pożizzjoni tajba biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekoloġiku u jirreaġixxu għall-kriżi tal-enerġija permezz tal-iżvilupp tal-enerġija ekoloġika f'forom bħall-bijomassa, il-bijoskart, il-bijogass, il-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u enerġija fuq skala żgħira mir-riħ, mix-xemx u mill-ilma, li wkoll tgħin biex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjiegi ekoloġiċi;

Politika komuni u sempliċi

55.  Jinsisti li politika agrikola komuni hija aktar relevanti minn qatt qabel biex jiġi żgurat li d-dimensjoni transkonfinali tal-provvista tal-ikel, tat-tibdil fil-klima, tal-istandards komuni għoljin ta' protezzjoni ambjentali, tas-sikurezza u l-kwalità tal-prodott u tal-benesseri tal-annimali jkunu garantiti f'Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb;

56.  Jemmen li l-PAK il-ġdida, permezz ta' sistema ta' appoġġ simplifikata, trid tkun faċli biex tiġi amministrata, trasparenti, u trid tnaqqas il-burokrazija u piżijiet amministrattivi għall-bdiewa, b'mod partikolari għall-produtturi ż-żgħar, ħalli l-bdiewa jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-kompitu prinċipali tagħhom li jipprovdu prodotti agrikoli ta' kwalità; jemmen li dan jista' jinkiseb, fost l-oħrajn, billi navvanzaw lejn l-użu ta' għodda ta' prestazzjoni li jiffissaw l-għanijiet u jagħtu s-setgħa lill-bdiewa li jagħżlu huma s-sistemi tal-biedja tagħhom biex jilħqu dawn l-għanijiet, bħal ftehimiet dwar riżultati, kuntratti sempliċi u ħlasijiet multiannwali;

57.  Jitlob li jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi spjegat fiex tikkonsisti l-PAK, mhux biss lill-bdiewa imma wkoll liċ-ċittadini Ewropej kollha, filwaqt li jiġi pprovdut tagħrif b'mod trasparenti dwar l-objettivi li jkunu qed jiġu segwiti, il-mezzi disponibbli u l-effetti ta' ġid mistennija bl-implimentazzjoni tal-PAK;

58.  Iqis li jeħtieġ li l-approċċ tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-kontrolli regolatorji, għat-tmexxija tal-verifiki tal-konformità u għall-impożizzjoni tat-tiswijiet finanzjarji jrid ikun aktar proporzjonat u bbażat fuq ir-riskju;

59.  Jitlob li l-Parlament Ewropew jingħata tagħrif aġġornat u fil-pront dwar l-istat attwali tal-baġit tal-agrikoltura;

Il-kisba ta' PAK ġusta, ekoloġika u sostenibbli

60.  Jistenna li l-PAK tiġi ddisinjata mill-ġdid, skont il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa dwar l-Ewropa 2020, bil-ħsieb li tipprovdi strumenti li jġibu tkabbir intelliġenti, inklussiv u ekoloġiku;

61.  Jagħraf l-iskala wiesgħa ta' prijoritajiet eżistenti u ġodda għall-PAK u jinnota li l-aspettattiva ġġustifikata tal-Istati Membri l-ġodda meta ssieħbu mal-Unjoni Ewropea kienet li l-għajnuna tal-PAK setgħet, maż-żmien, tkun komparabbli ma' dik tal-Istati Membri l-antiki; bil-għan li tingħata tweġiba sħiħa għall-isfidi l-ġodda u jitwettqu l-prijoritajiet ta' PAK riformata, jitlob li l-ammonti allokati għall-PAK fil-baġit tal-2013 tal-anqas jinżammu kif inhuma matul il-perjodu ta' pprogrammar finanzjarju li jmiss;

62.  Jitlob li l-baġit tal-PAK ikollu mekkaniżmu ta' flessibilità għat-tmiem tas-sena sabiex dak li ma jintefaqx jgħaddi u jiġi riallokat għas-sena ta' wara;

63.  Jinsisti li l-PAK m'għandhiex tiġi rinazzjonalizzata u għalhekk jemmen li l-għajnuna diretta għandha tibqa' ffinanzjata kompletament mill-baġit tal-UE, u b'hekk jiġi rrifjutat kull kofinanzjament ieħor li jista' jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE;

64.  Jitlob għal distribuzzjoni ġusta tal-fondi tal-PAK lill-bdiewa madwar l-UE; ifakkar li biex tiġi rispettata d-diversità tal-biedja fl-UE, iridu jinstabu kriterji oġġettivi sabiex tiġi definita sistema ġusta ta' distribuzzjoni; jirrimarka li l-ħlasijiet diretti jikkontribwixxu għall-għoti ta' beni pubbliċi, jgħinu biex jiġi stabbilizzat id-dħul tal-bdiewa u jassiguraw kontra r-riskji, filwaqt li parzjalment jibbilanċjaw l-istandards għolja soċjalment mixtieqa fl-UE, u t-tnaqqis kontinwu fil-barrieri tat-tariffi, kif ukoll jippremjaw l-għoti ta' beni pubbliċi bażiċi li ma jirċievu l-ebda kumpens mis-suq;

   - Jemmen li biex jitnaqqsu d-differenzi fid-distribuzzjoni tal-fondi ta' appoġġ dirett bejn l-Istati Membri u biex issir riflessjoni fuq id-diversità wiesgħa li tikkaratterizza l-agrikoltura Ewropea,, mhux biżżejjed li tintuża l-bażi tal-ettaru biss u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi aktar kriterji oġġettivi u biex tevalwa l-impatt potenzjali tagħhom, filwaqt li tqis il-kumplessità tas-settur agrikolu u d-differenzi fl-Istati Membri ħalli tintlaħaq distribuzzjoni aktar bilanċjata;
   - Jitlob li jiġu definiti b'mod ċar il-kriterji ġusti u oġġettivi għall-allokazzjoni ta' fondi għal għanijiet ta' żvilupp rurali;

65.  Jemmen li appoġġ dirett għandu jimxi lejn bażi ta' żona fl-Istati Membri kollha fi żmien il-perjodu ta' pprogrammar finanzjarju li jmiss; dan ikun jikkostitwixxi perjodu ta' tranżizzjoni suffiċjenti li jippermetti lill-bdiewa u l-istrutturi agrikoli li għadhom jużaw is-sistema storika ta' ħlasijiet l-flessibilità li jadattaw ruħhom għall-bidliet, u li jevita li ssir ridistribuzzjoni radikali wisq tal-appoġġ, mingħajr ma jiġi preġudikat l-ilħuq malajr ta' distribuzzjoni bbilanċjata tal-appoġġ fost l-Istati Membri; jinnota li t-tbegħid mill-bażi storika jista' joħloq sfidi partikolari għal Stati Membri jew reġjuni b'ammont relattivament kbir tal-hekk imsejħa “art għarwiena” (art eliġibbli li mhix is-suġġett ta' talba għal għajnuna); jitlob li l-bżonnijiet speċifiċi ta' reġjuni bħal dawn jingħataw kunsiderazzjoni sħiħa meta jkun qed jitfassal l-appoġġ futur; jemmen ukoll li l-Stati Membri u r-reġjuni jridu jkomplu jżommu l-flessibilità li jirreġjonalizzaw is-sistema ta' ħlasijiet għaż-żona tagħhom b'tali mod li jirriflettu l-prijoritajiet speċifiċi tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-kompetizzjoni ġusta fis-suq intern;

66.  Iqis li m'għandux ikun hemm ritorn għall-ħlasijiet akkoppjati bħala prinċipju ta' gwida tal-PAK; huwa tal-fehma, madankollu, li, minħabba ċ-ċaqliq minn mudell ta' appoġġ storiku għal dak ta' appoġġ għal żona, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda wara l-Kontroll tas-Saħħa, għandu jitħalla marġni adegwat għal flessibilità lill-Istati Membri; jemmen li din il-flessibilità se tagħmel mod li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġixxu għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorju tagħhom u jkunu jistgħu jipprevjenu li l-produzzjoni tieqaf għalkollox jew li tonqos id-diversità tal-biedja; hu tal-fehma li dan il-marġni għall-immanuvrar ikun jieħu s-sura ta' ħlasijiet akkoppjati limitati għas-setturi u territorji agrikoli vulnerabbli u żoni li huma ambjentalment sensittivi, b'konformità mar-rekwiżiti tad-WTO filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-suq ġusti għall-bdiewa madwar l-UE kollha;

67.  Jidentifika l-ħtieġa ta' pedamenti ċentrali ewlenin – is-Sikurezza tal-Ikel u l-Kummerċ Ġust, is-Sostenibilità, l-Agrikoltura madwar l-Ewropa, il-Kwalità tal-Ikel, il-Protezzjoni tal-Bijodiversità u tal-Ambjent, u t-Tkabbir Ekoloġiku, biex tinkiseb PAK ġusta u aktar sostenibbli; iqis li l-istruttura ta' żewġ pilastri għandha tinżamm kif inhi, imma li għandha tevita li l-objettivi tal-politika u l-istrumenti jiġu rduppjati, kif ukoll li tirrifletti l-kontenut tal-pedamenti identifikati hawnhekk;

68.  Jemmen li, fl-interess tas-simplifikazzjoni, taċ-ċarezza u ta' approċċ komuni, irid jiġi maqbul mill-bidu tar-riforma l-finanzjament għal kull waħda mill-prijoritajiet tal-PAK;

Sikurezza tal-ikel u kummerċ ġust

69.  Isostni li jekk għandha tkompli l-attività agrikola, din għandha tkun b'kundizzjoni li jinżammu l-vijabilità u l-kwalità tal-ħajja għall-bdiewa; jemmen, għaldaqstant, li għandu jkun hemm pagament bażiku dirett għal żona mill-fondi tal-UE lill-bdiewa kollha tal-UE sabiex tkun żgurata s-sostenibilità soċjali u ekonomika tal-mudell Ewropew tal-produzzjoni agrikola, li għandu jipprovdi sigurtà bażika tal-ikel għall-konsumaturi Ewropej, jippermetti lill-bdiewa li jipproduċu ikel ta' kwalità għolja b'mod kompetittiv, jassigura li l-attività agrikola u l-impjiegi fiż-żoni rurali jkunu inkoraġġuti madwar l-UE u jipprovdi beni pubbliċi ta' bażi permezz ta' rekwiżiti ta' kundizzjonalità għall-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin, kif ukoll standards ta' kwalità għolja u ta' benesseri tal-annimali;

70.  Jappella għal rekwiżit assolut li tiġi ppremjata biss il-produzzjoni agrikola attiva, li permezz tagħha r-rekwiżiti minimi ta' attività jkunu inklużi fir-regoli ta' kundizzjonalità bħala prekundizzjoni għall-ħlasijiet, u sabiex il-proporzjonalità tkun il-prinċipju prinċipali applikat meta jiġu infurzati r-regoli;

Sostenibilità

71.  Jemmen li pagament top-up għal żona mill-fondi tal-UE għandu jkun disponibbli għall-bdiewa permezz ta' kuntratti sempliċi multiannwali biex jippremjahom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom tal-karbonju għal kull unit ta' produzzjoni u/jew jżidu l-qbid tagħhom tal-karbonju fil-ħamrija u permezz ta' metodi ta' produzzjoni sostenibbli u permezz tal-produzzjoni ta' bijomassa li tista' tintuża fil-produzzjoni ta' agromaterjali li jservu fit-tul;

72.  Jinnota li dan jista' jkollu benefiċċju doppju li jagħmel l-agrikoltura tal-UE aktar sostenibbli ambjentalment u ekonomikament permezz ta' emissjonijiet aktar baxxi ta' karbonju u/jew effiċjenza mtejba u wkoll jassigura li l-bdiewa jistgħu jibbenefikaw finanzjarjament minn żieda fil-qbid tal-karbonju fuq l-art tagħhom u jpoġġihom fuq l-istess livell ta' industriji oħra li qegħdin fil-ETS tal-UE; jitlob biex jiġu definiti kif jixraq kriterji u objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu biex jippermettu li dawn il-ħlasijiet jiġu implimentati kemm jista' jkun malajr f'kull Stat Membru;

Agrikoltura madwar l-Ewropa

73.  Jitlob għall-kontinwazzjoni ta' miżuri speċifiċi biex jiġu kumpensati l-bdiewa li jipproduċu f'żoni żvantaġġjati bħalma huma ż-żoni li għandhom żvantaġġi naturali, inklużi pereżempju reġjuni muntanjużi, żoni li huma ambjentalment sensittivi u/jew reġjuni li l-aktar li huma affettwati mit-tibdil tal-klima, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, sabiex jiġi assigurat li l-attività agrikola sseħħ ħalli l-art tibqa' tiġi mmaniġġjata u l-ikel lokali jiġi prodott madwar l-UE kollha, filwaqt li titnaqqas it-theddida tal-abbandun tal-art u tiġi assigurata ġestjoni bilanċjata tat-territorju madwar l-UE kollha u żvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola;

74.  Jemmen li kwalunkwe riforma tal-iskema taż-żoni aktar żvantaġġati (LFA), partikolarment fir-rigward ta' kif l-LFAs huma mfassla u kklassifikati, għandha tqis id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom bdiewa f'kull parti tal-UE, peress li dawn ivarjaw sew skont il-kundizzjonijiet bijofiżiċi u klimatiċi; Huwa tal-fehma li żoni li jistgħu jiġu esklużi skont kwalunkwe regola ġdida għandhom jingħataw perjodu adegwat ta' tħejjija għall-esklużjoni;

75.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol partikolari tal-bdiewa f'żoni peri-urbani, fejn jaf ikun hemm pressjoni intensa fuq riżorsi rurali u agrikoli; jenfasizza li l-produzzjoni ta' ikel u beni pubbliċi qrib popolazzjonijiet urbani għandha tinżamm;

Kwalità tal-ikel

76.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-politika tal-kwalità tal-ikel, inkluż f'dik li hi indikazzjoni ġeografika (PDO/PGI/TSG), għandu jkun aspett ta' prijorità tal-PAK u għandu jiġi approfondit u msaħħaħ sabiex l-UE tkun tista' żżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett f'dan il-qasam; huwa tal-fehma li, fil-każ ta' dawn il-prodotti ta' kwalità għolja, għandu jitħalla li jsir użu ta' strumenti oriġinarji ta' ġestjoni, protezzjoni u promozzjoni, u b'hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw b'mod armonjuż u jkomplu jagħtu l-kontribut maġġuri tagħhom għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli tal-agrikoltura Ewropea;

Protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent

77.  Jemmen li l-bdiewa jistgħu jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-bijodiversità u tal-ambjent, kif ukoll għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu, b'mod li jkun ta' nfiq effettiv; u għaldaqstant dan jeħtieġ li jkunu inċentivizzat aktar; jappella sabiex il-PAK tipprovdi l-opportunità għall-biċċa l-kbira tal-art agrikola li tkun koperta bi skemi agroambjentali biex l-bdiewa jiġu ppremjati talli jagħtu servizzi oħra fl-ekosistema, filwaqt li jitħeġġu aktar mudelli ta' produzzjoni sostenibbli b'input aktar baxx bħalma hi l-biedja organika, l-agrikoltura integrata, l-iżvilupp ta' biedja ta' valur naturali għoli u prattiki ta' agrikoltura intensiva sostenibbli; iqis li dawn il-miżuri ta' żvilupp rurali għandhom kollha jibqgħu jiġi kofinanzjati u, jekk ikun meħtieġ, b'baġit akbar;

Tkabbir ekoloġiku

78.  Jemmen li “tkabbir ekoloġiku” għandu jkun fil-qalba ta' strateġija ġdida għal żvilupp rurali li tiffoka fuq il-ħolqien ta' impjiegi ġodda ekoloġiċi permezz ta':

   l-iżvilupp ta' għodod dinamiċi lokali bħall-kummerċjalizzazzjoni lokali, l-ipproċessar lokali, l-appoġġ għal proġetti li jinvolvu l-partijiet interessati kollha mis-settur tal-biedja lokali,
   l-iżvilupp tal-bijomassa, tal-bijoskart, tal-bijogass u tal-produzzjoni fuq skala żgħira ta' enerġija rinnovabbli kif ukoll l-inkoraġġiment tal-produzzjoni ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, ta' agromaterjali u ta' prodotti kimiċi ekoloġiċi,
   l-investiment fl-immodernizzar u l-innovazzjoni kif ukoll f'riċerka ġdida u tekniki ta' żvilupp ġodda għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-mitigazzjoni tiegħu,
   il-provvediment ta' taħriġ u pariri lill-bdiewa biex japplikaw tekniki ġodda u l-għajnuna lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu deħlin fl-industrija;

79.  Jemmen li biex jinforza l-pedamenti prinċipali tal-PAK, għandha tibqa' disponibbli xibka ta' sikurezza adegwata; huwa tal-fehma li din ix-xibka ta' sikurezza għandha tkun flessibbli biżżejjed biex tqis l-iżviluppi tas-suq, u tinkludi għodod bħall-ħażna pubblika u privata, l-intervenzjoni u d-dekonġestjoni tas-suq, li għandhom jiġu attivati meta jkun hemm il-ħtieġa sabiex jikkumbattu l-volatilità estrema u bħala għodda ta' reazzjoni rapida f'każ ta' kriżi għal dan il-għan, huwa jqis li fil-baġit tal-UE għandha tkun disponibbli linja ta' riserva speċjali tal-baġit li tista' tkun attivata malajr biex tirreaġixxi għall-kriżijiet li jinqalgħu;

80.  Jappella biex dawn il-miżuri jkunu appoġġati minn strumenti maħsuba biex jgħinu ħalli jnaqqsu l-volatilità u jipprovdu kundizzjonijiet stabbli għan-negozju u l-ippjanar agrikoli; f'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li għandhom ukoll jiġu kkunsidrati wkoll għodod ekonomiċi u finanzjarji ġodda u innovattivi bħalma huma politiki ġenerali ta' assigurazzjoni għar-riskji tal-ħsad, swieq tal-futuri u fondi ta' mutwalizzazzjoni, bħala mod kif wieħed jindirizza l-kundizzjonijiet estremi tas-suq jew tal-klima, mingħajr ma titħarbat kwalunkwe skema privati li qed tiġi żviluppata;

81.  Huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni tal-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni jista' jkollha rwol fundamentali fl-iżgurar ta' tkabbir sostenibbli f'għadd ta' setturi agrikoli;

82.  Jinsisti li, biex jikkumplementaw il-miżuri tas-suq, hemm il-bżonn urġenti li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi primarji fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' skala ta' azzjonijiet biex jiġu indirizzati t-trasparenza, ir-relazzjonijiet kuntrattwali u l-prattiki kummerċjali inġusti; huwa tal-fehma li għandhom ukoll jiġu investigati aġġustamenti possibbli għar-regoli tal-kompetizzjoni ħalli jippermettu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi primarji jsiru aktar effiċjenti u jikbru fid-daqs fejn ikun meħtieġ, u jarmawhom b'setgħa ta' negozjar imtejba sabiex jiddefendu lilhom infushom kontra negozjanti kbar li jbigħu bl-imnut u proċessuri kbar; f'dan il-kuntest, jemmen li għandha titqies il-ħatra ta' Ombudsmen nazzjonali u/jew Ombudsman Ewropew bil-għan li jiġu solvuti tilwimiet fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel;

83.  Ifakkar li, fost is-sett kurrenti ta' għodda tas-suq u fil-kuntest tal-impenji tad-WTO, fl-UE għandhom jibqgħu jiġu eliminati gradwalment ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, b'mod parallel ma' miżuri simili li qed jittieħdu minn sħab tad-WTO;

84.  Jemmen li l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea għandha tiġi promossa fil-Komunità u lil hinn minnha sabiex jinstabu mezzi biex jingħelbu l-isfidi ewlenin tal-ġejjieni, inkluża s-sikurezza tal-ikel fl-UE, il-provvista tal-ikel lill-popolazzjoni dinjija li kull ma jmur qiegħda dejjem tikber, approċċ ambjentali b'saħħtu, bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

85.  Ifakkar li l-UE tista' tiffinanzja miżuri f'pajjiżi Ewropej u f'pajjiżi terzi li jipprovdu informazzjoni dwar il-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropej, jew li jippromwovu l-vantaġġi tagħhom, fl-Ewropa u madwar id-dinja; jemmen li l-baġit għal dawn il-fondi għandu jiġi rivedut sabiex titkabbar il-viżibilità tal-prodotti agrikoli u tal-ikel Ewropej fis-swieq fi ħdan l-UE u f'pajjiżi terzi; jemmen li dawn l-iskemi promozzjonali għandhom jiġu implimentati b'mod iktar wiesa' u għandhom jiġu applikati aktar u b'mod aktar effettiv taħt il-PAK il-ġdida;

86.  Huwa tal-fehma li l-politika agrikola komuni għandha tippermetti dieta aktar tajba għas-saħħa li għandha tkun disponibbli għall-konsumaturi kollha, b'mod partikolari għall-ifqar fosthom, fuq il-bażi ta' firxa ta' prodotti aktar varji u bi prezzijiet aktar raġonevoli; sabiex jiġi miġġieled il-faqar u titjieb is-saħħa, għandhom jitkomplew il-programmi ta' għajnuna għall-ifqar fis-soċjetà, filwaqt li l-programmi biex tingħata spinta lill-konsum tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel għandhom jiġu estiżi;

87.  Jemmen li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida għandu jkollha s-sempliċità, il-proporzjonalità u t-tnaqqis tal-burokrazija u tal-ispejjeż amministrattivi fil-qalba tagħha;

Il-PAK fil-qafas finanzjarju multiannwali u fil-proċedura baġitarja annwali

88.  Jenfasizza l-ħtieġa, meta jitqiesu l-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida, li jkun hemm fondi xierqa fl-MFF l-ġdid, sabiex il-politika tkun tista' tiġi appoġġata aħjar skont l-isfidi ewlenin li dan is-settur kruċjali tas-sigurtà tal-ikel tal-UE se jkollu jħabbat wiċċu magħhom fis-snin li ġejjin;

89.  Ifakkar li f'dawn l-aħħar erba' snin tal-MFF attwali, kien possibbli li jiġu miftiehma l-baġits annwali jew bl-użu tal-marġni eżistenti fid-diversi intestaturi jew permezz ta' referenza għar-reviżjoni prevista fil-paragrafu 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bl-użu tal-marġni disponibbli taħt il-limiti massimi tal-Intestatura 2 sabiex jiġu ffinanzjati l-prijoritajiet l-oħra tal-UE; jindika li, mis-sena baġitarja 2011 sal-iskadenza tal-MFF attwali (2013), il-marġni taħt il-limitu massimu tal-Intestatura 2 se jkun limitat ħafna;

90.  Jenfasizza li n-natura legalment vinkolanti tal-MFF teħtieġ l-introduzzjoni ta' sistema ta' implimentazzjoni aktar flessibbli sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi b'mod effettiv, flessibbli u suffiċjenti għal avvenimenti mhux mistennija;

91.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont l-Artikolu 314(3) TFUE, il-Kummissjoni ma tkunx tista' tibqa' temenda l-abbozz tal-baġit tagħha ladarba jkun iltaqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippreżenta Ittra Emendatorja biex taġġorna l-previżjoni agrikola fil-ħarifa; jinsisti li l-Ittra Emendatorja għandha tkun disponibbli qabel il-vot tal-PE; jistieden lill-kumitati kompetenti biex jistabbilixxu proċedura interna sabiex tiġi definita l-pożizzjoni tal-Parlament fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni;

92.  Ifakkar li l-Proġetti Pilota (PP) u l-Azzjonijiet Preparatorji (PA) introdotti mill-Parlament Ewropew saru għodda importanti fit-tfassil ta' prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta' inizjattivi ġodda li ta' spiss isiru attivitajiet u programmi tal-UE, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; jemmen li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji jistgħu fil-futur jintużaw ukoll bħala pjattaforma sabiex jiġu ttestjati ideat ġodda ta' riforma;

93.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew meta tkun taħdem fuq il-komunikazzjoni tagħha u tfassal il-proposti leġiżlattivi tagħha;

o
o   o

94.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) AGRI_DT (2010)439305.
(2) Testi adottati, P6_TA(2007)0101.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0131.
(4) Testi adottati, P7_TA(2010)0088.
(5) Ara l-graff 1,annessa.mar-rapport A7-0204/2010.
(6) Ara l-graff 2,annessa.mar-rapport A7-0204/2010.
(7) Ara l-graff 3, annessa mar-rapport A7-0204/2010.
(8) Ara l-graff 4, annessa mar-rapport A7-0204/2010.
(9) Ara l-graff 5, annessa.mar-rapport A7-0204/2010.

Avviż legali - Politika tal-privatezza