Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2238(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0207/2010

Testi mressqa :

A7-0207/2010

Dibattiti :

PV 08/07/2010 - 5
CRE 08/07/2010 - 5

Votazzjonijiet :

PV 08/07/2010 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0287

Testi adottati
PDF 417kWORD 106k
Il-Ħamis, 8 ta' Lulju 2010 - Strasburgu
Is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS
P7_TA(2010)0287A7-0207/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2010 dwar is-sistema ta' importazzjoni fl-UE ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fid-dawl tar-riforma futura tal-PKS (2009/2238(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-4 ta' Awwissu 1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta' Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta' Stokk ta' Ħut li hu Komuni f'Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta' Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Il-Ftehim ta' New York”),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) għal Industrija tas-Sajd Responsabbli, li ġie adottat fil-31 ta' Ottubru 1995,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni finali tas-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta' Awwissu sal-4 ta' Settembru 2002 f'Johannesburg,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu, “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2009)0163),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, “Il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea” (COM(2009)0162),

–  wara li kknsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakesh tal-15 ta' April 1994 li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ adottata f'Doha fl-14 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu, “L-Ewropa Globali: Kompetizjoni Dinjija” (COM(2006)0567),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-irwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona(8),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0207/2010),

A.  wara li kkunsidra l-importanza strateġika tas-sajd u tas-settur tal-akkwakultura biex ifornu l-popolazzjoni u joffru bilanċ tal-ikel għall-Istati Membri u għall-UE kollha kemm hi, kif ukoll il-kontribut tagħhom għall-benesseri soċjali u ekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, l-impjiegi u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali,

B.  billi l-ħut huwa riżorsa naturali li, f'idejn ġestjoni xierqa, tista' tkun rinnovabbli u tipprovdi kemm ikel kif ukoll impjiegi fi ħdan l-UE u fid-dinja kollha, u jeħtieġ li jkun sostnut bil-għan li jiġi evitat it-tnaqqis fl-istokkijiet tal-ħut u t-tbatija sussegwenti fil-komunitajiet tal-kosta; billi, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni effikaċi tas-sajd, inkluża d-dimensjoni tal-impatt tal-kummerċ internazzjonali fuq ir-riżorsi tal-ħut fid-dinja kollha;

C.  filwaqt li titqies ir-riforma ambizzjuża tal-Politika Komuni tas-Sajd mibdija mill-Kummissjoni Ewropea bl-adozzjoni tal-Green Paper tat-22 ta' April 2009 bil-għan li tkun riveduta l-biċċa l-kbira tal-aspetti ta' din il-politika,

D.  filwaqt li titqies bl-istess mod l-istrateġija ġdida għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea definita mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta' April 2009 (COM(2009)0162),

E.  wara li kkunsidra l-objettivi speċifiċi stabbiliti għall-ġestjoni tas-sajd fis-Samit Dinji tal-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg fl-2002, fosthom li, sa l-2015, l-isfruttar tal-ħażniet tal-ħut jinżel għal livell kompatibbli mal-Qabda Massima Sostenibbli,

F.  billi l-produzzjoni Komunitarja ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (PSA) naqset b'madwar 30 % matul l-aħħar għaxar snin,

G.  billi dan it-tnaqqis huwa marbut fl-istess ħin mat-tnaqqis tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra Ewropej u mal-miżuri implimentati, bir-raġun, biex ikun limitat il-qbid u tkun żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet skont il-PKS, kemm fl-ibħra tal-UE kif ukoll lil hinn minnhom, b'mod partikolari fejn l-Impriżi tas-Sajd tal-UE jitmexxew permezz ta' ftehimiet ta' Sħubija għas-Sajd,

H.  billi s-sajd Ewropew jirrappreżenta anqas minn 6 % tal-qbid dinji,

I.  billi, anke jekk il-Green Paper dwar ir-riforma tal-PKS tippreżenta l-viżjoni għall-futur imbiegħed ta' taqliba possibbli ta' din it-tendenza ta' tnaqqis tal-qbid, il-miżuri radikali previsti biex jippermettu lir-riżorsi jirriġeneraw (tnaqqis tal-kapaċità tal-flotot, miżuri ta' ġestjoni aktar stretti, kontrolli msaħħa, eċċ.) bil-kontra, jistgħu biss jaċċentwawha f'terminu twil jew qasir ta' żmien,

J.  billi, barra minn hekk, minkejja l-istrateġija l-ġdida ddefinita għaż-żona, il-limitazzjonijiet multipli li jaffettwaw l-iżvilupp tal-akkwakultura fil-Komunità huma tali li probabbli mhux se jkunu jistgħu jiġu kumpensati b'mod sinifikanti, f'tul ta' żmien qasir jew medju, għax-xejra ġenerali ta' produzzjoni inqas fis-settur tal-estrazzjoni,

K.  billi dan jagħmilha essenzjali li tkun imħeġġa aktar produzzjoni Ewropea, speċjalment fl-Istati Membri ġodda b'potenzjal ċar fir-rigward tal-akkwakultura,

L.  billi d-domanda Komunitarja għal PSA, bil-kontra, qed tiżdied b'mod ġenerali fl-Unjoni Ewropea, b'żieda partikolarment qawwija fis-swieq tal-Istati Membri l-ġodda tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, u billi huwa mistenni li diversi fatturi jwasslu għal żieda kostanti tal-konsum fl-għoxrin sena li ġejjin,

M.  billi l-Unjoni Ewropea (12-il miljun tunnellata u 55 biljun euro fl-2007) diġà hija l-akbar suq dinji għall-PSA, qabel il-Ġappun u l-Istati Uniti, li jiddependi ferm mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkopru aktar minn 60 % tal-bżonnijiet, u li din id-dipendenza x'aktarx li tikber aktar,

N.  billi issa jidher ċar li l-kwistjoni tal-importazzjonijiet tal-PSA fl-UE u tal-kundizzjonijiet li bihom dawn l-importazzjonijiet isiru hija assolutament kruċjali f'kull analiżi tal-politiki mmexxija mill-Unjoni Ewropea dwar is-sajd u l-akkwakultura, u billi trid tingħata attenzjoni partikulari lil din il-kwistjoni fid-dawl tar-riformi li qed isiru,

O.  billi din il-kwistjoni trid titqies mill-aspetti kollha tagħha: kummerċjali, ambjentali, soċjali, sanitarji u kwalitattivi,

P.  billi s-sajd mhux selettiv u l-livelli għolja ta' rimi f'ċerti impriżi tas-sajd li jesportaw lejn is-suq tal-UE jfissru li qed jinħlew ammonti sinifikanti ta' ħut adattat għall-konsum mill-bniedem,

Q.  billi trid issir riflessjoni partikulari dwar l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (OKS) fil-qasam tal-PSA, billi r-regoli attwali tagħha jidher li m'għadhomx validi għal għadd ta' raġunijiet u jeħtieġu reviżjoni urġenti,

R.  billi din ir-riflessjoni titlob ukoll li jsir eżami kritiku tal-politika kummerċjali komuni kif applikata, b'mod partikolari, f'dan is-settur u wkoll tal-konsistenza fid-deċiżjonijiet meħuda f'dak il-qafas bil-ħtieġa li tippreserva settur tas-sajd Ewropew vijabbli u responsabbli,

S.  billi, minkejja li l-PSA għadhom soġġetti għal protezzjoni doganali teorika skont it-Tariffa Doganali Komuni (TDK) li hija ftit ogħla mill-medja għall-prodotti mhux agrikoli, din il-protezzjoni tonqos b'mod sinifikanti fil-prattika minħabba diversi eżenzjonijiet u tnaqqis, applikati b'mod awtonomu jew abbażi ta' ftehimiet, li jfisser li l-importazzjonijiet effettivament soġġetti għat-tariffi MFN (applikabbli awtomatikament) jirrappreżentaw madwar 5 % tat-total,

T.  billi hu mistenni li l-politika li jinfetħu s-swieq tal-UE għall-importazzjonijiet tal-PSA tissokta, kemm f'livell multilaterali, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO u partikolarment tal-qasam ASMA (aċċess għas-swieq mhux agrikoli) taċ-Ċiklu ta' Doha, kif ukoll permezz ta' għadd ta' negozjati preferenzjali li għaddejjin ma' kull xorta ta' sħab kummerċjali fl-Asja, fl-Amerika Latina, fl-Amerika ta' Fuq, fil-Mediterran u ma' gruppi differenti ta' pajjiżi tal-AKP,

U.  billi, b'mod partikulari l-konklużjoni tat-taħditiet ASMA taċ-Ċiklu ta' Doha fuq il-bażi prevista attwalment tal-“formula Svizzera” b'koeffiċjent ta' 8 jkollha l-effett li tnaqqas ir-rata massima tat-taxxa doganali applikabbli għall-PSA fl-UE minn 26 % għal madwar 6 % u r-rata medja minn 12 % għal madwar 5 %,

V.  billi tali deċiżjoni, minbarra l-fatt li tnaqqas kważi għalkollox l-effett protettiv tat-tariffi li għadhom fis-seħħ, tneħħi kull sinifikat, billi tgħawwarhom ferm, tal-preferenzi diġà mogħtija jew li qed ikunu nnegozjati għall-benefiċċju tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u billi ddgħajjef is-sisien stess tal-mekkaniżmi tad-WTO li jippermettu l-modulazzjoni tal-aċċess għas-suq Komunitarju fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-industrija Ewropea tal-ipproċessar tal-PSA (sospensjonijiet tariffarji u kwoti tariffarji),

W.  billi r-rekwiżit tal-UE għal koerenza bejn l-għanijiet tal-politika tal-iżvilupp tagħha (eliminazzjoni tal-faqar, l-iżvilupp ta' operazzjonijiet tas-sajd lokali sostenibbli) u l-politika kummerċjali tagħha jimplika li pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu mħeġġa jesportaw il-prodotti tas-sajd b'valur miżjud akbar, sakemm il-ħut ikun ġej minn operazzjonijiet tas-sajd ġestiti tajjeb u sostenibbli, u jissodisfa l-kondizzjonijiet sanitarji meħtieġa,

X.  billi, barra minn hekk, it-tendenza nnutata fis-snin riċenti min-naħa tan-negozjaturi kummerċjali tal-UE li jippermettu aktar faċilment derogi għar-regoli ta' oriġini preferenzjali applikati tradizzjonalment għall-PSA, kemm għall-prodotti mhux ipproċessati (kriterji għad-determinazzjoni tan-nazzjonalità tal-bastimenti) kif ukoll għall-prodotti pproċessati (possibilità li tinżamm l-oriġini preferenzjali minkejja l-użu ta' materja prima mhux tal-oriġini),

Y.  billi studju tal-FAO wera li anki jekk il-kummerċ internazzjonali fi prodotti tal-ħut jista' jwassal għal aktar sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, dan wassal ukoll għal żieda fis-sajd għas-suq tal-esportazzjoni, u dan jista' jiggrava t-tnaqqis fl-istokkijiet, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tas-sajd ikunu ġestiti u kkontrollati sewwa biex jevitaw tnaqqis tal-ħażniet,

Z.  filwaqt li jitqiesu l-interessi diverġenti tal-produtturi Komunitarji tal-PSA (sajjieda u akkwakulturi), tal-industriji tal-ipproċessar, tad-distributuri, tal-importaturi u tal-konsumaturi, li l-politiki mfassla f'livell Ewropew għandhom jippruvaw jirrikonċiljaw b'mod effikaċi u bbilanċjat,

AA.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li jkunu żgurati soluzzjonijiet aċċettabbli għall-produtturi Komunitarji (sajjieda u intrapriżi tal-akkwakultura) fuq bażi ta' prezzijiet remunerattivi biżżejjed, b'qies tal-ispejjeż, limitazzjonijiet u imponderabbli relatati mal-attività tagħhom,

AB.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-proċessuri tal-Komunità jistgħu jibbenefikaw minn materja prima ta' kwalità uniformi, fi kwantità suffiċjenti u bi prezzijiet stabbli tul is-sena kollha,

AC.  wara li kkunsidra l-ħtieġa li tkun issodisfata d-domanda mill-konsumaturi fil-Komunità għal prodotti ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u li titqies ix-xewqa dejjem tikber tagħhom għal informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-oriġini tal-prodotti u l-kondizzjonijiet li fihom ikunu ġew maqbuda jew prodotti,

AD.  filwaqt li jitqies l-impatt divrenzjat ta' importazzjonijiet fis-suq Komunitarju skont l-ispeċijiet involuti, il-grad ta' pproċessar tal-prodott u r-rotot ta “distribuzzjoni użati,

AE.  billi, pereżempju, effett ta' tnaqqis fuq il-prezzijiet fil-punt inizjali tal-bejgħ ikkawżat minn kompetizzjoni mill-importazzjonijiet jidher li hu kwistjoni aktar sensittiva għall-ispeċijiet “industrijali” (dawk destinati għall-industrija tal-ipproċessar) milli għall-ispeċijiet mhux industrijali,

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jiddeplora l-fatt li l-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tiddedika biss ftit linji għall-kwistjoni tal-importazzjonijiet u tissottovaluta, b'mod ċar, l-importanza tat-trattament xieraq ta'din il-kwistjoni għall-kredibilità u s-suċċess tar-riforma;

2.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-aċċess għas-suq tal-UE għall-PSA importati hija diġà avvanzata sew bħala riżultat ta' politika kummerċjali segwita mill-UE matul l-aħħar għoxrin sena;

3.  Jinnota li l-produzzjoni Komunitarja ta' PSA hija nettament insuffiċjenti biex tkopri l-ħtiġijiet tal-industrija tal-ipproċessar u d-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi u li din mhijiex se tinbidel; jirrikonoxxi, għalhekk, il-ħtieġa li jkun promoss il-konsum responsabbli, ibbażat fuq il-kwalità u s-sostenibbiltà aktar milli fuq il-kwantità, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġestjoni tas-sajd għall-promozzjoni tal-irkupru tal-istokkijiet u l-fatt li l-importazzjonijiet ser ikomplu jkollhom rwol importanti fil-forniment tas-suq tal-UE;

4.  Jirrikonoxxi li hemm limitu massimu fuq l-ammont ta' ħut li jista' jinqabad fuq bażi sostenibbli, kemm għal konsum uman u kemm għal skopijiet industrijali, li jfisser li l-provvista ta' ħut għas-suq tal-UE ma tistax tiżdied ad infinitum;

5.  Madankollu, jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li jkun żgurat li fl-UE jinżammu oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura ambjentalment sostenibbli u ekonomikament vijabbli, inklużi operazzjonijiet fuq skala żgħira, li jkunu mifruxa b'mod armonizzat mal-kosta tagħha, li jgħinu biex titħares l-identità kulturali tar-reġjuni konċernati, li jipprovdu x-xogħol fl-istadji kollha tal-produzzjoni, u li jipprovdu ikel sikur u ta' kwalità tajba li jimplika li s-sajjieda jingħataw prezz tajjeb għall-prodott tagħhom; jisħaq ukoll li l-impjegati fl-industrija tas-sajd għandhom jaħdmu taħt kundizzjonijiet raġonevoli u skont il-konvenzjonijiet tal-ILO dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol;

6.  Jinnota li l-ftuħ attwali tas-suq tal-Komunità għall-esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura jista' – f'ċerti ċirkustanzi – jkollu impatt negattiv fuq l-ekonomija lokali f'ċerti reġjuni, speċjalment l-aktar reġjuni mbiegħda, rigward il-bejgħ tal-prodotti tagħhom;

Kunsiderazzjonijiet speċifiċi
Politika Kummerċjali u Doganali

7.  Iqis li l-UE, bħala l-akbar importatur ta' prodotti tas-sajd fid-dinja, taqsam ir-responsabilità politika ma' pajjiżi oħra li huma importaturi ewlenin tal-ħut li tiżgura li r-regoli kummerċjali tad-WTO jirrispettaw l-istandards globali l-aktar għolja possibbli tal-immaniġġjar tas-sajd u tal-konservazzjoni; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali tal-UE il-kummerċ ġust, trasparenti u sostenibbli tal-ħut jiġi msaħħaħ;

8.  iqis li protezzjoni tariffarja raġonevoli hija u trid tibqa' strument importanti u leġittimu tal-kontroll tal-importazzjonijiet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet politiċi; ifakkar li protezzjoni tariffarja erga omnes hija l-aspett ewlieni tal-preferenzi mogħtija mill-UE lil ċerti pajjiżi, b'mod partikulari lil dawk li qed jiżviluppaw; ifakkar li t-tneħħija ta' din il-protezzjoni ċċaħħad lill-pajjiżi li jibbenefikaw mill-preferenzi mill-vantaġġi kollha li għandhom attwalment; ifakkar ukoll fil-karatteristika utli ta' flessibbiltà ta' din il-protezzjoni tariffarja li l-UE tista' tissospendi l-applikazzjoni tagħha jekk il-produzzjoni Komunitarja ta' meterja prima ma tkunx biżżejjed biex ikun żgurat il-forniment xieraq tal-industrija tal-ipproċessar tagħha;

9.  Għalhekk, ma jistax jaċċetta l-opinjoni, promossa permezz tal-politika tal-kummerċ attwalment fis-seħħ, ta' telf inevitabbli ta' kull protezzjoni tariffarja fil-qasam tal-PSA li dwaru l-produtturi Komunitarji – sajjieda, akkwakulturi u min jipproċessa – ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn għajr jirrassenjaw ruħhom;

10.  Iqis li, bħas-settur agrikolu, l-oqsma tas-sajd u tal-akkwakultura huma oqsma strateġiċi, multifunzjonali, li jiddependu fuq il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali, u vulnerabbli ħafna f'ċerti komponenti tagħhom, li ma jaddattawx ruħhom tajjeb għal approċċ purament ta' kummerċ ħieles ibbażat fuq il-libertà ta' azzjoni tal-vantaġġi komparattivi;

11.  Jiddispjaċih li, bil-kontra tan-negozjati kummerċjali rigward il-prodotti agrikoli li huma mmexxija mill-Kummissarju għall-Agrikoltura, dawk dwar il-PSA huma kkunsidrati bħala negozjati “mhux agrikoli” u huma l-kompetenza tal-Kummissarju għall-Kummerċ, li għalih spiss jirrappreżentaw biss varjant ta' aġġustament f'korp usa' ta' kwistjonijiet;

12.  Jitlob it-trasferiment tal-kompetenza tat-tmexxijja tan-negozjati kummerċjali dwar il-PSA mill-Kummissarju għall-Kummerċ għall-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd;

13.  Jitlob għall-iżvilupp, permezz ta' sensiela ta' studji u konsultazzjonijiet, ta' stampa ċara u sħiħa tas-suq Komunitarju tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, speċi bi speċi, kif ukoll tat-tendenzi probabbli fid-domanda u l-produzzjoni fil-Komunità u tas-soluzzjonijiet li hu mistenni li jinżammu għal produzzjoni fil-kuntest ta' kompetizzjoni ġusta;

14.  Jitlob ukoll li l-Kummissjoni tevalwa bl-aktar mod affidabbli u bl-aktar mod preċiż l-impatt tal-importazzjonijiet ta' PSA fis-suq Komunitarju, partikolarment fir-rigward tal-prezzijiet, u li taħdem favur l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġbir u ta' skambju ta' dejta li tiffaċilita din l-evalwazzjoni;

15.  Jesiġi li l-PPA jitqiesu bħala prodotti sensittivi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-“formula Svizzera” fil-qafas tan-negozjati ASMA taċ-Ċiklu ta' Doha fid-WTO, sabiex ikun evitat it-tgħawwir tal-protezzjoni tariffarja li għadhom jibbenefikaw minnha xi prodotti taħt it-TDK u li jinżammu, b'dan il-mod, il-valur tal-preferenzi mogħtija lil ċerti sħab u l-effikaċja tal-mekkaniżmi tal-OKS;

16.  Ifakkar li, skont il-paragrafu 47 tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Doha tal-14 ta' Novembru 2001, in-negozjati taċ-Ċiklu attwali huma mwettqa fuq il-bażi tal-prinċipju tal-“impriża waħda” u li, sakemm iċ-Ċiklu ma jkunx spiċċa għalkollox, l-Unjoni Ewropea għad tkun tista' tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha dwar ċerti kapitoli tagħha;

17.  Iħeġġeġ ukoll lin-negozjaturi Komunitarji tad-WTO biex jibqgħu jirrifjutaw kategorikament li jinvolvu lill-UE fi kwalunkwe inizjattiva ta' liberalizzazzjoni plurilaterali settorjali tal-PSA;

18.  jappella lill-Kummissjoni biex tesiġi li l-konklużjoni eventwali ta' ftehim dwar is-sussidji fis-settur tas-sajd li qed jiġu nnegozjati fid-WTO, partikolarment dwar il-miżuri ta' kontroll tas-suq, ma tkunx tfisser għall-produtturi Ewropej sitwazzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv meta mqabbla ma' fornituri ta' pajjiżi terzi; huwa jopponi fil-prinċipju kwalunkwe “ħsad bikri” ta' ftehim tali, li għandu jibqa' inseparabbli mill-elementi l-oħra tar-rawnd ta' Doha;

19.  Jistieden lin-negozjaturi Komunitarji għan-negozjati bilaterali u reġjonali biex jesiġu b'mod aktar sistematiku kontropartijiet effikaċi għall-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija lill-pajjiżi terzi fir-rigward tal-importazzjoni tal-PSA filwaqt li jiddefendu b'determinazzjoni l-interessi offensivi tal-Unjoni Ewropea f'dan is-settur fejn jeżistu;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE żżomm il-kontroll tal-preferenzi kummerċjali li tagħti lil xi sieħba billi tesiġi l-applikazzjoni ta' regoli stretti ta' oriġini, ibbażati fuq il-kunċett ta' prodotti “miksuba sħaħ”; jitlob kawtela fl-għoti ta' kull deroga għall-kriterji tradizzjonali għad-determinazzjoni tan-nazzjonalità tal-bastimenti għall-prodotti mhux ipproċessati, u jesiġi r-rifjut ta' kull talba ġdida ta' deroga fir-rigward ta' prodotti pproċessati; iqis li r-regola magħrufa bħala “no-drawback” trid tkun applikata sistematikament u li l-possibilitajiet ta' akkumulazzjoni ta' oriġini għandhom ikunu limitati;

21.  jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni li ttejjeb, b'mod kwantitattiv u kwalitattiv, l-analiżi tal-impatt fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura tal-preferenzi tarifarrji, mogħtija lil ċerti pajjiżi, b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti tal-impriżi u tal-impjieg, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikolari l-pajjiżi tal-AKP; jisħaq ukoll fuq il-fatt li dawn il-valutazzjonijiet iridu jipprovdu riżultati kwantifikati kif jixraq u jqisu b'mod partikolari speċijiet ta' ħut vulnerabbli;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għażla tal-industrija Komunitarja li tagħmel użu mill-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ tal-UE f'każijiet ta' dumping, sussidjar jew żieda fuq skala kbira u mingħajr twissija ta' importazzjonijiet għal ċerti kategoriji ta' PSA;

Aspetti ambjentali, soċjali, sanitarji u kwalitattivi

23.  Jemmen li wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-politika Komunitarja dwar l-importazzjoni tal-PSA għandu jkun li jiġi żgurat li prodotti importati jissodisfaw l-istess rekwiżiti, fl-oqsma kollha, bħal dawk imposti fuq il-produzzjoni Komunitarja; iqis li dan l-għan jikkorrispondi għall-preokkupazzjonijiet fundamentali ta' ekwità, ta' koerenza u ta' effikaċja tal-miżuri implimentati attwalment f'dan il-qasam jew previsti fil-qafas tar-riforma; jinnota wkoll li l-konformità ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE ma' rekwiżiti tal-UE se tgħin biex tinħoloq kompetizzjoni aktar ugwali bejn il-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-produzzjoni ta' pajjiżi mhux fl-UE minħabba l-ispejjeż ogħla li se jonfqu l-pajjiżi mhux tal-UE biex jipproduċu l-ħut skont l-istandards tal-UE;

24.  Huwa mħasseb li l-influss massiv ta' PSA fuq is-suq Komunitarju minn pajjiżi terzi jista' jinfluwenza d-drawwiet tax-xiri tal-konsumaturi;

25.  Iqis li l-intensifikazzjoni tal-isforzi tal-UE fir-rigward tal-konservazzjoni tal-istokkijiet u tad-sostenibilità tas-sajd, fil-qafas tal-PKS, huma inkompatibbli ma' PSA minn pajjiżi li qed iżidu l-isforzi tas-sajd tagħhom mingħajr ma jinteressaw ruħhom fis-sostenibilità u huma interessati biss fil-profitti fuq medda ta' żmien qasira;

26.  jenfasizza li l-politika Komunitarja ta' konservazzjoni tar-riżorsi tikkontribwixxi, b'mod partikolari permezz tal-pjanijiet ta' rkupru u ta' ġestjoni, biex ikunu ffavoriti l-importazzjonijiet ta' PSA minn pajjiżi terzi u biex ikunu jistgħu jieħdu post, b'mod ħafna drabi irreversibbli, il-produzzjoni Komunitarja; jitlob lill-Kummissjoni tqis dan ir-riskju b'mod xieraq fit-tfassil ta' dawn il-pjanijiet;

27.  Jibża“, fin-nuqqas ta' politika stabbilita dwar dan is-suġġett, li l-ġibda konsiderevoli ta' suq Komunitarju tal-PSA b'aċċess liberu ferm u kkaratterizzat minn domanda li qed tikber sew, tikkostitwixxi għal dawn il-pajjiżi stimolu permanenti għas-sajd żejjed;

28.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ riċenti ta' regolament dwar il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u li jimponi ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti kollha mqiegħda fis-suq Komunitarju; jinkoraġġixxi applikazzjoni stretta u effikaċi ta' dan ir-regolament, filwaqt li jagħraf il-fatt li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġu l-għajnuna biex jimplimentaw ir-regolament kif suppost u biex jikkumbattu s-sajd illegali; madankollu, ifakkar li dan huwa rekwiżit minimu li ma jkunx biżżejjed biex tkun iggarantita s-sostenibilità tal-impriżi tas-sajd li minnhom jiġu l-prodotti inkwistjoni;

29.  Jemmen li, minbarra l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar is-sajd IUU, huwa meħtieġ li jsiru aktar kontrolli aktar downstream fuq il-marketing ta' ħut bħal dan, partikolarment permezz ta' verifiki aktar rigorużi tal-Istati Membri u ta' intrapriżi suspettati b'forniment ta' prodotti li joriġinaw minn sajd illegali;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li l-pajjiżi esportaturi ewlenin ta' PSA lejn l-UE jonoraw l-impenji li ħadu f'Johannesburg u l-implimentazzjoni minn dawn il-pajjiżi ta' politiki stretti dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi; jinkkuraġġiha biex tikkopera ma' dawn il-pajjiżi fil-fora xierqa kollha u partikolarment fil-qafas tal-Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO);

31.  L-Unjoni Ewropea trid tinforza wkoll lil dawk l-impriżi sabiex ikun żgurat li l-prodotti kollha esportati lejn l-Unjoni Ewropea, mingħajr eċċezzjoni, huma minn pajjiżi li rratifikaw il-ftehimiet internazzjonali ewlenin fil-qasam tal-liġi marittima, u b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il- Liġi tal-Baħar u l-Konvenzjoni dwar l-istokkijet tal-ħut transżonali u li jpassi ħafna u, f'każijiet fejn l-esportazzjonijiet jiġu minn ilmijiet ġestiti minn RFMO, li dawn huma partijiet kontraenti tal-ftehim RFMO konċernat;

32.  Jenfasizza l-iżvantaġġi kbar li għandhom is-sajjieda, l-akkwakulturi u l-impriżi ta' pproċesar Komunitarji, meta jħabbtu wiċċhom mal-konkorrenza ta' xi pajjiżi terzi minħabba l-ispejjeż ħafna iżgħar għall-ħaddiema f'dawn il-pajjiżi kif ukoll minħabba normi soċjali anqas esiġenti li huma applikati;

33.  Iqis li l-problema tad-“dumping soċjali”, preżenti wkoll f'diversi oqsma oħra tal-ekonomija, hija partikolarment gravi fil-qasam tal-PSA u partikolarment fl-attivitajiet ta' pproċesar, li jużaw ħafna l-ħaddiema;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tal-anqas ikun żgurat li l-pajjiżi esportaturi ewlenin ta' PSA lejn l-UE jħarsu t-tmien Konvenzjonijiet tal-ILO dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol;

35.  Jesiġi li l-preferenzi kummerċjali kollha mogħtija mill-UE fir-rigward tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura għandhom jiddependu b'mod strett mill-issodisfar ta' rekwiżiti soċjali u ambjentali stretti; jitlob ukoll li d-dispożizzjonijiet inklużi għal dan il-għan fil-ftehimiet konklużi jkun fihom mekkaniżmi kredibbli ta' sorveljanza li jiġu onorati l-impenji li ttieħdu u ta' sospensjoni jew ta' revoka ċara tal-preferenzi f'każ ta' ksur; jitlob, fil-każ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-implimentazzjoni ta' programmi mfassla b'mod speċifiku biex jingħata l-appoġġ tekniku, u l-appoġġ finanzjarju jekk ikun meħtieġ, sabiex l-Istati milquta jkunu jistgħu jonoraw l-impenji ambjentali u soċjali li jkunu ħadu;

36.  Jisħaq fuq l-importanza ta' applikazzjoni stretta għall-PSA importati, inkluż għal kwalunkwe għalf u materjal tal-għalf, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rigward in-normi u l-kontrolli sanitarji fl-aspetti kollha tagħhom (sigurtà tal-ikel, traċċabilità, prevenzjoni), li huma aspetti kruċjali għall-ħarsien tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex issaħħaħ il-programm tagħha ta' spezzjonijiet ta' pajjiżi terzi billi ttejjeb il-ħidma tal-missjonijiet tal-Uffiċċji tal-Ikel u Veterinarji, prinċipalment billi żżid l-għadd ta' stabbilimenti spezzjonati waqt kull missjoni, sabiex tikseb riżultati li jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni reali fil-pajjiżi terzi;

37.  Iħeġġeġ kawtela kbira fl-għarfien tal-ħtiġijiet applikati f'ċerti pajjiżi terzi bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni u fil-validazzjoni tal-listi ta' pajjiżi u impriżi awtorizzati li jesportaw il-PSA lejn l-UE; iqis li DĠ SANCO għandu jkun kapaċi jneħħi bastimenti individwali jew impjanti ta' proċessar minn listi approvati fejn dawn jonqsu milli jilħqu standards minimi;

38.  Jitlob viġilanza kbira fir-rigward ta' prodotti minn forom ġodda ta' akkwakultura partikolarment intensivi prattikati f'ċerti reġjuni tad-dinja, kif ukoll analiżi kritika tat-tekniki u l-proċeduri użati biex tiżdied il-produttività ta' dawn l-impjanti u tal-konsegwenzi possibbli tagħhom fuq is-saħħa, kif ukoll l-impatt soċjali u ambjentali lokali tagħhom;

39.  Jesiġi intensità u frekwenza tal-kontrolli li jsiru fil-livelli kollha, u partikolarment tal-kontrolli fil-fruntieri armonizzati effettivament u trasparenti, li jkunu proporzjonali għar-riskji mill-prodotti konċernati, partikolarment fir-rigward tan-natura u l-provenjenza tagħhom; jitlob lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi kollha finanzjarji u umani meħtieġa;

Riforma tal-OKS

40.  Ifakkar fid-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu, adottati matul is-sitt leġiżlatura, li jitolbu lill-Kummissjoni twettaq b'urġenza riforma ambizzjuża tal-OKS tal-prodotti tas-sajd sabiex tikkontribwixxi aktar għall-iżgurar tad-dħul f'dan is-settur, tal-istabilità tas-swieq, kummerċjalizzazzjoni aqwa tal-prodotti tas-sajd u żieda tal-valur miżjud maħluq li dawn jirrapreżentaw; jiddeplora d-dewmien f'dan il-qasam; jirreferi għar-riżoluzzjonijiet konċernati dwar il-kwistjoni ta' liema għandhom ikunu l-għanijiet ewlenin ta' din ir-riforma;

41.  Jisħaq fuq il-fatt li l-mekkaniżmi ġodda implimentati f'dan il-qafas iridu assolutament iqisu r-realtà innegabbli li tirrappreżenta l-konkorrenza feroċi ħafna tal-importazzjonijiet irħas li jirriżulta minn prattiki li jagħmlu ħsara lill-ambjent jew ekwivalenti għal forma ta' dumping soċjali, kif ukoll jippruvaw jiggarantixxu tal-anqas li l-produzzjoni Komunitarja tista' titqiegħed fis-suq b'mod normali u bi prezzijiet remunerattivi biżżejjed;

Informazzjoni għall-konsumatur

42.  Jesprimi l-konvinzjoni li l-konsumaturi Ewropej spiss jagħmlu għażliet differenti kieku jkunu infurmati aħjar dwar in-natura vera, l-oriġini ġeografika, il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni jew qbid, u l-kwalità tal-prodotti offruti għall-bejgħ;

43.  Jenfasizza l-urġenza li jiddaħħlu kriterji ta' ċertifikazzjoni u ttikkettar stretti u trasparenti fir-rigward tal-kwalità u t-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura Ewropej, kif ukoll li titħeġġeġ l-introduzzjoni mill-aktar fis possibbli ta' tikketta ekoloġika Komunitarja speċifika għal dawn il-prodotti sabiex tintemm il-proliferazzjoni inkontrollata tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni privati;

44.  Jemmen li l-ekoċertifikazzjoni u l-ekotikkettar tal-PSA għandhom ikunu proċessi trasparenti u li jinftiehmu faċilment mill-konsumatur, u għandhom ikunu disponibbli għas-settur kollu mingħajr eċċezzjoni, suġġett għal konformità stretta mal-kriterji bażiċi ta' attribuzzjoni;

Akkwakultura

45.  Jenfasizza s-sehem li qed jikber tal-prodotti tal-akkwakultura fl-importazzjonijiet ta' PSA tal-Unjoni Ewropea;

46.  Jattribwixxi dan il-fenomenu għal tkabbir konsiderevoli tal-produzzjoni tal-akkwakultura f'ċerti reġjuni tad-dinja matul l-aħħar għaxar snin fi żmien meta l-akkwakultura Komunitarja, li tirrappreżenta biss 2 % tal-produzzjoni dinjija, kienet għaddejja minn perjodu ta' staġnar;

47.  Jinnota l-eżistenza ta' effetti ta' sostituzzjoni sinifikanti, f'termini tad-drawwiet u d-domanda tal-konsumaturi min-naħa tad-distributuri fil-UE, bħal bejn il-prodotti friski ta' oriġini Komunitarja u ċerti tipi ta' prodotti tal-akkwakultura importati;

48.  Iqis li politika determinata ta' għajnuna għall-iżvilupp ta' akkwakultura sostenibbli, b'inqas impatt fuq l-ambjent, fl-UE hija wieħed mill-pedamenti ta' politika bil-għan li titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet fil-qasam tal-PSA, li titħeġġeġ l-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea u li tiġi ssodisfata d-domanda li qed tiżdied b'mod qawwi permezz ta' provvista aktar abbondanti u aktar varjata; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkun hemm impenn qawwi favur ir-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-prodotti Ewropej tal-akkwakultura;

49.  Jirreferi f'dan ir-rigward għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar “Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea”;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet prinċipali ta' dan ir-rapport fil-proposti tagħhom u fid-deċiżjonijiet dwar il-riforma tal-PSK;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.
(2) ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22.
(3) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 271.
(4) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(5) ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0039.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0243.
(8) Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

Avviż legali - Politika tal-privatezza