Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta' ħolqien ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida (2010/2010(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “L-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-UE: Analiżi tal-2009 tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli” (COM(2009)0400),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, Parti II tal-Linji Gwida Integrati tal-Ewropa 2020 (COM(2010)0193),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm Komunitarju għall-ittikkettar tat-tagħmir tal-uffiċċju b'informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(3),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titlu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147) u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010(4),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Nagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku” (COM(2008)0433),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni” (COM(2008)0435),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa” (COM(2007)0001),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-10/11 ta' Diċembru 2009, b'mod partikolari l-punti 21-24,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Presidenza tal-Kunsill dwar l-Analiżi tal-2009 tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli(5),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kyoto għall-UNFCCC,
– wara li kkunsidra d-dokument tal-2007 tal-IPPC bit-titlu “Climate Change 2007: Synthesis Report, Contribution of Working Groups I, II and III to the Fourth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change” (Tibdil fil-Klima 2007: Rapport ta' Sinteżi, Kontribuzzjoni tal-Gruppi ta' Ħidma I, II u III tar-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2006 ta' Stern dwar l-Analiżi tal-Ekonomija tat-Tibdil fil-Klima,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-2008 tal-UNEP, l-ILO, l-IOE u l-ITUC dwar l-Impjiegi Ħodor, bit-titlu “Green Jobs: Towards Decent Work in a Sustainable, Low-Carbon World” (Impjiegi Ħodor: Lejn Xogħol Diċenti f'Dinja Sostenibbli u b'Emissjonijiet Baxxi ta' Karbonju),
– wara li kkunsidra n-nota ta' sfond tal-ILO bit-titlu “Global Challenges for Sustainable Development: Strategies for Green Jobs” (Sfidi Globali għal Żvilupp Sostenibbli: Strateġiji għal Impjiegi Ħodor) li tressqet lill-Konferenza tal-Ministri għax-Xogħol u l-Impjiegi tal-G8 li saret f'Niigata, il-Ġappun, mill-11 sat-13 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-OKŻE dwar it-Tkabbir Aħdar, adottata waqt il-Laqgħa tal-Kunsill f'Livell Ministerjali li saret fil-25 ta' Ġunju 2009, u l-Istrateġija tiegħu li għadha għaddejja dwar it-Tkabbir Ekoloġiku,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2009 tal-Greenpeace u tal-Kunsill Ewropew għall-Enerġiji Rinnovabbli (EREC) bit-titlu “Working for the climate: renewable energy and the green job revolution” (Naħdmu għall-klima: enerġija li tiġġedded u r-rivoluzzjoni tal-impjiegi l-ħodor),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2007 tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (ETUC) u l-Aġenzija għall-Iżvilupp Soċjali (SDA) bit-titlu “It-Tibdil fil-Klima u l-Impjiegi: L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-impjiegi fil-25 pajjiż tal-Unjoni Ewropea u l-miżuri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030”,
– wara li kkunsidra r-Ruhr Economic Papers 156 “Economic impacts from the Promotion of Renewable Energy Technologies, The German Experience”,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni CEPOS “Wind Energy, the case of Denmark”,
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal- Universidad Rey Juan Carlos “Study of the effects on employment of public aid to renewable energy sources”,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2007 dwar l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali (COM(2007)0799),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2009 dwar l-Impjiegi fl-Ewropa tal-Kummissjoni, b'mod partikolari l-kapitolu 3: “Climate change and labour market outcomes” (It-tibdil fil-klima u r-riżultati fis-suq tax-xogħol),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800) u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009(6),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Nixprunaw l-irkupru Ewropew” (COM(2009)0114),
– wara li kkunsidra l-analiżi konġunta tas-sħab soċjali Ewropej dwar l-Isfidi Ewlenin li qed Jiffaċċjaw is-Swieq tax-Xogħol Ewropej, tat-18 ta' Ottubru 2007,
– wara li kkunsidra d-dokument tal-2002 tas-sħab soċjali Ewropej bit-titlu “Framework of actions for the lifelong development of competencies and qualifications” (Qafas ta' azzjonijiet għall-iżvilupp tul il-ħajja tal-kompetenzi u l-kwalifiki),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda – L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa” (COM(2008)0868), u r-rapport mill-Grupp ta' Esperti dwar “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa” ta' Frar 2010,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' riċerka tal-2009 taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) bit-titlu “Future Skills Needs for the Green Economy” (Ħtiġijiet ta' Ħiliet fil-Futur għall-Ekonomija l-Ħadra),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0234/2010),
A. billi fl-2009, il-Kunsill Ewropew ikkonferma l-iżvilupp sostenibbli bħala għan ċentrali tat-Trattat ta' Lisbona; billi fost il-linji gwida tal-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli nsibu l-kunsiderazzjoni integrata ta' kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi, l-intensifikazzjoni tad-djalogu soċjali, it-tisħiħ tar-responsabilità soċjali tal-impriżi, il-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas,
B. billi l-promozzjoni ta' ekonomija soċjali, kompetittiva, li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun waħda ekoloġika hija wieħed mill-punti ċentrali tal-Istrateġija Ewropa 2020,
C. billi sal-2050 il-pajjiżi industrijalizzati għandhom, skont il-Ftehim ta' Kopenħagen, inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tad-dijossidu tal-karbonju bi 80-90 % tal-emissjonijiet tal-1990,
D. billi l-impatt tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa jvarja minn reġjun għall-ieħor; billi skont studju tal-Kummissjoni(7) r-reġjuni fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa, fejn tgħix iżjed minn terz mill-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea, huma partikolarment esposti għall-pressjoni tat-tibdil fil-klima, billi l-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni huma dawk li l-aktar jintlaqtu ħażin, u billi bħala riżultat jafu jiżviluppaw żbilanċi reġjonali u soċjali akbar,
E. billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli għandha effetti pożittivi differenti fuq is-settur differenti, jiġifieri, billi l-impjiegi jiġu maħluqa, mibdula ma oħrajn, jew parzjalment jieqfu jeżistu; billi l-postijiet kollha tax-xogħol għandhom jiġu adattati għal mod ta' produzzjoni u ta' ħidma sostenibbli li jagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi, u għaldaqstant l-ikbar ħtieġa ta' adattament tirrigwarda r-relazzjonijiet ta' impjiegi eżistenti, u relazzjonijiet flessibli fl-impjiegi huma mixtieqa,
F. billi ċ-ċifri fil-Green Paper dwar it-Tibdiliet Demografiċi (COM(2005)0094) juru li l-popolazzjoni ta' eta' li jaħdmu fl-UE se tonqos b'20.8 miljun (6,8 %) bejn l-2005 u l-2030, u billi l-għadd ta' persuni li għandhom iktar minn 60 sena issa qiegħed jiżdied b'rata doppja minn dik ta' qabel l-2007 – b'madwar żewġ miljuni kull sena meta jitqabbel ma' miljun fis-snin ta' qabel,
G. billi din il-bidla għandha l-potenzjal li tistabbilizza l-impjiegi u żżid l-għadd ta' impjiegi, b'effetti ta' tifrix konsiderevoli, billi, fejn iddaħħlu kundizzjonijiet ta' qafas affidabbli, tista' tiġi nnutata żieda kostanti fil-possibilitajiet ta' impjegar u fis-sigurtà tal-impjiegi, li tiġi stabbilizzata permezz taż-żieda fl-esportazzjonijiet,
H. billi t-tkabbir ekonomiku meħtieġ u ż-żidiet fl-impjiegi li jirriżultaw minnu f'ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni ma jistgħux jintlaħqu jekk ir-riċerkaturi u n-negozji Ewropej ma jkunux jistgħu jaqilbu r-riżultati tar-riċerka tagħhom fi prodotti kummerċjali, billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni tal-Kummissjoni turi diskrepanza fl-innovazzjoni ta' 30 % mal-Istati Uniti tal-Amerka u ta' 40 % mal-Ġappun,
I. billi f'xi setturi ġodda għadhom ma bdewx jeżistu strutturi ta' djalogu soċjali; billi hemm każijiet ta' setturi ġodda fejn ma jeżistux ftehimiet kollettivi, jew dawk eżistenti ma jiġux applikati, u kodiċijiet speċifiċi għas-setturi ma jeżistux lanqas; billi s-setturi kollha huma soġġetti għal pressjoni kbira biex iżidu l-kompetittività tagħhom, filwaqt li, fir-reġjuni b'livell għoli ta' qgħad, il-pressjoni favur l-aċċettazzjoni ta' kundizzjonijiet fqar tax-xogħol hija waħda qawwija,
J. billi f'dawn l-aħħar għoxrin sena fis-suq tax-xogħol tal-UE żviluppa nuqqas ta' sigurtà tal-impjiegi fit-tul, fejn iż-żgħażagħ speċjalment qed ikollhom it-tendenza li jaħdmu b'kuntratti ta' perjodi qosra b'kundizzjonijiet tax-xogħol aktar fqar, billi l-impjiegi l-ġodda maħluqa taħt dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jitqiesu bħala sostenibbli, billi dawn in-nuqqasijiet strutturali jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-kuntest tat-tfittxija li jiġi żviluppat il-potenzjal ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida,
K. billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli ġdida ma għandhiex tkun pretest biex il-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u l-anqas kwalifikati jiġu esklużi mis-suq tal-impjiegi, billi, għalhekk, hemm il-ħtieġa li jiġi evitat l-effett tat-“tneħħija tal-krema” li jkollu bħala l-ewwel vittmi tiegħu l-ħaddiema l-anqas kwalifikati,
L. billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija stabbilita bħala wieħed mill-għanijiet fit-Trattat ta' Lisbona u wieħed mill-Objettivi ta' Żvilupp tal-Millennju; billi f'diversi setturi n-nisa mhumiex irrappreżentati biżżejjed, u għaldaqstant ma jistgħux jibbenefikawx b'mod ugwali miż-żieda fl-impjiegi li hemm fl-ekonomija sostenibbli l-ġdida,
M. billi ekonomija ġdida se tissawwar f'soċjetà li qed tixjieħ bi kwantità ta' ħaddiema dejjem tonqos, fatt li jwassal għall-bżonn li aktar nisa jiġu mħajra biex iwettqu xogħol bi ħlas billi tiġi adattata l-organizzazzjoni tax-xogħol u billi dawk kollha li jimpjegaw fis-setturi kollha jitħejjew għal forza tax-xogħol aktar varjata,
N. billi, skont studji riċenti, il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tar-responsabilità tipprovdi valur miżjud għall-intrapriżi, b'mod partikulari fir-rigward tal-prestazzjoni ekonomika tagħhom,
O. billi n-nisa jiksbu l-biċċa l-kbira tal-lawrji universitarji fl-UE u huma fil-maġġoranza fil-korsijiet tal-kummerċ, tal-maniġment u tal-liġi imma jibqgħu f'minoranza fil-pożizzjonijiet ta' responsabilità fil-kumpaniji u l-korpi pubbliċi,
P. billi, speċifikament minħabba l-isterjotipi sessisti li jeżistu fl-edukazzjoni u fis-soċjetà, in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-oqsma li, bi żball, huma meqjusa bħala “maskili”, bħat-teknoloġija informatika, l-inġinerija, il-fiżika u l-okkupazzjonijiet tekniċi bħall-mekkanika u l-bini,
Q. billi l-qgħad qiegħed jiżdied fost il-ħaddiema anzjani, li jiffaċċjaw problema partikularment serja ta' esklużjoni soċjali wara l-età ta' 55 sena, u minkejja l-progress li sar fl-aħħar deċennju fl-2008 ftit aktar minn terz biss tan-nisa ta' bejn il-55 u l-64 sena kellhom impjieg, filwaqt li 55 % tal-irġiel minn dak il-grupp ta' età kellhom impjieg,
Strateġija ta' impjiegi għal ekonomija sostenibbli ġdida
1. Hu tal-fehma li l-iżvilupp sostenibbli huwa bbażat fuq viżjoni fit-tul fejn it-tkabbir ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-ħarsien ambjentali jimxu id f'id u jagħtu appoġġ reċiproku lil xulxin; jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal li hemm irrappreżentat mill-ħolqien ta' “impjiegi ħodor” f'ekonomija sostenibbli;
2. Iqis li l-ekonomija ta' wara l-kriżi hi opportunità kbira għal tkabbir sostenibbli bbażat fuq il-ġustizzja soċjali u l-ekoeffiċjenza; jinnota li t-trasformazzjoni tal-ekonomiji Ewropej minn ekonomiji li jniġġsu għal ekonomiji ekoeffiċjenti se twassal għal bidliet profondi fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum, li għandhom jintużaw bħala opportunità biex nimxu lejn sostenibilità ġenwina mingħajr ma nipperikolaw il-prosperità jew l-impjiegi; jemmen li t-tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq sorsi ta' enerġija li ma jniġġsux jeħtieġ li titqies bħala opportunità għal investiment fl-iżvilupp sostenibbli u mhux sempliċement bħala piż fuq il-baġits pubbliċi u privati;
3. Jenfasizza l-importanza ta' miżuri biex jippromwovu l-iżvilupp u l-impjieg fil-kampanja sabiex jitrażżan l-ispopolament rurali;
4. Jinnota li hemm il-ħtieġa li l-produzzjoni tal-beni u s-servizzi jsiru aktar sostenibbli; jinnota li l-investimenti f'ekonomija sostenibbli ġdida fihom potenzjal għat-tkabbir fis-suq tax-xogħol u opportunitajiet ġodda ta' dħul; jinnota li l-bilanċ pożittiv jinkludi t-telf li hemm irreġistrat f'xi setturi, u li għalhekk it-tagħlim mill-ġdid ta' ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għandhom jiġu stimulati;
5. Huwa tal-opinjoni li l-kriżi soċjali u ekonomika globali attwali, li naqqset il-pass tal-bidliet fl-użu tal-enerġija u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, ma għandhiex iżżomm lill-Istati Membri milli jagħmlu t-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva, aktar sostenibbli, b'livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi, billi din il-miżura tagħmilhom aktar reżistenti, inqas dipendenti minn importazzjonijiet li dejjem jogħlew fil-prezz u aktar kompetittivi;
6. Jemmen li għandu jsir aktar biex jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni; jistieden lill-Kummissjoni tuża għodod tal-politika eżistenti - jew tiżviluppa għodod ġodda jekk ikun meħtieġ - biex tattribwixxi l-ispejjeż, u biex tiżgura li l-proposti tal-politika ġejjiena jirriflettu s-sejbiet;
7. Jemmen li ekonomija sostenibbli ġdida għall-UE trid tiżgura żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat; jitlob li jkun hemm politika industrijali sostenibbli ambizzjuża, b'enfasi fuq l-effiċjenza tar-riżorsi; jisħaq li l-ekonomija l-ħadra jeħtieġ toffri prospetti għal impjiegi deċenti, li jkunu mħallsa tajjeb, b'attenzjoni fuq il-ħarsien tal-ambjent;
8. Jinsab konvint bis-sħiħ li politka ambjentali bbażata fuq ekonomija tas-suq tista' ssir il-mutur tat-tkabbir u tal-impjiegi fil-fergħat kollha tal-ekonomija, u jenfasizza li kundizzjonijiet ta' qafas li jħajru l-investiment u li jkunu prevedibbli huma l-bażi li se tippermetti li n-negozji innovattivi jagħmlu l-aħjar użu possibbli minn dawn l-opportunitajiet għall-benefiċċju tal-ambjent u tal-impjegati;
9. Jitlob li l-industrija tiġi involuta fl-innovazzjoni ekoloġika, billi l-imprendituri għandhom rwol importanti ħafna fit-tixrid usa' tal-ekoinnovazzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-informazzjoni lill-imprendituri – permezz tad-dimostrazzjoni ta' opportunitajiet ġodda ta' negozju – se tkun kruċjali għas-suċċess ta' strateġija li timmira lejn l-iżvilupp ta' ekonomiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ta' industriji sostenibbli;
10. Jappoġġa l-inizjattiva ewlenija meħuda mill-Kummissjoni taħt l-istrateġija Ewropa 2020 biex it-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli titwettaq issa, biex it-tkabbir ekonomiku jsir inqas dipendenti mill-konsum tar-riżorsi u tal-enerġija u biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jikkawżaw ħsara lill-klima u b'hekk tittieħed azzjoni kontra t-tisħin globali; jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan biex il-kundizzjonijiet tal-qafas legali, l-istrumenti ta' tħeġġiġ li toffri l-ekonomija tas-suq, is-sussidji u l-akkwist pubbliku jkunu allinjati ma' dan l-objettiv; jiddispjaċih, madankollu, li, bl-Istrateġija Ewropea 2020, il-Kummissjoni titlef l-opportunità li tindirizza l-potenzjal ta' suq tax-xogħol ta' ekonomija sostenibbli;
11. Jinnota li, bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-impjegar tal-istrateġija EU 2020 u jintuża l-potenzjal ta' impjiegi ta' ekonomija sostenibbli ġdida u biex tittejjeb is-sostenibilità tal-produzzjoni tal-beni u s-servizzi, hemm il-ħtieġa li jiżdiedu l-effiċjenza enerġetika tal-akkomodazzjoni u tal-kostruzzjoni, is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli, it-teknoloġiji ambjentali, it-trasport sostenibbli u l-mobilità, l-agrikoltura, is-silvikultura u s-sajd sostenibbli u l-pariri permezz ta' servizzi ambjentali, kif ukoll ir-riċiklaġġ, il-proċessi tal-produzzjoni li jużaw ammont baxx ta' riżorsi u ċikli ta' ċirkwiti magħluqa tal-materjali; jinnota li anki s-settur tas-servizzi u s-settur tal-ekonomija soċjali għandhom potenzjal kbir ta' impjiegi ħodor;
12. Jisħaq fuq l-importanza li s-settur pubbliku jagħti l-eżempju, billi jadotta standards progressivi fl-akkwist pubbliku u jipprovdi inċentivi u informazzjoni, speċjalment fl-oqsma tal-enerġija, il-bini tal-infrastruttura u l-faċilitajiet, tat-trasport u l-komunikazzjonijiet, għall-ħolqien ta' impjiegi bi drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, b'mod partikolari fl-akkwist pubbliku prekummerċjali, l-inklużjoni ta' standards ambjentali u soċjali, barra l-promozzjoni ta' klawsoli b'kontenut lokali u impriżi li joperaw f'ekonomija sostenibbli u inklużiva, b'mod speċjali l-SMEs;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki fil-qasam tal-opportunitajiet tax-xogħol meta jittrattaw l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tat-tibdil fil-klima;
14. Jinsab konvint li l-impjiegi sostenibbli ħodor ma għandhomx ikunu sempliċement xi ħaġa miżjuda, imma li n-negozju u s-soċjetà in ġenerali għandhom ikunu organizzati b'mod sostenibbli; huwa konxju li ma hemm l-ebda fergħa tal-ekonomija li tista' tinfired mill-bqija u tissejjaħ “ħarsien ambjentali” jew “industrija ambjentali”, peress li l-attività tal-ħarsien ambjentali hija marbuta ma' bosta setturi tradizzjonali bħall-industriji tal-manifattura, l-industrija tal-kostruzzjoni u l-industriji tas-servizzi; jitlob, għalhekk, li tiġi adotatta, bħala definizzjoni sodisfaċenti, id-definizzjoni tal-ILO, li tgħid li l-impjiegi kollha li jmexxu “l quddiem l-iżvilupp sostenibbli huma impjiegi sostenibbli ħodor; jirrimarka li d-definizzjoni tinkludi, min-naħa l-waħda, impjiegi li b'mod dirett inaqqsu l-konsum tal-enerġija u tar-riżorsi, li jħarsu l-ekosistemi u l-bijodiversità u li jimminimizzaw il-ġenerazzjoni ta' skart u t-tniġġis tal-arja, u min-naħa l-oħra, l-impjiegi kollha li jnaqqsu l-marka ekoloġika; jirrikonoxxi l-fatt li minħabba l-aspett relattiv tad-definizzjoni, mhuwiex possibbli li wieħed jippreċiża l-potenzjal ta' impjiegi b'mod finali;
15. Huwa tal-fehma li hija meħtieġa ħafna aktar riċerka biex jitkejjel l-impatt tal-politiki ambjentali u dawk relatati mat-tibdil fil-klima fuq il-ħolqien nett tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dan il-qasam prijorità fl-ambitu tat-8 Programm ta' Qafas;
16. Jenfasizza li l-postijiet kollha tax-xogħol jinvolvu impenn lejn il-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u li l-mod ta' produzzjoni u ta' ħidma għandu jkun ikkaratterizzat minn użu kemm jista' jkun effiċjenti tar-riżorsi, tal-materjal u tal-enerġija; jenfasizza li dan l-approċċ għandu japplika għall-katina kollha tal-provvista, u li assolutament ma jagħmilx sens li ssir separazzjoni bejn industriji tajbin u ħżiena, iżda l-industriji kollha jistgħu jsiru aktar sostenibbli;
17. Iqis li huwa importanti ħafna li l-qafas Komunitarju l-ġdid ikollu baġit suffiċjenti biex jappoġġa r-riċerka pubblika u jagħmel ir-riżultati tar-riċerka aċċessibbli b'mod sempliċi u mhux burokratiku, sabiex il-kumpaniji kollha, inklużi l-mikro-intrapriżi u l-SMEs, ikunu jistgħu jagħmlu bidliet fir-rigward tal-effiċjenza enerġetika, tal-użu ta' sorsi ġodda ta' enerġija, tal-proċessi ġodda ta' produzzjoni u tar-reċiklaġġ u tal-użu aħjar tar-riżorsi, u sabiex ikunu jistgħu joħolqu impjiegi bi drittijiet;
L-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tal-impjiegi
18. Jitlob li jsir l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea tal-impjiegi għal ekonomija sostenibbli bħala parti mill-istrateġija UE 2020, immirata għall-ottimizzazzjoni tal-potenzjal ta' impjiegi filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lix-xogħol deċenti, lis-saħħa u s-sikurezza tal-impjegati, lir-rekwiżiti ta' ħiliet u lil tranżizzjoni soċjalment ġusta; jenfasizza li ekonomija sostenibbli trid tgħaqqad flimkien is-sostenibilità soċjali, teknoloġika, ekonomika u ekoloġika; jenfasizza li strateġija għall-impjiegi sostenibbli bħal din għandha tkun waħda mill-komponenti ċentrali fil-linji gwida tal-politika tal-impjiegi;
19. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet reġjonali jadottaw strateġiji ta' żvilupp f'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020 bil-għan li jinħolqu impjiegi ġodda f'ekonomija sostenibbli;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi, sal-2011, strateġija li tinkludi miżuri leġiżlattivi u mhumiex sabiex jinkoraġġixxu l-impjiegi ħodor li huma sors ta' tkabbir u prosperità għal kulħadd;
21. Jenfasizza li permezz tas-setgħat ta' innovazzjoni tagħhom, in-negozji Ewropej saru mexxejja dinjija fil-qasam tal-ħarsien ambjentali; huwa mħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-attivitajiet ta' manifattura xorta għadhom qed jiġu rilokat b'mod estensiv mill-UE għal pajjiżi terzi bi standards ambjentali ferm inqas baxxi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra dan il-fenomenu minnufih u b'mod vigoruż billi jaħdmu fuq approċċ dinji u multilaterali li jiżgura li l-kompetizzjoni globali tkuna bbażata fuq rekwiżiti kumparabbli;
22. Jenfasizza li qafas regolatorju stabbli, għat-tul u ambizzjuż huwa prerekwiżit għall-ksib tal-potenzjal sħiħ tal-impjiegi ħodor; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiddeċiedu standards ambjentali u inċentivi finanzjarji li joħolqu kondizzjonijiet ta' qafas affidabbli għal mill-inqas għaxar snin, u b'hekk tinħoloq ċertezza legali u tal-ippjanar; jiddomanda li l-istrumenti finanzjarji eżistenti għandhom jiġu utilizzati biex tiġi promossa s-sostenibilità u li t-tiżjid fis-sostenibilità tal-attività ekonomika u tal-produzzjoni għandu jiddaħħal fil-prospettiva finanzjarja ta' diversi fondi, inklużi l-Fondi Strutturali u l-Fondi ta' Koeżjoni, bħala wieħed mill-objettivi promossi;
23. Jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tal-kunċett ta' żvilupp urban integrat u li l-iżvilupp mill-ġdid ta' żoni urbani żvantaġġati jista' jassumi rwol mill-aktar prominenti; iqis li prerekwiżit għal dan ikun qafas ta' politika ċar, inkluża ż-żamma tal-promozzjoni td-dimensjoni urbana fil-Fondi Strutturali;
24. Jinnota l-ħtieġa li hemm ta' finanzjament fi ħdan programmi eżistenti biex isiru studji mmirati fir-reġjuni l-aktar żvantaġġati tal-UE, sabiex jiġu ffissati objettivi strateġiċi u jiġi stabbilit liema tip ta' miżuri huma meħtieġa biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp ta' ekonomiji lokali sostenibbli, bl-objettivi speċifiċi li jinħolqu impjiegi ħodor ġodda u miżuri integrati biex jinġibdu kumpaniji ħodor ġodda u jiġu appoġġati dawk li diġà jeżistu;
25. Jenfasizza li investiment immirat għat-trasformazzjoni ekoloġika tar-reġjuni żvantaġġati tal-UE huwa wieħed mill-aktar strumenti utli biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-konverġenza reġjonali u territorjali;
26. Jisħaq fuq l-importanza tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għar-raggruppamenti reġjonali billi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-infrastruttura jinġemgħu flimkien lokalment fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda, bħalma huma l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika; ikompli jenfasizza li, speċjalment f'żoni urbani, l-awtoritajiet reġjonali u lokali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni u huma l-iktar kapaċi biex joħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp ta' ragruppamenti ta' azjendi innovattivi; jinnota li raggruppament ta' dan it-tip jista' jaġixxi bħala xprun deċiżiv għall-iżvilupp ekonomiku lokali u jaf joħloq impjiegi ġodda fir-reġjuni;
27. Jagħraf il-fatt li l-iskemi ta' finanzjament tal-UE, u dawk nazzjonali u reġjonali għadhom mhumiex ikkoordinati, u għalhekk jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koordinament aħjar f'diversi livelli bejn il-programmi u l-appoġġ għal aktar sinerġija bejn il-politiki komuni differenti bl-użu tal-fondi strutturali, agrikoli u tal-iżvilupp rurali, il-programm qafas għar-riċerka u l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li għandu jitfassal għal ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jemmen, rigward il-finanzjament taħt il-Politika Agrikola Komuni, li għandu jingħata aktar qies lil bidla akbar minn mekkaniżmi ta' appoġġ dirett għall-iżvilupp rurali u l-iżvilupp ta' agrikoltura ambjentalment sostenibbli;
28. Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni u l-Istati Membri japprofittaw ruħhom mis-suċċess tal-Fond għar-Rikostruzzjoni u jistabbilixxu inizjattiva Komunitarja ġdida, li tkun tinkludi proġetti pilota, għar-rikostruzzjoni lejn ekonomija sostenibbli ġdida;
29. Jinnota li l-paragrafu 8 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 Ottubru 2009 jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni urġenti settur b'settur tas-sussidji li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent u li huma inkompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fuq dawk il-konklużjonijiet minnufih, billi teżamina l-mezzi kif tista' tqassam dawk is-sussidji fil-baġit b'appoġġ għal attivitajiet ġodda relatati mal-ekonomija sostenibbli;
30. Jitlob sistemi ta' ffinanzjar effiċjenti u inċentivi fiskali biex jgħinu lill-SMEs jimxu lejn politiki tal-impjieg ekoloġiċi u jiżguraw produzzjoni u innovazzjonijiet ekoloġiċi;
31. Hu tal-fehma li l-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi ġodda f'oqsma bħall-arja, l-ħamrija, l-enerġija, is-servizzi pubbliċi, l-agrikoltura, it-trasport u l-ġestjoni ambjentali; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw leġiżlazzjoni tal-UE li jistgħu jwasslu għal investiment ġdid fit-teknoloġiji li jagħmlux ħsara lill-ambjent u l-impjiegi;
32. Ifakkar li l-kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi sehem kbir mis-suq u jista' jipprovdi inċentivi sinifikanti biex l-ekonomija issir aktar ħadra; jitlob, għalhekk, li l-kuntratti pubbliċi kollha jkunu jesiġu standards ambjentali għoljin;
33. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jantiċipaw il-bidla, jiġifieri li jegħlbu n-nuqqasijiet fir-rigward tal-informazzjoni u l-inċertezzi u jrawmu l-għarfien, il-proċessi tat-tagħlim soċjali u t-tibdil fl-użanzi tal-konsum; jistqarr li jeħtieġ li jkun hemm inċentivi biex il-kumpaniji jinvestu iżjed f'teknoloġiji nodfa u li l-ħaddiema huma aktar lesti li jiffaċċjaw il-bidla jekk il-bidliet iwasslu għal aktar opportunitajiet tax-xogħol u tkun ipprovduta xibka ta' sikurezza għall-impjegati;
34. Jenfasizza li l-ħtieġa li jiġi żviluppat il-potenzjal għal impjiegi ta' kwalità li toffri ekonomija sostenibbli ġdida tfisser li l-innovazzjoni trid tkun iffokata fuq is-sejbien ta' soluzzjonijiet għall-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja s-soċjetà, inklużi l-qgħad u l-faqar, it-tibdil fil-klima, il-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-iskarsezza tar-riżorsi; jiġbed l-attenzjoni għar-rilevanza ta' politiki industrijali u ta' riċerka bbażati fuq innovazzjoni miftuħa u r-raggruppamenti, għall-promozzjoni tal-ġabra ta' tagħlim minn operaturi ekonomiċi pubbliċi u privati differenti u għall-istimolu tal-innovazzjoni; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Pjattaforma Teknoloġika Ewropea għall-industriji li ma jużawx ħafna riżorsi;
35. Jirrakkomanda li, kemm-il darba Stat Membru jiddeċiedi li jissussidja, pereżempju, iż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ, tal-bijoenerġija u tal-enerġija solari, il-livell ta' sussidji għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni xjentifika ta' data empirika u li s-sussidji għandhom jipprovdu perspettivi ta' investiment u sigurtà raġonevoli lill-investituri possibbli u jitlob li jitiqesu bir-reqqa fatturi bħaż-żieda ta' impjiegi netti maħluqa permezz tas-sussidji, il-prezz tal-enerġija, l-influwenza netta fuq l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u pollutanti oħra, u b'hekk jimmira li tiġi ottimizzata ż-żieda fis-sostenibilità;
36. Jinnota li ma hemm l-ebda fehim uniformi dwar liema għażliet teknoloġiċi huma l-iżjed sostenibbli f'sens ambjentali, ekonomiku u soċjali fis-sitwazzjoni kompetittiva globali; jinnota li għandhom jitqiesu ħafna fatturi varjabbli meta titqabbel is-sostenibbiltà, pereżempju, tal-produzzjoni tal-enerġija permezz tal-użu ta' mtieħen, tal-pannelli solari PVm'iniex ċert minnha. , tal-ħruq tal-faħam bil-qbid u l-ħażna tal-karbonju, tar-reatturi nukleari jew permezz ta' xi teknoloġiji oħrajn; għalhekk jitlob li jsir iżjed studju xjentifiku dwar is-suġġett billi jitqabblu ċikli sħaħ ta' ħajja tal-produzzjoni, u jitlob li l-proċessi kollha tal-produzzjoni jsiru aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;
Il-potenzjal ta' impjiegi għan-nisa u l-irġiel fl-ekonomija sostenibbli l-ġdida
37. Jenfasizza li huwa biss billi tiżdied il-parteċipazzjoni femminili fis-suq tax-xogħol Ewropew li nistgħu nutilizzaw għalkollox il-potenzjal tat-tkabbir u l-potenzjal tal-impjiegi fl-ekonomija l-ġdida, peress li t-tnaqqis tad-distakk bejn ir-rati tal-irġiel u n-nisa impjegati kien ir-raġuni għal nofs iż-żieda fir-rata globali tal-impjiegi fl-Ewropa u għal kwart tat-tkabbir ekonomiku annwali mill-1995 “il hawn, u peress li dan huwa prerekwiżit biex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli u biex jiġu ssodisfati d-domandi tat-trasformazzjoni ekoloġika f'soċjetà li qiegħda tixjieħ;
38. Jitlob li jkun hemm inizjattiva tal-UE biex jiżdied l-għarfien fost dawk li jimpjegaw, speċjalment fis-setturi li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel, tal-bżonn u l-benefiċċji ta' forza tax-xogħol aktar varjata f'soċjetà li qed tixjieħ u biex toffrilhom l-għodda li biha jitħejjew għal aktar diversità;
39. Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u jmexxu “l quddiem l-ugwaljanza bejn is-sessi f'ekonomija sostenibbli, joħolqu ambjenti tax-xogħol li jiġbdu lin-nisa lejn dawn is-setturi u jżommuhom fihom, jippromwovu bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol permezz ta' kura tat-tfal adegwata u ta' kwalità għolja u arranġamenti fuq il-post tax-xogħol li jkunu adattabbli u li jirrispettaw lill-familja, joħolqu opportunitajiet kif ukoll kundizzjonijiet li taħthom kemm l-irġiel u kemm in-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol fuq termini ugwali, jippromwovu l-parteċipazzjoni femminili f'korpi rappreżentattivi li huma ddominati mill-irġiel, inaqqsu s-segmentazzjoni tal-impjiegi abbażi tas-sess u d-differenzi fil-pagi;
40. Jirrimarka li l-investiment fl-infrastruttura soċjali jagħti l-opportunità biex l-Ewropa tiġi mmodernizzata u biex tiġi promossa l-ugwaljanza, u jista' jitqies bħala strateġija parallela għall-immodernizzar tal-infrastruttura fiżika permezz tal-investiment fit-teknoloġiji ekoloġiċi; jikkunsidra li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha għalhekk tkun prijorità politika u għodda essenzjali;
41. Jenfasizza li huwa essenzjali li jsir sforz immirat biex jiġi żgurat l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni fil-livelli kollha billi jiġu miġġielda l-isterjotipi sessisti, u biex jiġi pprovdut it-tagħlim tul il-ħajja biex tiġi eliminata s-segregazzjoni sesswali fis-suq tax-xogħol; jitlob li jingħata taħriġ adegwat biex jiġi evitat li jkun hemm sottorappreżentanza ta' ħaddiema nisa fl-impjiegi ekoloġiċi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li jekk in-nisa jagħżlu b'mod massiv li ma jiħdux sehem fix-xjenza u t-teknoloġija, it-tkabbir u s-sostenibilità fl-Ewropa jixxekklu u ħafna tfajliet ta' talent u kkwalifikati jitħallew fil-periferija tal-impjiegi u taċ-ċertezza ekonomika;
42. Jitlob li jkun hemm inizjattiva speċifika tal-UE biex il-bniet jiġu attratti lejn il-professjonijiet marbuta mal-matematika, l-informatika, ix-xjenzi naturali u t-teknoloġija u biex jiġu miġġielda l-isterjotipi li għadhom jiddominaw dawn il-professjonijiet; jisħaq fuq il-fatt li r-rwol tal-midja u l-edukazzjoni hu fundamentali fil-ġlieda kontra sterjotipi ta' din ix-xorta;
43. Jisħaq fuq il-fatt li t-tfajliet, fit-tranżizzjoni bejn l-iskola u x-xogħol, għandhom jiġu ggwidati lejn l-apprendistati, fejn mhumiex rappreżentati biżżejjed, u dan għandu jiġi promoss permezz ta' ppjanar konġunt bejn l-iskejjel, l-universitajiet, l-aġenziji ta' taħriġ u/jew id-ditti ta' taħriġ, sabiex jiksbu ħiliet u kapaċitajiet speċifiċi – anke fil-livelli avvanzati u speċjalizzati – permezz tal-esperjenza tax-xogħol u billi jaħdmu fuq bażi regolari, minflok fuq bażi prekarja, u bil-prospettiva ta' sodisfazzjon;
44. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità ogħla lill-impjiegi ekoloġiċi għan-nisa fil-kuntest tal-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), filwaqt li jitqies il-fatt li l-FSE jiffinanzja proġetti ta' taħriġ f'oqsma bħall-enerġija li tiġġedded u l-ekoturiżmu; jenfasizza li huma meħtieġa sforzi akbar biex tiżdied ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa fi proġetti appoġġati mill-FSE, li bħalissa hija ta' inqas minn 10 %; jitlob li jiġi introdott l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fil-FSE kif ukoll fil-pjanijiet ta' rkupru u l-programmi għall-aġġustament strutturali sabiex jiġi żgurat li l-programmi ta' dan it-tip jiġbdu u jintegraw lin-nisa bl-istess mod;
45. Jenfasizza li t-tranżizzjoni għal ekonomija ġdida ma għandhiex tintuża bħala skuża biex jitnaqqsu diversi miżuri ta' opportunitajiet indaqs iżda minflok għandha titqies bħala opportunità unika biex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tal-UE, peress li din hija prekondizzjoni biex jiġu żgurati t-tkabbir sostenibbli, l-aqwa żvilupp tal-potenzjal tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-kompetittività;
Xogħol deċenti
46. Jistieden lill-Kummissjoni biex, minbarra l-potenzjal ta' impjiegi għall-persunal bi kwalifiki għolja, tagħti attenzjoni speċjali lill-ħafna impjiegi li hemm fil-livell ta' kwalifiki medju u dak aktar baxx fl-ekonomija sostenibbli, kif ukoll lill-ħaddiema mingħajr sengħa imma li jkunu speċjalizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu dan il-fatt b'mod partikulari fil-Linji Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-istatus tal-impjiegi li jinsabu fil-livell ta' taħriġ medju u dak baxx u jiżguraw Xogħol Deċenti f'dawk l-impjiegi;
47. Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lix-xogħol deċenti, lill-ħtiġiet tal-ħiliet u lil tranżizzjoni soċjalment ġusta; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw li l-istrateġija għall-impjiegi għall-ekonomija sostenibbli tkun ta' ġid għal kulħadd fl-UE kollha; jenfasizza l-ħtieġa li din l-istrateġija tiġi integrata fit-tipi kollha ta' impjiegi, kemm f'dawk ta' ħiliet għolja, kemm f'dawk ta' ħiliet medji u kemm f'dawk ta' ħiliet baxxi; jitlob li jiżdiedu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni u riċerka u żvilupp; jitlob, barra minn hekk, li fil-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi u fil-programm tal-Kummissjoni “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”, l-attenzjoni tkun iffukata b'mod partikolari fuq persuni li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, dawk l-aktar vulnerabbli, speċjalment il-persuni b'diżabilità u l-ħaddiema bl-aktar ħiliet baxxi, kif ukoll fuq il-ħarsien ta' dawn il-persuni;
48. Huwa tal-fehma li l-politika tax-xogħol għandha rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u għalhekk jitlob, fi qbil mal-programm “Xogħol Deċenti” tal-ILO, kundizzjonijiet tax-xogħol kwalitattivament tajbin u salarji li mhux biss jiżguraw għajxien diċenti iżda wkoll jiggarantixxu sehem xieraq tal-PGD;
49. Jinnota li, minħabba li f'xi setturi ġodda spiss ikun hemm livell aktar baxx ta' organizzazzjoni tal-impjegati u ta' dawk li jħaddmu, hemm ir-riskju ta' relazzjonijiet prekarji tal-impjieg u kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex joħolqu kundizzjonijiet ta' qafas biex fis-setturi l-ġodda jkunu jistgħu jiġu stabbiliti korpi rappreżentattivi; jistieden lis-sħab soċjali biex jorganizzaw ruħhom u jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi madwar l-UE kollha l-iskambju tal-eżempji tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari dwar it-tisħiħ tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema u l-istabbiliment tal-Kunsilli tal-Intrapriżi Ewropej;
50. Jinnota li jeħtieġ isiru aktar sforzi biex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni effikaċi min-naħa tal-UE tar-rekwiżiti minimi għall-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol rigward is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema;
51. Jistieden lill-Istati Membri, b'koperazzjoni mas-sħab soċjali, sabiex ifasslu pjanijiet integrati għall-valutazzjoni ta' operazzjonijiet ta' trasformazzjoni ekoloġika kemm fuq livell lokali u kemm fuq livell nazzjonali; jistieden lis-sħab soċjali jimmoniterjaw il-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-istrateġija ta' żvilupp sostenibbli, billi jipproponu u mbagħad jadottaw politiki biex jirrinfurzaw il-parteċipazzjoni effettiva fir-rigward tal-mobilità sostenibbli għall-ħaddiema u għat-tkabbir aħdar;
52. Jistieden lis-sħab soċjali biex jinfetħu lejn is-setturi l-ġodda u jiżviluppaw strateġiji favur l-integrazzjoni ta' assoċjazzjonijiet settorjali fis-sħubija soċjali;
53. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jorbtu s-sussidji pubbliċi, kif ukoll l-akkwist pubbliku, aktar mill-qrib ma' standards soċjali minimi fil-livell ta' Stat Membru u biex javvanzaw il-ħolqien ta' korpi rappreżentattivi tas-sħab soċjali;
54. Jirrimarka li t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għall-impjegati milquta mill-bidliet fil-proċessi tal-produzzjoni tal-kumpanija jew tal-industrija tagħhom ukoll jista' joħloq impjiegi ġodda; jistieden lill-UE biex tiżviluppa qafas għall-antiċipazzjoni tal-bidla u għall-istrutturar mill-ġdid, b'mod partikolari tal-produzzjoni, li jkun jipprovdi d-dritt lill-ħaddiema affettwati kollha li jipparteċipaw fi skemi ta' taħriġ u ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri, lil min iħaddem u lill-impjegati biex jagħrfu bħala responsabilità konġunta l-ġestjoni tal-ħiliet, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, bħalma ġie rrikonoxxut fil-ftehim ta' qafas tas-sħab soċjali tal-2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora d-disa' kompetenza ewlenija dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli - li huwa essenzjali f'soċjetà ta' għarfien - fil-qafas ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jinkorporaw il-kunċett tas-sostenibiltà fit-taħriġ bażiku, fl-edukazzjoni u fit-tagħlim;
55. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jittrattaw b'mod effettiv l-effetti negattivi tar-ristrutturar, kemm fl-ekonomija lokali u kemm fl-impjiegi; Jenfasizza l-ħtieġa tat-tixrid ta' linji gwida dwar il-ġestjoni tal-bidla u l-konsegwenzi soċjali tagħha;
Niffaċċjaw ir-rekwiżiti ta' ħiliet
56. Jirrimarka li l-Istati Membri jridu jadattaw is-sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni tagħhom u jfasslu u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni b'miri partikolari biex iżommu lill-ħaddiema fis-setturi li se jiġu affettwati mit-trasformazzjoni tal-ekonomiji lokali għal ekonomija sostenibbli ġdida, biex ikun żgurat li jkollhom aċċess għal impjiegi sostenibbli ħodor ġodda, biex ikun żgurat li dawk kollha li jaħdmu jkunu jistgħu jaġġustaw il-ħiliet tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ta' ekonomija aktar sostenibbli msejsa fuq kunċetti ta' taħriġ ibbażati fuq il-kompetenzi; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-Kummissjoni “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” u jagħraf il-koperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE bħala l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba; jirrimarka, madankollu, li din l-inizjattiva għandha tkun marbuta iżjed mill-qrib mal-għanijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iżvilupp sostenibbli u żviluppata aktar ma' miżuri tanġibbli kemm fuq il-livell tal-UE u kemm fl-Istati Membri tal-UE;
57. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-metodu miftuħ ta' koperazzjoni u l-iskambji tal-aħjar prattika fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, tal-impjiegi ħodor u tat-tagħlim tul il-ħajja, sabiex tiġi żgurata ġestjoni effettiva u ta' suċċes tat-trasformazzjoni tal-ekonomija u, b'estensjoni ta' dan, tal-ħtiġiet il-ġodda ta' taħriġ u tal-konsegwenzi soċjali negattivi li jirriżultaw minn din it-tip ta' tranżizzjoni;
58. Jistieden lill-Istati Membri biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tal-età u biex jadattaw il-possibilitajiet ta' taħriġ u l-istrateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja għall-bżonnijiet tal-impjegati l-iżjed anzjani sabiex ikunu żgurati rati għoljin ta' parteċipazzjoni anki fost il-ħaddiema li għandhom “il fuq minn 55 sena, inklużi n-nisa li għandhom ”il fuq minn 55 sena;
59. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jadottaw politiki dettaljati dwar l-innovazzjoni u l-kreattività, b'mod partikulari dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, bħala bażi għal ekonomija ħadra, għall-kompetittività u għall-prosperità;
60. Jinnota li fi żminijiet ta' kriżi, huwa essenzjali li ż-żgħażagħ jinġibdu lejn it-tip il-ġdid ta' impjiegi ħodor u li jkun żgurat li l-programmi tal-ħiliet jippromwovu l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, ħalli ż-żgħażagħ ikunu jistgħu japprofittaw ruħhom mill-potenzjal ta' impjiegi, sabiex tiġi miġġielda r-rata għolja tal-qgħad fost iċ-ċittadini ta' taħt il-25 sena u sabiex isir kapital mill-ħiliet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fl-użu ta' teknoloġiji ġodda; jiddispjaċih li l-inizjattiva ewlenija tal-UE 2020 “Żgħażagħ Mobbli” teskludi liż-żgħażagħ li mhumiex involuti fl-edukazzjoni superjuri; jenfasizza li, sabiex issir bidla reali, jeħtieġ li din tiffoka fuq dawk iż-żgħażagħ li bħalissa għandhom l-inqas opportunitajiet u li jinsabu fir-riskju tal-faqar;
61. Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu, f'koperazzjoni mas-sħab soċjali, u jimplimentaw programmi ta' gwida vokazzjonali għaż-żgħażagħ f'dixxiplini xjentifiċi u teknoloġiċi sabiex jippromwovu l-iżvilupp ta' ekonomija vijabbli u sostenibbli, u miżuri ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet ekoloġiċi u ambjentali, kemm permezz tas-sistema tal-edukazzjoni formali u kemm fil-qafas tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;
62. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem aktar mill-qrib mal-Istati Membri biex isiru previżjonijiet għal żmien medju u fit-tul dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u biex jinkoraġġixxu s-sħubijiet bejn l-universitajiet u s-settur tan-negozju biex titjieb it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol filwaqt li jgħinu fil-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq it-tagħlim, l-iżvilupp tar-riċerka applikata u l-ħolqien ta' prospetti ta' xogħol aħjar għall-gradwati;
63. Jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lis-sħab soċjali biex jistabbilixxu miri biex tintlaħaq il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel, biex jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni, taħriġ, skemi ta' reklutaġġ b'miri speċifiċi, apprendistati speċjalizzati u inizjattivi ta' taħriġ għan-nisa, għall-migranti, għal dawk li ilhom bla xogħol u għal gruppi oħra li jiffaċċaw diskriminazzjoni kontrihom mis-suq tal-impjiegi;
64. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jimplimentaw l-objettivi Ewropej, biex jippromwovu ħiliet ġodda, inkluż għal impjiegi “ħodor” sostenibbli ġodda ta' kwalità għolja;
65. Jistieden lill-partijiet interessati responsabbli biex jimmonitorjaw l-impjiegi bil-għan li t-taħriġ vokazzjonali bażiku u t-tagħlim tul il-ħajja jkunu jistgħu jsiru aktar relevanti; jistieden f'dan il-kuntest lill-Istati Membri biex jivvalutaw il-fattibilità tal-Fondi ta' Tranżizzjoni biex jiġu mmaniġġjati l-ħtiġijiet f'dak li jirrigwarda l-ħiliet;
66. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex il-promozzjoni tal-adattabilità għal ekonomija sostenibbli jagħmluha wieħed mill-objettivi tal-Fond Soċjali Ewropew, bil-għan li jikkontribwixxu għaż-żieda fis-sostenibilità tal-attivitajiet ekonomiċi u l-iżvilupp tal-infrastruttura;
67. Ifakkar li d-dimensjoni tas-sostenibilità m'għandhiex tkun ristretta għat-taħriġ f'xogħlijiet relatati mal-ambjent, iżda trid tkun inkorporata fil-programmi kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ bil-għan li tiġi promossa kultura ta' żvilupp sostenibbli u ta' għarfien ambjentali;
68. Jenfasizza l-valur miżjud tat-tagħlim tul il-ħajja u jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu eżerċizzju dettaljat tat-tfassil ta' stampa tal-potenzjali lokali sabiex jorganizzaw taħriġ immexxi mid-domanda li jqabbel ir-riżorsi disponibbli mal-bżonnijiet attwali u biex jerġgħu jistabbilixxu l-prestiġju tal-edukazzjoni sekondarja vokazzjonali billi jipprovdu edukazzjoni ta' standard għoli, b'mod partikolari f'reġjuni fejn il-potenzjal lokali u l-oqsma ta' xogħol tradizzjonali jkunu jeħtieġu li jiġu żviluppati għalkollox il-ħiliet u l-għarfien speċjali; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Istati Membri biżżejjed appoġġ tekniku dwar kif ifasslu stampa tal-bżonnijiet lokali u jinnota li l-iskejjel sekondarji vokazzjonali ta' standard għoli jistgħu jikkontribwixxu biex jonqos il-qgħad tal-gradwati u jwasslu għal impjiegi sostenibbli;
69. Jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jużaw il-Fond Soċjali Ewropew biex jinvestu f'attivitajiet ta' ħiliet, impjiegi, taħriġ u taħriġ mill-ġdid bil-għan li jkattru u jtejbu l-impjiegi permezz ta' proġetti nazzjonali, reġjonali u lokali; jemmen li l-esperjenza professjonali ta' nies aktar anzjani tista' wkoll tagħti kontribut għal dawn l-inizjattivi, fid-dawl tal-proporzjon dejjem jikber ta' nies aktar anzjani fil-popolazzjoni tal-UE; jirrakkomanda li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandu jkollhom kuntatti xierqa u permanenti mal-ambjent tan-negozju, mal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, it-trejdunjins u l-NGOs bil-għan li jipproġettaw il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fiż-żmien medju u fit-tul;
70. Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-edukazzjoni, li ssawwar il-bażi għall-ksib ta' aktar kompetenzi orjentati lejn il-futur, inkluż permezz tal-edukazzjoni tul il-ħajja u t-taħriġ mill-ġdid; jinnota li l-kundizzjonijiet ġenerali li jiggvernaw l-edukazzjoni u t-taħriġ ulterjuri taż-żgħażagħ, inklużi dawk li jħallu l-iskola bla kwalifiki, f'bosta pajjjiżi huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; għaldaqstant iħeġġeġ lir-reġjuni biex jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali għall-infrastruttura edukattiva, speċjalment f'żoni u reġjuni urbani żvantaġġati u biex jagħmluha possibbli li jkun hemm edukazzjoni komprensiva u inklużiva fl-iskejjel bl-użu ta' dan l-appoġġ; jinnota l-potenzjal sinifikanti (edukattiv u ta' taħriġ) offrut mill-ħolqien u ż-żamma ta' rabtiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u azjendi u assoċjazzjonijiet, f'dak li jirrigwarda l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fl-oqsma tat-trasport lokali, il-mobbiltà urbana, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-enfasi fuq l-opportunitajiet indaqs;
71. Jinnota l-ħtieġa li jkun hemm koperazzjoni bejn l-Istati Membri, is-sħab soċjali u l-fornituri tal-edukazzjoni terzjarja bil-għan li jiġu stabbiliti korsijiet ta' qabel u wara l-lawrja u li jinħolqu oqsma ta' suġġetti maħsuba għat-trasformazzjoni ekoloġika tal-ekonomiji;
72. Hu tal-fehma li l-isfidi demografiċi jeħtieġu strateġija aktar wiesgħa li tgħaqqad il-ħolqien tal-impjiegi mal-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tas-suq tax-xogħol Ewropew; iqis li f'dan ir-rigward, għandu jsir aktar progress biex titjieb il-mobilità tal-ħaddiema tal-UE, fosthom ir-riċerkaturi u professjonisti oħrajn, bil-ħsieb li naslu għal Ewropa mingħajr ostakli fis-suq intern tal-UE;
Tranżizzjoni soċjalment ġusta
73. Jinnota li ż-żieda tas-sostenibilità tal-attivitajiet ekonomiċi jista' jinvolvi bidliet f'setturi industrijali sħaħ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex fil-bidla lejn ekonomija sostenibbli jieħdu ħsieb jevitaw is-sagrifiċċji soċjali u biex jaħdmu lejn kondizzjonijiet ta' qafas għal trasformazzjoni soċjalment ġusta li timminimizza r-riskji tal-bidla u tottimizza l-benefiċċji għall-impjegati kollha; jenfasizza li trasformazzjoni li tkun soċjalment ġusta hija element bażiku tal-iżvilupp sostenibbli u prerekwiżit essenzjali jekk tabilħaqq irridu li n-nies fl-Ewropa jappoġġaw it-trasformazzjoni;
74. Jenfasizza li l-ispejjeż li jitnisslu mill-assenza ta' ġestjoni tat-trasformazzjoni jistgħu jisbqu bil-kbir l-investimenti antiċipatorji; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex flimkien jassumu r-responsabilità għal ġestjoni preventiva tat-trasformazzjoni;
75. Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija sostenibbli tiġi integrata fil-qafas tar-responsabbilità korporattiva soċjali u ambjentaliM'iniex ċert jekk fhimtx is-sens., u l-possibilità tal-promozzjoni ta' kultura ta' żvilupp sostenibbli u ta' ekonomija sostenibbli permezz ta' programmi ta' taħriġ fil-kuntest tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;
76. Ifakkar li l-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji biex il-ħaddiema jidħlu għal taħriġ ulterjuri u jadattaw ruħhom għal teknoloġiji ġodda, ħalli jiġi evitat it-telf ta' impjiegi, u l-promozzjoni u l-appoġġ ta' ftehimiet kollettivi għall-antiċipazzjoni tal-bidla u l-iskansament tal-qgħad, flimkien mat-tisħiħ tas-sigurtà soċjali, sistemi ta' appoġġ għad-dħul u inizjattivi proattivi ta' taħriġ settorjali, jikkostitwixxu miżuri preventivi kruċjali;
77. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tal-livell tal-UE għar-riċerka fil-karrieri tal-ġejjieni sabiex tevita s-sensji u żżomm l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea;
78. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib u effettiva u kumplementarjetà bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u jistieden lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tieħu azzjoni dwar id-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tal-investiment u l-kummerċ;
79. Jirrikonoxxi li l-NGOs u l-għaqdiet tal-ħaddiema għandhom sehem importanti fl-iżvilupp tal-potenzjal ta' impjiegi ħodor, fir-rigward tal-kontribut tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bħala impjegaturi u fis-sensibilizzazzjoni pubblika;
80. Jirrimarka li dawk l-organizzazzjonijiet li jinvestu fi prattiki ekoeffiċjenti se jgħinu biex jinħoloq ambjent tax-xogħol aħjar għall-persunal u għall-impjegati, u jista' konsegwentement ikunu aktar produttivi; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-Iskema Ewropea għall-Ekoġestjoni u l-Verifika (EMAS) u biex jinkoraġġixxu lis-setturi ekonomiċi kollha ħalli jirsistu biex jiksbu r-reġistrazzjoni fl-EMAS; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jinkludu kwistjonijiet ambjentali essenzjali fid-djalogu soċjali, fil-livelli kollha tal-konsultazzjoni, b'enfasi fuq in-negozjati settorjali; jenfasizza li, sabiex tranżizzjoni tkun soċjalment ġusta, il-ħaddiema jrid ikollhom rwol b'sehem effettiv fi ħdan sħubija tul dan il-proċess; jitlob li jkun hemm l-involviment tar-rappreżentanti tal-impjegati liema rappreżentanti huma inkarigati mit-tħaddir tal-post tax-xogħol, kif iddefinit mill-ILO, skont prattiki nazzjonali bil-għan li l-postijiet tax-xogħol, il-kumpaniji u l-industriji jsiru aktar sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jikkooperaw b'mod strutturat mal-partijiet interessati u l-esperti tal-qasam ambjentali, biex jagħmlu użu mill-pariri tagħhom fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni;
81. Jistieden lill-UE, bl-assistenza tas-sħab soċjali, biex tibda djalogu sistematiku fir-relazzjonijiet esterni tagħha, bil-ħsieb li tadotta approċċ simili għall-iżvilupp sostenibbli f'partijiet oħra tad-dinja, sabiex tassigura li jkun hemm l-istess kundizzjonijiet ta' żvilupp u tiżgura li l-kompetittività industrijali ma tkunx f'riskju; iqis li l-iżgurar ta' kompetizzjoni ġusta fis-setturi tal-manifattura sostenibbli se jkollu effett pożittiv f'dak li hu titjib fil-protezzjoni u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema;
82. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-iżvilupp ta' impjiegi ħodor f'ekonomija sostenibbli;
o o o
83. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.
Dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummisjsoni bl-isem “Regions 2020 – An Assessment of Future Challenges for EU Regions”, Novembru 2008, disponibbli bl-Ingliż fl-indirizz:http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/working/regions2020/pdf/regions2020_en.pdf.