Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0236/2010

Testi mressqa :

A7-0236/2010

Dibattiti :

PV 06/09/2010 - 20
CRE 06/09/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2010 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0303

Testi adottati
PDF 242kWORD 80k
It-Tlieta, 7 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
Il-finanzjament u l-funzjonament tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
P7_TA(2010)0303A7-0236/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar il-finanzjament u l-funzjonament tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2010/2072(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1)(IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament FEAG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-proposti għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba, adottati mit-23 ta' Ottubru 2007 sal-lum(4),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-2 ta' Lulju 2008 (COM(2008)0421) u tat-28 ta' Lulju 2009 (COM(2009)0394) dwar l-attivitajiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fl-2007 u l-2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0236/2010),

A.  billi, sabiex jittaffew il-konsegwenzi negattivi tal-globalizzazzjoni għall-ħaddiema milquta minn sensji kollettivi u sabiex turi s-solidarjetà tagħha ma' dawn il-ħaddiema, kif ukoll biex iżżidilhom l-impjieg mill-ġdid, l-Unjoni Ewropea ħolqot Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn “il quddiem ”FEAG“) biex jingħata appoġġ finanzjarju għall-programmi personalizzati għall-inseriment mill-ġdid ta' ħaddiema li sfaw qiegħda fid-dinja tax-xogħol; billi l-FEAG għandu għad-dispożizzjoni tiegħu ammont massimu ta' EUR 500 miljun kull sena, li jiġu kemm mill-marġini eżistenti taħt il-limitu massimu globali tal-ispejjeż tas-sena ta' qabel u kemm mill-approprjazzjonijiet ta' impenn imħassrin waqt is-sentejn finanzjarji ta' qabel, bl-eċċezzjoni ta' dawk relatati mal-Intestatura 1b tal-Qafas Finanzjarju; billi l-FEAG ġie stabbilit bħala strument speċifiku ta' appoġġ li kien maħsub biex jirreaġixxi b'aktar ħeffa u effikaċja bil-għan tar-reintegrazzjoni tal-ħaddiema affettwati mit-telf tal-postijiet tax-xogħol tagħhom minħabba bidliet fix-xejriet tal-kummerċ dinji,

B.  billi, b'reazzjoni għaż-żieda fil-qgħad li rriżultat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u biex jittieħdu tagħlimiet mill-esperjenza miksuba fl-2007 u fl-2008, l-Unjoni Ewropea emendat ir-regoli dwar l-użu tal-FEAG f'Ġunju 2009; billi dik l-emenda kkonċernat l-applikazzjonijiet kollha li għandhom jitressqu qabel il-31 ta' Diċembru 2011 u kellha l-effett li wessgħet il-kamp ta' applikazzjoni tal-FEAG, illaxkat u ċċarat il-kriterji ta' intervent, żiedet ir-rati ta' kofinanzjament u tawlet il-perjodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jużaw il-kontribuzzjonijiet finanzjarji provduti,

C.  billi analiżi tal-fondi mobilizzati taħt il-FEAG bejn l-2007 u tmiem l-ewwel nofs tal-2009 tikxef implimentazzjoni modesta tar-riżorsi allokati, bil-mobilizzazzjoni ta' EUR 80 miljun biss mill-EUR 1.5 biljun li fit-teorija kienu disponibbli, għal 18-il applikazzjoni mressqa għall-benefiċċju ta' 24 431 ħaddiem minn tmien Stati Membri għal numru limitat ħafna ta' setturi (partikolarment l-industriji tat-tessuti u tal-karozzi); billi dawn in-nuqqasijiet jidhru wkoll fid-differenzi enormi nnotati bejn l-ammonti inizjalment allokati u dawk finalment implimentati, peress li fil-każ tal-ewwel 11-il applikazzjoni, ġew rimborżati sussegwentement EUR 24.8 miljun (39,4 % tal-approprjazzjonijiet mobilizzati),

D.  billi, minkejja li l-operazzjonijiet tal-FAEG skont ir-regolament rivedut għadhom ma jistgħux jiġu vvalutati minħabba l-fatt li l-applikazzjonijiet imressqa minn Mejju 2009 “l hawn għad trid tittieħed deċiżjoni dwarhom jew għad trid tittieħed azzjoni fuqhom, diġà jista” jingħad li hemm żieda fl-għadd ta' applikazzjonijiet għall-appoġġ mill-FAEG, u dan jikkonferma l-pertinenza tat-tibdiliet li saru; billi, bejn Mejju 2009 u April 2009 l-għadd ta' applikazzjonijiet imressqa tela' minn 18 għal 46, il-kontribuzzjonijiet totali mitluba minn EUR 80 miljun għal EUR 197 miljun u l-għadd ta' Stati Membri li ressqu applikazzjonijiet minn 8 għal 18, filwaqt li l-għadd ta' ħaddiem li kellhom bżonn ta' appoġġ kważi rdoppja (36 712-il ħaddiem aktar minn qabel) u l-applikazzjonijiet irrigwardaw firxa wisq akbar ta' setturi ekonomiċi,

E.  billi madankollu 9 Stati Membri għadhom ma rrikorrewx għall-FEAG; billi l-ammonti mobilizzati għadhom ferm anqas mill-ammont massimu annwali ta' EUR 500 miljun disponibbli u billi l-maġġoranza tal-applikazzjonijiet jikkonċernaw reġjuni li għandhom PGD għal kull abitant ogħla mill-medja tal-UE u li r-rata ta' qgħad tagħhom hija relattivament baxxa; billi, fid-dawl ta' dan, jista' jiġi konkluż li, minkejja li t-titjib li sar għar-regolament inizjali kien sinifikanti, dan għadu limitat meta mqabbel maż-żieda fl-għadd ta' sensji kollettivi rreġistrati f'dawn l-aħħar snin,

F.  billi ż-żieda tar-rata ta' kofinanzjament minn 50 % sa 65 % matul ir-reviżjoni tal-2009 tidher li hija fattur fost dawk li jispjegaw iż-żieda fl-għadd ta' applikazzjonijiet,

G.  billi l-użu limitat tal-FEAĠ għall-ifqar reġjuni tal-UE huwa r-riżultat ta' strateġiji nazzjonali differenti kif ukoll tad-diffikultajiet involuti biex, qabel ma tittieħed deċiżjoni fil-livell Ewropew, jiġi stabbilit l-istatus preċiż ta' benefiċjarji potenzjali,

H.  billi, minkejja li d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2008 għamlet sejħa biex l-appoġġ finanzjarju tal-FEAG jingħata bl-akbar ħeffa u effikaċja possibbli, għadhom jgħaddu xi 12 jew 17-il xahar bejn meta sseħħ sensja kollettiva u meta l-finanzjament tal-FEAG jingħata lill-Istat Membru li jkun applika għalih; billi din hija waħda mir-raġunijiet għad-disparità bejn l-għadd ta' ħaddiema li għalihom jintalab finanzjament mill-FEAG u l-għadd ta' ħaddiema li fir-realtà jingħataw l-appoġġ mill-fond,

I.  billi l-abbozz ta' ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fil-qasam baġitarju(5) jibdel biss bi ftit il-proċedura għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, f'li l-proċedura ta' trijalogu jagħmilha waħda fakultattiva, b'mod konformi mal-prattika standard; billi mhuwiex probabbli li din il-bidla se tħaffef u tissimplifika l-proċedura,

J.  billi, skont ir-rapport interim tal-Kummissjoni ta' valutazzjoni tal-funzjonament tat-IIA(6), il-ħtieġa li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jieħdu deċiżjoni speċifika biex jimmobilizzaw il-FEAG hi hija fattur għala l-proċedura tieħu ħafna żmien; billi dan m'għandux jipprevjeni t-tħaffif u s-simplifikazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG,

K.  billi data affidabbli u konsistenti dwar l-implimentazzjoni tal-FEAG mill-modifikazzjoni tiegħu wara l-2009 għadha mhux disponibbli u billi huwa tal-fehma qawwija li jeħtieġ li jiġu stabbiliti doveri ta' trasparenza u ta' rappurtar regolari,

L.  billi s-27 deċiżjoni li ttieħdu bejn l-2007 u April 2010 kollha kienu favorevoli u l-ammonti awtorizzati kienu l-istess bħal dawk proposti mill-Kummissjoni,

M.  billi l-fenomenu tal-globalizzazzjoni u l-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-impjiegi se jippersistu lill hinn mill-2013 u, b'konsegwenza ta' dan, x'aktarx li t-tendenza li l-għadd ta' applikazzjonijiet jikber tkompli titqawwa fis-snin li ġejjin; billi, madankollu, l-intenzjoni tal-fond mhijiex li jagħmel tajjeb għal nuqqas ta' innovazzjoni,

1.  Huwa tal-fehma li l-valur miżjud tal-FEAG bħala strument tal-politika soċjali tal-Unjoni Ewropea jinsab fil-fatt li jipprovdi appoġġ finanzjarju viżibbli, speċifiku, immirat u temporanju għal programmi personalizzati għall-ksib ta' ħiliet ġodda u għall-inseriment mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol ta' ħaddiema milquta minn sensji kollettivi f'setturi jew f'reġjuni li jkunu għaddejjin minn taqlib ekonomiku u soċjali gravi;

2.  Huwa tal-fehma li ż-żieda fl-għadd tal-applikazzjonijiet għal finanzjament tal-FEAG u d-diffikultajiet biex tiġi applikata l-proċedura ta' mobilizzazzjoni u ta' skjerament tiegħu jirrikjedu li, mill-aktar fis, isir titjib rapidu tal-arranġamenti proċedurali u baġitarji tal-fond; jisħaq li l-Kummissjoni għandha ttejjeb l-informazzjoni dwar il-FEAG u l-viżibbiltà tiegħu fost l-Istati Membri u fost il-benefiċjarji potenzjali tal-fond; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tantiċipa l-preżentazzjoni tal-valutazzjoni tagħha ta' nofs it-terminu għat-30 ta' Ġunju 2011 u biex fl-istess waqt tressaq proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar il-FEAG, sabiex tirranġa l-aktar nuqqasijiet evidenti tal-fond qabel tmiem il-Qafas Finanzjajru Multiannwali (MFF) kurrenti;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni interim tagħha tirrevedi l-kontribuzzjonijiet mogħtija fir-rigward tal-aspetti kwalitattivi li ġejjin:

   (a) ir-rata ta' suċċess fir-reintegrazzjoni u l-valutazzjoni tat-titjib tal-ħiliet tal-benefiċjarji;
   (b) analiżi komparattiva tal-miżuri ffinanzjatji b'reazzjoni għal kull applikazzjoni lill-FEAG u r-riżultati fuq il-bażi tar-reintegrazzjoni;
   (c) ir-rispett tal-kriterju tan-nondiskriminazzjoni b'referenza għas-sitwazzjonijiet kuntrattwali tal-ħaddiema mkeċċija u l-ħaddiema li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom tal-moviment ħieles fl-UE;
   (d) il-proċeduri għall-konsultazzjoni tas-sħab soċjali li jkunu ntużaw jew le fit-tħejjija tal-applikazzjonijiet u l-verifiki mwettqa fuq l-implimentazzjoni tagħhom;
   (e) l-impatt tal-FEAG fuq in-netwerk ta' benefiċjarji tiegħu u fuq l-impriżi żgħar u medji li potenzjalment jistgħu jintlaqtu mill-pjan ta' sensji u li l-impjegati tagħhom jistgħu jibbenefikaw mill-fond;
   (f) analiżi tal-implimentazzjonijiet tal-kandidaturi differenti tal-FEAG f'termini tal-istituzzjoni nazzjonali inkarigata bil-ġestjoni tagħhom;
   (g) l-impatt ta' kontribuzzjonijiet mill-FEAG skont il-gruppi tal-etajiet fi Stati Membri u f'setturi benefiċjarji;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-reviżjoni interim tagħha tirrevedi l-kontribuzzjonijiet mogħtija minn perspettiva baġitarja, u biex tirrifletti s-sejbiet tagħha b'referenza partikolari għal:

   (a) ir-raġunijiet għad-diverġenza kbira bejn ir-riżorsi mitluba mill-FEAG u l-ammonti rimborżati mill-Istati Membri benefiċjarji meta l-għajnuna diġà tkun konkluża;
   (b) fil-każijiet fejn l-Istati Membri għamlu rifużjonijiet, x'kienu l-programmi u l-miżuri finanzjarji li ma ġewx esegwiti;
   (c) ir-raġunijiet għad-disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri f'termini tal-finanzjament provdut għal kull ħaddiem fl-applikazzjonijiet differenti għall-FEAG;
   (d) analiżi tal-koordinazzjoni bejn id-diversi programmi ffinanzjatji mill-Ewropa (inkluża l-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew, FSE) li kienu allokati lill-istess reġjun fejn applikazzjonijiet tal-FEAG ikunu qed jiġu kkunsidrati u/jew fejn tkun ġiet konkluża l-kunsiderazzjoni tagħhom;
   (e) analiżi tal-proporzjon tal-finanzjament kumplessiv li l-Kummissjoni tkun ħadet kont tiegħu f'relazzjoni ma' miżuri oħra nazzjonali u speċifiċi għal kumpaniji partkolari;

5.  Iqis li, meta r-regolament jiġi rivedut, għandhom jitqiesu bil-mod dovut is-sejbiet tal-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-FEAG u tal-esperjenza miksuba, u li għandhom jiddaħħlu miżuri li jqassru sostanzjalment it-tul tal-proċedura ta' mobilizzazzjoni tal-FEAG;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-Regolament FEAG tipproponi li jiżdied obbligu li l-Istati Membri jappoġġaw il-parteċipazzjoni ta' assoċjazzjoni tal-ħaddiema waqt il-fażi ta' implimentazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattiki tajba li jikkonċernaw l-involviment tal-ħaddiema fl-implimentazzjoni tal-FEAG, sabiex il-ħaddiema f'każijiet eżistenti u ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għarfien espert miksub f'każijiet preċedenti;

7.  Jenfasizza li ż-żmien meħtieġ għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG jista' jitnaqqas bin-nofs jekk jiġu fformulati u adotatti l-miżuri li ġejjin:

   (a) applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG għandhom jitfasslu mill-Istati Membri malli titħabbar sensja kollettiva, u mhux wara li tkun seħħet;
   (b) il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri li applikazzjoni tkun titsta' titressaq mill-ewwel jum meta l-kriterji ta' intervent ikunu sodisfatti;
   (c) il-mezzi kollha għandhom isiru disponibbli biex jiżguraw komunikazzjoni bil-ħeffa u mtejba mal-Istat Membru li jkun involut f'dan il-proċess;
   (d) applikazzjonijiet minn Stati Membri bil-lingwi tagħhom u b'waħda mil-lingwi ta' ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej jistgħu jgħinu lid-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet biex ikun jista' jagħmel dan bla dewmien;
   (e) il-Kummissjoni għandu jkollha l-kapaċitajiet umani u tekniċi meħtieġa, fir-rispett tal-prinċipji tan-newtralità baġitarja, biex bl-effikaċja u bil-ħeffa jipproċessa l-applikazzjonijiet imressqa mill-Istati Membri;
   (f) il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG fi żmien 3-4 xhur wara li tkun irċeviet l-applikazzjoni, inkluża l-informazzjoni kollha meħtieġa, mill-Istat Membru; f'każijiet fejn il-valutazzjoni ta' applikazzjoni tista' ddum aktar minn 4 xhur, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-PE b'dan mill-aktar fis possibbli, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għat-tali dewmien;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Istati Membri b'għadd ta' linji gwida għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal finanzjament mill-FEAG b'tali mod li jkun hemm proċedura rapida ta' applikazzjoni u qbil wiesa' tal-partijiet interessati rigward l-istrateġija li għandha tiġi applikata u l-miżuri li għandhom jiġu implimentati għar-reintegrazzjoni effettiva tal-ħaddiema fis-suq tax-xogħol; jitlob lill-Istati Membri biex jaċċelleraw il-proċedura billi jipprefinanzjaw il-miżuri li għandhom jinbdew minn jum l-applikazzjoni, sabiex jintuża bis-sħiħ il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-FEAG għall-benefiċċju tal-ħaddiema kkonċernati;

9.  Ifakkar lill-Istati Membri li huma obbligati, minn banda, li mill-bidu nett tat-tħejjija għall-applikazzjonijiet jinvolvu lis-sħab soċjali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament FEAG u, mill-banda l-oħra, li jikkonformaw mal-Artikolu 9 tar-Regolament, li jitlob li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati, kif ukoll jippubbliċizzawhom, u li din l-informazzjoni trid tingħata wkoll lill-ħaddiema kkonċernati, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lis-sħab soċjali, u biex jistandardizzaw il-proċeduri; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li kunsilli tax-xogħol jiġu involuti qabel jinbeda kwalunkwe programm, sabiex jiġi ggarantit li s-sħab soċjali jgħinu tassew biex jitfasslu pjanijiet ta' konverżjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegati u mhux tal-intrapriżi;

10.  Jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw struttura ta' komunikazzjoni u ta' amministrazzjoni għall-FEAG fil-livell nazzjonali, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, partikolarment mas-sħab soċjali, u biex jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-livell Ewropew, li jippermetti li jkun hemm intervent rapidu u effiċjenti mill-FEAG f'każijiet ta' sensji fuq skala kbira;

11.  Jirrimarka li r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 jippermetti li pajjiżi jressqu applikazzjonijiet konġunti għal assistenza mill-FEAG meta l-ħaddiema milquta f'reġjun ġeografiku jew f'settur partikolari ma jkunux ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed;

12.  Iqis li, biex il-proċeduri jitħaffu u jiġu ssimplifikati, jeħtieġ li tkun żgurata koordinazzjoni aktar effikaċi bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, ħalli jkun jista' jitqassar il-limitu ta' żmien għat-teħid tad-deċiżjonijiet, bla ħsara għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet min-naħa tal-kumitati rilevanti tal-PE, u għaldaqstant:

   (a) il-Kummissjoni jeħtiġilha tikkunsidra kif jixraq il-kalendarju tal-PE, kemm fir-rigward tal-laqgħat tal-kumitati Parlamentari kif ukoll is-sessjonijiet parzjali, filwaqt li tressaq il-proposti tagħha fiż-żmien dovut, sabiex tħaffef il-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet;
   (b) il-Kummisjsoni jeħtiġilha tinforma lill-PE fil-ħin dovut dwar diffikultajiet u/jew imblokki li jkunu nqalgħu fil-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet tal-Istati Membri;
   (c) min-naħa l-oħra, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Baġits sejrin jagħmlu kulma jistgħu biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu fis-sessjoni plenarja li jkun imiss wara l-adozzjoni fil-kumitat;

13.  Jikkunsidra li dawn il-passi immedjati biex il-proċedura ta' mobilizzazzjoni tal-FEAG jagħmluha aktar sempliċi u flessibbli jistgħu jiġu inkorporati fir-regolament meta jiġi rivedut, jekk l-esperjenza miksuba sa dik id-data tkun tiġġustifika li jsir hekk; huwa tal-feham li kwalunkwe pass minn dawn ma għandu bl-ebda mod jillimita jew inaqqas il-poter tal-Parlament bħala waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond;

14.  Iqis li, apparti t-titjib tal-proċedura, id-deroga introdotta f'Ġunju 2009 biex jiġu megħjuna l-ħaddiema li jitilfu xogħolhom minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja tiġi estiża sa tmiem l-MFF attwali u li r-rata ta' kofinanzjament għandha, għaldaqstant, tinżamm fil-livell ta' 65 %, peress li l-kawżi sottostanti għall-approvazzjoni tagħha għadhom “il bogħod milli jitwarrbu;

15.  Jinnota l-inklużjoni, għall-ewwel darba, fl-Abbozz ta' Baġit tal-Kummissjoni għall-2011, ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-FEAG, u jqis li dan huwa element importanti fir-riflessjoni ġenerali dwar il-ġestjoni u l-viżibbiltà ta' dan il-fond; iqis, madankollu, li dawn l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet jafu ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ammonti meħtieġa għall-applikazzjonijiet tal-FEAG fl-2011; itenni, għalhekk, it-talba tiegħu li l-applikazzjonijiet għal-FEAG ma jiġux iffinanzjati esklużivament permezz ta' trasferimenti tal-linji tal-FSE u jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika u tuża mingħajr aktar dewmien linji differenti tal-baġit għan dan l-iskop;

16.  Jenfasizza li l-ġejjieni tal-FEAG se jiġi ddeterminat fil-qafas tan-negozjati għall-MFF li jmiss; iqisi li diversi għażliet jistgħu jiġu eżaminati għal dan il-għan; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi eżaminata l-għażla li jiġi stabbilit fond indipendenti b'approprjazzjonijiet proprji ta' impenn u ta' ħlas u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti biex fond tali jingħata r-riżorsi; jemmen li kwalunke riforma tal-FEAG fil-ġejjieni għandha żżomm il-flessibbiltà tiegħu, li attwalment tirrappreżenta vantaġġ komparattiv meta jitqabbel mal-Fondi Strutturali tal-UE;

17.  Jenfasizza li l-konverżjoni tal-miżuri attwali tal-FEAG fi strument permanenti ta' appoġġ għal miżuri għat-tiftix attivi tal-impjiegi tindika rieda politika li jinbena pilastru soċjali Ewropew li jikkomplementa l-politiki soċjali tal-Istati Membri u li jkun kapaċi jġedded l-approċċ Ewropew fil-qasam tat-taħriġ professjonali; b'dan quddiem għajnejh, jinnota li l-miri tal-FEAG għandhom jibqgħu distinti mill-FSE u li l-programmi Ewropej ta' taħriġ matul il-ħajja, ladarba l-FEAG jiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' kull ħaddiem megħjun, u mhux fuq rispons għat-tħassib tal-intrapriżi jew il-forniment ta' servizzi orizzontali lil stabbilimenti tat-taħriġ;

18.  Jistieden lill-Istati Membri li jużaw il-FEAG biex joħolqu sinerġiji bejn il-FEAG, l-FSE u l-mikrofinanza biex jiġu identifikati l-iktar miżuri adegwati għall-każijiet individwali;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw il-FEAG biex jimplimentaw il-miri Ewropej, biex jippromwovu ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda, dejjiema, ħodor u ta' kwalità għolja f'reġjun partikolari, u jiffavorixxu l-intraprenditorija u t-tagħlim tul il-ħajja, b'tali mod li l-ħaddiema jkunu jistgħu jiżviluppaw il-karrieri individwali tagħhom u jikkontribwixxu biex itejbu l-kompetittività tal-UE fil-kuntest tal-globalizzazzjoni;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb ir-rappurtar tagħha dwar l-użu tal-FEAG billi r-rapporti annwali tagħha tlaħħamhom sostanzjalment u billi tgħaddi regolarment lill-Parlament Ewropew tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(3) ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26:
(4) Testi adottati tal-25.3.2010 (P7_TA(2010)0071 u P7_TA(2010)0070), 9.3.2010 (P7_TA(2010)0044, P7_TA(2010)0043 u P7_TA(2010)0042), 16.12.2009 (P7_TA(2009)0107), 25.11.2009 (P7_TA(2009)0087), 20.10.2009 (P7_TA(2009)0049), 15.9.2009 (ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 46), 5.5.2009 (ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 165), 18.11.2008 (ĠU C 16 E, 22.1.2010, p. 84), 21.10.2008 (ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 117), 10.4.2008 (ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 75), 12.12.2007 (ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 260) u 23.10.2007 (ĠU C 263 E, 16.10.2008, p.155).
(5) COM(2010)0073 tat-3 ta' Marzu 2010.
(6) COM(2010)0185 tas-27 ta' April 2010.

Avviż legali - Politika tal-privatezza