Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2140(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0219/2010

Testi mressqa :

A7-0219/2010

Dibattiti :

PV 06/09/2010 - 22
CRE 06/09/2010 - 22

Votazzjonijiet :

PV 07/09/2010 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0304

Testi adottati
PDF 392kWORD 103k
It-Tlieta, 7 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
Implimentazzjoni u reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (Brussell I)
P7_TA(2010)0304A7-0219/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Settembru 2010 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (2009/2140(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali(1) (minn issa l'quddiem “ir-Regolament Brussell 1” jew “ir-Regolament”),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dak ir-regolament (COM(2009)0174),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-21 ta' April 2009 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Brussell I (COM(2009)0175),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Heidelberg (JLS/2004/C4/03) dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell I fl-Istati Membri u r-risponsi għall-Green Paper tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – Il-programm ta' Stokkolma(2), b'mod speċifiku t-taqsimiet “Aċċess akbar għall-ġustizzja ċivili għaċ-ċittadini u n-negozji” u “Il-bini ta' kultura ġudizzjarja Ewropea”,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat fit-3 ta' April 2007,

–  wara li kkunsidra l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-30 ta' Ġunju 2005 dwar il-Ftehimiet ta' Għażla tal-Qorti fl-1 ta' April 2009,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod particulari Gambazzi v. DaimlerChrysler Canada(3), l-opinjoni fil-każ Lugano(4), West Tankers(5), Gasser v. MISAT(6), Owusu v. Jackson(7), Shevill(8),Owens Bank v. Bracco(9), Denilauer(10), St Paul Dairy Industries(11) u Van Uden(12),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Brussell tas-27 ta' Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali(13), ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati(14), Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea(15), Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar(16), Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni(17), il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati mal-obbligi ta' manteniment u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwestjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000(18),

–  ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)(19),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-16 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0219/2010),

A.  billi r-Regolament (KE) Nru 44/2001, u l-predeċessura tiegħu, il-Konvenzjoni ta' Brussell, hu wieħed mill-aktar biċċiet ta' leġiżlazzjoni ta' suċċess tal-UE; billi r-Regolament ħejja s-sisien għal zona ġudizzjarja Ewropea, qeda tajjeb liċ-ċittadini u lin-negozji billi jippromwovi ċ-ċertezza ġuridika u l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet permezz ta' regoli uniformi Ewropej - supplementati minn korp sostanzjali ta' ġurisprudenza - u jevita proċedimenti paralleli, u jintuża bħala referenza u għodda għal strumenti oħra,

B.  billi, minkejja dan, ġie kkritikat wara numru ta' sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u jeħtieġ jiġi mmodernizzat,

C.  billi l-abolizzjoni tal-exequatur – l-għan ewlieni tal-Kummissjoni – tħaffef il-moviment ħieles tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tifforma ġebla miljari fundamentali fil-bini ta' zona ġudizzjarja Ewropea,

D.  billi l-exequatur rari jiġi rrifjutat: 1 sa 5% tal-applikazzjonijiet jiġu appellati u dawn l-appelli rarament ikollhom suċċess; billi, madankollu, huwa diffiċli li jiġu ġġustifikati l-ħin u l-ispiża meħtieġa biex sentenza barranija tiġi rikonoxxuta fis-suq uniku u dan jista' jkun partikolarment vessatorju f'każ li min jagħmel it-talba ikun jixtieq ifittex eżekuzzjoni kontra l-beni tad-debitur tas-sentenza f'diversi ġurisdizzjonijiet,

E.  billi m'hemm l-ebda rekwiżit għall-exequatur f'bosta strumenti Komunitarji: fosthom ir-regolamenti dwar l-ordni Ewropea ta' eżekuzzjoni, l-ordni Ewropea tal-ħlas, il-proċedura għal talbiet żgħar Ewropea u r-regolament dwar l-obbligi ta' manteniment(20),

F.  billi l-abolizzjoni tal-exequatur għandha titwettaq billi jiġi dispost li deċiżjoni ġudizzjarja li tkun tikkwalifika għal rikonoxximent u eżekuzzjoni skont it-termini tar-Regolament eżegwibbli fl-Istat Membru fejn tkun ingħatat, tkun eżegwibbli fl-UE kollha kemm hi; billi dan għandu jkun akkumpanjat minn proċedura eċċezzjonali disponibbli għall-parti li kontra tagħha tkun rikjesta l-eżekuzzjoni ħalli jiġi ggarantit dritt adegwat ta' rikors għall-qrati tal-Istat ta' eżekuzzjoni fil-każ li dik il-parti tkun tixtieq tikkontesta l-eżekuzzjoni skont il-kriterji li jinsabu fir-Regoalment; billi se jkun meħtieġ li jiġi żgurat li l-passi li jittieħdu għall-eżekuzzjoni qabel ma jiskadi t-terminu għall-applikazzjoni għal reviżjoni ma jkunux irriversibbli,

G.  billi s-salvagwardji minimi previsti fir-Regolament (KE) Nru 44/2001 iridu jiġu mantenuti,

H.  billi l-uffiċjali u l-marixxalli fl-Istat Membru riċeventi jridu jkunu kapaċi jagħrfu li d-dokument li tiegħu tintalab l-eżekuzzjoni jkun fil-fatt jikkostitwixxi sentenza finali awtentika minn qorti nazzjonali,

I.  billi l-arbitraġġ huwa trattat b'mod sodisfaċenti permezz tal-Konvenzjoni ta' New York tal-1958 u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1961 dwar l-Arbitraġġ Internazzjonali Kummerċjali, li tagħhom huma partijiet l-Istati Membri kollha, u l-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-ambitu tar-Regolament għandha tibqa' fis-seħħ,

J.  billi r-regoli tal-Konvenzjoni ta' New York huma regoli minimi u d-dritt tal-Istati Kontraenti għandu mnejn ikun aktar favorevoli għall-kompetenza ta' arbitraġġ u għad-deċiżjonijiet tal-arbitraġġ,

K.  billi, inoltre, regola li tiddisponi li l-Qrati tal-Istat Membru tas-sede tal-arbitraġġ għandu jkollha ġurisdizzjoni esklussiva għandu mnejn twassal għal taqlib kunsiderevoli,

L.  billi donnu jidher, mid-dibattitu intensiv imqanqal mill-proposta għall-ħolqien ta' kap esklussiv ta' ġurisdizzjoni għall-proċedimenti ġudizzjarji li jservu ta' appoġġ għall-arbitraġġ fil-qrati ċivili tal-Istati Membri, li l-Istati Membri għadhom ma waslux għal pożizzjoni komuni u li, meta titqies il-kompetizzjoni dinjija f'dan il-qasam, jaf ikun kontroproduċenti jekk wieħed jipprova jgħaġġilhom,

M.  billi l-varji mekkaniżmi nazzjonali ta' proċedura żviluppati għall-protezzjoni tal-ġurisdizzjoni fl-arbitraġġ (inġunzjonijiet anti-suit sakemm ikunu konformi mal-moviment ħieles tal-persuni u l-jeddijiet fundamentali, dikjarazzjoni fuq il-validità ta' klawsola ta' arbitraġġ, l-għoti ta' danni għal ksur ta' klawsola ta' arbitraġġ, l-effett negattiv tal-“prinċipju Kompetenz-Kompetenz”, eċċ) għandhom jibqgħu disponibbli u l-effett ta' tali proċeduri u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji derivanti minnhom fl-Istati Membri l-oħrajn għandhom jitħallew għal dak li jgħid id-dritt ta' dawk l-Istati Membri kif kienet il-pożizzjoni qabel is-sentenza f“West Tankers,

N.  billi l-awtonomija tal-partijiet hi ta' importanza ewlenija u l-applikazzjoni tar-regola lis pendens kif approvata mill-Qorti tal-Ġustizzja (eż. f“Gasser) tippermetti li l-klawsoli dwar l-għażla tal-qorti jiddagħjfu permezz ta' azzjonijiet vessatorji (”torpedo actions“) abbużivi,

O.  billi terzi jistgħu jkunu vinkolati bi ftehim dwar l-għażla tal-qorti (ngħidu aħna f'polza ta' kargu) li ma jkunux taw l-assens tagħhom b'mod speċifiku u li dan għandu mnejn jaffettwalhom ħażin l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja u jkun manifestament inġust u billi, għalhekk, l-effett ta' ftehim dwar l-għażla tal-qorti kwantu għal terzi jeħtieġ li jkun ittrattat f'dispożizzjoni speċifika tar-Regolament,

P.  billi l-Green Paper tissuġġerixxi li ħafna problemi li niltaqgħu magħhom bir-Regolament jistgħu jkunu mtaffija jekk titjieb il-komunikazzjoni bejn il-qrati; billi jkun kważi impossibbli li ssir leġiżlazzjoni dwar komunikazzjoni aħjar bejn l-imħallfin fi strument tad-dritt privat internazzjonali, iżda din tista' tiġi promossa bħala parti mill-ħolqien ta' kultura ġudizzjarja Ewropea permezz tat-taħriġ u l-użu ta' netwerks (Netwerk ta' Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew, Netwerk Ewropew ta' Kunsilli għall-Ġudikatura, Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Supremi tal-UE, Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali),

Q.  billi rigward id-dritt tal-personalità, jeħtieġ li tkun limitata l-possibilità tat-tiftixa tal-aħjar forum (“forum shopping”) billi jiġi enfasizzat li, fil-prinċipju, l-qrati jistgħu jaċċettaw il-ġurisdizzjoni biss fejn ikun hemm ness suffiċjenti, sostanzjali jew sinjifikattiv mal-pajjiż fejn tkun tressqet l-azzjoni, minħabba li dan jgħin sabiex jinstab il-bilanċ bejn l-interessi involuti, b'mod partikolari bejn il-jedd tal-libertà tal-espressjoni u l-jedd tar-reputazzjoni u tal-ħajja privata; billi l-problema tad-dritt applikabbli se titqies b'mod speċifiku f'inizjattiva leġiżlattiva dwar ir-Regolament Ruma II; billi, madankollu, il-qrati nazzjonali għandhom jiġu ggwidati dwar ir-regolament emendat,

R.  billi, għal dak li għandu x'jaqsam mal-provvedimenti provviżorji, il-ġurisprudenza Denilauer għandha tkun ikkjarifikata billi jiġi ċċarat li l-provvedimenti ex parte jistgħu jkunu rikonoxxuti u eżegwiti abbażi tar-Regolament basta l-intimat kellu l-opportunitajiet jikkontestahom,

S.  billi ma huwiex ċar sa liema grad l-inġunzjonijiet (protective orders) immirati lejn l-otteniment tal-informazzjoni u l-evidenza huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament,

Kunċett komplessiv għad-Dritt Internazzjonali Privat

1.  Jinkoraġġi lill-Kummissjoni tirrevedi l-interrelazzjoni bejn ir-regolamenti differenti li jindirizzaw il-ġurisdizzjoni, l-eżekuzzjoni u d-dritt applikabbli; iqis li l-objettiv ġenerali għandu jkun qafas legali li jkun koerentement strutturat u faċilment aċċessibbli; iqis li għal dan l-iskop, it-terminoloġija f'kull materja, kull kunċett u rekwiżit għal regoli simili f'kull materja għandhom ikunu unifikati u armonizzati (eż., lis pendens, klawsoli ġurisdizzjonali, eċċ) u l-objettiv aħħari għandu jkun kodifikazzjoni komplessiva tad-Dritt Internazzjonali Privat;

It-tneħħija tal-exequatur

2.  Jitlob li r-rekwiżit ta' exequatur jitneħħa, imma jqis li dan għandu jkun ibbilanċjat b'salvagwardji xierqa mfassla għall-protezzjoni tal-jeddijiet tal-parti li kontra tagħha tkun qiegħda tintalab l-eżekuzzjoni; huwa tal-fehma li għandu jiġi dispost għal proċedura ta' reviżjoni disponibbli malli jsir rikors mill-parti li kontra tagħha tkun qegħda tintalab l-eżekuzzjoni fil-Qorti iqis li din il-proċedura għandha tkun disponibbli malli jsir rikors mill-parti li kontra tagħha tkun qegħda tintalab l-eżekuzzjoni lill-Qorti indikat fl-elenku fl-Anness III ta' dan ir-Regolament; hu tal-fehma li r-raġunijiet għar-rikors permezz ta' din il-proċedura eċċezzjonali għandhom ikunu dawn li ġejjin: (a) jekk ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika tal-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent; (b) meta s-sentenza tingħata f'kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex notifikat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali manjiera li dan ikun jista' jħejji għad-difiża tiegħu, sa kemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jiddisputa s-sentenza meta kien possibli għalih jagħmel hekk; (c) li sentenza ma tkunx rikonċiljabbli ma' sentenza mogħtija f'tilwima bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn ikun qed jintalab rikonoxximent, u (d) li s-sentenza ma tkunx rikonċiljabbli ma' sentenza li tkun ngħatat qabel fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz dwar l-istess materja u bejn l-istess partijiet, sakemm l-ewwel sentenza tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat; inoltre jqis li għandu jkun possibbli li jsir rikors lil imħallef ukoll qabel ma jittieħed xi pass għall-eżekuzzjoni u li jekk kemm-il darba dak l-imħallef jiddeċidi li r-rikors ikun fondat tajjeb, allura għandu jirreferi l-kwestjoni lill-qorti indikata fl-elenku fl-Anness III għal eżami fuq il-bażi tar-raġunijiet imsemmija hawn fuq; huwa favur li tiżdied premessa fil-preambolu fis-sens li qorti nazzjonali tista' tippenalizza rikorsi vessatorji jew irriti, inter alia, kwantu għall-ispejjeż;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjnoi tagħti bidu għal dibattitu pubbliku dwar il-kwestjoni tal-politika pubblika b'konnessjoni mal-istrumenti tad-Dritt Internazzjonali Privat;

4.  Iqis li jinħtieġ kalendarju proċedurali armonizzat għall-proċedura eċċezzjonali li għaliha hemm riferiment fil-paragrafu 2 ħalli jkun żgurat li tkun espedita malajr kemm jista' jkun, u li jkun żgurat li l-passi meħtieġa għall-eżekuzzjoni li jistgħu jittieħdu entro t-terminu għall-applikazzjoni tal-proċedura eċċezzjonali jew sakemm tkun konkluża ma jkunux irriversibbli; huwa partikolarment imħasseb dwar il-fatt li sentenza barranija m'għandhiex tiġi eżegwita jekk ma tkunx ġiet innotifikata bil-proċedura t-tajba lill-partijiet misjuba debitriċi mis-sentenza;

5.  Iressaq l-argument li mhux biss irid ikun hemm rekwiżit ta' ċertifikat ta' awtentiċità bħala għajnuna proċedurali ħalli jkun garantit rikonoxximent, imma wkoll li għandu jkun hemm forma standard għal dak iċ-ċertifikat; iqis, għal dan il-għan, li ċ-ċertifikat li jipprevedi l-Anness V għandu jiġi raffinat, filwaqt li tixxejjen kemm jista' jkun kull ħtieġa ta' traduzzjoni;

6.  Jemmen li, sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż, it-traduzzjoni tad-deċiżjoni eżegwibbli tista' tkun limitata għall-ordni finali (il-parti operattiva u sunt tal-motivazzjonijiet), iżda li għandha tkun meħtieġa traduzzjoni sħiħa fil-każ li jsir rikors għall-proċedura eċċezzjonali;

Strumenti Awtentiċi

7.  Iqis li l-istrumenti awtentiċi m'għandhomx ikun jistgħu jiġi eżegwiti b'mod dirett mingħajr ebda possibilità ta' appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat fejn tkun qed tiġi mitluba l-eżekuzzjoni; iqis li l-proċedura eċċezzjonali li għandha tiġi introdotta m'għandhiex tkun limitata għal każijiet fejn l-eżekuzzjoni tal-istrument ikun manifestament kuntrarju għall-politika pubblika fl-Istat indirizzat, minħabba l-possibilità ta' ċirkostanzi li fihom att awtentiku jista' jkun irrikonċiljabbli ma' sentenza preċedenti u l-validità (aktar milli l-awtentiċità) ta' att awtentiku tista' tiġi kkontestata fil-qrati tal-Istat ta' oriġini minħabba raġunijiet ta' żball, misrappreżentazzjoni eċċ., anke waqt il-proċediment tal-eżekuzzjoni;

L-Ambitu tar-Regolament

8.  Iqis li l-obbligi ta' manteniment fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 għandhom ikunu esklużi mill-ambitu tar-Regolament, imma jtenni li l-objettiv aħħari għandu jkun korp leġiżlattiv komplessiv li jkun iħaddan fih il-materji kollha;

9.  Jopponi bil-qawwa l-abolizzjoni (anki parzjali) tal-esklużjoni tal-arbitraġġ mill-kamp ta' applikazzjoni;

10.  Iqis li l-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament għandu jagħmilha ċara li mhux il-proċedimenti tal-arbitraġġ biss, imma wkoll il-proċedimenti ġudizzjarji li jiddeċiedu dwar il-validità jew il-grad tal-kompetenza tal-abitraġġ bħala kwestjoni prinċipali jew bħala kwestjoni inċidentali jew preliminari huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament; inoltre jqis li għandu jiġi aġġunt paragrafu mal-Artikolu 31 li jkun jiddisponi li sentenza ma tkunx rikonoxxuta jekk, hi u tagħti s-sentenza, il-qorti fl-Istat Membru tal-oriġini tkun, hi u taqta' kwestjoni marbuta mal-validità jew il-grad ta' klawsola ta' arbitraġġ, naqset milli tqis regola tad-Dritt tal-arbitraġġ fl-Istat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni, sakemm is-sentenza ta' dak l-Istat Membru ma tipproduċix l-istess riżultat daqslikieku ġie applikat id-Dritt tal-Istat Membru li fih tkun intalbet l-eżekuzzjoni;

11.  Iqis li dan għandu wkoll ikun iċċarat fi premessa;

Għażla tal-qorti

12.  Jieħu pożizzjoni favur li l-iktar soluzzjoni prattika għall-problema ta' azzjonijiet vessatorji tkun li l-qorti magħżula fi ftehim dwar l-għażla tal-qorti tiġi eżonerata mill-obbligu tagħha li tissospendi l-proċeduri skont ir-regola lis pendens; iqis li dan għandu jkun akkumpanjat minn rekwiżit li kwalunkwe tilwima dwar il-ġurisdizzjoni tiġi deċiża malajr bħala kwestjoni preliminari mill-qorti magħżula u appoġġata permezz ta' premessa li tenfasizza li l-awtonomija tal-partijiet tippredomina;

13.  Iqis li r-Regolament għandu jkun fih dispożizzjoni ġdida li tittratta l-opponibilità tal-ftehimiet dwar l-għażla tal-qorti versu terzi; huwa tal-fehma li tali dispożizzjoni tista' tiddisponi li persuna li ma tkunx parti għal kuntratt tkun vinkolata bi ftehim esklussiv dwar l-għażla tal-qorti konkluż skont it-termini tar-Regolamenti jekk kemm-il darba: (a) dak il-ftehim ikun jinsab f'dokument miktub jew f'tifkira elettronika; (b) dik il-persuna tkun ingħatat avviż fil-ħin u adegwat mill-qorti fejn tkun se tinġieb l-azzjoni; (c) fil-kuntratti għall-ġarr tal-merkanzija, il-qorti tal-għażla tkun (i) id-domiċilju tal-karigatur; (ii) il-lok tar-riċeviment miftiehem fil-kuntratt tal-ġarr; (iii) il-lok tal-kunsinna miftiehem fil-kuntratt tal-ġarr, jew (iv) il-port fejn il-merkanzija tkun inizjalment tgħabbiet fuq bastiment jew il-port fejn il-merkanzija tkun finalment tħattet minn bastiment; iqis li għandu jkun ukoll dispost li, f'kull każ ieħor, it-terz ikun jista' jistitwixxi azzjoni quddiem il-qorti li tkun xort' oħra kompetenti skont ir-Regolament jekk ikun jidher li jkun manifestament inġust li dik il-parti tinżamm fil-forum magħżul;

Forum non conveniens

14.  Jissuġġerixxi, sabiex jiġi evitat it-tip ta' problema li ħarġet f“Owusu v. Jackson, li soluzzjoni fuq il-linji tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 sabiex jippermettu lill-qrati ta' Stat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni kwantu għas-sustanza biex iwaqqfu l-proċedimenti jekk huma jkunu qiesu li qorti ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż terz tkun f'pożizzjoni aħjar biex tisma” l-każ, jew parti speċifika minnu, biex b'hekk il-partijiet ikunu jistgħu jressqu rikors quddiem dik il-qorti jew biex jippermettu lill-qorti invokata tittrasferixxi l-każ lil dik il-qorti bil-qbil tal-partijiet; jilqa' s-suġġeriment korrispondenti fil-proposta ta' regolament dwar il-ġurisdizzjoni, id-Dritt applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni(21);

L-applikazzjoni tar-Regolament fl-ordni ġuridiku internazzjonali

15.  Iqis, minn banda, li l-kwestjoni dwar jekk ir-regoli tar-Regolament għandhomx jingħataw effett riflessiv ma ġietx ikkunsidrata biżżejjed u li jkun prematur li jittieħed dan il-pass mingħajr ħafna studju, konsultazzjonijiet fuq firxa wiesgħa u dibattitu politiku, li fih il-Parlament għandu jkollu rwol ewlieni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti bidu għal dan il-proċess; iqis, mill-banda l-oħra, li fid-dawl tal-eżistenza ta' għadd kbir ta' ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, kwestjonijiet ta' reċiproċità u kortesija internazzjonali bejn il-qrati, il-problema hija waħda dinjija u għandha titfittex wkoll soluzzjoni b'mod parallel fil-Konferenza tal-Aja permezz tal-tkomplija tan-negozjati għal konvenzjoni dwar sentenzi internazzjonali; jagħti mandat lill-Kummissjoni ħalli tagħmel l-almu tagħha kollu ħalli jiġi rxuxtat dan il-proġett, is-Sangraal tad-Dritt Internazzjonali Privat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-grad safejn il-Konvenzjoni ta' Lugano(22) tista' sservi ta' mudell u ispirazzjoni għal tali konvenzjoni ta' deċiżjonijiet internazzjonali;

16.  Iqis li r-regoli tal-Komunità dwar il-ġurisdizzjoni esklussiva fir-rigward tad-drittijiet in rem f'immobbli jew f'kirjiet ta' immobbli tista' tiġi estiża għal proċeduri mressqa fi Stat terz;

17.  Jitkellem favur l-emendar tar-Regolament ħalli jingħata lok għal effett riflessiv għal klawsoli esklussivi dwar l-Għażla tal-Qorti favur il-qrati ta' Stati terzi;

18.  Huwa tal-fehma li l-kwistjoni ta' regola li tikkapovolġi lil Owens Bank v. Bracco għandha tkun oġġett ta' reviżjoni separata;

Tifsira tat-terminu domiċilju ta' persuni naturali u ġuridiċi

19.  Huwa tal-fehma li definizzjoni awtonoma Ewropea (fl-aħħar mill-aħħar applikabbli għall-istrumenti legal Ewropej kollha) tad-domiċilju ta' persuni fiżiċi tkun mixtieqa, għall-fini li jiġu evitati b'mod partikolari sitwazzjonijiet fejn persuni jistgħu jkollhom aktar minn domiċilju wieħed;

20.  Jirrespinġi definizzjoni uniformi tad-domiċilju tal-kumpaniji fl-ambitu tar-Regolament Brussell I, billi definizzjoni b'konsegwenzi daqstant kbar għandha tkun diskussa u deċiża fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Dritt Soċjetarju Ewropew li għadu qed jiżviluppa;

Rati ta' interess

21.  Iqis li r-Regolament għandu jistabbilixxi regola li tipprekludi qorti li tkun qed teżegwixxi milli tonqos li tagħti effett lir-regoli awtomatiċi dwar ir-rati tal-imgħax tal-qorti tal-Istat ta' oriġini u li minflok tapplika r-rata tal-imgħax nazzjonali tagħha biss mid-data tal-ordni li tawtorizza l-eżekuzzjoni skont il-proċedura eċċezzjonali;

Il-proprjetà industrijali

22.  Iqis li, sabiex tingħeleb il-problema ta' azzjonijiet vessatorji, it-tieni qorti adita għandha tinħels mill-obbligu li twaqqaf il-proċedimenti skont ir-regola lis pendens fejn ikun evidenti li l-ewwel qorti adita ma jkollha l-ebda ġurisdizzjoni; jirrespinġi l-idea, madankollu, li talbiet għal ġudizzji ta' jattanza għandhom ikunu esklużi kompletament mir-regola tal-“ewwel fiż-żmien” għar-raġuni li talbiet bħal dawn jistgħu jkollhom skop kummerċjali leġittimu; iqis, b'danakollu, li l-kwestjonijiet konċernanti l-ġurisdizjzoni jkunu riżolti l-aħjar fil-kuntest tal-proposti għall-ħolqien ta' Sistema Unifikata ta' Litigazzjoni għall-Brevetti;

23.  Iqis li l-inkonsistenti terminoloġiċi bejn ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (“Ruma I”)(23) u r-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandhom jitneħħew billi fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I tiġi inkluża d-definizzjoni ta' “professjonist” inkorporata fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma 1 u billi l-espressjoni “kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta' vjaġġar u akkomodazzjoni” fl-Artikolu 15(3) tar-Regolament Brussell I tiġi sostitwita permezz ta' referenza għad-Direttiva 90/314/KEE(24) dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż bħal fil-każ tal-Artikolu 6(4)(b) tar-Regolament Ruma 1;

Ġurisdizzjoni dwar kuntratti individwali ta' impjieg

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, rigward il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk tistax tinstab soluzzjoni li toffri aktar ċertezza ġuridika u ħarsien xieraq lill-parti l-aktar vulnerabbli għal impjegati li ma jaħdmux fi Stat Membru wieħed (bħal pereżempju sewwieqa tat-trakkijiet fuq distanzi twal u assistenti tat-titjiriet);

Drittijiet tal-personalità

25.  Jemmen li l-prinċipju enunċjat f“Shevill għandu jkun kwalifikat; iqis, għalhekk, li, sabiex tittaffa l-allegata tendenza tal-qrati f'ċerti ġurisdizzjonijiet li jaċċettaw il-ġurisdizzjoni territorjali fejn ikun hemm biss rabta dgħajfa mal-pajjiż li fih tkun tressqet l-azzjoni, għandha tiżdied premessa ħalli jiġi ċċarat li, fil-prinċipju, il-qrati ta' dak il-pajjiż għandhom jaċċettaw il-ġurisdizzjoni biss jekk ikun hemm rabta biżżejjed, sostanzjali jew sinifikanti ma' dak il-pajjiż; Iqis li dan jgħin biex jinstab ekwilibriju aħjar bejn l-interessi involuti;

Miżuri provviżorji

26.  Iqis li, sabiex ikun hemm aċċess aħjar għall-ġustizzja, l-ordnijiet li jkollhom it-tir li jottjenu l-informazzjoni u l-evidenza jew li jippreservaw l-evidenza għandhom ikunu koperti min-nozzjoni tal-provvedimenti provviżorji u protettivi;

27.  Jemmen li r-Regolament għandu jistabbilixxi ġurisdizzjoni għal tali provvedimenti fil-qrati tal-Istat Membri fejn ikunu jinstabu l-informazzjoni jew l-evidenza mitluba, oltre għall-ġurisdizzjoni tal-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mas-sustanza;

28.  Jidhirlu li “provvedimenti provviżorji, inklużi dawk protettivi” għandha tkun definita fi premessa bit-termini użati f“St Paul Dairy;

29.  Iqis li d-distinzjoni li saret f“Van Uden bejn il-każijiet li fihom il-qorti li tagħti l-provvediment ikollha ġurisdizzjoni fuq is-sustanza fil-każ u il-każijiet fejn ma jkollhiex, għandha tkun sostitwita b'test imsejjes fuq il-kwestjoni ta' jekk il-provvedimenti mitlubin b'appoġġ għall-proċedimenti mogħtijin jew li għad iridu jingħataw f'dak l-Istat Membru jew fi Stat mhux-Membru (f'liema każ ir-restrizzjonijiet misjubin fl-Artikolu 31 ma għandhomx japplikaw) jew b'appoġġ ta' proċedimenti fi Stat Membru ieħor (f'liema każ ir-restrizzjonijiet tal-Artikolu 31 għandhom japplikaw);

30.  Iħeġġeġ li tiddaħħal premessa ħalli jintgħelbu d-diffikultajiet maħluqin mir-rekwiżit rikonoxxut fil-każ Van Uden għal “rabta effettiva ta' konnessjoni” mal-ġurisdizzjoni territorjali tal-qorti tal-Istat Membru li tagħti tali provvediment, li tagħmilha ċara li fid-deċiżjoni jekk tagħtix, tirrinnovax, timmodifikax, jew testingwixxix provvediment provviżorju mogħti b'appoġġ għal proċedimenti fi Stat Membru ieħor, il-qrati ta' Stat Membru għandhom iqisu ċ-ċirkostanzi kollha, inklużi (i) kull dikjarazzjoni magħmula minn qorti ta' Stat Membru adita mit-tilwima prinċipali kwantu għall-provvediment inkwestjoni jew provvedimenti tal-istess xorta, (ii) jekk hemmx ness effettiv ta' rbit bejn il-provvediment mitlub u t-territorju tal-Istat Membru li fih jintalab, u (iii) l-impatt li l-provvediment aktarx ikollu fuq il-proċedimenti pendenti jew li se jsiru fi Stat Membru ieħor;

31.  Jirrespinġi l-idea tal-Kummissjoni li l-qorti adita mill-proċedimenti prinċipali tkun tista' testingwi, timmodifika jew tadatta l-provvedimenti provviżorji mogħtijin minn qorti fi Stat Membru ieħor ladarba dan ma jkun skont l-ispirtu tal-prinċipju tal-fiduċja reċiproka stabbilit minn dan ir-Regolament; iqis, inoltre, li ma huwiex ċar fuq liema bażi l-qorti għandha tirrevedi deċiżjoni magħmula minn qorti f'ġurisdizzjoni differenti u liema Dritt għandu japplikaw f'dawn iċ-ċirkustanzi, u li dan li jista' jwassal għal problemi prattiċi reali, ngħidu aħna kwantu għall-kostijiet;

Rimedju kollettiv

32.  Jenfasizza li x-xogħol ġejjieni tal-Kummissjoni dwar strumenti ta' rimedju kollettiv jista' jkun jeħtiġilhom jikkontemplaw ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni speċjali għall-azzjonijiet kollettivi;

Kwestjonijiet oħra

33.  Iqis, minħabba d-diffikultajiet speċjali tad-Dritt Internazzjonali Privat, l-importanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunflitti bejn id-Drittijiet għall-kummerċ, iċ-ċittadini u l-litiganti internazzjonali u l-ħtieġa ta' ġabra koerenti ta' ġurisprudenza, li wasal iż-żmien li tiġi stabbilita kamra speċjali fil-Qorti tal-Ġustizzja li tkun titratta t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari marbutin mad-Dritt Internazzjonali Privat;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2009)0090.
(3) Is-Sentenza tat-2 ta' April 2009 fil-Każ C-394/07 Gambazzi v. DaimlerChrysler Canada (ECR 2009, p. I-2563).
(4) L-Opinjoni tas-7 ta' Frar 2006 fil-Każ 1/03, Lugano (ECR 2006, p. I-1145).
(5) Is-Sentenza tal-10 ta' Frar 2009 fil-Każ C-185/07, Allianz SpA v. West Tankers Inc. (ECR 2009, p. I-663).
(6) Is-Sentenza tad-9 ta' Diċembru 2003 fil-Każ C-116/02, Gasser GmbH v. MISAT Srl (ECR 2003, p. I-14693).
(7) Is-Sentenza tal-1 ta' Marzu 2005 fil-Każ C-281/02, Owusu v. Jackson (ECR 2005, p. I-1383).
(8) Is-Sentenza tas-7 ta' Marzu 1995 fil-Każ C-68/93, Shevill u oħrajn v. Presse Alliance (ECR 1995, p. I-415).
(9) Is-sentenza tal-20 ta' Jannar 1994 fil-Każ C-129/92, Owens Bank Ltd v Fulvio Bracco and Bracco Industria Chimica SpA (ECR 1994, p. I-117).
(10) Is-Sentenza tal-21 ta' Mejju 1980 fil-Każ 125/79, Denilauer v. Couchet Frères (ECR 1980, p. 1553).
(11) Is-Sentenza tat-28 ta' April 2005 fil-Każ C-104/03, St Paul Dairy Industries v. Unibel (ECR 2005, p. I-3481).
(12) Is-Sentenza tas-17 ta' Novembru 2998 fil-Każ C-391/95, Van Uden v. Deco-Line (ECR 1998, p. I-7091).
(13) Verżjoni Konsolidata fil-ĠU, C 27, 26.1.1998, p. 1.
(14) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15.
(15) ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1,
(16) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.
(17) ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.
(18) ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.
(19) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.
(20) Ara d-9 premessa tal-preambolu.
(21) COM(2009)0154; Art. 5.
(22) ĠU L 147, 10.6.2009, p. 5.
(23) Regolament (KEE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).
(24) Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż, il-vaganzi kollox kompriż u tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59).

Avviż legali - Politika tal-privatezza