Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2142(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0215/2010

Testi mressqa :

A7-0215/2010

Dibattiti :

PV 09/09/2010 - 2
CRE 09/09/2010 - 2

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2010 - 5.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0311

Testi adottati
PDF 406kWORD 94k
Il-Ħamis, 9 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
Tfassil aħjar tal-liġijiet
P7_TA(2010)0311A7-0215/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (Il-15-il rapport dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2007) (2009/2142(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni ta' Impatt ta' Novembru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tad-9 ta' Frar 2010 li tirrigwarda l-Ftehima ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kummissjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2006: l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – l-14-il rapport annwali(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-21 ta' Ottubru 2008 u tal-24 ta' April 2009 dwar l-24 u l-25 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2007” dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, f'konformità mal-Artikolu 9 tal-protokoll (il-15-il rapport) (COM(2008)0586),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2008” dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, f'konformità mal-Artikolu 9 tal-protokoll (is-16-il rapport) (COM(2009)0504),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-Tielet Reviżjoni Strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea” (COM(2009)0015),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni “Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea – Rapport tal-Progress 2008 u Perspettivi tal-2009” (COM(2009)0016),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni “It-Tielet Rapport ta' Progress dwar l-Istrateġija għas-Simplifikazzjoni tal-Ambjent Regolatorju” (KUMM(2009)0017),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni “Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE - Il-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali u l-Azzjonijiet tal-2009” (COM(2009)0544),

–  wara li kkunsidra l-Linji ta' Gwida interni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-valutazzjoni ta' impatt (SEG(2009)0092),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2008 tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SEC(2009)0055),

–  wara li kkunsidra r-rapport 2009 tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (SEC(2010)1728),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi tas-17 ta' Settembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kompetittività tal-4 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-riforma tal-Parlament 2007-2009,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati dwar “Valutazzjoni tal-Impatt: Esperjenzi tal-Parlament Ewropew”,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM(2010)0119),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0215/2010),

A.  billi l-applikazzjoni korretta tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-adattament xieraq tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tagħha skont l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha, tal-kumpaniji li joperaw fis-suq intern kif ukoll tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali, u biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista' jkun qrib iċ-ċittadin,

B.  billi t-tfassil aħjar tal-liġijiet (“better law-making”) sar sine qua non għal funzjonament effiċjenti tal-Unjoni Ewropea, li jista' jikkontribwixxi sostanzjalment biex tingħeleb il-kriżi ekonomika u biex ikun hemm tkabbir ekonomiku,

C.  billi l-kwistjoni ta' tfassil aħjar tal-liġijiet m'għandhiex tiġi kkunsidrata biss b'konnessjoni mal-programm tal-Kummissjoni, li għandu l-għan li jtejjeb il-qafas regolatorju (“better regulation”), iżda b'mod aktar ġenerali għandha tiġi kkunsidrata wkoll mill-aspett tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,

D.  billi t-Trattat ta' Lisbona jpoġġi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'pożizzjoni ugwali fil-proċess leġiżlattiv skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

E.  billi t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-involviment formali tal-parlamenti nazzjonali fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà,

F.  billi t-tfassil aħjar tal-liġijiet kien prijorità għall-Kummissjoni preċedenti u għandu jingħata attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni l-ġdida wkoll,

G.  billi t-titjib tal-ambjent regolatorju fl-Unjoni jirrigwarda sensiela ta' problemi bħal pereżempju l-valutazzjoni tal-impatt, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti,

H.  billi titqies l-importanza fundamentali tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha u speċjalment mal-imsieħba soċjali, fit-tħejjija ta' dokumenti legali (inkluża l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom),

I.  billi l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Parlament il-possibilità li jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti xierqa dwar kwistjonijiet li għalihom iqis meħtieġ it-tfassil ta' att tal-Unjoni għall-iskop tal-implimentazzjoni tat-Trattati,

J.  billi l-programm implimentat fl-2005 kellu l-għan li jnaqqas il-piż amministrattiv li rriżulta mid-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea, u dan il-piż amministrattiv għandu jonqos b'25% sal-2012,

K.  billi wieħed mill-oqsma ewlenin ta' dan il-programm huwa l-kejl bażi tal-ispejjeż amministrattivi, imsejjes fuq l-hekk imsejjaħ mudell standard tal-ispejjeż,

L.  billi t-tekniki ta' riformulazzjoni u kodifikazzjoni, immirati għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-liġi eżistenti, jippermettu aktar ċarezza u koerenza tal-modifikazzjonijiet li jsiru,

M.  billi jitqiesu l-importanza fundamentali tat-traspożizzjoni xierqa u f'waqtha, min-naħa tal-Istati Membri, għad-direttivi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll id-“dekorazzjoni” tal-liġi li għadna nħabbtu wiċċna magħha (“gold-plating”) u li twassal għal piżijiet li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-liġi Ewropea,

N.  billi t-Trattat ta' Lisbona ssostitwixxa s-sistema ta' miżuri ta' implimentazzjoni (proċedura komitoloġika) bit-taqsim ġdid taqsim bejn l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni,

O.  billi titqies l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala strument ġdid introdott mit-Trattat ta' Lisbona li jagħti liċ-ċittadini l-possibilità li jinfluwenzaw il-liġi mfassla fl-Unjoni Ewropea,

P.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi fost id-drittijiet ċivili għad-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jista' jiffunzjona biss fuq il-bażi ta' leġiżlazzjoni ċara u dispożizzjonijiet komprensibbli għaċ-ċittadini,

Kummenti ġenerali

1.  Jenfasizza l-ħtieġa assoluta ta' leġiżlazzjoni sempliċi, trasparenti u komprensibbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

2.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità meta jifformolaw proposti u josservaw il-kriterji stabbiliti fil-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità annessi mat-TFUE;

3.  Jenfasizza li l-abbozzi kollha ta' leġiżlazzjoni għandhom jinkludu r-raġunijiet li jikkonkludu li l-għan jista' jintlaħaq aħjar permezz tal-azzjoni tal-UE u għandhom ikunu sostanzjati b'indikaturi kwalitattivi u, fejn ikun possibbli, kwantitattivi, skont il-Protokoll imsemmi aktar “il fuq;

4.  Jappoġġa bil-qawwa l-proċess għat-titjib tal-qafas regolatorju, li jimmira lejn effikaċja, koerenza u trasparenza akbar fil-liġi tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Kummissjoni bħala istituzzjoni b'inizjattiva leġiżlattiva fit-tfassil ta' proposti leġiżlattivi ta' kwaltità għolja; jimpenja ruħu li jagħmel kull sforz biex jiżgura li tali proposti jiġu evalwati skont il-proċedura leġiżlattiva xierqa; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni mal-Istati Membri sabiex tiġi garantita t-traspożizzjoni korretta ta' din il-liġi;

5.  Jikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proċess imsemmi hawn fuq, li jissarraf f'sensiela ta' dokumenti, b'mod partikolari t-Tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar kif ukoll fl-attività relatata li għaddejja; fl-istess ħin jikkonferma li l-maġġoranza tan-nies għadhom mhumiex konxji ta' dan il-programm u jistieden lill-Kummissjomi sabiex tfasslu b'mod li jinftiehem aħjar u tippromwovih;

6.  Jaqbel mal-kliem li jintuża fil-punti 3 u 15 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2009, li jirrigwardaw ir-responsabilità konġunta għat-titjib tal-ambjent regolatorju kif ukoll it-tisħiħ ta' din ir-responsabilità fl-istituzzjonijiet u fost il-persuni kollha involuti f'dan il-proċess;

7.  Jikkonferma s-sehem tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u tal-Kumitat tar-Reġjuni fid-diskussjoni dwar it-titjib tal-ambjent regolatorju u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi, u jserraħ fuq koperazzjoni produttiva f'dan il-qasam;

8.  Jinnota li t-titjib tal-koperazzjoni interistituzzjonali f'din il-kwistjoni estensiva jeħtieġ reviżjoni tal-Ftehim dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2003; jiġbed l-attenzjoni għall-punti li huma importanti fir-rigward ta' din il-kwistjoni fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Frar 2010 dwar il-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, b'mod speċjali għall-impenn konġunt taż-żewġ istituzzjonijiet li jaqblu dwar il-bidliet ewlenin fil-preparazzjoni għal negozjati futuri mal-Kunsill tal-Ministri dwar l-adattament tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar Leġiżlazzjoni Aħjar għad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, skont il-ftehim politiku fuq il-bażi tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 2010 dwar ftehim ta' qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, tagħmel kull sforz biex il-Parlament u l-Kunsill jiġu trattati ndaqs fil-qafas tal-proċess leġiżlattiv, u b'hekk timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali tal-Parlament u l-Kunsill stabbilit fermament fit-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikolari billi hija tinforma liż-żewġ istituzzjonijiet fl-istess ħin dwar l-avvenimenti u l-iżviluppi kollha li jeffettwaw il-proċess leġiżlattiv u billi tiżgura aċċess ugwali għal-laqgħat u l-kontributi mogħtija jew għal informazzjoni oħra;

10.  Jenfasizza li l-proċess tas-simplifikazzjoni tal-liġi m'għandux iwassal għal tnaqqis fl-istandards li nsibu fid-dokumenti legali eżistenti, u għalhekk għandu jkun hemm konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, bħala element assolutament neċessarju ta' dan il-proċess;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-involviment akbar tal-parlamenti nazzjoniali fil-proċess leġiżlattiv Ewropew, b'mod partikolari fil-kontroll tal-konformità tal-proposti leġiżlattivi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà; jenfasizza l-ħtieġa għall-konformità mal-iskadenza ta' tmien ġimgħat għat-tressiq tal-kummenti tal-parlamenti nazzjonali;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitjiet tal-Kummissjoni li huma mmirati biex jiżguraw l-iskambju effikaċi ta' informazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u biex jiġu infurmati bih il-Parlament u l-Kunsill; iħeġġeġ ukoll lill-parlamenti nazzjonali biex jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-opinjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipji tas-sussidjarjetà u dawk li huma attribwibbli għall-proposti tal-Kummissjoni;

Valutazzjoni tal-impatt

13.  Jenfasizza r-responsabilità fundamentali tal-Kummissjoni għall-valutazzjonijiet tal-impatt; jitlob għall-iżvilupp ta' mekkaniżmi li jiggarantixxu l-indipendenza u l-kredibilità tal-analiżijiet imwettqa; fl-istess ħin jintrabat li jkompli jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tat-tibdiliet sostanzjali mwettqa minnu stess, li jiġu inklużi fil-proposti tal-Kummissjoni;

14.  Għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi b'mod sistematiku sommarju ta' bejn 2 u 4 paġni tal-valutazzjoni tal-impatt tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill, flimkien mal-valutazzjoni tal-impatt sħiħa meta tippreżenta l-proposta leġiżlattiva;

15.  Iħeġġeġ lill-kumitati kollha tal-Parlament biex, qabel kull diskussjoni dwar proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni, ikollhom skambju ta' opinjonijiet mal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt;

16.  Jirrikonoxxi, abbażi tal-esperjenza miksuba sa issa, il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-Approċċ Komuni Interistituzzjonali għall-Valutazzjoni tal-Impatt u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha jwettqu l-impenji tagħhom rigward il-valutazzjonijiet tal-impatt; jinnota l-konklużjonijiet tad-dokument ta' ħidma tal-konferenza tal-presidenti tal-Kumitati dwar din il-kwestjoni; iħeġġeġ l-inizjattivi meħudin mill-kumitati tal-Parlament biex jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjonijiet tal-impatt sabiex ikunu jistgħu jiġu skrutinizzati b'mod sħiħ mill-kumitati rilevanti mill-bidu u qabel l-ewwel skambju ta' opinjonijiet;

17.  Ifakkar, fl-istess ħin, lill-Kummissjoni li l-proposti ġodda kollha għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-konsegwenzi kollha u bl-applikazzjoni ta' approċċ integrat li fl-istess ħin jirrikjedi analiżi tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ekopolitiċi;

18.  Jenfasizza b'mod speċjali l-ħtieġa ta' analiżi korretta tal-konsegwenzi soċjali tal-proposti leġiżlattivi, fosthom, l-impatt tagħhom fuq is-suq tax-xogħol Ewropew u l-istandards ta' għajxien tas-soċjetà; jisħaq għal darba oħra dwar in-neċessità li jkun analizzat bir-reqqa l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq in-negozji;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-impatt għall-proposti kollha li jnaqqsu l-piż amministrattiv għax dan jippermetti analiżi ta' effetti sekondarji possibbli ta' dawn il-proposti;

20.  Ifakkar li l-Kummissjoni għandha twettaq, b'mod sistematiku, konsultazzjonijiet mal-partijiet kollha interessati, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji, għal valutazzjoni tal-impatt oġġettiva; iqis il-fatt li l-partijiet interessati jkunu infurmati dwar il-possibilità ta' parteċipazzjoni fil-konsultazzjonijiet bħala ħtieġa assoluta u jitlob li l-perjodu ta' konsultazzjoni li bħalissa huwa ta' tmien ġimgħat jiġi mtawwal; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara u tippubblika lista ċara u komprensiva tal-valutazzjonijiet tal-impatt ippjanati għas-sena ta' wara sabiex il-partijiet interessati jingħataw il-possibilità għal preparazzjoni xierqa;

21.  Jemmen li valutazzjonijiet tal-impatt oġġettivi huma għodda importanti ħafna għall-valutazzjoni ta' proposti tal-Kummissjoni u jitlob, għalhekk, għall-iskrutinju tal-kondotta tal-valutazzjonijiet tal-impatt minn korp indipendenti, li iżda għandu jagħti rendikont lill-Parlament;

22.  Jenfasizza li l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt għandha tkun soġġetta għal skrutinju kostanti; jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu bil-pożizzjoni tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt dwar it-titjib ġenerali fil-kwalità; jikkonferma li l-Bord qed japplika kriterji ta' valutazzjoni aktar stretti; jindika fl-istess ħin li l-persentaġġ għoli tal-valutazzjonijiet (ogħla minn 30%) li inizjalment ġew miċħuda mill-Bord huwa xhieda tal-bżonn li s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni jtejbu aktar il-kwalità tal-valutazzjonijiet; barra minn hekk, jitlob għal żieda fir-riżorsi tal-persunal attwali tal-Bord;

23.  Jinnota b'sodisfazzjon it-tħejjija ta' linji gwida ġodda għall-valutazzjonijiet tal-impatt min-naħa tal-Kummissjoni, partikolarment l-inklużjoni ta' grupp ta' kwistjonijiet marbuta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jantiċipa li l-linji gwida ġodda se jikkontribwixxu b'mod essenzjali għat-titjib fit-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt, u b'hekk anki għat-titjib tal-proposti leġiżlattivi;

24.  Jilqa' b'mod partikolari l-fatt li l-Linji-Gwida l-ġodda tal-Kummissjoni dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt jipprevedu analiżi tal-impatt tal-leġiżlazzjoni ġejjiena u tal-inizjattivi amministrattivi fuq l-SMEs (test tal-SMEs) u li r-riżultati ta' din l-analiżi se jitqiesu meta jitfassal l-abbozz tal-proposti; jenfasizza li l-applikazzjoni sistematika tat-test tal-SMEs fil-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni hija element importanti fl-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, u b'hekk tikkontribwixxi b'mod sinifikattivi għal ambjent regolatorju li jiffavorixxi l-SMEs; jistieden lill-Istati Membri japplikaw it-test tal-SMEs fil-livell nazzjonali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-aġenda “smart regulation”, li hija preżentata fil-linji gwida politiċi tal-President tal-Kummissjoni Barroso, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi kumulattivi fil-qasam tal-postevalwazzjoni, u wkoll biex tinkludi f'din l-aġenda indikaturi kwantittattivi, b'mod partikolari dawk marbuta mal-intenzjoni li jnaqqsu l-piżijiet burokratiċi;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku twettaq postevalwazzjoni tal-proposti leġiżlattivi adottati biex tiġi kkontrollata skont il-possibilitajiet, fost l-oħrajn, il-korrettezza ta' tbassir tal-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-proposti tagħha stess;

27.  Jinnota l-inizjattiva meħuda mill-Qorti tal-Awdituri li teżamina s-sistema tal-valutazzjonijiet tal-impatt u jistenna riżultati interessanti minn dawn l-azzjonijiet;

Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

28.  Jenfasizza l-importanza tat-tnaqqis fl-kostijiet tan-negozji li joperaw fl-Unjoni Ewropea, ħalli jkunu jistgħu jkomplu l-attività tagħhom b'mod effettiv fil-kundizzjonijiet ekonomiċi iebsa u jikkompetu globalment; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu standardizzati l-proċeduri amministrattivi pubbliċi; jenfasizza li tnaqqis fil-piż amministrattiv għandu jiffoka fuq rekwiżiti ta' informazzjoni bla bżonn u, bħala tali, jappoġġa bis-sħiħ il-prinċipju ta' “darba biss” stabbilit fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar; jenfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għan-negozji ma għandux ikollu konsegwenzi negattivi soċjali jew ambjentali;

29.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-riżultati tal-ħidma li saret sa issa mill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' proposti li wara l-adozzjoni tagħhom jippermettu tnaqqis tal-piż amministrattiv b'saħansitra 33% sal-2012 – titjib fuq l-impenn preċedenti ta' tnaqqis b'25%; jikkonferma li b'dan il-mod jistgħu jiġu ffrankati aktar minn EUR 40 biljun(5);

30.  Jinnota, b'mod partikolari, l-progress li għandu jsir fit-tħaddim ta' dawk il-proposti tal-Kummissjoni li joffru l-ikbar potenzjal għall-iffrankar (pereżempju l-eżenzjoni tal-mikroentitajiet mir-rekwiżiti stabbiliti mill-Unjoni fir-rigward tal-kontijiet finanzjari kif ukoll modifikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT għall-iffaċilitar tal-fatturazzjoni elettronika); jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw fil-Kunsill b'mod kostruttiv kif ukoll biex iwettqu b'mod effikaċi t-traspożizzjoni tad-dokumenti adottati għas-sistemi legali individwali tagħhom;

31.  Jikkonferma li l-programm ta' referenza għall-kejl tal-piżijiet amministrattivi wera li kien metodu utli, iżda jġorr ħafna spejjeż miegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra metodi alternattivi ta' kejl tal-piżijiet amministrattivi – bħal pereżempju konsultazzjoni mal-partijiet involuti –, li jippermettu t-tneħħija mingħajr dewmien ta' dawn il-piżijiet f'każijiet konkreti;

32.  Jenfasizza li l-Mudell tal-Ispiża Standard għall-kejl tal-piżijiet amministrattivi ma ġiex evalwat b'mod indipendenti;

33.  Jinnota fl-istess ħin li l-għadd tal-proposti li tressqu onlajn permezz ta' websajt speċifika huwa relattivament żgħir (148 fl-2008); jinnota li l-Kummissjoni għandha testendi l-possibilità li dawk ikkonċernati jiġbdu l-attenzjoni għal spejjeż eċċessivi li jirriżultaw mil-liġi Ewropea jew nazzjonali;

34.  Jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi huma strument eċċellenti għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u jħeġġiġha biex timplimenta l-premessi tal-Komunikazzjoni “e-Kummissjoni 2006-2010” kif ukoll l-Istrateġija i2010, li timmira biex timmodernizza l-amministrazzjoni Ewropea;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timplimenta l-premessi tal-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali; jintrabat li jeżamina b'mod effikaċi l-proposti leġiżlattivi relatati;

36.  Jikkonferma l-kontribut pożittiv tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi għall-programm immirat biex inaqqas dawn il-piżijiet, li qed jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea; jenfasizza, iżda, li l-kompożizzjoni tal-grupp għandha tkun ekwilibrata aħjar, bl-inklużjoni ta' aktar esperti li jkunu jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili u esperti minn Stati Membri oħrajn; jitlob termini ta' referenza għall-grupp ladarba jkun tkabbar kif ingħad, li għandhom jiġu prorogati sal-2013;

37.  Jinnota l-fatt li ċ-ċittadini mhumiex qegħdin f'pożizzjoni li jiddistingwu bejn piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mil-liġi Ewropea u dawk imposti mil-liġi tal-Istati Membri individwali, kif ukoll li l-piżijiet amministrattivi nazzjonali jikkontribwixxu lejn stampa x'aktarx negattiva tal-Unjoni Ewropea;

38.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li implimentazzjoni b'suċċess tal-Programm għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE titlob koperazzjoni attiva tal-Kummissjoni mal-Istati Membri sabiex ikunu evitati differenzi fl-interpretazzjoni u l-hekk imsejjaħ “goldplating” tal-leġiżlazzjoni (jiġifieri implimentazzjoni eċċessiva);

39.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod konsistenti l-għanijiet nazzjonali li stabbilixxew għall-qasam tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi; barra minn hekk huwa fiduċjuż li se tintlaħaq koperazzjoni siewja mal-parlamenti nazzjonali f'dan il-qasam;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE għal oqsma ġodda ta' prijorità u għal atti leġiżlattivi oħrajn, fuq il-bażi ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati milquta kollha, inklużi l-imsieħba soċjali, u l-valutazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli b'dan il-Programm ta' Azzjoni wara l-2012;

Kummenti istituzzjonali u proċedurali

41.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru s'issa mill-Kummissjoni għall-identifikazzjoni u t-tfassil ta' proposti għas-semplifikazzjoni u l-kodifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea; ifakkar, fl-istess ħin, in-neċessità ta' koperazzjoni interistituzzjonali tajba f'dan il-qasam, speċjalment billi l-Kummissjoni tirrevoka proposti leġiżlattivi li jkunu ġew irrikonoxxuti bħala żejda;

42.  Jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tinvesti fil-kodifikazzjoni ta' dokumenti legali kif ukoll biex tippreżenta r-rapport imħabbar għall-2009 li jiddeskrivi r-riżultati tal-programm kollu dwar l-armonizzazzjoni tal-liġi(6);

43.  Jenfasizza li l-modifikazzjoni tal-liġi fis-seħħ dejjem għandha ssir permezz ta' riformulazzjoni; fl-istess waqt jirrikonoxxi u japprezza d-drittijiet mogħtija lill-Kummissjoni fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva;

44.  Ifakkar fil-fatt li l-inizjattivi l-oħrajn favur is-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni huma suġġetti għall-proċedura leġiżlattiva normali u l-iskadenzi rilevanti; f'dan ir-rigward jiżgura li jagħmel l-isforzi kollha biex jeżamina l-proposti tal-Kummissjoni mill-aktar fis;

45.  Jiġbed l-attenzjoni għar-regolamentazzjoni ċara li hemm fit-TFUE(7), li jeskludi l-adozzjoni, mill-Parlament u mill-Kunsill, ta' dokumenti legali li skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat mhumiex previsti fir-rigward tal-qasam partikolari li jkun;

46.  Jixtieq jiskoraġġixxi r-rinunzja għal leġiżlazzjoni favur l-awtoregolazzjoni u l-koregolazzjoni jew anki miżuri oħra mhux leġiżlattivi; huwa tal-fehma li f'kull każ hemm bżonn ta' analiżi serja tal-konsegwenzi ta' tali deċiżjoni, b'kunsiderazzjoni tal-liġi tat-Trattati u l-kompetenza relattiva tal-istituzzjonijiet individwali;

47.  Fl-istess ħin ifakkar il-fatt li l-istrumenti tal-hekk imsejħa soft law għandhom ikunu applikati b'attenzjoni kbira u fuq bażi ġustifikata b'mod xieraq, mingħajr ħsara għaċ-ċertezza legali u l-fehim tal-liġi fis-seħħ, u wara konsultazzjoni mal-Parlament kif hemm enfasizzat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar Ftehim ta' Qafas rivedut;

48.  Jinnota b'sodisfazzjon l-iskambju mtejjeb ta' informazzjoni u dokumenti marbuta ma' miżuri ta' infurzar (komitoloġija), b'mod partikolari l-fatt li taħdem sew il-proċedura regolatorja l-ġdida relatata mal-monitoraġġ; fl-istess ħin jesprimi t-tama li t-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida introdotta bis-saħħa tat-Trattat ta' Lisbona se tkun ikkompletata b'mod effikaċi u mingħajr dewmien żejjed;

49.  Iqis, barra minn hekk, ta' importanza deċiżiva għadd ta' tibdiliet istituzzjonali li ġew introdotti permezz tat-Trattat ta' Lisbona u li se jħallu effett fuq it-tfassil tal-liġijiet fl-Unjoni Ewropea; jisħaq b'mod partikolari dwar l-importanza tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li għandha l-potenzjali ssir element essenzjali tad-dibattitu pubbliku Ewropew u jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar dan; jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kummissjoni biex jinħoloq strument effikaċi u li jinftiehem, bi kriterji ċari ta' ammissibbiltà, li jkun skont il-prattika tajba tal-proċess ta' tfassil tal-liġijiet tal-UE;

50.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li teżamina l-ammissibbiltà ta' proposta ta' inizjattiva taċ-ċittadini ex-ante sa minn meta tkun kisbet terz tad-dikjarazzjonijiet meħtieġa ta' appoġġ, biex iċ-ċittadini ma jkunux diżappuntati fil-każ li l-inizjattivi jiġu ddikjarati inammissibbli;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mhux biss il-limitu ta' żmien tagħha biex teżamina inizjattiva ppreżentata uffiċjalment, iżda wkoll il-limitu ta' żmien biex titressaq proposta leġiżlattiva fl-eventwalità li l-inizjattiva tkun ammissibbli;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha li tiffissa terminu preċiż li fih tilqa' t-talbiet tal-Parlament skont it-termini tal-Artikolu 225 TFUE, b'referiment speċifiku għall-impenn skont il-Ftehim ta' Qafas biex tfassal rapport dwar is-segwitu ta' kull talba għal inizjattivi leġiżlattivi kollha matul it-tliet xhur wara l-adozzjoni ta' rapport ta' inizjattiva leġiżlattiva u biex tissottomentti proposta leġiżlattiva l-aktar tard sa żmien sena;

53.  Fl-isfond tar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju, jappella lill-Kummissjoni li tuża bis-sħiħ id-drittijiet tagħha li jirriżultaw mill-Artikoli 258 u 260 tat-TFUE, speċjalment fejn jidħol in-nuqqas ta' notifiki dwar il-miżuri għat-traspożizzjoni tad-direttivi mill-Istati Membri;

54.  Jirrimarka li l-kwistjoni ta' leġiżlazzjoni aħjar hija marbuta direttament mal-kwistjoni tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni;

55.  Qiegħed isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-proġett pilota UE għal monitoraġġ bħal dan; huwa mħasseb li l-metodu propost għall-eżami tal-ilmenti jista' jwassal biex il-Kummissjoni ssir dipendenti wisq mill-Istati Membri;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0009.
(3) ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 16.
(4) ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 21 u ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 114.
(5) Ara paġna 6 tal-Programm ta' Azzjoni għat-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-UE. Il-Pjanijiet għat-Tnaqqis Settorjali u l-Azzjonijiet tal-2009 (COM(2009)0544).
(6) Ara l-punt 5 tat-Tielet Rapport ta' Progress dwar l-Istrateġija għas-Simplifikazzjoni tal-Ambjent Regolatorju (COM(2009)0017).
(7) Artikolu 296(3) TFUE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza