Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0493/2010

Dibattiti :

PV 07/09/2010 - 11
CRE 07/09/2010 - 11

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2010 - 5.2
CRE 09/09/2010 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0312

Testi adottati
PDF 242kWORD 78k
Il-Ħamis, 9 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa
P7_TA(2010)0312RC-B7-0493/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma u dwar il-moviment liberu fl-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 8, 20, 21, 19, 24, 25, 35 u 45,

–  wara li kkunsidra l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet Ewropej li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-każistika relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet relatati tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu d-drittijiet u l-prinċipji fundamentali li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, inklużi l-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni u tal-moviment liberu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 9, 10, 16, 18, 19, 20, 21, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Strateġija Ewropea għar-Roma(4), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi tal-etniċità fl-Italja(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar is-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u t-titjib tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol fl-UE(6), u tal-25 ta' Marzu 2010 dwar it-Tieni Laqgħa Għolja dwar ir-Roma(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(8), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(9), u d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda b'mezzi legali kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(10), id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(11), u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data(12),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti dwar ir-Roma, ir-razziżmu u l-ksenofobija fl-Istati Membri tal-UE fl-2009, ippubblikati mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali(13), u r-rapporti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta' Diċembru 2007 u Ġunju 2008, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali ta' Diċembru 2008 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-Inklużjoni tar-Roma, li ġew adottati fil-Lussemburgu nhar it-8 ta' Ġunju 2009,

–  wara li kkunsidra l-proklamazzjoni tal-2005 tad-Deċennju ta' Inklużjoni tar-Roma u tat-twaqqif tal-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma, minn għadd ta' Stati Membri tal-UE, ta' pajjiżi kandidati għall-UE u ta' pajjiżi oħra fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom preżenza sinifikanti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-immigrazzjoni tan-nisa: ir-rwol u l-post tal-immigranti nisa fl-Unjoni Ewropea(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ewwel Laqgħa Għolja Ewropea dwar ir-Roma (Brussell, 16 ta' Settembru 2008) u tat-Tieni Laqgħa Għolja Ewropea dwar ir-Roma (Córdoba, 8 ta' April, 2010),

–  wara li kkunsidra r-rapport li jmiss mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar “Strateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni tar-Roma”, li għandu joħroġ tard fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali fis-77 sessjoni tiegħu (2-27 Awwissu 2010),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu “r-Raba” Rapport tal-ECRI dwar Franza“, ippubblikat fil-15 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Għaxar Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Roma,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fit-Trattati tal-UE, li fosthom hemm il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni, id-drittijiet speċifiċi li jiddefinixxu ċ-ċittadinanza tal-UE u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali,

B.  billi dawn il-prinċipji huma implimentati permezz tad-Direttivi 2000/43/KE, 2000/78/KE, 2004/38/KE u 95/46/KE msemmija hawn fuq,

C.  billi l-popolazzjoni tal-10-12 biljun Roma Ewropej għadha tbati minn diskriminazzjoni sistematika serja fl-edukazzjoni (b'mod partikulari, is-segregazzjoni), fl-akkomodazzjoni (b'mod partikulari, żgumbramenti mġiegħla u kundizzjonijiet ta' għajxien inferjuri, ta' spiss f'getti), fix-xogħol (ir-rata ta' impjieg partikolarment baxxa tagħhom) u fl-aċċess ugwali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-servizzi pubbliċi l-oħra, u billi għandhom livell tabilħaqq baxx ta' parteċipazzjoni politika,

D.  billi maġġoranza tar-Roma Ewropej saru ċittadini tal-UE wara t-tkabbir tal-2004 u tal-2007, biex b'hekk huma u l-familji tagħhom bdew igawdu mid-dritt li jiċċaqalqu u jgħixu b'mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri,

E.  billi ħafna individwi u komunitajiet tar-Roma li ddeċidew li jgħixu fi Stat Membru differenti tal-UE minn dak taċ-ċittadinanza nazzjonali tagħhom jinsabu f'qagħda partikolarment vulnerabbli,

F.  billi diġà saru eżerċizzji ta' ripatrijazzjonijiet u ta' ritorni tar-Roma f'diversi Stati Membri, u dan l-aħħar fi Franza, fejn il-gvern keċċa jew irritorna lura “volontarjament” mijiet ta' ċittadini tar-Roma tal-UE, bejn Marzu u Awissu tal-2010,

G.  billi l-awtoritajiet Franċiżi stiednu lill-Ministri tal-Intern tal-Italja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, Spanja, il-Greċja, il-Kanada u l-Istati Uniti, u aktar “il quddiem tal-Belġju u rappreżentanti tal-Kummissjoni, għal laqgħa f'Pariġi f'Settembru biex jiġu diskussi l-”immigrazzjoni' u kwestjonijiet dwar il-moviment liberu li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE, laqgħa li għaliha ma ġewx mistiedna Stati Membri oħrajn, u billi l-Ministru tal-Intern tal-Italja ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel ħiltu biex l-UE ddaħħal miżuri aktar stretti dwar l-immigrazzjoni u l-moviment liberu, partikolarment għar-Roma,

H.  billi din l-imġiba kienet akkumpanjata mill-istigmatizzazzjoni tar-Roma u mill-antiżingariżmu f'diskors politiku,

I.  billi t-tribunal amministrattiv ta' Lille kkonferma deċiżjoni preċedenti tal-qorti tas-27 ta' Awwissu 2010 billi qaleb l-ordnijiet ta' deportazzjoni ta' seba' Roma, minħabba li l-awtoritajiet ma ppruvawx li kienu “theddida għall-ordni pubbliku”,

J.  billi talab lill-Kummissjoni bosta drabi biex tiżviluppa strateġija tal-UE dwar ir-Roma li tkun tippromwovi l-prinċipji ta' opportunitajiet indaqs u l-inklużjoni soċjali mal-Ewropa kollha,

K.  billi l-UE għandha bosta strumenti li jistgħu jintużaw biex jikkumbattu l-esklużjoni tar-Roma, bħall-opportunità l-ġdida prevista fil-Fondi Strutturali li tippermetti li jiġu allokati sa 2% tal-allokazzjoni totali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għal nefqa fuq l-akkomodazzjoni b'riżq il-komunitajiet emarġinati, li għandha tidħol fis-seħħ matul l-2010, jew il-possibbiltajiet eżistenti tal-Fond Soċjali Ewropew,

L.  billi l-progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma permezz tal-garanzija tad-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għas-saħħa, għall-akkomodazzjoni u għall-moviment liberu fl-Istati Membri kien diskontinwu u kajman, u billi għandha tiżdied ir-rappreżentazzjoni tar-Roma fl-istrutturi governattivi u fl-amministrazzjoni pubblika fl-Istati Membri,

1.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija fuq kollox komunità bbażata fuq il-valuri u l-prinċipji mfassla biex tinżamm u tiġi promossa soċjetà miftuħa u inklużiva u ċ-ċittadinanza tal-UE, partikolarment billi tiġi projbita kull forma ta' diskriminazzjoni;

2.  Jenfasizza d-dritt taċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-familji tagħhom għall-moviment liberu u r-residenza madwar l-UE, dritt li jirrappreżenta aspett fundamentali taċ-ċittadinanza tal-UE kif definit mit-Trattati u li hu implimentat mid-Direttiva 2004/38/KE, li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri kollha u għandhom ikunu konformi magħha;

3.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Franċiżi u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra mmirati lejn ir-Roma u t-Travellers u li wasslu għall-espulsjoni tagħhom; iħeġġeġ lil dawk l-awtoritajiet biex minnufih jissospendi l-espulsjonijiet kollha tar-Roma, u fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u lill-Istati Membri biex jintervjenu bl-istess talba;

4.  Jenfasizza li t-tkeċċijiet kollettivi huma projbiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u li dawn il-miżuri jiksru t-Trattati u l-liġi tal-UE, billi jirrappreżentaw diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' razza u etniċità u ksur tad-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-familji tagħhom fl-UE;

5.  Huwa mħasseb ħafna, partikolarment dwar ir-retorika diskriminatorja b'mod miftuħ u xewwiexa li kkaratterizzat id-diskors politiku waqt ir-ripatrijar tar-Roma, li wasslet għal dikjarazzjonijiet razzisti u azzjonijiet minn gruppi tal-lemin estrem; għalhekk ifakkar lil min ifassal il-politiki dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom u jirrifjuta kwalunkwe dikjarazzjoni li torbot lill-minoranzi u l-immigrazzjoni mal-kriminalità u li toħloq sterjotipi diskriminatorji;

6.  Ifakkar li f'dan is-sens, id-Direttiva 2004/38/KE tipprovdi għal restrizzjonijiet dwar il-libertà tal-moviment u l-espulsjoni ta' ċittadini tal-UE biss bħala eċċezzjonijiet u timponi limiti speċifiċi u ċari fuq miżuri bħal dawn; partikolarment deċiżjonijiet ta' espulsjoni għandhom jiġu valutati u ttrattati fuq bażi individwali, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi personali u b'garanzija tas-salvagwardji proċedurali u kumpens (Artikoli 28, 30, 31);

7.  Jenfasizza wkoll li, skont id-Direttiva 2004/38/KE, in-nuqqas ta' mezzi ekonomiċi fl-ebda ċirkustanza ma jista' jiġġustifika l-espulsjoni awtomatika ta' ċittadini tal-UE (Premessa 16, Artikolu 14) u li restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment u r-residenza għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika jistgħu jiġu imposti biss abbażi ta' mġiba personali, u mhux fuq kunsiderazzjonijiet ġenerali ta' prevenzjoni jew oriġini etnika jew nazzjonali;

8.  Jenfasizza wkoll, li t-teħid ta' marki ta' swaba ta' persuni tar-Roma espulsi huwa illegali u jmur kontra l-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Article 21.1 u 2), it-Trattati tal-UE u l-liġi tal-UE, partikolarment id-Direttivi 2004/38/KE u 2000/43/EC;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkonformaw b'mod strett mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE u jneħħu l-inkonsistenzi fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Moviment Ħieles; itenni it-talbiet preċedenti tiegħu biex l-Istati Membri jirrevedu u jirrevokaw liġijiet u politiki li jkunu ta' diskriminazzjoni kontra r-Roma fuq il-bażi tar-razza u tal-etniċità, b'mod dirett jew indirett, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jissorveljaw l-applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tat-Trattati u tad-direttivi li jistabbilixxu miżuri kontra d-diskriminazzjoni u dwar il-moviment liberu, partikolarment għar-Roma, u biex jieħdu l-miżuri neċessarji fil-każ li ma jiġux applikati, partikolarment billi jressqu proċeduri ta' ksur;

10.  Iqis li s-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa ma tista' bl-ebda mod taffettwa d-dħul dalwaqt tar-Rumanija u l-Bulgarija fiż-żona Schengen, u lanqas il-jeddijiet taċ-ċittadini tagħhom;

11.  Jiddeplora serjament ir-reazzjoni tard u limitata tal-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, għall-bżonn li tiġi vverifikata l-konsistenza tal-azzjonijiet tal-Istati Membri mal-liġi primarja tal-UE u l-leġiżlazzjoni tal-UE, l-iktar id-direttivi msemmija hawn fuq dwar in-nondiskriminazzjoni, il-moviment liberu u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali; itenni t-tħassib tiegħu rigward l-implikazzjonijiet tal-allokazzjoni attwali tar-responsabbiltajiet rigward il-politiki tar-Roma fost il-Membri tal-Kummissjoni, u jitlob għal koordinazzjoni orizzontali b'saħħitha biex fil-ġejjieni jkun hemm garanzija ta' reazzjonijiet effikaċi u f'waqthom;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm mal-valuri u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u t-Trattati u biex tirreaġixxi fil-pront b'analiżi sħiħa dwar is-sitwazzjoni fi Franza u fl-Istati Membri kollha rigward il-konformità tal-politiki tar-Roma mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-NGOs u r-rappreżentanti tar-Roma;

13.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li minkejja l-urġenza tal-kwestjoni, il-Kummissjoni għadha ma weġbitx għat-talbiet tiegħu ta' Jannar 2008 u Marzu 2010 biex tipprepara Strateġija Ewropea għar-Roma, bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri; jerġa jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa Strateġija Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma;

14.  Iqis li l-UE u l-Istati Membri kollha għandhom ir-responsabbiltà li jippromwovu l-inklużjoni tar-Roma u li dan jeħtieġ approċċ komprensiv fil-livell tal-UE fil-forma ta' Strateġija tal-UE għar-Roma, ibbażata fuq l-impenji li ħarġu mit-Tieni Laqgħa Għolja Ewropea dwar ir-Roma f'Cordoba:

   l-integrazzjoni tal-kwestjonijiet tar-Roma fil-politiki Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni kontra r-razziżmu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;
   it-titjib tat-tfassil tal-pjan direzzjonali tal-pjattaforma integrata dwar l-inklużjoni tar-Roma u l-prijoritizzazzjoni tal-objettivi u riżultati fundamentali;
   l-iżgurar li l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-Unjoni Ewropea jkunu disponibbli għar-Roma u l-għajnuna għat-titjib tal-integrazzjoni soċjali tagħhom permezz ta' monitoraġġ tal-użu ta' riżorsi; l-introduzzjoni ta' kundizjonalità ġdida sabiex jiġi żgurat li l-użu ta' fondi jindirizza aħjar is-sitwazzjoni tar-Roma;

15.  Jiddeplora serjament in-nuqqas ta' rieda politika mill-Istati Membri fit-Tieni Laqgħa Għolja Ewropea għar-Roma, bl-attendenza ta' tliet ministri biss, u jistieden lill-Istati Membri biex japprovaw miżuri konkreti li jistimulaw l-impenji li ħarġu mid-dikjarazzjoni konġunta tas-Laqgħa Għolja tar-Roma maħruġa mill-Presidenza Trio;

16.  Iqis li huwa essenzjali li jitwaqqaf programm ta' żvilupp kumpless li jiffoka b'mod simultanju fuq l-oqsma politiċi relatati kollha u jippermetti li jkun hemm intervent immedjat fl-inħawi tal-getti li qed jissieltu kontra żvantaġġi strutturali serji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li waqt l-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi jkun hemm konformità stretta mad-dispożizzjonijiet dwar l-opportunitajiet indaqs, sabiex il-proġetti ma jsaħħux b'mod dirett jew indirett is-segregazzjoni u l-esklużjoni tar-Roma; jenfasizza li fl-10 Frar 2010 l-Parlament adotta rapport dwar l-eliġibilità ta' interventi favur l-akkomodazzjoni ta' komunitajiet emarġinati, li jippermetti li jsiru interventi fl-akkomodazzjoni f'isem gruppi vulnerabbli fi ħdan il-qafas tal-FEŻR, u jitlob li ssir implimentazzjoni rapida tar-regolament rivedut, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu attiv minn din l-opportunità;

17.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod effikaċi politiki li jindirizzaw in-nisa Roma, li huma vittmi ta' diskriminazzjoni doppja: bħala Roma u bħala nisa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati lejn in-nisa Roma kif ukoll lejn il-pubbliku ġenerali, u biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti biex jiġġieldu kontra d-drawwiet kulturali diskriminatorji u l-mudelli ta' mġiba patrijarkali, biex jevitaw il-polarizzazzjoni u jittrattaw l-isterjotipi sessisti prevalenti u l-istigmatizzazzjoni soċjali li fuqhom hi msejsa l-vjolenza kontra n-nisa, u biex jiżguraw li ma jkun hemm ebda ġustifikazzjoni għall-vjolenza fuq bażi ta' drawwiet, tradizzjonijiet jew kunsiderazzjonijiet reliġjużi;

18.  Jesprimi t-tħassib rigward ir-ripatriju mġiegħel tar-Roma lejn pajjiżi fil-Balkani tal-Punent fejn jistgħu jsibu ruħhom mingħajr kenn u jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri biex jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tar-Roma jiġu rrispettati, pereżempju biex jiġu pprovduti b'assistenza xierqa u monitoraġġ;

19.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jadotta pożizzjoni komuni dwar il-fondi strutturali u l-fondi ta' qabel l-adeżjoni, li tkun tirrifletti l-impenn politiku Ewropew sabiex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Roma u sabiex ikun żgurat li jitqiesu l-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Inklużjoni tar-Roma waqt kwalunkwe reviżjoni tal-Programmi Operattivi rilevanti, b'antiċipazzjoni tal-perjodu ta' programmazzjoni li jkun imiss; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza u tivvaluta l-impatt soċjali li kellhom sa issa l-investimenti tal-fondi għal qabel l-adeżjoni u l-fondi strutturali li ffukaw fuq l-inklużjoni tar-Roma, biex ikun possibbli li jinsiltu konklużjonijiet u jitfasslu strateġiji u regoli ġodda kemm-il darba jitqiesu meħtieġa f'dan il-qasam;

20.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jimmobilizzaw finanzjament xieraq għal proġetti dwar l-integrazzjoni tar-Roma, għall-allokazzjoni ta' dawn il-fondi lill-Istati Membri, għall-monitoraġġ tal-użu ta' fondi u tal-implimentazzjoni xierqa tal-proġetti, u biex tkun evalwata l-effikaċja tagħhom, u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni joħorġu rapport dwar din il-kwestjoni flimkien ma' proposti xierqa;

21.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jinvolvu lill-komunitajiet tar-Roma, mil-livell l-aktar bażiku sa dak tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi, fil-proċess tal-iżvilupp ta' politika komprensiva tal-UE dwar ir-Roma, fl-aspetti kollha tal-ippjanar, tal-implimentazzjoni u tas-superviżjoni, u biex jintużaw ukoll l-esperjenzi tad-Deċennju ta' Inklużjoni tar-Roma 2005–2015, il-Pjan ta' Azzjoni tal-OSKE, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Parlament Ewropew;

22.  Jistieden lill-kumitat responsabbli tiegħu, billi jaħdem mal-parlamenti nazzjonali u wara konsultazzjoni mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, li għandu jfassal rapport, u NGOs u entitajiet li jittrattaw id-drittijiet tal-bniedem u kwestjonijiet tar-Roma biex isegwu l-kwestjoni u jippreparaw rapport dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Ewropa, filwaqt li jibnu fuq riżoluzzjonijiet u rapporti preċedenti tal-Parlament; mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bejn il-pari għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-UE biex jimmonitorja u jiżgura l-konformità tal-Istati Membri;

23.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu strettament mal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Razzjali billi, minnufih, japprovaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali fis-77 sessjoni tiegħu;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.
(2) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 283.
(3) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 428.
(4) ĠU C 68 E, 21.3.2009, p. 31.
(5) ĠU C 294 E, 3.12.2009, p. 54.
(6) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 60.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0085.
(8) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(9) ĠU L 303, , 2.12.2000, p. 16.
(10) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(11) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(12) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(13) Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofonija fl-Istati Membri tal-UE fl-2009; Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni, Rapport li Jiffoka fuq id-Data: Ir-Roma fl-2009; Il-Qagħda taċ-Ċittadini tar-Roma tal-UE li Jmorru u Jgħixu fi Stati Membri oħra tal-UE; u l-Kundizzjonijiet tal-Akkomodazzjoni tar-Roma u tat-Travellers fl-Unjoni Ewropea: Rapport Komparattiv.
(14) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 118.

Avviż legali - Politika tal-privatezza