Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2010 dwar is-sitwazzjoni tax-Xmara Ġordan b'attenzjoni speċjali għall-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Paċi tal-1994 bejn l-Istat tal-Iżrael u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Pariġi għall-Mediterran tat-13 ta' Lulju 2008,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interim tal-1995 bejn l-Iżrael u l-Palestina dwar il-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta' Gaża (il-Ftehim Oslo II) u b'mod partikolari l-Artikoli 12 u 40 tal-Anness III tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali Dinji ffirmata fis-16 ta' Novembru 1972,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni dwar is-Sitwazzjoni fil-Wied tal-Ġordan tal-Kumitat Ad Hoc dwar l-Enerġija, l-Ambjent u l-Ilma tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (APEM), li ġiet adottata fis-Sitt Sessjoni Plenarja tal-APEM li saret f'Amman mit-12 sal-14 ta' Marzu 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' proċedura tiegħu,
A. billi x-Xmara Ġordan, b'mod partikolari l-medda ta' isfel tagħha, tirrappreżenta pajsaġġ kulturali ta' sinifikat universali b'importanza storika, simbolika, reliġjuża, ambjentali, agrikola u ekonomika kbira kemm għal-Lvant Nofsani u lil hinn minnu,
B. billi x-Xmara Ġordan qed tinqered għal kollox minħabba sfruttament żejjed, tniġġis, ġestjoni ħażina u nuqqas ta' kooperazzjoni reġjonali; billi hu stmat li 98% tar-riżorsi tal-ilma ħelu tax-Xmara ġew inkanalati xi mkien ieħor mill-Iżrael, mill-Ġordan u mis-Sirja, bir-riżultat li ntilef 50% tal-bijodiversità,
C. billi lejn l-aħħar tal-2011 huwa ppjanat li jibdew joperaw ċentri ġodda għat-trattament tal-ilma mormi maħsuba biex ineħħu l-likwidu ta' tniġġis li attwalment huwa preżenti fil-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan; billi, jekk ma jiġux żviluppati prattiċi sodi u sostenibbli għall-ġestjoni tal-ilma u ma jkunux allokati riżorsi ta' ilma ħelu għall-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan biex jikkoinċidu mal-operat ta' dawn iċ-ċentri, huwa probabbli li sa tmiem l-2011 se jinxfu meded twal tax-Xmara,
D. Billi r-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b'mod partikolari l-medda ta' isfel tagħha, hi ta' importanza kbira għall-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaffaċċjaw l-istess sfidi tal-ilma, u toffri benefiċċji immensi għall-ekonomija u għall-bini tal-fiduċja; billi l-kooperazzjoni attiva bejn il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali kkonċernati tista' tagħti kontribut ewlieni għall-isforzi favur il-bini ta' paċi reġjonali,
E. billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent qiegħda tħabbat wiċċha ma' skarsezzi gravi tal-ilma; billi l-bdiewa Palestinjani huma affettwati b'mod gravi bin-nuqqas ta' ilma għall-irrigazzjoni, u dan minħabba li fil-biċċa l-kbira jintuża mill-Iżrael u mill-Iżraeljani li jgħixu fl-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent; billi d-disponibilità ta' riżorsi suffiċjenti tal-ilma hija essenzjali għall-vijabilità ta' Stat Palestinjan futur,
F. billi l-finanzjament tal-UE qiegħed jikkontribwixxi għat-tentattivi biex jittaffew l-isfidi ambjentali li qed jiffaċċjaw l-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan,
1. Jiġbed l-attenzjoni għad-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u partikolarment tal-medda ta' isfel tagħha u jesprimi t-tħassib tiegħu f'dan ir-rigward;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara biex jikkooperaw u jirriabilitaw ix-Xmara Ġordan billi jfasslu u jimplimentaw politiki li jiffokaw kemm fuq l-ilħiq ta' riżultati konkreti fl-oqsma relatati mal-ġestjoni tad-domanda domestika u agrikola għall-ilma, il-konservazzjoni tal-ilma u l-ġestjoni tad-drenaġġ u tal-iskart likwidu agrikolu u industrijali, kif ukoll fuq l-iżgurar ta' kwantità adegwata ta' flussi tal-ilma ħelu fil-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan;
3. Jilqa' l-kooperazzjoni bejn il-komunitajiet lokali Iżraeljani, Ġordaniżi u Palestinjani li jaffaċċjaw sfidi tal-ilma simili fl-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan; jistieden lill-Iżrael u lill-Ġordan biex jonoraw kompletament l-impenji li ħadu fit-Trattat ta' Paċi bejniethom fir-rigward tar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan;
4. Jilqa' l-inizjattiva tal-Ministeru Iżraeljan tal-Ambjent biex jitfassal pjan direttur għall-iżvilupp tal-pajsaġġ fl-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan; iħeġġeġ lill-Gvern Ġordaniż u lill-Awtorità Palestinjana biex jieħdu inizjattivi analogi bil-għan li jadottaw pjanijiet direttur għar-riabilitazzjoni tat-taqsimiet tax-xmara li jgħaddu mit-territorji rispettivi tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għax-xmara għall-partijiet ikkonċernati kollha u jinnota li dawn il-pjanijiet diretturi jafu jsiru bażi għal pjan reġjonali komprensiv għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-inħawi tal-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan;
5. Jilqa' l-applikazzjoni ta' metodi u teknoloġiji avvanzati tal-ġestjoni tal-ilma fl-Iżrael, u jħeġġeġ l-użu ġust ta' dawn il-metodi u t-trasferiment tat-teknoloġiji involuti lejn il-pajjiżi kollha tar-reġjun; jistieden lill-komunità internazzjonali, inkluża l-Unjoni Ewropea, biex tintensifika l-isforzi sabiex jingħata aktar sostenn finanzjarju u tekniku lill-proġetti kooperattivi f'dan il-qasam;
6. Jistieden lill-gvernijiet tal-Iżrael u tal-Ġordan u lill-Awtorità Palestinjana biex jaħdmu fi spirtu ta' kooperazzjoni bil-għan li jsalvaw il-medda ta' isfel tax-Xmara Ġordan u jħeġġiġhom jistabbilixxu, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, Kummissjoni għall-Baċir tax-Xmara Ġordan, li tkun miftuħa għal pajjiżi oħrajn li jinsabu fuq ix-xatt tax-xmara;
7. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex iħeġġu u jappoġġaw pjan komprensiv biex titranġa d-devastazzjoni tax-Xmara Ġordan u biex ikomplu jagħtu sostenn finanzjarju u tekniku għar-riabilitazzjoni tax-Xmara Ġordan, u b'mod partikolari l-medda ta' isfel tagħha, fl-ambitu wkoll tal-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran;
8. Jerġa' jenfasizza li l-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma, b'mod partikolari d-distribuzzjoni ġusta tal-ilma skont il-bżonnijiet tal-popli kollha li jgħixu fir-reġjun, hija ta' importanza enormi għal paċi u stabilità dejjiema fil-Lvant Nofsani;
9. Huwa tal-fehma, fl-istess ħin, li għandha tiġi inkluża referenza ċara u speċifika għall-proċess ta' riabilitazzjoni ta' din iż-żona fil-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat imfassla mal-Iżrael, il-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana; jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tniedi studju konġunt dwar ix-Xmara Ġordan;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern Iżraeljan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Libanu, lill-President tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Parlament u lill-Gvern tas-Sirja.