Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku (2010/2012(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar Google (Kawżi Konġunti C-236/08 sa C-238/08, sentenza tat-23 ta' Marzu 2010) u BergSpechte (Każ C-278/08, sentenza tal-25 ta' Marzu 2010) li jiddefinixxu n-nozzjoni ta' “utent tal-Internet normalment informat u raġonevolment attent” bħala l-konsumatur standard tal-internet,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi(1),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2008 ta' SOLVIT dwar l-iżvilupp u r-rendiment tan-netwerk SOLVIT (SEC(2009)0142), id-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2008 dwar pjan ta' azzjoni għal approċċ integrat għall-għoti ta' servizzi ta' għajnuna tas-suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozju (SEC(2008)1882) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Marzu 2010 dwar SOLVIT(2),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv ” (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2009 intitolata “Gwida dwar l-implimentazzjoni/l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali” (SEC(2009)1666),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557),
– wara li kkunsidra l-istudju “Valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE permezz ta' xiri bil-moħbi” li sar f'isem il-Kummissjoni Ewropea, DĠ SANCO, minn YouGovPsychonomics u li ġie ppubblikat fl-20 ta' Ottubru 2009,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2009 dwar is-segwitu fis-servizzi finanzjarji għall-konsumatur għat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (SEC(2009)1251),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2009 dwar metodoloġija armonizzata għall-ikklassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (COM(2009)0346) u l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SEC(2009)0949),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (COM(2009)0336),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2009 intitolat “Rapport dwar kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE” (SEC(2009)0283),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-kummerċ internazzjonali u l-internet(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 intitolata “Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (COM(2009)0025) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha intitolat “It-Tieni Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (SEC(2009)0076),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-kunfidenza tal-konsumatur fl-ambjent diġitali(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata)(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti u r-reviżjoni tal-acquis: prospettivi għall-futur(7) u tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-liġi Ewropea dwar il-kuntratti(8),
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni attwali tal-Komunità fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-kummerċ elettroniku u l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Qafas Regolatorju tal-UE għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (COM(2006)0334),
– wara li kkunsidra l-Ewwel Rapport dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku tal-21 ta' Novembru 2003 (COM(2003)0702),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 dwar it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE(9),
– wara li kkunsidra l-Mudell ta' Liġi tal-UNCITRAL dwar il-kummerċ elettroniku tal-1996, il-Mudell ta' Liġi tal-UNCITRAL dwar il-firem elettroniċi tal-2001 u l-Konvenzjoni tal-UNCITRAL dwar l-Użu ta' Komunikazzjonijiet Elettroniċi fil-Kuntratti Internazzjonali tal-2005(10),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 TFUE, li jistipula li “il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġixxu żvilupp sostenibbli”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jistipula li “fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' politika u attivitajiet oħra tal-Unjoni għandu jingħata kont tal-ħtiġijiet tal-ħarsien tal-konsumatur”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 tiegħu dwar servizzi ta' interess (ekonomiku) ġenerali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0226/2010),
A. billi l-Ewropa mhux biss għandha tfittex il-modijiet biex tkompli tiżviluppa s-suq intern għall-kummerċ elettroniku imma għandha tistħarreġ ukoll kif tnedija mill-ġdid sostenibbli tas-suq intern tista' tinkiseb bl-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku,
B. billi r-rapport ta' Mario Monti tad-9 ta' Mejju 2010 “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku” jisħaq fuq il-fatt li “is-suq uniku laħaq l-aktar livelli batuti ta' popolarità, filwaqt li l-Ewropa teħtieġu aktar minn qatt qabel”; billi r-rapport jinnota wkoll li l-kummerċ elettroniku flimkien mas-servizzi innovattivi u l-industriji ekoloġiċi jżommu f'idejhom l-akbar dividendi tat-tkabbir u tal-impjiegi għall-futur u għalhekk jirrappreżentaw fruntiera ġdida tas-suq uniku,
C. billi l-kummerċ elettroniku huwa forza vitali tal-internet u katalista importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020 għas-suq intern, billi huwa importanti għall-partijiet interessati kollha li jikkooperaw biex jegħlbu l-ixkiel li għad fadal,
D. billi l-kummerċ elettroniku jiffaċilita u jippromwovi l-iżvilupp ta' niċeċ ġodda fis-suq għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju li ma jkunux jeżistu altrimenti,
E. billi, sabiex jiġi żblukkat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tal-UE, in-negozjanti tal-kummerċ elettroniku għandhom jitħeġġu biex jippromwovu l-prodotti tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE permezz ta' promozzjoni diretta jew ta' għodod ta' komunikazzjoni oħra,
F. billi l-kummerċ elettroniku huwa suq fundamentali tas-seklu XXI għall-Unjoni Ewropea, li għandu l-potenzjal li jsawwar mill-ġdid is-suq intern Ewropew, li jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-għerf, li jipprovdi valur u opportunitajiet lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej f'dan iż-żmien ta' tensjoni finanzjarja, u li jkollu impatt sinifikanti u pożittiv fuq l-impjiegi u t-tkabbir; billi l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku jista' jtejjeb il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE, fil-qafas tal-istrateġija tal-Kummissjoni UE 2020, inklużi l-iżvilupp u l-promozzjoni ta' forom ġodda ta' intraprenditorjat għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju,
G. billi huwa kruċjali li jinkiseb funzjonament effikaċi tas-suq intern biex jiġu sodisfatti l-għanijiet tal-aġenda ta' Lisbona li jiżdiedu t-tkabbir, il-kompetizzjoni u l-ħolqien ta' impjiegi inklużivi u kompetittivi biex iservu lill-500 miljun konsumatur fl-UE u l-benessri tagħhom; billi l-kummerċ elettroniku transkonfinali jġib miegħu benefiċċji soċjoekonomiċi importanti għall-konsumaturi Ewropej, bħal żieda fil-konvenjenza u l-awtonomija, tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumatur, żieda fit-trasparenza u l-kompetizzjoni, aċċess għal varjetà usa' ta' prodotti u servizzi minn fejn wieħed jista' jqabbel u jagħżel, u potenzjal konsiderevoli għall-iffrankar,
H. billi, waqt il-kriżi ekonomika riċenti, l-iżvilupp tas-soċjetà diġitali u l-ikkompletar tas-suq intern fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ppermettew li s-settur tal-kummerċ elettroniku jkompli jikber u joħloq impjiegi, biex b'hekk jgħin lin-negozji fuq l-internet jibqgħu ekonomikament attivi u jippermetti li l-konsumaturi japprofittaw minn għażla ikbar u prezzijiet aħjar; billi l-kummerċ transkonfinali għandu benefiċċji sinifikanti għall-kumpaniji tal-UE – partikolarment għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju – li jistgħu jipprovdu servizzi u prodotti innovattivi, ta' kwalità għolja u attraenti għall-konsumatur fis-suq intern Ewropew fuq l-internet, waqt li jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom u jippermettilhom jibqgħu kompetittivi fl-ekonomija globali,
I. billi l-kummerċ elettroniku joffri għażla usa' lill-konsumaturi, speċjalment lil dawk li jgħixu f'żoni inqas aċċessibbli, remoti jew periferiċi, kif ukoll lil dawk b'mobilità mnaqqsa li altrimenti ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesgħa ta' prodotti; billi l-kummerċ elettroniku huwa ta' benefiċċju partikolari għaċ-ċittadini fiż-żoni rurali, remoti u periferiċi li altrimenti ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesa' ta' prodotti b'konvenzjenza jew b'valur ta' dan it-tip,
J. billi t-Tieni Rapport dwar l-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku ilu mistenni mill-2005, jiġifieri ħames snin ilu (Artikolu 21 tad-Direttiva 2000/31/KE),
K. billi l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tistabbilixxi objettivi ta' rendiment raġonevoli għall-kopertura tal-broadband b'veloċità għolja u b'veloċità estremament għolja u għall-penetrazzjoni tal-kummerċ elettroniku,
L. billi l-fiduċja tal-konsumatur u tan-negozju Ewropew fl-ambjent diġitali hu baxx minħabba ostakli mhux neċessarji għall-kummerċ elettroniku bħal ma huma l-frammentazzjoni tas-suq tal-UE, l-inċertezza tal-konsumaturi dwar il-kunfidenzjalità tad-data, is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet u d-drittijiet tal-konsumatur f'każ ta' problemi, u billi f'ċerti aspetti tal-kummerċ elettroniku l-Ewropa waqgħet lura meta mqabbla mal-Istati Uniti u l-Asja; billi l-ħolqien ta' “Suq DiġitaliUniku”, li jiffaċilita t-tranżazzjonijiet bejn il-fruntieri nazzjonali f'ambjent onlajn għall-konsumaturi kollha madwar l-Unjoni Ewropea, huwa element importanti li jagħti saħħa mill-ġdid lis-Suq Uniku minħabba li liċ-ċittadini jipprovdilhom għażla usa' ta' prodotti u servizzi; billi huwa essenzjali li jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali u li tingħata spinta lill-fiduċja tal-konsumatur sabiex jinkiseb suq diġitali uniku attraenti u integrat għall-Ewropa u jiġu stimulati s-swieq tal-konsumatur u l-ekonomija usa“,
M. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġenda diġitali, li tirrikonoxxi li ta' spiss il-konsumaturi fl-UE jagħżlu li jagħmlu tranżazzjonijiet ma' ditti bbażati barra mill-UE, pereżempju fl-Istati Uniti, fattur li jindika l-bżonn li tiġi żviluppata politika għat-tħeġġiġ ta' forom globali ta' kummerċ elettroniku, flimkien mal-ħtieġa li tiġi promossa l-importanza tal-internazzjonalizzazzjoni tal-governanza tal-internet bi qbil mal-Aġenda ta' Tuneż; billi la l-konsumaturi u lanqas in-negozji ma jistgħu japprofittaw mill-benefiċċji ta' Suq Diġitali Uniku minħabba li ftit bejjiegħa fuq l-internet ibigħu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom lil Stati Membri oħra u dawk li jagħmlu dan ibigħu biss lil għadd limitat ta' Stati Membri; billi hemm bżonn li d-diskriminazzjoni tal-konsumatur tiġi indirizzata, inkluż fil-waqt tal-ħlas, billi jiġi żgurat li jkunu jeżistu dispożizzjonijiet sabiex jitwettqu u jaslu l-ħlas u l-kunsinja; billi l-kummerċ elettroniku huwa parti sinifikanti tal-ekonomija prinċipali, u n-negozji u l-konsumaturi qegħdin dejjem iżjed jużaw prattiki kummerċjali kemm elettroniċi, kif ukoll tradizzjonali biex jisiltu l-benefiċċju massimu għalihom,
N. billi l-kummerċ elettroniku huwa internazzjonali u ma jistax jitrażżan għal ġol-fruntieri tal-UE,
O. billi l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tistabbilixxi objettivi ta' rendiment raġonevoli għall-kopertura tal-broadband b'veloċità għolja u b'veloċità estremament għolja u għall-penetrazzjoni tal-kummerċ elettroniku,
P. billi l-frammentazzjoni ta' parti mis-suq elettroniku fl-UE tipperikola d-drittijiet stipulati fl-acquis communautaire,
Q. billi l-konsumaturi u n-negozji Ewropej ftit għandhom ċertezza legali fir-rigward tal-kummerċ elettroniku transkonfinali u billi tranżazzjoni elettronika waħda hija soġġetta għal ħafna dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu rekwiżiti diverġenti, u minħabba dan l-operaturi tan-negozju jew il-konsumaturi mhumiex provduti b'regoli ċari u li jistgħu jiġu infurzati faċilment,
R. billi tista' tingħad l-istess ħaġa għall-kummerċ elettroniku lil hinn mill-Ewropa, peress li ta' spiss il-konsumaturi Ewropej ma jagħmlux differenza bejn Stati Ewropej u stati terzi meta jixtru u jbiegħu fuq l-internet; billi għalhekk hemm bżonn li anke l-pajjjiżi terzi jiġu involuti fl-isforzi biex il-kummerċ elettroniku jsir aktar trasparenti, affidabbli u responsabbli,
S. billi d-dimensjoni transkonfinali li kulma tmur qiegħda tikber tas-swieq tal-konsumaturi toħloq sfidi ġodda għall-awtoritajiet tal-infurzar, li huma mxekkla mill-fruntieri ġurisdizzjonali u l-frammentazzjoni tal-qafas regolatorju,
T. billi l-eżistenza ta' servizzi illegali fuq l-internet ixxekkel b'mod serju l-iżvilupp ta' swieq leġittimi għal ċerti servizzi diġitali, b'mod partikolari għall-mużika, il-films u, dejjem iżjed, għall-kotba u l-magażins; billi l-proprjetà intellettwali għandha rwol kruċjali fid-dinja diġitali u billi l-protezzjoni tagħha, b'mod partikolari fuq l-internet, għadha sfida sinifikanti u, għalhekk, estremament importanti,
U. billi l-utenti tal-kummerċ elettroniku għandhom id-dritt għal kumpens meta jkunu affettwati minn prattiki illegali, imma fil-prattika jaffaċċjaw ostakli sostanzjali biex iressqu każijiet ta' dan it-tip quddiem il-qorti minħabba nuqqas ta' informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni li tapplika fl-Istati Membri differenti, il-proċeduri twal u kumplessi u r-riskji assoċjati mal-litigazzjoni, b'mod partikolari f'każijiet transkonfinali, u l-ispejjeż kbar,
V. billi l-infurzar tad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali jikkostitwixxi kundizzjoni importanti għall-kummerċ elettroniku,
W. billi, minkejja l-potenzjal ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, sistemi ta' dan it-tip jintużaw b'mod regolari minn 5% biss mill-bejjiegħa, u 40% tal-bejjiegħa lanqas biss jafu dwar il-possibilitajiet li jużaw dawn l-għodod,
X. billi jekk jsiru uniformi d-drittijiet l-aktar essenzjali tal-konsumaturi, kif ukoll l-ispejjeż postali u bankarji, l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, il-proċeduri tal-VAT u l-prattiki tal-protezzjoni tad-data, dawn jservu sew favur il-ħolqien ta' suq uniku ġenwin għan-negozji u l-konsumaturi; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri jridu jibqgħu responsabbli għall-proċeduri tal-VAT,
Y. billi hemm bżonn li d-diversi sistemi tal-imposti tad-drittijiet tal-awtur fl-Istati Membri jiġu ssimplifikati u ċċarati sabiex ikun iktar faċli biex il-fornituri ta' prodotti u servizzi fuq l-internet ikunu jistgħu jagħmluhom jisponibbli għall-konsumaturi fi Stati Membri differenti; billi dan l-eżami tal-imposti tad-drittijiet tal-awtur jipprovdi lill-fornituri tal-prodotti u s-servizzi fuq l-internet b'aktar ċertezza legali meta joffru prodotti u servizzi għall-konsumaturi; billi huwa kruċjali li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur sabiex tiġi promossa l-fiduċja fil-prodotti u s-servizzi fuq l-internet, waqt li jiġi żgurat li s-suq online jirrispetta l-prattiki kummerċjali; billi għad baqa' numru ta' ostakli strutturali u regolatorji serji għal suq intern Ewropew tal-kummerċ elettroniku li jiffunzjona kompletament, bħall-frammentazzjoni fil-livell nazzjonali tar-regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u r-regoli dwar il-VAT, miżati u imposti ta' riċiklaġġ, u l-abbuż tar-regoli dwar il-ftehimiet ta' distribuzzjoni esklużiva u selettiva,
Z. billi l-aċċess għal servizzi postali finanzjarjament raġonevoli, affidabbli u ta' kwalità għolja fl-Unjoni Ewropea kollha huwa prijorità biex jiġi kkompletat suq intern effikaċi għall-kummerċ elettroniku; billi l-ftehimiet eżistenti dwar id-distribuzzjoni vertikali ta' spiss jintużaw biex jiġi evitat jew limitat il-bejgħ onlajn, biex b'hekk jiċċaħħad l-aċċess għal swieq usa' għall-bejjiegħa, fatt li jdgħajjef id-drittijiet tal-konsumaturi għal għażla usa' u prezzijiet aħjar, u b'hekk jinħolqu ostakli għall-espansjoni tal-kummerċ; billi l-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor jista' jagħti spinta lill-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej, peress li jippermettilhom ifittxu sorsi ta' komponenti, servizzi u għarfien faċilment minn kullimkien fis-suq intern (waqt li jinħolqu wkoll ekonomiji ta' skala ġodda), u billi, barra minn hekk, jirrappreżenta opportunità għall-intrapriżi, b'mod partikolari l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, biex jinternazzjonalizzaw il-bażi ta' klijenti tagħhom mingħajr ma jinvestu fi preżenza fiżika fi Stat Membru ieħor,
AA. billi l-kummerċ elettroniku jħeġġeġ l-iżvilupp ta' suq uniku ekoloġiku permezz tal-użu ta' teknoloġiji, standards, tikketti, prodotti u servizzi ambjentali u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju,
AB. billi hemm bżonn li jissaħħu l-protezzjoni legali u l-fiduċja tax-xerrejja fil-kummerċ elettroniku, filwaqt li ma jintesiex li l-bejjiegħa u n-negozjanti wkoll jeħtieġu protezzjoni legali,
AC. billi l-flessibilità fis-swieq hija l-aktar mod effikaċi biex jitħeġġeġ l-iżvilupp; jistieden lill-Istituzzjonijiet Ewropej biex jiżguraw li s-swieq onlajn ikunu kemm jista' jkun flessibbli ħalli jkun hemm il-possibilità ta' aktar intraprenditorjat u tkabbir f'dan is-settur; billi s-Suq Uniku Diġitali jista' jkun komplut biss jekk, fl-Istati Membri kollha tal-UE, tiġi implimentata b'mod korrett il-leġiżlazzjoni importanti tas-Suq Uniku, inkluża d-Direttiva dwar is-Servizzi; billi huwa kruċjali li jiġu żgurati ċ-ċertezza u t-trasparenza legali fil-proċess tal-approvazzjoni tad-drittijiet meta bejjiegħ onlajn jtella' fuq websajt kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur; billi, filwaqt li l-internet huwa l-forma ta' bejgħ li qed tikber bl-iktar ħeffa u l-kummerċ elettroniku qed jiżdied b'rata stabbli fil-livelli nazzjonali, qed jikber id-distakk bejn il-kummerċ elettroniku domestiku u dak transkonfinali fl-UE u l-konsumaturi Ewropej f'xi Stati Membri tal-UE qed jaffaċċjaw limitazzjonijiet ġeografiċi, tekniċi u organizzattivi fl-għażliet tagħhom,
AD. billi t-“Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” tal-Kummissjoni hija għodda tajba għall-monitoraġġ tal-qagħda tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE peress li tindika sa liema punt il-konsumaturi jistgħu jisfruttaw minn prodotti u servizzi fis-Suq Uniku,
AE. billi hu vitali li jiġu introdotti servizzi tal-internet broadband fl-Istati Membri tal-UE skont l-objettivi stipulati għall-2013 biex kemm il-konsumaturi, kif ukoll in-negozjanti jiġu provduti b'aċċess għall-ekonomija diġitali,
Introduzzjoni
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum fl-UE;
2. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa li tistabbilixxi l-istrateġija tal-Kummissjoni mmirata, fost l-oħrajn, biex tagħmel it-tranżazzjonijiet onlajn sempliċi u biex tinbena fiduċja diġitali;
3. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tirreaġixxi għall-urġenza spjegata fir-rapport Monti “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku”, li jikkonkludi li, bħala għodda vitali għall-futur tas-suq intern, l-UE għandha tindirizza b'mod urġenti l-ostakli li għad fadal biex, sal-2012, jinħoloq suq ta' bejgħ onlajn pan Ewropew;
4. Jilqa' l-promozzjoni ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien tal-Istrateġija UE2020 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ta' malajr biex tiżdied il-veloċità tas-servizzi broadband kif ukoll biex jiġu razzjonalizzati l-ispejjeż ta' servizzi ta' dan it-tip fl-Unjoni kollha, sabiex is-suq uniku għall-kummerċ elettroniku jkun jista' jintlaħaq aħjar;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tarmonizza d-definizzjonijiet prinċipali kollha f'dan il-qasam fuq tul ta' żmien raġonevoli, filwaqt li tirrikonoxxi x-xogħol iebes li diġà sar f'oqsma relevanti għall-kummerċ elettroniku;
6. Jisħaq fuq il-fatt li l-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku jirrikjedi approċċ orizzontali mill-Kummissjoni, li jinvolvi koordinazzjoni effikaċi bejn id-Direttorati Ġenerali; għalhekk, jilqa' l-impenn reċenti tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit “Grupp tal-Kummissarji” (fir-rapport tagħha dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa) ħalli tiġi żgurata politika magħquda effikaċi;
7. Jirrimarka li l-kummerċ elettroniku għandu jitqies bħala għodda żejda għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju biex iżidu l-kompetittività tagħhom, u mhux bħala għan fih innifsu;
8. Jisħaq fuq l-importanza li jsir użu sħiħ tal-potenzjal tal-kummerċ elettroniku bħala kontribut biex l-UE ssir aktar kompetittiva fuq livell globali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza l-promozzjoni ta' suq uniku diġitali li funzjona sew għall-prodotti u s-servizzi bħala kwistjoni urġenti sabiex tibbenefika mill-potenzjal enormi tiegħu li għadu mhux sfruttat għat-tkabbir u l-impjiegi;
10. Jisħaq fuq il-bżonn għal politika attiva biex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern, li joffri prodotti u servizzi ta' kwalità tajba bi prezzijiet kompetittivi; jikkunsidra li dan huwa aktar u aktar essenzjali fil-kriżi ekonomika attwali bħala mezz biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi li qed jikbru u biex jitħarsu l-konsumaturi li huma vulnerabbli, li jgħixu fi nħawi remoti jew li għandhom mobilità mnaqqsa, il-gruppi bi dħul baxx u n-negozji ta' daqs żgħir u medju li huma partikolarment interessati li jingħaqdu mad-dinja tal-kummerċ elettroniku;
Ġlieda kontra l-frammentazzjoni tas-suq intern onlajn
11. Jitlob għal approssimazzjoni aħjar tal-informazzjoni prekuntrattwali għall-kummerċ elettroniku għal livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u, sal-punt li tista' tiġi adattata din l-armonizzazzjoni, sabiex jiġu żgurati aktar trasparenza u fiduċja bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa, filwaqt li jinżamm approċċ ta' armonizzazzjoni minima għall-kuntratti f'setturi speċifiċi;
12. Ifakkar li hemm differenzi kbar bejn ir-regoli u l-prattiki ta' negozjanti mill-bogħod fir-rigward tal-garanziji u r-responsabilità li joffru fi ħdan il-fruntieri nazzjonali tagħhom u lil hinn minnhom u fir-rigward tal-benefiċċji li ġġibilhom l-armonizzazzjoni; jitlob għal analiżi tal-impatt dettaljata tal-konsegwenzi għall-kummerċ elettroniku ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-garanzija legali ta' konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti;
13. Jitlob biex ir-regoli u l-prattiki jiġu uniformizzati ħalli jippermettu li n-negozjati mill-bogħod javvanzaw oltre l-fruntieri nazzjonali tagħhom fil-garanziji u r-responsabilità offruti;
14. Huwa favur l-iżvilupp ta' sistema xierqa, effiċjenti, sikura u innovattiva ta' ħlas fuq l-internet li tista' toffri lill-konsumaturi l-libertà u l-għażla fir-rigward tal-mezz tal-ħlas, li ma tinvolvix spejjeż li jistgħu jiskuraġġixxu jew jillimitaw l-għażla u li tiżgura l-protezzjoni tad-data tal-konsumaturi;
15. Jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-fiduċja fis-sistemi ta' ħlas fuq l-internet transkonfinali (eż. karti tal-kreditu u d-debitu u portmonijiet elettroniċi) billi tiġi promossa firxa ta' metodi ta' ħlas, tissaħħaħ l-interoperabilità u l-istandards komuni, jiġu miġġielda l-ostakli tekniċi, jiġu appoġġati l-iktar teknoloġiji sikuri għat-tranżazzjonijiet elettroniċi, tiġi armonizzata u msaħħa l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' frodi u tingħata informazzjoni u edukazzjoni lill-pubbliku;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-istabbiliment ta' strument finanzjarju Ewropew għall-karti tal-kreditu u d-debitu, sabiex jiġi ffaċilitat l-ipproċessar tat-transazzjonijiet b'dan it-tip ta' karti fuq l-internet;
17. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor bħala mezz biex il-kumpaniji Ewropej, partikolarment l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, jikbru, isiru iktar kompetittivi u joħolqu prodotti u servizzi iktar innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu qafas legali u regolatorju sod u ċert sabiex il-kumpaniji jingħataw il-garanziji li jeħtieġu biex iwettqu b'fiduċja transazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali bejn negozju u ieħor;
18. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-promozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika u jistieden lill-Kunsill biex jasal malajr għal qbil mal-Parlament; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex rispettivament jipproponu miżuri u jilħqu qbil rispettivament bil-għan li jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-obbligi ta' rappurtar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transkonfinali u jiġu simplifikati l-proċeduri ta' reġistrazzjoni tal-VAT;
19. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-obbligi ta' rappurtar tal-VAT u dwar “fatturi simplifikati” għall-bejgħ mill-bogħod u jenfasizza li, fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, inkluża l-VAT, il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel disponibbli skema integrata għall-ġbir tal-VAT biex tinkoraġġixxi lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jagħmlu kummerċ transkonfinali b'anqas spejjeż amministrattivi;
21. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi ċċarat l-impatt tal-pakkett tal-VAT fuq is-servizzi postali transkonfinali, bil-għan li jiġu evitati l-inċertezza legali u ż-żidiet fil-prezzijiet; hu tal-fehma li l-eżenzjoni tal-VAT għal servizzi postali universali skont id-direttiva tal-UE dwar il-VAT ma tridx tiġi affettwata minn regola fiskali ġdida bbażata fuq il-post tal-provvista tas-servizzi;
22. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-ħolqien jew il-ħatra ta' awtoritajiet nazzjonali biex jittrattaw it-talbiet għal reġistrazzjoni għal kummerċ elettroniku transkonfinali fuq l-internet minn kumpaniji jew intraprendituri mill-Istati Membri tagħhom, u ta' awtorità Ewropea li tista' tikkorrelata mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex is-suq intern ikun jista' jiġi kkompletat malajr;
23. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu simplifikati u razzjonalizzati l-miżuri dwar l-iskart elettriku u elettroniku, il-ġestjoni transkonfinali tal-imposti relatati mad-drittijiet tal-awtur fuq il-mezzi vojta biex tirrekordja fuqhom u l-apparat għar-rekordjar, l-għoti ta' liċenzji għal kontenut għall-UE kollha, u r-regoli tal-UE dwar il-fatturi elettroniċi transkonfinali għall-bejgħ mill-bogħod;
24. Jappoġġa s-simplifikazzjoni tal-imposti attwali tad-drittijiet tal-awtur minħabba x-xkiel gravi għall-konsumaturi u l-ostakli għall-funzjonament tas-Suq Uniku li jirriżultaw mis-sistema attwali;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ b'miżuri li jappoġġaw l-inizjattiva tal-fattura elettronika bil-għan li jiġi żgurat li l-fatturi elettroniċi jintużaw mal-Ewropa kollha sal-2020;
26. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' sistema ta' “one-stop shop” fil-livell Ewropew bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet transkonfinali għall-amministrazzjoni tar-regoli u r-regolamenti differenti fl-Istati Membri, kif inhu l-każ fid-dikjarazzjoni u l-ħlas tal-VAT jew taxxi applikabbli oħra;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora għażliet dwar kif għandu jiġi promoss aċċess aħjar għall-kontenut kreattiv fuq l-internet bħal ma huma l-mużika u xogħlijiet awdjoviżivi u dwar kif għandha tiġi trattata t-talba taċ-ċittadini għal servizzi transkonfinali attraenti għall-konsumatur;
28. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jintegraw aħjar iċ-ċentri tas-Suq Uniku, billi jinkorporaw lin-netwerk SOLVIT, il-punti ta' kuntatt uniku (kif rikjest mid-Direttiva dwar is-Servizzi), iċ-ċentri tal-prodotti (kif provdut fir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku), u tagħrif ulterjuri, inklużi r-rekwiżiti legali, rikjesti min-negozji biex ibigħu l-prodotti tagħhom transkonfinalment u fuq l-internet; jenfasizza li l-funzjonament ta' dan il-“one-stop shop” huwa essenzjali għall-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku;
29. Ifakkar lill-Kummissjoni li għad fadal nuqqasijiet fil-qafas legali għas-servizzi fuq l-internet u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi mmirati sabiex jissaħħaħ l-aċċess u l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti u s-servizzi mibjugħu fuq l-internet, u sabiex il-konsumatur jiġi offrut approċċ sempliċi ta' “one-stop shop”;
30. Jindika l-importanza tas-simplifikazzjoni tar-regoli transkonfinali u t-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità għall-bejjiegħa u l-intraprendituri billi jiġu pprovduti soluzzjonijiet prattiċi dwar kwistjonijiet bħar-rappurtar u l-fatturazzjoni tal-VAT, l-iskart elettroniku u l-miżati ta' reċiklaġġ, l-imposti tad-drittijiet tal-awtur, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-ittikkettar u r-regoli speċifiċi għal setturi partikulari; jistieden, għal dan il-għan, li jiġu stabbiliti skemi “one stop” u li jiġu promossi soluzzjonijiet transkonfinali ta' amministrazzjoni pubblika elettronika bħall-fatturazzjoni elettronika u l-proċeduri elettroniċi għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi;
31. Jiddispjaċih li d-Direttiva dwar is-Servizzi għadha ma ġietx trasposta għal kollox f'ċertu Stati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itemmu d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi għal raġunijiet ta' indirizz elettroniku jew residenza, jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kif ukoll l-infurzar xieraq mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din ir-regola dwar in-nondiskriminazzjoni fis-sistemi legali tal-Istati Membri;
32. Jisħaq fuq is-sinifikat, għall-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku, tal-moviment ħieles tal-prodotti u s-servizzi, b'enfasi partikolari fuq il-prinċipju li, fi ħdan is-suq intern, ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni kontra min se jirċevihom għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew post ta' residenza; itenni li dan il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni mhuwiex kompatibbli mal-impożizzjoni ta' rekwiżiti legali u amministrattivi addizzjonali fuq ċittadini ta' Stati Membri oħra li jfittxu li jibbenefikaw minn servizz jew minn termini jew prezzijiet iktar favorevoli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex taġixxi, abbażi tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, kontra id-diskriminazzjoni ta' dan it-tip;
33. Jenfasizza l-importanza li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi fuq l-internet u l-pajjiż ta' oriġini tagħhom fuq l-internet, billi jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għall-ħlas fuq l-internet għas-27 Stat Membru kollha tal-UE, inkluża l-possibbiltà li l-konsumaturi jagħżlu fost mezzi differenti għall-ħlas fuq l-internet;
34. Jitlob għal approċċ politiku integrat għall-ikkompletar tas-suq uniku fit-trasport, li jkopri l-mezzi kollha (inklużi l-kabotaġġ bit-triq, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija), kif ukoll għal-leġiżlazzjoni ambjentali, bil-għan li jiġu evitati l-ineffiċjenzi fil-katina tal-provvista jew żidiet mhux meħtieġa fl-ispejjeż għall-bejjiegħa mill-bogħod u l-klijenti tal-kummerċ elettroniku;
35. Jemmen li r-riforma tas-settur postali u l-promozzjoni tal-interoperabilità u l-koperazzjoni fost is-sistemi u s-servizzi postali jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, li jirrikjedi distribuzzjoni u intraċċar effikaċi u mhux għali tal-prodotti; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' implimentazzjoni rapida tat-Tielet Direttiva dwar is-Servizzi Postali (2008/6/KE);
36. Jitlob li jittieħdu miżuri sabiex ikun hemm kontribut favur żieda fl-għadd ta' utenti tal-internet u biex jitjiebu l-kwalità, il-prezz u l-veloċità tal-internet f'dawk il-pajjiżi u r-reġjuni fl-Unjoni li ma għandhomx konnessjoni ta' kwalità tajba, waqt li jiġi żgurat li, sal-2013, l-aċċess għall-broadband ikun disponibbli fl-UE kollha; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata disponibilità ta' aċċess għall-broadband għal kull ċittadin, u jenfasizza li, fl-inħawi rurali, remoti u periferiċi, għandu jkun possibbli wkoll l-aċċess għall-konnessjoni tal-internet veloċi, waqt li tingħata attenzjoni partikulari għall-konsumaturi u n-negozi fl-inħawi ta' muntanji u gżejjer fejn, apparti aċċess aktar ristrett għall-internet, l-ispejjeż postali huma għaljin ħafna u l-prodotti mixtrija jew mibjugħa jieħdu żmien twil ħafna biex jaslu;
37. Jinnota li fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali, hu essenzjali li jkompli jiġi żviluppat bħala prijorità l-aċċess għal broadband veloċi u finanzjarjament aċċessibbli għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, minħabba li n-nuqqas ta' aċċess għall-internet jibqa' wieħed mill-ikbar ostakoli fl-użu tal-kummerċ elettroniku miċ-ċittadini Ewropej;
38. Jappoġġa l-objettivi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-broadband biex, sal-2013, iċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-broadband bażiku, biex, sal-2020, iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jkollhom aċċess għall-broadband b'minimu ta' 30Mbps, b'nofs iċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess għall-broadband ta' 100Mbps u jitlob għal miżuri konkreti biex jiġi żgurat li dawn l-objettivi jiġu sodisfatti; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu implimentati miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, b'mod partikulari permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' verifika tal-età u l-projbizzjoni ta' prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni fuq l-internet li jkollhom impatt negattiv fuq l-imġiba tat-tfal;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tibda tifformula standards Ewropej biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ elettroniku transkonfinali, biex jitnaqqas id-distakk fil-varjazzjonijiet bejn il-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri varji u biex jitneħħa l-obbligu f'netwerk ta' distribuzzjoni selettiva li jkun hemm ħanut fiżiku qabel ma jkun permess il-bejgħ fuq l-internet, fejn hu ppruvat li obbligu bħal dan jikkontradixxi l-liġi dwar il-kompetizzjoni, jew li mhuwiex iġġustifikat min-natura tal-kuntratt għall-prodotti u s-servizzi mibjugħa, biex b'hekk il-konsumaturi u l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju jkunu jistgħu jisfruttaw kompletament il-potenzjal tas-suq intern fl-ambjent elettroniku; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-obbligu li wieħed ikollu ħanut fiżiku qabel ma jkun jista' jbigħ fuq l-internet peress li dan ir-rekwiżit radikalment ixekkel il-bejgħ fuq l-internet;
40. Jikkunsidra li l-pjattaformi fuq l-internet kellhom rwol importanti biex tingħata spinta lill-kummerċ elettroniku (speċjalment dak transkonfinali) fl-Ewropa, peress li ppermettew aċċess għas-suq minn mijiet ta' eluf ta' intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, u offrew għażla akbar lill-konsumaturi filwaqt li introduċew ħafna eżempji ta' prattiki tajba biex jiġu stimulati l-fiduċja u l-informazzjoni trasparenti dwar id-drittijiet u l-obbligi u ffaċilitaw ir-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn partijiet għal tranżazzjoni fuq l-internet, fejn kien meħtieġ; jitlob li l-pjattaformi fuq l-internet jipprovdu l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-konsumaturi Ewropej kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni territorjali skont l-Istat Membru;
41. Jenfasizza l-importanza ta' format miftuħ għall-iskambju ta' dokumenti għall-interoperabilità bejn in-negozji elettroniċi u jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi konkreti bħala appoġġ biex dan il-format ikun jista' jitfaċċa u jinfirex;
42. Jisħaq fuq l-importanza ta' gwida aħjar u faċilitajiet finanzjarji aċċessibbli għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju bħala għajnuna biex iżidu dimensjoni tal-kummerċ elettroniku mal-ħanut fiżiku tagħhom;
43. Jisħaq fuq l-importanza ta' aċċess miftuħ u newtrali għal konnessjoni tal-internet b'veloċità għolja, li mingħajru l-kummerċ elettroniku jkun impossibbli;
44. Jenfasizza li l-ikkompletar tas-suq uniku għall-kummerċ elettroniku ma jridx jkun limitat għal miżuri u kontrolli leġiżlattivi imma jrid ikun akkumpanjat, barra minn hekk, mit-tisħiħ ta' oqsma oħra tal-internet, speċifikament dawk tal-amministrazzjoni pubblika elettronika u tat-tagħlim elettroniku;
45. Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni tar-regoli li ġew reċentament adottati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta' April 2010 dwar id-distribuzzjoni esklużiva u selettiva, fuq il-bażi tal-informazzjoni tas-suq mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, u fejn hemm bżonn, li jiġu riveduti dawk ir-regoli sabiex jitnaqqsu l-ostakli għall-bejgħ fuq l-internet; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti ħalli taffronta dawn il-problemi qabel tmiem l-2011;
46. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-privatezza tal-konsumaturi u tiżgura li d-data kollha tal-konsumaturi, inklużi d-data dwar xi xtraw u x'raw, tkunu disponibbli għall-konsumaturi meta jitolbuha u tinżamm mill-fornituri għal tul ta' żmien li huwa aċċettat skont il-liġi tal-UE;
47. Jistieden lill-Kummissjoni wkoll taħdem biex jinħolqu regoli u standards sabiex jekk is-softwer fuq siti ta' netwerking kummerċjali u soċjali ma jkunx interoperabbli, dan ma jwaqqafx lill-konsumaturi milli jbiddlu l-għażliet tax-xiri tagħhom;
48. Jisħaq fuq l-importanza tal-firem elettroniċi u tal-Public Key Infrastructure (PKI) għal servizzi siguri pan-Ewropej ta' amministrazzjoni pubblika elettronika u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Portal Ewropew għall-Awtoritajiet ta' Validazzjoni sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità transkonfinali għal firem elettroniċi;
49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, waqt li jitqies kemm hu importanti li jitwettaq il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, jiżguraw li, sal-2015, tal-inqas 50% tal-proċeduri kollha għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi jsiru b'mezzi elettroniċi, b'mod konformi mal-pjan ta' azzjoni miftiehem fil-Konferenza Ministerjali dwar l-amministrazzjoni pubblika elettronika, li saret f'Manchester fl-2005;
50. Jemmen li l-kummerċ bil-mowbajl jista' jkun parti sinifikanti tal-kummerċ elettroniku, li jista' jilħaq lil miljuni ta' ċittadini Ewropej li jużaw il-mowbajls iżda mhux il-kompjuters personali, biex b'hekk tiġi żviluppata iktar il-konverġenza tat-teknoloġiji tal-internet u tal-mowbajls u tiġi kkonsolidata l-pożizzjoni tal-UE fuq quddiem fil-qasam tal-komunikazzjonijiet bil-mowbajl;
51. Jemmen li l-iżvilupp u l-appoġġ ta' speċifikazzjonijiet u standards tekniċi u operattivi komuni u miftuħa (għall-kompatibilità, l-interoperabilità, l-aċċessibilità, is-sigurtà, il-loġistika, il-kunsinji, eċċ) se jiffaċilitaw il-kummerċ elettroniku transkonfinali billi jassistu lill-konsumaturi, partikolarment lill-utenti informatiċi vulnerabbli u mingħajr esperjenza, u billi jnaqqsu l-ostakli operattivi, tekniċi, kulturali u lingwistiċi li jeżistu bejn id-diversi Stati Membri;
52. Jirrikonoxxi l-isfidi legali partikulari marbuta mal-iżvilupp ta' suq intern għall-kummerċ bil-mowbajl li jkun jista' jiżgura d-drittijiet tal-konsumatur, il-privatezza personali u l-protezzjoni tal-konsumaturi taħt l-età; jistieden lill-Kummissjoni teżamina din il-kwistjoni bir-reqqa;
53. Jenfasizza l-bżonn li l-katina tal-provvista tal-kummerċ elettroniku ssir aktar trasparenti sabiex il-konsumatur dejjem ikun jaf l-identità tal-fornitur, kif ukoll l-isem kummerċjali, l-indirizz ġeografiku, id-dettalji ta' kuntatt u n-numru ta' reġistrazzjoni fiskali tal-fornitur, u jekk huwiex intermedjarju jew il-fornitur aħħari, informazzjoni li hi ta' importanza speċjali fil-kuntest tal-irkanti fuq l-internet;
54. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-istandards ċari rikjesti għall-kummerċ elettroniku transkonfinali fil-livell tal-UE, inkluż, pereżempju, l-obbligu għan-negozjanti li jipprovdu lill-klijenti u lill-awtoritajiet pubbliċi b'aċċess faċli, dirett u permanenti, bla ħlas għall-informazzjoni li tirrigwarda l-isem u n-numru ta' reġistrazzjoni tan-negozjant jew il-fornitur tas-servizz, il-prezzijiet għall-prodotti u s-servizzi offruti u kwalunkwe spejjeż oħra għall-kunsinja li jistgħu jiżdiedu mal-kont;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-rekwiżit għall-intraprendituri li jużaw b'mod volontarju l-kuntratti standardizzati u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali standardizzati biex jenfasizzaw dawk id-dispożizzjonijiet li jvarjaw minnhom;
56. Jikkunsidra li r-regoli dwar il-kuntratti ta' bejgħ mill-bogħod għandhom ikopru wkoll il-kuntratti konklużi bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti professjonali fi rkanti fuq l-internet u jistieden lill-Kummissjoni tkompli teżamina u tivvaluta r-regoli dwar il-kuntratti speċifiċi ta' bejgħ mill-bogħod għas-servizzi turistiċi (biljetti tal-ajru, akkomodazzjoni fil-lukandi, kiri ta' karozzi, servizzi għal waqt il-ħin liberu, eċċ.) li jkunu ordnati b'mod individwali fuq l-internet, prinċipalment biex tiżdied ir-responsabilità tal-irkanti fuq l-internet biex iħarsu b'mod aħjar id-drittijiet tal-konsumatur;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar l-istediniet għal xiri (diretti jew indiretti) bl-użu tal-internet fi Stati Membri oħra;
58. Jitlob għall-introduzzjoni ta' rekwiżit li ssir verifika esterna fir-rigward ta' ċerti tipi speċifiċi ta' servizzi elettroniċi fejn hemm bżonn akbar li jiġi żgurat li dawk is-servizzi jkunu sikuri għal kollox, biex tiġi protetta l-informazzjoni u d-data personali (pereżempju, fil-każ tas-servizzi bankarji bl-internet);
59. Jisħaq fuq il-fatt li l-utenti (il-konsumaturi u l-bejjiegħa) jeħtieġu ċertezza legali meta joperaw fuq l-internet, u jilqa' s-suġġeriment tal-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” biex jiġu aġġornati r-regoli dwar ir-responsabilità limitata tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni sabiex jinżammu aġġornati mal-progress teknoloġiku, fil-kuntest tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (ara n-nota nru 13 ta' qiegħ il-paġna tal-komunikazzjoni);
60. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi ħalli toħloq ċertezza legali u taffronta l-frammentazzjoni gravi li teżisti rigward il-proċess tal-approvazzjoni tad-drittijiet u ġurisdizzjonjiet multipli tal-Istati Membri meta kontenut tal-midja jittella' fuq websajts;
61. Jemmen li għandha tingħata prijorità lill-inizjattiva biex, sa l-2013, jitneħħew l-ostakli amministrattivi u regolatorji tal-kummerċ elettroniku transkonfinali permezz tal-introduzzjoni ta' sett wieħed ta' regoli għall-konsumaturi u n-negozji madwar is-27 Stat Membru tal-UE li se toħloq ambjent diġitali favorevoli, tipprovdi ċertezza legali kemm lill-intrapriżi, kif ukoll lill-konsumaturi, tissimplifika l-proċeduri, tnaqqas l-ispejjeż għall-konformità, tnaqqas il-kompetizzjoni inġusta u tiżblokka l-potenzjal tas-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE; jisħaq fuq il-fatt li, għal dan il-għan, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-għodda leġiżlattivi bħal direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur, id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/KE) u d-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (2005/29/KE) jistgħu jkunu ta' importanza kbira; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tkompli l-valutazzjoni li qed tagħmel attwalment tal-acquis Komunitarju li jaffettwa s-suq uniku diġitali u tipproponi azzjoni leġiżlattiva mmirata lejn impedimenti fundamentali;
62. Jikkunsidra li t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-suq, tat-trasparenza tar-regoli u tal-mekkaniżmi ta' infurzar ħalli titħeġġeġ il-fiduċja tal-utenti hija kruċjali għax l-infiq tal-konsumatur se jkun fattur importanti għall-irkupru ekonomiku; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi jridu jingħataw iżjed riżorsi biex jinvestigaw u finalment itemmu l-prattiki kummerċjali illegali; jistieden lill-Kummissjoni toħloq sistema Ewropea ta' twissija bikrija, li tinkludi bażi ta' data, biex jiġu miġġielda l-attivitajiet ta' frodi fis-suq diġitali; jistiedenlill-Kummissjoni biex taġġorna s-sistema ta' twissija rapida, RAPEX, skont il-bżonn; jisħaq fuq il-fatt li inizjattivi bħal dawn iridu jirrispettaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
63. Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu bil-ħeffa kontra siti li jkollhom intenzjonijiet ħżiena billi jagħtu aktar attenzjoni għad-drittijiet tal-konsumatur, inklużi miżuri mmirati biex jintroduċu tikketti għas-siti li huma sikuri u żguri u billi jiżguraw li l-kumpaniji li jipprovdu servizzi reklamar sponsorjat ma jirreklamawx siti illegali;
64. Jemmen li l-fiduċja tal-konsumatur tista' tinbena permezz ta' standards u kodiċijiet ta' kondotta li jippermettu lill-fornituri ta' servizzi fuq l-internet ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi li dejjem jinbidlu;
65. Jisħaq fuq il-fatt li l-immirar u t-tfassil ta' profili onlajn għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;
66. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata interpretazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-privatezza tad-data sabiex tiġi żgurata protezzjoni tad-dejta msaħħa u tiġi promossa l-fiduċja tal-konsumatur fis-sistemi ta' ħlas fuq l-internet;
67. Jikkunsidra li t-titjib tas-sistemi għall-ħarsien tal-konsumatur madwar l-UE jista' jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali fuq l-internet, inkluża l-protezzjoni kontra l-frodi bil-karti ta' kreditu;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, ma jiddgħajjifx l-infurzar konsistenti tal-liġijijiet dwar id-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-kummerċ elettroniku;
69. Jemmen li t-tiftix u r-reklamar transkonfinali fuq l-internet għandhom jipprovdu lill-konsumaturi u l-kummerċjanti b'informazzjoni aħjar u jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jistgħu jqabblu u jidentifikaw offerti; jinsab mħasseb, f'dan ir-rigward, dwar il-possibilità ta' tagħwiġ għall-kompetizzjoni li l-konsumaturi u l-intraprendituri jistgħu jesperjenzaw f'xi Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, f'kooperazzjoni mal-industrija, in-nuqqasijiet tal-pjattaformi ta' tiftix u ta' reklamar fuq l-internet u biex tħeġġeġ il-possibilità li jkunu jistgħu joperaw b'mod transkonfinali, pereżempju permezz tal-promozzjoni tad-dominji .eu;
70. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, permezz ta' monitoraġġ, li l-applikazzjoni koerenti tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur ma tiġix evitata fil-kummerċ elettroniku;
71. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva u twettaq valutazzjoni tal-impatt urġenti fuq l-iktar metodu xieraq biex jiġu affrontati l-imposti fuq id-drittijiet tal-awtur, inkluża l-possibbiltà li l-imposta tintalab meta u fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba fl-Unjoni Ewropea, peress li l-partijiet interessati ma jistgħux jaslu għal qbil;
72. Huwa tal-istess fehma bħall-Kummissjoni li l-mekkaniżmi għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, bħalma huma l-medjazzjoni u l-arbitraġġ jew t-tpaċija ta' tilwim barra mill-qorti, jistgħu jkunu għażla espedjenti u attraenti għall-konsumaturi; jinnota li ċerti operaturi privati, bħal ma huma l-pjattaformi fuq l-internet, stabbilixxew inizjattivi ta' suċċess biex jagħtu spinta lill-fiduċja tal-konsumatur, bl-użu ta' strumenti interni għar-riżoluzzjoni ta' tilwim; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' mekkaniżmi għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim biex jissaħħaħ il-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur u tiġi mmassimizzata l-konformità mal-leġiżlazzjoni; ifakkar fl-esperjenzi pożittivi ta' SOLVIT u tan-netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi; jitlob li tinħoloq sistema Ewropea ta' informazzjoni għall-konsumatur elettroniku li tkun toffri gwida u informazzjoni dettaljati dwar id-drittijiet u l-obbligi fis-suq diġitali; imma jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' dan it-tip għandhom jikkomplementaw u mhux jieħdu post il-mezzi ġuridiċi jew amministrattivi tal-infurzar;
73. Jinnota l-importanza li jissaħħaħ il-livell attwalment baxx tal-fiduċja tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet transkonfinali billi jissaħħaħ l-infurzar fuq l-internet u l-infurzar transkonfinali tar-regoli eżistenti, tingħata s-setgħa lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-konsumatur, tiġi promossa l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u jitwaqqfu mekkaniżmi effikaċi madwar l-UE għall-monitoraġġ u l-verifiki tas-suq, għall-ġestjoni tal-ilmenti u r-riżoluzzjoni tat-tilwim;
74. Iħeġġeġ l-użu ta' mekkaniżmi għal riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim, bil-possibbiltà li wieħed jirrikorri għalihom permezz ta' proċedura fuq l-internet, aċċessibbli bla dewmien permezz tal-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika, kif u meta dan isir disponibbli;
75. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu żviluppati u standardizzati regoli li joffru livell għoli ta' protezzjoni legali għall-minorenni, u jħeġġeġ it-tnedija ta' kampanji tal-informazzjoni u t-taħriġ għall-ġenituri, l-għalliema u t-tuturi biex isiru konxji tar-responsabilitajiet tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal dwar ir-riskji minħabba l-użu tal-kummerċ fuq l-internet u l-importanza ta' viġilanza fir-rigward tal-użu tal-internet mit-tfal;
76. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni ta' malajr biex jiġġieldu s-servizzi illegali fuq l-internet li ma jirrispettawx ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-minorenni, id-drittijiet tal-awtur, it-taxxa, u l-biċċa l-kbira tal-liġijiet applikabbli l-oħra;
77. Jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata attenzjoni biex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw minn offerti ta' prodotti illegali fuq l-internet – b'mod partikulari, mediċini u prodotti għall-kura tas-saħħa ffalsifikati – billi jiġu promossi l-litteriżmu fil-qasam tas-saħħa u l-użu ta' siti speċifiċi tad-dominji .eu biex tinġibed l-attenzjoni lejn informazzjoni qarrieqa;
78. Jitlob proposta mill-Kummissjoni biex tindirizza l-azzjonijiet jew is-sanzjonijiet xierqa rigward il-kummerċ elettroniku għall-prodotti u l-mediċini ffalsifikati, inklużi tikketti għas-siti li huma sikuri u żguri, bħalma huma sistemi ta' ċertifikazzjoni għall-ispiżeriji awtorizzati;
79. Jenfasizza il-bżonn ta' taħriġ u edukazzjoni xierqa għall-ħaddiema tas-servizz ċivili u tal-awtoritajiet ġuridiċi fir-rigward tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE;
Strateġija ta' fiduċja elettronika biex tiżdied il-fiduċja tal-utenti tal-kummerċ elettroniku
80. Jitlob strument legali wieħed li jgħaqqad it-testi varji attwalment fis-seħħ sabiex jiġu ċċarati r-regoli applikabbli għall-kummerċ elettroniku; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur u, fejn ikun rilevanti, jitlob livell xieraq ta' armonizzazzjoni għal ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kuntratti tal-konsumatur, speċjalment fir-rigward tat-trattament ta' ċerti tipi ta' klejms ta' garanzija; jikkunsidra li dan għandu jinkludi direttivi oħra bħal ma huma dawk dwar it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji u dwar il-kummerċ elettroniku;
81. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-ħolqien ta' portal għall-kummerċ elettroniku mmonitorjat mill-Kummissjoni, bl-involviment tal-persuni interessati u tal-Istati Membri, jistax jikkontribwixxi aħjar għat-tixrid tal-aħjar prattiki u tal-informazzjoni, u għaldaqstant isaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur u jkattar il-kummerċ elettroniku transkonfinali;
82. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga r-raġunijiet għaliex il-konsumaturi jirrifjutaw il-kummerċ elettroniku, bil-għan li jitfasslu linji gwida effettivi għal leġiżlazzjoni xierqa, u jissuġġerixxi l-ħolqien ta' “tabella ta' valutazzjoni” dedikata esklużivament għall-kummerċ elettroniku bil-għan li wieħed jikseb xbiha tal-imġiba tal-konsumatur fuq l-internet u li jiġu identifikati l-fatturi li jaffettwaw u jistabbilixxu l-għażliet tal-konsumaturi ta' dan it-tip;
83. Jirrikonoxxi li ċ-ċittadini se joqogħdu lura milli jinteraġixxu, jesprimu l-opinjonijiet tagħhom b'mod liberu u jidħlu għal tranżazzjonijiet jekk ma jkollhomx biżżejjed fiduċja fil-qafas legali tal-ispazju diġitali ġdid; billi, f'dan il-kuntest, il-garanzija u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali huma kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa taċ-ċittadini; billi l-garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u drittijiet oħra hija kundizzjoni essenzjali għall-fiduċja min-naħa tan-negozju;
84. Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-obbligu li wieħed ikollu ħanut fiżiku qabel ma jkun jista' jbigħ fuq l-internet peress li dan ir-rekwiżit radikalment ixekkel il-bejgħ fuq l-internet;
85. Jisħaq fuq l-importanza li, għall-iżvilupp ulterjuri tal-kummerċ elettroniku transkonfinali, jiġi stabbilit qafas koerenti għall-UE kollha, fi ħdan il-limiti tal-acquis communautaire dwar il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, waqt li tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-prodotti illegali u ffalsifikat u titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet fost il-konsumaturi Ewropej;
86. Jirrimarka li hemm bżonn li tiġi introdotta leġiżlazzjoni applikabbli għat-transazzjonijiet elettroniċi kollha, peress li hija essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-utenti tas-servizzi ta' kummerċ elettroniku;
87. Jitlob li jiġu żviluppati, skont il-programmi qafas għar-riċerka, proġetti ta' riċerka innovattiva mmirati lejn il-promozzjoni u l-unifikazzjoni tas-suq tal-kummerċ elettroniku tal-UE billi jiżdiedu l-fiduċja, l-awtonomija u l-għażla tal-konsumatur fl-ambjent diġitali;
88. Jitlob għall-monitoraġġ effiċjenti tal-iżviluppi legali, tekniċi u ekonomiċi fil-kummerċ elettroniku u jindika l-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt tad-deċiżjonijiet kollha li jolqtu lis-suq uniku diġitali u s-soċjetà tal-informazzjoni; għal dan il-għan, tkun għodda utli “tabella ta' valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku” għall-evalwazzjoni tal-ambjent tas-suq fuq l-internet Ewropew;
89. Jemmen li l-fiduċja tal-konsumatur tista' tiġi żviluppata billi jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, filwaqt li jiġi ppreservat l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi, u li tista' tinbena permezz ta' awtoritajiet Ewropej fdati jew ta' marki ta' fiduċja li jiggarantixxu l-affidabilità u l-kwalità tal-prodotti mqiegħda fis-suq elettroniku transkonfinali; jikkunsidra li hemm bżonn li l-Kummissjoni tistabbilixxi marka ta' fiduċja Ewropea sostenibbli, b'regoli ċari, trasparenti u sorveljati; iqis li skema ta' marka ta' fiduċja Ewropea ta' dan it-tip għandha bżonn tkun appoġġata minn mekkaniżmu ta' kontroll jew ta' infurzar tal-istandards, kif diġà jiġri fil-livell nazzjonali f'ċerti Stati Membri; jirrikonoxxi li skema għal marka ta' fiduċja transkonfinali Ewropea tista' tiffunzjona biss fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE li fuqha tista' tiġi bbażata l-marka ta' fiduċja Ewropea; jemmen li kwalunkwe skema għal marka ta' fiduċja Ewropea trid tkun soġġetta għal valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt u trid tiġi implimentata b'koperazzjoni mat-tikketti eżistenti ta' marki ta' fiduċja fl-Istati Membri;
90. Jisħaq fuq is-sinifikat li fl-UE kollha jiġu promossi u infurzati logos, marki ta' fiduċja u ta' kwalità li jgħinu lill-konsumatur jidentifika negozjanti elettroniċi affidabbli, jippremjaw l-aħjar prattiki u jħeġġu l-innovazzjoni, biex b'hekk jappoġġaw lill-kumpaniji tal-UE fl-isforzi tagħhom biex imorru lil'hinn mis-suq domestiku tagħhom;
91. Jenfasizza li fl-ambjent tal-internet, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ huma mwarrba minn xulxin u x-xerrej għandu kapaċità limitata li jivvaluta l-kwalità fiżika tal-prodotti, l-aċċess għal informazzjoni preċiża u ċara huwa essenzjali għat-trasparenza;
92. Jenfasizza l-isforzi tal-Kummissjoni u tar-regolaturi postali nazzjonali għall-implimentazzjoni korretta u f'waqtha tat-tielet Direttiva dwar is-Servizzi Postali (2008/6/KE) fis-27 Stat Membru sabiex tinkiseb żieda fil-kompetizzjoni, prezzijiet aktar baxxi u servizzi aħjar, sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-kunsinja tal-prodotti mixtrija permezz ta' kummerċ elettroniku transkonfinali; jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi żgurata d-disponibilità ta' servizzi ta' assikurazzjoni għall-kunsinja ta' pakketti;
93. Jitlob li jiġi stabbilit programm u li jintużaw l-istrumenti finanzjarji eżistenti għal proġetti biex tiżdied il-fiduċja tal-utenti fil-kummerċ elettroniku, inklużi kampanji edukattivi u informattivi, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll f'dak nazzjonali, u għal proġetti li jivverifikaw is-servizzi fuq l-internet fil-prattika (bħal ma huwa x-xiri bil-moħbi); jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati għodod onlajn biex jedukaw il-konsumaturi dwar il-kummerċ elettroniku u t-teknoloġija diġitali ġdida (id-drittijiet prinċipali tal-konsumaturi fuq l-internet, il-kummerċ elettroniku, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, eċċ.) bħal ma huwa l-proġett Dolceta (Żvilupp ta' Għodod għall-Edukazzjoni tal-Konsumaturi fuq l-Internet għall-Adulti); biex b'hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu isaħħu l-kapaċitajiet diġitali tagħhom u l-għarfien tagħhom tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jibbenefikaw mill-vantaġġi tal-kummerċ elettroniku f'soċjetà diġitali;
94. Jemmen li l-fiduċja tal-konsumaturi tista' tissaħħaħ iktar billi tiġi żgurata l-fiduċja tal-pubbliku fl-ambjent tal-internet, jiġi indirizzat it-tħassib dwar il-protezzjoni tad-data personali, jiġu regolati l-ġbir tad-dejta, l-immirar skont l-imġiba, it-tfassil ta' profili u r-reklamar, u titqajjem l-kuxjenza tal-konsumatur permezz ta' kampanji edukattivi u informattivi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-adattament tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data għall-ambjent diġitali attwali;
95. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-katina tal-provvista u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jsiru aktar sempliċi u trasparenti billi jiġu stabbiliti regoli dwar informazzjoni qarrieqa jew inkompleta dwar id-drittijiet tal-konsumatur, l-ispejjeż totali u d-dettalji ta' kuntatt tan-negozjant u billi jiġu promossi l-aħjar prattiki u prattiki ġusti, rakkomandazzjonijiet u linji gwida għall-ħwienet elettroniċi; jirrikonoxxi li l-isforzi li saru f'dan il-qasam mill-UE biex jiġu ċċarati t-termini, il-kundizzjonijiet u l-prezzijiet tat-titjiriet huma eżempju pożittiv li għandu jiġi segwit;
96. Jisħaq fuq l-importanza ta' implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-Faċilità Ewropea għall-Mikrofinanzjamenti “Progress”, operattiva minn Ġunju 2010, li tista' tipprovdi impetu ġdid għall-promozzjoni tan-negozji fuq l-internet, speċjalment fost dawk li reċentement spiċċaw qiegħda;
97. Jemmen li l-litteriżmu u l-kuxjenza fl-oqsma tal-midja u l-kompjuters huma essenzjali għall-iżvilupp tal-ambjent diġitali Ewropew; jitlob, għaldaqstant, li jitnieda “Pjan ta' azzjoni għal-litteriżmu u l-inklużjoni diġitali” fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, li jkun jinkludi, b'mod partikulari: opportunitajiet speċifiċi għat-taħriġ fil-litteriżmu diġitali għall-persuni qiegħda u l-gruppi li qegħdin f'riskju ta' esklużjoni, inċentivi għal inizjattivi mis-settur privat għall-forniment ta' taħriġ fil-kapaċitajiet diġitali lill-impjegati kollha, inizjattiva fuq skala Ewropea “Uża moħħok meta tkun fuq l-internet” biex l-istudenti kollha, inklużi dawk involuti f'tagħlim tul il-ħajja u taħriġ professjonali, isiru familjari mal-użu b'sikurezza tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u s-servizzi onlajn, u skema ta' ċertifikazzjoni komuni fil-livell tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;
98. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tippubblika Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet fuq l-Internet sal-2012, li jiġbor fil-qosor id-drittijiet u l-obbligi eżistenti tal-utenti diġitali fl-UE b'mod ċar u aċċessibbli, li jkunu ikkumplimentati minn eżami annwali tal-każi ta' ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fuq l-internet u l-miżuri ta' infurzar xierqa, f'koordinazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Aġenziji għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi;
99. Jemmen li l-iżvilupp ta' kodiċijiet ta' kondotta awtoregolatorji mill-assoċjazzjonijiet kummerċjali, professjonali u tal-konsumatur u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-rapport tal-Parlament “dwar id-definizzjoni ta' Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu” li titlob għall-ħolqien ta' Karta Ewropea dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-konsumaturi fl-ambjent diġitali u l-iżvilupp tal-“ħames libertà” li tippermetti l-moviment ħieles ta' kontenut u għarfien, isaħħu l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku billi jiġu ċċarati d-drittijiet u l-obbligi tal-atturi kollha fis-soċjetà tal-informazzjoni;
100. Jisiteden lill-Kummissjoni taġixxi malajr u, fl-2012, tirrapporta dwar il-progress li tkun għamlet fil-ġlieda kontra l-10 ostakli għall-kummerċ elettroniku transkonfinali, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni tagħha tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE (COM(2009)0557); jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi fil-kummerċ elettroniku u t-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 dwar l-Aġenda Diġitali u fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2009 dwar in-negozju transkonfinali san-negozju elettroniku tal-konsum fl-UE, kemm permezz ta' mezzi leġiżlattivi u kemm permezz ta' mezzi nonleġiżlattivi; jistieden lill-Kummissjoni tniedi djalogu bejn il-partijiet interessati u l-Istati Uniti, bil-għan li jiġu eżaminati l-mezzi għall-iżvilupp ta' suq elettroniku translatlantiku;
o o o
101. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.