Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2200(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0238/2010

Testi mressqa :

A7-0238/2010

Dibattiti :

PV 20/09/2010 - 18
CRE 20/09/2010 - 18

Votazzjonijiet :

PV 21/09/2010 - 5.6
CRE 21/09/2010 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0324

Testi adottati
PDF 298kWORD 63k
It-Tlieta, 21 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mat-Turkija
P7_TA(2010)0324A7-0238/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mat-Turkija (2009/2200(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2009 tal-Kummissjoni dwar il-Progress tat-Turkija (SEC(2009)1334),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tat-12 ta' Settembru 1963 li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim tat-23 ta' Novembru 1970, u b'mod partikolari l-Artikolu 41(1) tiegħu (klawżola tal-istatus quo),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/80 tal-Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tad-19 ta' Settembru 1980,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1/95 tal-Assoċjazzjoni bejn il-KE u t-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (96/142/KE),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li jikkonċernaw l-erba' movimenti fundamentali, b'mod partikolari fil-każijiet Demirel, Sevince, Savas, Abatay-Sahin, Tum-Dari u Soysal,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Reviżjoni tal-Kummerċ tad-WTO dwar it-Turkija, ippubblikata fl-2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-analiżi tad-Dipartiment tal-Politika tal-programm annwali tal-2009 għat-Turkija taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) fil-kuntest tal-pakkett ta' tkabbir tal-2009,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0238/2010),

A.  billi l-Unjoni Doganali mat-Turkija tibqa' waħda mill-aktar relazzjonijiet kummerċjali avvanzati u mill-qrib li għandha l-UE ma' kwalunkwe pajjiż terz,

B.  billi t-Turkija hija s-sbatax l-akbar ekonomija fid-dinja, skont l-istatistika tal-Bank Dinji, u s-sitt l-akbar ekonomija fl-Ewropa, bi prodotti industrijali li jammontaw għal aktar minn 90% tal-esportazzjonijiet tagħha, billi fl-2008 t-Turkija kienet tinsab fl-20 post fost l-pajjiżi li jirċievu l-iżjed IBD (investiment barrani dirett) u l-influss ta' IBD ammonta għal 18-il biljun,

C.  billi t-Turkija saret is-seba' l-akbar sieħba fil-kummerċ mal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba tal-kummerċ mat-Turkija,

D.  billi fl-2009 t-Turkija esportat EUR 33,6 biljun fi prodotti lejn l-UE u importat EUR 40,4 biljun fi prodotti mill-UE,

E.  billi l-qgħad medju fit-Turkija laħaq livell allarmanti ta' 12,5% fl-2009 u li niżel għal 10,8% f'April 2010 skont data tal-OECD, il-qgħad fost iż-żgħażagħ jammonta għal 25% u r-Rapport 2010 dwar l-MDGs dwar rigward it-Turkija jindika li l-perċentwal ta' faqar estrem hu ta' 17,1%,

1.  Jilqa' l-fatt li r-relazzjonijiet tal-kummerċ tal-UE mat-Turkija huma fi stadju avvanzat; jistieden lit-Turkija tissimplifika l-proċeduri u l-burokrazija u biex tneħħi ostakli tariffarji u mhux tariffarji; jenfasizza l-importanza ta' djalogu kostruttiv bejn iż-żewġ partijiet sabiex jitjiebu aktar dawn ir-relazzjonijiet;

2.  Ifakkar li, skont il-qari konġunt tal-Artikolu 205 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 21 tat-Trattat UE, l-azzjoni esterna tal-Unjoni, inkluża l-politika kummerċjali komuni, tfittex li tippromwovi “(...) d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali” kif ukoll li tibni sħubija ma' pajjiżi terzi li jħaddnu l-prinċipji msemmija hawn fuq;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli l-impenn u d-djalogu tagħha mat-Turkija dwar il-kummerċ, b'mod partikolari fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv Konġunt u l-Kumitat Konġunt tal-Unjoni Doganali bejn il-KE u t-Turkija; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jużaw dawn il-pjattaformi b'mod aktar effettiv, billi malajr isolvu kwistjonijiet pendenti bħall-projbizzjoni tat-Turkija fuq l-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga, annimali bovini ħajjin u prodotti derivattivi u l-kwoti tat-triq ta' xi Stati Membri tal-UE applikati għal vetturi rreġistrati fit-Turkija;

4.  Jinnota l-potenzjali ta' tkabbir fit-tul u l-ispeċifiċitajiet demografiċi tat-Turkija; iħeġġeġ kemm l-UE u kemm lit-Turkija jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-ekonomiji interkonnessi tagħhom, biex iżommu sistemi ta' kummerċ u ta' investiment miftuħin u l-kapaċità tagħhom li jirreżistu l-pressjonijiet domestiċi protezzjonisti b'konformità mal-impenji tagħhom fil-pjattaformi internazzjonali varji, u biex jużaw strumenti ta' difiża kummerċjali b'mod konformi mad-WTO;

5.  Huwa mħasseb dwar il-livell baxx tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-impjieg tagħhom fis-settur informali; iħeġġeġ lit-Turkija biex tistabbilixxi l-impjieg tan-nisa fil-qalba tal-politiki ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg tagħha;

6.  Jenfasizza s-serjetà tas-sitwazzjoni tax-xogħol fost iż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' azzjonijiet speċifiċi biex jiġu indirizzati l-problemi; jirreferi għall-istudju reċenti tal-ILO li ddeskriva l-ħolqien tal-impjiegi u l-impjieg tan-nisa u ż-żgħażagħ b'mod partikolari bħala sfida ewlenija tas-suq tax-xogħol għall-iżvilupp tat-Turkija; jitlob, għalhekk, għal strateġija tal-impjiegi li timmira lejn l-impjieg taż-żgħażagħ b'mod ġenerali u s-sitwazzjoni tan-nisa żgħażagħ b'mod partikolari;

7.  Jilqa' t-twaqqif tal-Unjoni Doganali fl-1996 li pprovdiet aċċess akbar tas-suq u li ppermettiet volumi ta' kummerċ bejn l-UE u t-Turkija biex jintlaħqu EUR 100 biljun fis-sena fl-aqwa tagħhom fl-2008;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni Doganali tkopri prodotti manifatturati u prodotti agrikoli pproċessati; jinsab ħerqan għall-inklużjoni tal-prodotti agrikoli fl-Unjoni Doganali mill-aktar fis; iqis li l-Unjoni Doganali tista' ssir iktar profonda billi tkopri oqsma oħra bħas-servizzi u l-akkwist pubbliku;

9.  Jiddispjaċih li, skont ir-reviżjoni l-aktar reċenti tad-WTO, ir-rata medja tat-tariffi fuq il-prodotti agrikoli applikata mit-Turkija hija relattivament għolja u f'xi każijiet estremament għolja (pereżempju fuq il-qamħ id-dazju applikat huwa 130%); jistieden lill-Gvern Tork inaqqas sostanzjalment dawn l-ostakli;

10.  Jilqa' l-allinjament tal-Kodiċi Doganali Torka ma' dik tal-UE, u b'mod partikolari l-adozzjoni tas-Sistema Ġeneralizzata tal-Preferenzi; jitlob għal iżjed allinjament tal-leġiżlazzjoni Torka mal-acquis Komunitarju fir-rigward tal-kummerċ ħieles, il-ġlieda kontra l-iffalsifikar, u l-kontrolli a posteriori u l-awtorizzazzjonijiet għall-ħwienet mingħajr dazju;

11.  Jiddeplora l-fatt li t-Turkija, għall-ħames sena konsekuttiva, ma implimentatx bis-sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u lanqas ma neħħiet l-ostakli kollha għall-moviment ħieles tal-merkanzija; jistieden lit-Turkija biex tikkonforma bis-sħiħ u bla dewmien mal-obbligi kollha tagħha li jirriżultaw minn dan il-Protokoll b'mod mhux diskriminatorju, li se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-Istati Membri kollha tal-UE, u jfakkar li n-nuqqas ta' dan jista' jkompli jaffettwa b'mod serju l-proċess tan-negozjati;

12.  Itenni li l-konformità sħiħa tat-Turkija mal-impenji tagħha taħt l-Unjoni Doganali hija essenzjali; iqis ukoll li jeħtieġ li jkun hemm iktar armonizzazzjoni mal-acquis Komunitarju f'ċerti setturi bħaż-żoni ta' kummerċ ħieles u l-eżenzjoni mid-dazju doganali;

13.  Jisħaq li l-Unjoni Doganali tista' tibbenefika sew minn reviżjoni tal-Mekkaniżmu tas-Soluzzjoni ta' Kwistjonijiet li tippermetti soluzzjoni mgħaġġla u ġusta ta' kwistjonijiet pendenti;

14.  Iħeġġeġ li jitneħħa kwalunkwe ostaklu bla ħtieġa għall-kummerċ bejn l-UE u t-Turkija, inklużi ostakli tekniċi bħan-nuqqas ta' rikonoxximent taċ-ċertifikazzjoni, l-ittestjar duplikattiv, l-ispezzjonijiet duplikattivi, ir-regolamenti u l-istandards tekniċi obbligatorji, b'konformità mad-WTO; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex taqsam il-prattika tajba f'dan il-qasam;

15.  Jirrikonoxxi d-diffikultajiet li taffaċċja t-Turkija biex tikkonkludi l-Ftehimiet tal-Kummerċ Ħieles (FKĦ) ma' pajjiżi terzi, li jwasslu għal effetti negattivi fuq l-ekonomija tat-Turkija billi jippermettu aċċess preferenzjali unilaterali għas-suq Tork għas-sħab tal-FKĦ tal-UE li magħhom it-Turkija għadha ma rnexxilhiex tiffirma FKĦ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li t-Turkija tkun inkluża fl-istudji ta' evalwazzjoni tal-impatt ta' FKĦ prospettivi bejn l-UE u pajjiżi terzi u biex ikomplu jsaħħu t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-UE u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-FKĦ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tqis, fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, l-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija;

16 Jistieden lit-Turkija biex tneħħi l-liċenzji tal-importazzjoni li fadal għall-prodotti, li jiksru l-impenji magħmula skont l-Unjoni Doganali, u biex taqbel li taġġorna d-Deċiżjoni 2/97 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija dwar it-tneħħija tal-ostakoli tekniċi għall-kummerċ;

17.  Jilqa' l-leġiżlazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni fil-kummerċ barrani adottata mill-Gvern Tork fl-2009; jinnota, madankollu, l-introduzzjoni ta' proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u l-kontrolli fiżiċi tad-dwana; iħeġġeġ kemm l-UE u t-Turkija biex japplikaw b'mod sħiħ il-prinċipji ta' rikonoxximent reċiproku;

18.  Jistieden lit-Turkija tirtira t-toqol ta' proċeduri ta' importazzjoni u biex tallinja s-sistema tagħha ta' kwoti ta' nuqqas ta' ħlas ta' dazju għal prodotti agrikoli proċessati li ma humiex konformi mal-Unjoni Doganali;

19.  Jilqa' l-konklużjonijiet pożittivi tal-aħħar reviżjoni tad-WTO dwar it-Turkija; madankollu jħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jaċċelera riformi strutturali u leġiżlattivi;

20.Jistieden lit-Turkija biex tissospendi l-ħtiġijiet il-ġodda dwar Prattiki Tajba tal-Manifattura peress li de facto jipprojbixxu l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti farmaċewtiċi, kif ukoll biex tipparteċipa u taderixxi ma' inizjattivi internazzjonali għall-armonizzazzjoni tal-Prattiki Tajba tal-Manifattura kif ukoll standards bħal dawk tad-WHO u tal-UE;

21.  Jinnota l-istrateġija dinamika tal-kummerċ internazzjonali tat-Turkija u l-konklużjoni tagħha ta' 16-il Ftehima tal-Kummerċ Ħieles s'issa; iħeġġeġ lill-UE u lit-Turkija biex jaħdmu flimkien ħalli jsaħħu r-relazzjonijiet tal-kummerċ mal-Ażja Ċentrali;

22.  Jinnota l-fatt li 88% tal-istokk tal-IBD totali fit-Turkija jiġi mill-UE; madankollu jinnota li s-sehem tal-IBD fil-PGD tat-Turkija huwa relattivament żgħir;

23.  Jilqa' r-rwol tat-Turkija fi ħdan il-pjattaformi reġjonali bħal ma huma l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed, il-Kummerċ tal-Baħar l-Iswed u l-Bank tal-Iżvilupp u l-Proċess ta' Kooperazzjoni Ewropew tax-Xlokk; iħeġġeġ lit-Turkija tassumi rwol ta' mexxejja għall-promozzjoni ta' kummerċ miftuħ u ġust b'attenzjoni partikolari għall-benesseri soċjali, ekonomiku u ambjentali;

24.  Jinnota r-rwol tat-Turkija fir-reġjun Mediterranju bħala sieħba fundatur tal-Proċess ta' Barċellona u jistieden lit-Turkija biex tirrispetta bis-sħiħ l-istati sħab kollha tal-Proċess; jenfasizza li hemm ambitu kbir għat-titjib tal-kummerċ tat-Turkija fil-baċin Mediterranju;

25.  Jinnota li, filwaqt li l-UE tibqa' l-akbar dieħba tal-Kummerċ tat-Turkija, ir-Russja, iċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Iran kienu fost is-sħab ewlenin tal-kummerċ tat-Turkija fl-2009; jenfasizza li l-volum tal-kummerċ bejn it-Turkija u l-UE naqas matul l-2009, filwaqt li ġiet innutata tendenza ta' żieda fl-ewwel żewġ kwarti tas-sena 2010; jinnota wkoll li t-Turkija qed tiddiversifika l-imsieħba kummerċjali tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar il-kawżi, li jistgħu jinvolvu l-kriżi finanzjarja, u l-impatt ekonomiku tat-tnaqqis relattiv tas-sehem tal-UE fil-volum tal-kummerċ barrani tat-Turkija;

26.  Jinnota li t-Turkija u l-UE jaffaċċjaw sfidi simili fil-provvista tal-enerġija; jenfasizza l-importanza tal-proġett Nabucco għas-sikurezza tal-provvista tal-enerġija fl-UE u għalhekk jistieden lit-Turkija biex tieħu l-inizjattiva biex timplimenta malajr il-Ftehim Intergovernattiv Nabucco; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ddefinita strateġija komuni ta' enerġija esterni u l-ftuħ tal-kapitolu enerġija li kieku jkomplij żżid il-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija; iħeġġeġ lit-Turkija biex tirratifika l-Emenda tal-Kummerċ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u jħeġġeġ lit-Turkija tinvesti fil-potenzjal enormi tas-sorsi rinnovabbli tagħha tal-enerġija;

27.  Jinnota li l-problemi tal-viża rikorrenti taħt il-GATS 4 jillimitaw b'mod sostanzjali ċ-ċaqliq ta' kummerċjanti u sewwieqa ta' trakkijiet Torok fl-UE; jisħaq fuq is-sentenzi suċċessivi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar din il-kwistjoni u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw dawn is-sentenzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jeżaminaw mill-ġdid proċeduri tal-viża bil-ħsieb li jeliminaw ostakli għall-kummerċ;

28.  Jiddispjaċih li l-leġiżlazzjoni li tiżgura rispett sħiħ tad-drittijiet trejdunjonistiċi b'konformità mal-istandards tal-UE u mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali tax-Xogħol għadha ma ġietx ikkompletata, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet tal-organizzazzjoni tal-għaqdiet tal-ħaddiema u negozjar kollettiv u dritt tal-istrajk;

29.  Iħeġġeġ lit-Turkija biex tevita prattiki diskriminatorji kontra impriżi barranin billi tagħti vantaġġ ta' 15% fuq il-prezzijiet għal dawk in-nies Torok li jitfgħu offerta fil-qasam tal-akkwist pubbliku; jistieden lit-Turkija biex issir parti mill-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku fi ħdan id-WTO;

30.  Jisħaq fuq il-fatt li l-prodotti foloz, inklużi prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi, jirrappreżentaw problema ewlenija fir-relazzjonijiet tal-kummerċ bejn l-UE u t-Turkija u jnaqqsu l-element attraenti tat-Turkija għall-IBD; iħeġġeġ lit-Turkija biex tinforza l-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-IPR b'mod effettiv sabiex għalhekk tippromwovi r-relazzjonijiet kummerċjali mal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn il-ħtiġijiet internazzjonali fil-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku lokali fit-tfassil ta' sistema tal-proprjetà intellettwali;

31.  Jinnota li l-SMEs jiffurmaw 99% tal-impriżi Torok u jipprovdu 70% tal-opportunitajiet ta' impjieg fit-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija ttejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi; jilqa' d-Disa' Pjan ta' Żvilupp tat-Turkija li jiffoka fuq l-infiq għal Riċerka u Żvilupp li huwa kruċjali biex tiżdied il-kompetittività tal-SMEs;

32.  Jilqa' r-riżultat tar-referendum favur ir-riforma kostituzzjonali;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern tat-Turkija.

Avviż legali - Politika tal-privatezza