Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità (2009/2108(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sal-2010 - u lil hinn: it-tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema għall-ġid tal-bniedem (COM(2006)0216),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Valutazzjoni ta' nofs il-perjodu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-KE għall-Bijodiversità” (COM(2008)0864),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-“Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010” (COM(2010)0004),
– wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni dwar “L-istat ta' konservazzjoni tat-tipi ta' Ħabitats u tal-Ispeċijiet kif meħtieġ skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (COM(2009)0358),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi(1) (Direttiva tal-Għasafar) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2001(2) dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa(3) (Direttiva dwar il-Ħabitats),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-“Valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Bijodiversità” u “Lejn Strateġija tal-UE dwar Speċijiet Eżotiċi Invażivi”,
– wara li kkunsidra l-Kunsill informali li sar bejn is-26 u s-27 ta' Jannar 2010 f'Madrid li adotta l-hekk imsejħa prijoritajiet “Cibeles” u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-15 ta' Marzu 2010 dwar “Bijodiversità: Wara l-2010 – Vijoni u miri tal-UE u globali u sistema internazzjonali tal-ABS”,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010, b'mod partikolari l-paragrafu 14,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar it-Twaqqif tat-telf tal-Bijodiversità sal-2010(4),
– wara li kkunsidra s-Summit Ewropew ta' Gothenburg fl-2001, fejn kien miftiehem li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010 bħala parti mill-Istrateġija għal Żvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-Ekonomiji tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) (http://www.teebweb.org),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Lejn Strateġija tal-UE dwar Speċijiet Invażivi (COM(2008)0789),
– wara li kkunsidra l-Karta l-Blu tal-UE dwar “Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2007)0575 u SEC(2007)1278) u t-tħejjijiet li għaddejjin attwalment għar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd,
– wara li kkunsidra l-miżuri mmirati għat-tisħiħ tal-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità li jiffurmaw parti mill-“Verifika tas-Saħħa tal-PAK” u l-opportunitajiet offruti bir-riforma tal-PAK li qed tiġi diskussa bħalissa,
– wara li kkunsidra s-sejbiet tal-esperti individwali fin-“National implementation of Council Directive Habitats” - Studju PE 410.698 - Department ta' Politika C, 2009, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, partikolarment f'dak li jirrigwarda nuqqas ta' valutazzjoni ta' għażliet alternattivi għall-proġetti u l-effetti kumulattivi tagħhom, il-ġestjoni inadegwata tas-siti u, meta jiġu deċiżi miżuri kompensatorji, in-nuqqas ta' verifika ta' tali miżuri u l-fatt li spiss jitwettqu tard wisq, jekk qatt isiru,
– wara li kkunsidra l-fatt li n-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat l-2010 bħala s-Sena tal-Bijodiversità,
– wara li kkunsidra l-eżitu tal-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali ta' Speċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi f'Periklu (CITES) li saret bejn it-13 u l-25 ta' Marzu 2010 f'Doha, il-Qatar,
– wara li kkunsidra l-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li jmiss li ser isservi ta' Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Cartagena dwar il-Bijosikurezza (COP-MOP 5) u l-Konferenza tal-Partijiet (COP 10) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Bijodiversità (CBD),
– wara li kkunsidra r-Rapport taż-ŻEE Nru 4/2009 “Il-Progress lejn il-mira Ewropea tal-bijodiversità għall-2010” b'mod partikolari l-anness “SEBI 2010 Indikatur tal-Bijodiversità”,
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' gwida tal-Kummissjoni “Linjigwida għall-ħolqien tan-netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar – Applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-Ħabitats u tal-Għasafar” (Mejju 2007),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija UE 2020,
– wara li kkunsidra t-tielet Perspettiva tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bijodiversità Globali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0241/2010),
A. billi t-tfassil tal-liġiijiet tal-UE għandu jkollu impatt fuq il-bijodiversità, kif ġara fil-każ tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE) u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE),
B. billi jidher ċar mill-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-UE ma laħqitx il-mira tagħha dwar il-bijodiversità għall-2010,
C. billi l-verifika tas-saħħa tal-ispeċijiet u tat-tipi ta' ħabitats protetti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats turi li l-maġġoranza tal-ispeċijiet u tat-tipi ta' ħabitats għandhom status ta' konservazzjoni sfavorevoli, b'rata ta' estinzjoni għolja immens – skont ċerti stimi r-rata tal-bijodiversità naqset bi 30% fl-aħħar 40 sena – u l-fatturi li qed iqanqlu t-telf eċċessiv tal-bijodiversità mhuma qed juru l-ebda sinjal ta' tnaqqis; billi l-ħabitats u l-ispeċijiet ta' interess għall-UE huma potenzjalment mhedda mit-tibdil fil-klima antropoġeniku; billi x-xjenzati jikkalkulaw li hemm bosta speċijiet mhux reġistrati, li minħabba fihom hu impossibbli li ssir verifika sħiħa tat-telf tal-bijodiversità,
D. billi bosta fatturi żammew l-UE milli tilħaq il-mira tagħha għall-2010, bħan-nuqqas li tagħraf u tiffaċċja l-forzi li qed iqanqlu t-tnaqqis tad-diversità bijoloġika, implimentazzjoni leġiżlattiva mhux kompluta, integrazzjoni dgħajfa u mhux kompluta fil-politiki settorjali, għarfien xjentifiku mhux adegwat u nuqqasijiet fid-data, nuqqas ta' rieda politika, finanzjament mhux suffiċjenti, nuqqas ta' strumenti addizzjonali immirati b'mod effiċjenti biex jiġu ffaċċjati problemi speċifiċi bħal speċijiet eżotiċi invażivi,
E. billi l-bijodiversità, bħala l-kapital naturali tad-dinja, hi essenzjali għall-eżistenza tal-ħajja umana fid-Dinja u għall-benesseri tas-soċjetajiet, kemm direttament kif ukoll indirettament permezz tas-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi; billi l-bijodiversità għandha rwol ewlieni fil-ġlieda globali kontra l-ġuħ u favur is-sigurtà tal-ikel; billi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità hu wieħed mill-prerekwiżiti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih,
F. billi l-bijodiversità bijoloġika hi s-sies insostitwibbli li fuqu evolviet l-umanità, u t-telfien tagħha u tal-wirt naturali li ġġib magħha, jikkaġuna skwilibriju li jwassal għal telf ekonomiku u soċjali sostanzjali, fl-istess proporzjon bħall-ispiża għan-nuqqas ta' azzjoni dwar it-tibdil fil-klima,
G. billi l-istudju dwar l-Ekonomiji tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) jikkonferma wkoll li t-telf tal-bijodiversità jwassal għal telf ekonomiku u soċjali sostanzjali,
H. billi studju reċenti tal-Eurobarometer juri li l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE mhumiex familjari mat-terminu bijodiversità u mal-konsegwenzi tat-telf tal-bijodiversità,
I. billi l-għajbien tal-ispeċijiet jista' jkisser il-katina tal-ikel li hi fundamentali għas-sopravivenza ta' speċijiet ta' annimali u pjanti oħrajn li huma ta' importanza vitali għall-produzzjoni tal-ikel, għall-adattament għall-kundizzjonijiet klimatiċi, għar-reżistenza għall-aġenti esterni u għall-preservazzjoni tal-valuri ġenetiċi,
Rimarki ġenerali
1. Jinsab imħasseb sew dwar il-pass imgħaġġel ħafna ta' telf tal-bijodiveristà kkawżat mill-bniedem, li jekk jibqa' għaddej bħal f'dawn l-aħħar deċennji, se jħallina b'natura fqira immens u mħassra b'mod irriversibbli sal-2050 u jenfasizza li ekosistemi funzjonanti huma prerekwiżit għas-sussistenza tagħna;
2. Jenfasizza l-fatt li l-bijodiversità hi l-iktar indikatur importanti ta' stat ambjentali tajjeb;
3. Hu konxju li l-falliment tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità mhuwiex aċċettabbli mhux biss mill-aspett etiku iżda wkoll minn dak ekoloġiku u ekonomiku, peress li jċaħħad lill-ġenerazzjonijiet futuri mis-servizzi tal-ekosistemi u mill-aspetti tal-benessri li ġġib magħha bijodiversità għanja u naturali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-governanza tal-bijodiversità u l-konformità kemm fir-relazzjonijiet interni kif ukoll f'dawk esterni;
4. Hu konxju, barra minn hekk, li t-trattament b'suċċess tal-kriżi tripla tas-sigurtà tal-ikel, tat-telf tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima, jeħtieġ approċċ koerenti u strateġija tal-UE għall-bijodiversità fil-ġejjieni li tkun integrata bis-sħiħ mal-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ u għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima;
5. Jirrikonoxxi li l-NGOs għandhom rwol importanti xi jwettqu fil-ħarsien tal-bijodiversità, fir-rigward tal-kontribut għall-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bħala operaturi bażiċi, u għall-ħolqien ta' kuxjenza pubblika;
6. Jenfasizza li studji kurrenti, bħall-istudju TEEB, jikkalkolaw li t-telf soċjali mill-bijodiversità attwalment hu ta' madwar EUR 50 biljun fis-sena (ftit anqas minn 1 % tal-PDG), li jista' jitla' għal EUR 14 triljun jew 7 % tal-PDG sas-sena 2050;
7. Jaqbel madankollu mar-rapport ta' studju tat-TEEB li l-kejl tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità għandu limitazzjonijiet ta' metodoloġija u dan ma għandux joskura l-aspetti etiċi u interġenerazzjonali tal-konservazzjoni tal-bijodiversità;
8. Huwa preokkupat sew dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe sens ta' urġenza fl-aġenda politika internazzjonali biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità;
L-UE u l-bijodiversità
9. Jiddispjaċih bil-qawwi li l-għan tal-UE, kif miftiehem fis-Summit Ewropew f'Gothenburg fl-2001, biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010, ma ntlaħaqx u jingħaqad mat-tħassib espress minn ħafna petizzjonanti lill-Parlament Ewropew;
10. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010;
11. Barra minn hekk jilqa' l-konklużjonijiet dwar il-bijodiversità tal-Kunsill għall-Ambjent tal-15 ta' Marzu 2010, inkluż il-mira ewlenija l-ġdida għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u li dawn possibilment jitreġġgħu lura mingħajr preġudizzju għall-bidliet naturali fil-bijodiversità, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010 li jikkonfermaw il-ħtieġa urġenti li jitreġġgħu lura x-xejriet kontinwi ta' telf ta' bijodiversità u ta' degradazzjoni tal-ekosistema;
12. Jemmen li t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità hu l-inqas livell ta' ambizzjoni assolut li għandu jitwettaq sal-2020;
13. Jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi prezzjużi mmirati għar-restawr tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema li diġà qegħdin iseħħu u jemmen li dawn l-attivitajiet ta' restawr għandhom ukoll jiffurmaw parti mill-mira ewlenija għall-2020;
14. Jikkunsidra li f'kundizzjonijiet ta' nuqqas ta' data, tenħtieġ valutazzjoni fil-fond tal-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali;
15. Jinsab konvint li meta titqies in-natura globali tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema, u r-rwol ewlieni tagħhom għall-għanijiet globali ta' żvilupp sostenibbli, it-tnaqqis tal-faqar u l-ġuħ u t-titjib tas-saħħa u l-ġid tal-bniedem, l-istrateġija tal-UE tal-futur għandha wkoll tagħti spinta lill-isforzi internazzjonali tal-UE, biex tevita t-telf tal-bijodiversità, peress li studji bħat-TEEB taw prova ċara li dan hu ekonomiku u fattibbli u b'hekk tikkontribwixxi aħjar għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;
16. Jenfasizza, barra minn hekk, li tenħtieġ strateġija koordinata biex tiġi trattata l-problema ta' speċijiet eżotiċi invażivi, bħala parti mill-politika mmirata għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità, u jinnota b'mod partikolari r-rabta mill-qrib bejn ir-rotot ta' trasport u l-introduzzjoni ta' speċijiet eżotiċi fuq skala kbira;
Natura 2000
17. Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-leġiżlazzjoni Natura 2000 għandha rwol ewlieni fil-kisba tal-miri tal-UE għall-bijodiversità, tibdil fil-klima u żvilupp sostenibbli; f'dan ir-rigward, jikkunsidra importanti li l-kooperazzjoni futura mal-isfruttaturi tal-art fl-implimentazzjoni tan-NATURA 2000 tkun kooperattiva u msaħħa fil-fond; jenfasizza li l-approċċ Natura 2000 diġà kellu suċċess kbir;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats;
19. Jibqa' mħasseb dwar l-implimentazzjoni sħiħa u bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni Natura 2000, minkejja r-riżultati konkreti u pożittivi miksuba minn xi Stati Membri fl-istat ta' konservazzjoni ta' bosta speċijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu prijorità akbar lill-implimentazzjoni tan-Natura 2000;
20. Jilqa' l-fatt li n-netwerk Natura 2000 jirrappreżenta 18% tat-territorju (fuq l-art) tal-UE u l-progress bikri mwettaq fil-ħolqien ta' miżuri ta' konservazzjoni u pjanijiet ta' ġestjoni; jinsab diżappuntat bil-falliment tal-Istati Membri li jirrispettaw l-iskadenzi stipulati fid-Direttivi; u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni f'waqtha għall-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats;
21. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress fil-ħolqien tan-netwerk Natura 2000 għall-ambjent tal-baħar u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-proċeduri meħtieġa;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta netwerk mudell ta' żoni protetti tal-baħar (MPAs) li jippermetti li ssir rikonċiljazzjoni bejn il-ħarsien tal-ambjent u l-prattika ta' sajd sostenibbli; jitlobha tirrapporta b'mod regolari dwar il-progress magħmul mill-Istati Membri fl-implimentazzjonji tad-Direttivi dwar l-Ħabitats u l-Għasafar, b'mod partikulari dwar it-twaqqif tan-netwerk Natura 2000 fl-ambjent tal-baħar, minħabba li bħalissa anqas minn 10% taż-żoni protetti huma siti fil-baħar, kif ukoll dwar ir-rappurtar u l-obbligi tal-monitoraġġ tal-Istati Membri;
23. Jinnota li fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-bijodiversità, l-ispeċijiet u l-ħabitats tal-baħar igawdu minn anqas protezzjoni mill-ispeċijiet tal-art u l-ħabitats, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta n-nuqqasijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni u fl-implimentazzjoni tagħha, u tiżviluppa żoni protetti tal-baħar (MPAs) li fihom l-attivitajiet ekonomiċi, inkluż is-sajd, ikunu s-suġġett ta' tmexxija msaħħa msejsa fuq il-ġestjoni tal-ekosistema;
24. Jinnota wkoll li d-diversi konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali madwar l-UE, bħall-OSPAR, il-HELCOM u l-Konvenzjoni ta' Barċellona, joffru qafas importanti għall-ħarsien tal-ekosistemi tal-baħar;
25. Iqis li l-Istati Membri għandhom jingħataw permess jieħdu inizjattivi biex jipproteġu l-bijodiversità tal-baħar li jmorru lil hinn mill-azzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE;
26. Ifakkar li l-ħolqien ta' Natura 2000 koerenti jeħtieġ iż-żamma ta' dawk il-karatteristiki tal-pajsaġġ li huma ta' importanza ewlenija għall-fawna u l-flora selvaġġa; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipparteċipaw bis-sħiħ fiż-żamma u l-iżvilupp tal-konnettività taż-żoni protetti, kemm jekk tal-art jew tal-baħar, kif ukoll iż-żoni għall-agrikoltura b'valur ta' natura għoli;
27. Jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent meta tistqarr li l-istat ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats jagħti lok għal tħassib u li ma għandniex “niffokalizzaw l-isforzi kollha tagħna fil-presevazzjoni ta' gżejjer ta' bijodiversità, meta mbagħad nitilfu n-natura fil-postijiet kollha tal-madwar”, billi dan jirrifletti l-fehmiet espressi ta' sikwit miċ-ċittadini Ewropej fil-petizzjonijiet tagħhom lill-Parlament Ewropew;
28. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li d-Direttiva dwar Strateġija Marina ma tillimitax l-użu taż-żoni protetti tan-Natura 2000, u għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu u joħolqu rabtiet bejn iż-żoni protetti kollha tal-ibħra, fosthom dawk innominati mill-Konvenzjonijiet tal-Ibħra Reġjonali, bil-għan li jinħoloq netwerk koerenti u komprensiv;
29. Jinnota ċertu grad inevitabbli ta' sussidjarjetà fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, iżda jinsab imħasseb li dan il-grad ta' flessibilità jista' jwassal għal abbużi mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha; jiddispjaċih mid-differenzi impressjonanti bejn l-Istati Membri rigward, pereżempju, l-“effett estern” tas-siti Natura 2000, l-eżenzjonijiet ġenerali għal ċerti “attivitajiet eżistenti” jew l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni; jitlob li jsiru inkjesti dwar jekk l-Istati Membri partikolari humiex qed japplikaw ir-regoli b'mod li jxekkel il-kisba effikaċi tal-għanijiet tal-bijodiversità previsti, fil-każ ta' differenzi impressjonanti;
30. Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba dawn id-differenzi bejn l-Istati Membri, tagħti aktar ċarezza jew gwida għad-Direttivi, fejn meħtieġ, u din iċ-ċarezza u l-gwida għandhom idealment ikunu bbażati fuq u/jew murija bl-aħjar prattiki;
31. Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni għan-natura b'rabta mal-bijodiversità skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;
32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-valutazzjonijiet strateġiċi ambjentali jkunu ta' kwalità adegwata f'rabta mal-bijodiversità, sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni konkreta tal-leġiżlazzjoni Natura 2000;
33. Jitlob it-tisħiħ tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u għal interpretazzjoni ħafna aktar rigoruża tal-objettivi tagħha, biex ma jkunx hemm telf globali iżda żidiet fil-bijodiversità fejn possibbli, u l-introduzzjoni ta' rekwiżiti speċjali għall-monitoraġġ kontinwu tal-impatti tal-bijodiversità ta' proġetti u l-effikaċja tal-miżuri ta' mitigazzjoni, b'dispożizzjonijiet adegwati għall-aċċess għal din l-informazzjoni u għall-infurzar;
34. Jemmen li kooperazzjoni transkonfinali aħjar jista' jkollha benefiċċji sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet Natura 2000;
35. Jesprimi barra minn hekk it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni transkonfinali, li tista' twassal għal approċċ differenti għal żoni identiċi, u jenfasizza l-utilità li jiġu sfruttati l-istrumenti eżistenti, bħar-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali (REKT) li hi għodda legali;
36. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex, fl-istrateġija tal-bijodiversità futura u fil-kuntest ta' Natura 2000, tiffoka aktar fuq is-servizzi ta' ekosistema, filwaqt li fl-istess ħin tibni fuq u ssaħħaħ l-isforzi biex jinkiseb sforz ta' konservazzjoni favorevoli għall-ispeċijiet u l-ħabitats tagħhom;
Integrazzjoni f'oqsma ta' politika oħra
37. Jinsab konvint li n-netwerk tal-art u marin Natura 2000 mhuwiex l-uniku strument tal-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda jenħtieġ approċċ aktar integrat biex il-politika tal-UE għall-bijodiversità tkun ta' suċċess;
38. Jitlob għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni ulterjuri tal-bijodiversità fl-oqsma tal-politika tal-UE l-oħra – bħall-agrikoltura, il-foresti, is-sajd, il-politika reġjonali u l-koeżjoni, l-enerġija, l-industrija, it-turiżmu tat-trasport, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni – b'mod ta' tisħiħ reċiproku u li jissaħħaħ il-qbil bejn il-politiki settorjali u baġitarji tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-opportunitajiet kbar li jeżistu b'mod partikolari fil-politika agrikola komuni, fil-politika reġjonali u fil-politika tas-sajd komuni, biex il-bijodiversità tingħata prijorità akbar;
39. Jenfasizza r-rabta bejn il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità bħala fattur ewlieni fl-appoġġ għall-ħajja u fl-iżvilupp sostenibbli;
40. Hu tal-opinjoni li l-bdiewa għandhom rwol vitali xi jwettqu fil-kisba tal-għan tal-UE għall-bijodiversità; jinnota li fl-1992 ingħatat l-ewwel spinta biex il-protezzjoni tal-bijodiversità tiġi integrata fil-politika agrikola komuni (PAK), u li aktar tard, ir-riforma tal-2003 introduċiet miżuri bħall-konformità reċiproka, il-pagament waħdieni għal kull razzett (decoupling) u l-iżvilupp rurali li jwasslu għal benefiċċji għall-bijodiversità;
41. Jesprimi madankollu t-tħassib tiegħu dwar il-ħila tal-bdiewa tal-UE li jkomplu jipproduċu ikel ta' kwalità tajba b'mod kompetittiv; jemmen li r-riforma tal-PAK għandha tippremja lill-bdiewa tal-UE b'mod adegwat għall-isforzi tagħhom fil-kisba tal-għan tal-UE għall-bijodiversità;
42. Jinnota li l-attività marbuta mal-agrikoltura u l-forestrija fl-Ewropa kkontribwiet b'mod sostanzjali għad-diversità tal-ispeċijiet u l-bijotipi u dan il-pajsaġġ agrikolu issa jinħtieġ il-protezzjoni; għalhekk jenfasizza li hu biss permezz ta' attività agrikola u dik marbuta mal-foresti biss li jkun jista' jinżamm il-pajsaġġ agrikolu u tkun ikkonservata d-diversità bijoloġika fl-Ewropa kollha kemm hi;
43. Jilqa' l-isforzi preċedenti għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali bħala parti integrali tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), bħall-introduzzjoni ta' miżuri agroambjentali u kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riforma tal-PAK bħala opportunità ta' tisħiħ ulterjuri ta' din it-tendenza, b'ħidma lejn biedja sostenibbli bis-sħiħ fl-UE, fejn il-benefiċċji għan-natura jifformaw il-prinċipju gwida, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta' rimunerazzjoni għall-ekoservizzi jew il-forniment ta' beni pubbliċi definiti sew, inkluż il-biedja sostenibbli f'żoni ambjentali sensittivi, bħas-siti Natura 2000 sabiex jiġi żgurat il-finanzjament futur ta' modi ta' biedja sostenibbli, sabiex il-prattika tajba tiġi ppremjata u mħeġġa b'mod adegwat u biex il-bdiewa ma jiġux żvantaġġjati finanzjarjament jew b'mod ieħor, sabiex b'hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-irziezet jibqgħu jikkontribwixxu għall-bijodiversità fil-futur;
44. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar attenzjoni għall-iżgurar tal-konformità mar-regolamenti u d-direttivi Ewropej kollha li jittrattaw, b'mod partikolari, maż-żamma tal-bijodiversità;
45. Jinnota li fil-politika agrikola tagħha, l-UE stipulat regolamenti f'konformità reċiproka għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, iżda jiddispjaċih li dawn spiss mhumiex implimentati u mmonitorjati fl-UE kollha;
46. Jirrikonoxxi li l-politika dwar l-użu tal-art hi element ewlieni ieħor fil-konservazzjoni tan-natura u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-integrazzjoni tal-kriterji tal-bijodiversità fil-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali fi kwistjonijiet li jittrattaw l-użu tal-art u l-politika territorjali, inkluż il-politika reġjonali u ta' koeżjoni;
47. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-art u l-konservazzjoni tal-bijodiversità ma jmorrux kontra xulxin u l-ġestjoni integrata toħloq ħabitats għall-bijodiversità;
48. Jenfasizza l-importanza li jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-tnaqqis tad-diversità ta' speċijiet u varjetajiet ta' pjanti kkultivati, li jwassal għall-erożjoni tal-bażi ġenetika li fuqha jiddependi n-nutriment tal-bniedem u tal-annimali; jenfasizza l-ħtieġa għall-promozzjoni tal-użu ta' varjetajiet agrikoli tradizzjonali partikolari għal ċerti reġjuni;
49. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara li kkunsidra l-valur ekonomiku, soċjali u ambjentali tad-diversità ġenetika agrikulturali u tal-annimali, tiddefinixxi miri ta' prijorità speċifiċi għat-twaqqif tat-telf tad-diversità ġenetika u għat-twaqqif tat-telf ta' speċijiet endemiċi; jitlob ukoll li tiġi adottata definizzjoni ta' razzez “endemiċi”/“mhux endemiċi” u l-miżuri għall-konservazzjoni tagħhom;
50. Iqis li l-PAK għandha tippremja lill-bdiewa li jipprovdu servizzi ta' ekosistema addizzjonali li jgħinu fil-konservazzjoni tal-bijodiversità permezz ta' ħlas supplimentari dirett skont l-erja, iffinanzjat mill-UE; itenni t-talba tiegħu għal kundizzjonalità reċiproka “bonus” li tippremja lill-bdiewa b'punti żejda għal attivitajiet li jrawmu l-bijodiversità u li jkunu implimentati b'żieda mal-obbligi li jirriżultaw minn kundizzjonalità reċiproka agroambjentali tajba,
51. Jinnota li sar ħafna progress fil-leġiżlazzjoni ambjentali, bħall-introduzzjoni ta' strateġiji integrati għall-ġestjoni tal-organiżmi li jagħmlu ħsara u l-leġiżlazzjoni Ewropea ġdida dwar il-pestiċidi, li tippermetti ħarsien tal-pjanti ffukata fuq organiżmi ta' ħsara, biex b'hekk jiġu protetti organiżmi ta' benefiċċju;
52. Jilqa' r-riforma tal-politika komuni tas-sajd li qed titħejja bħalissa u jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-kriterji tal-bijodiversità fil-proposti leġiżlattivi futuri tagħha; barra minn hekk jinsisti li għandhom jiġu żviluppati mudelli ta' akkwakultura sostenibbli skont il-linji proposti mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-bini ta' futur sostenibbli għall-akkwalkultura (COM(2009)0162) u b'kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2010, bħala alternattiva possibbli għas-sajd;
53. Jistqarr li l-għodod ewlenin biex jintlaħqu l-objettivi tal-bijodiversità fl-ambjent tal-baħar, apparti d-Direttivi dwar il-Ħabitatas u l-Għasafar, huma d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għall-ilmijiet max-xtut, u l-Istrateġija Marittima għall-ibħra kollha;
54. Iqis li t-tnaqqis fil-ħut żejjed li jinqabad u jiġi skartat għandu jkun objettiv ewlieni tal-PKS, u jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-kawżi ta' din il-qabda żejda li tiġi skartata u tasal għal soluzzjonijiet speċifiċi għal kull tip ta' sajd, l-aktar permezz tal-introduzzjoni ta' kwoti ta' multispeċi jew kwoti ta' bijomassa, skont is-selettività tat-tagħmir, bħall-użu ġenerali ta' xbiek b'ħoloq kwadri u l-ġestjoni tal-ispazju tal-istokkijiet;
55. Iqis li l-Organizzazzjonijiet Reġjonjali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) huma responsabbli mill-ġestjoni tal-ibħra tas-sajd u garanti tas-sajd responsabbli fl-ibħra internazzjonali; iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ li s-setgħat tagħhom jissaħħu, l-aktar fir-rigward tal-kontrolli u tal-penalitajiet dissważivi, u jqis ukoll li qabel kollox huwa f'idejn l-RFMOs li jimmaniġġjaw l-istokkijiet ta' ċerti speċijiet tal-baħar ta' importanza kummerċjali u li jirrikjedu l-użu ta' ċertifikati tal-qbid;
56. Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri fil-qasam tal-Ġestjoni Integrata taż-Żona tax-Xatt (ICZM) u tal-ippjanar spazjali marittimu minħabba li dawn jistgħu jkunu elementi importanti ta' approċċ ekosistemiku parteċipatorju, jiżguraw il-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tax-xtut, filwaqt li jkunu rispettati l-proċessi naturali u l-kapaċità tal-ekosistemi;
57. Jenfasizza, minħabba t-tnaqqis sinifikanti tal-bijodiversità akkwatika u d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-ilma ħelu, l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi trattat it-tnaqqis tal-bijodiversità fl-ippjanar għall-immaniġġjar tal-baċiri tax-xmajjar;
58. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu l-politika forestali tagħhom b'mod illi jikkunsidraw bis-sħiħ ir-rwol tal-foresti bħala riżerva tal-bijodiversità, iż-żamma u l-formazzjoni tal-ħamrija, is-sekwestru tal-karbonju u l-karatteristiċi tal-purifikazzjoni tal-arja u għall-iskopijiet ta' rikreazzjoni taċ-ċittadini tagħna;
59. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inidirizzar tal-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità (COM(2008)0645), li jitolbu għall-waqfien tat-telf globali tal-foresti sa mhux aktar tard mill-2030;
60. Jinnota li t-talba dejjem akbar għall-agrokarburanti u l-intensifikazzjoni tal-pressjoni sussegwenti għall-produzzjoni tagħhom qed thedded il-bijodiversità, b'mod partikolari f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, minħabba d-degradazzjoni u l-konverżjoni tal-ħabitats u tal-ekosistemi bħall-artijiet mistagħdra u l-foresti fost l-oħrajn;
61. Jenfasizza l-ħtieġa ta' żieda fil-baġit għar-riċerka ddedikata għall-ambjent u l-bijodiversità skont it-Tmien Programm ta' Qafas, li tkun proporzjonata mal-ħtiġijiet u l-isfidi kbar għall-iffaċċjar tat-telf tal-bijodiversità u tat-tibdil fil-klima;
62. Jinnota li l-paragrafu 8 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 jistieden lill-Kummissjoni tagħmel reviżjoni urġenti settur b'settur tas-sussidji li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi minnufih dwar dawn il-konklużjonijiet sabiex tevita sussidji għal politiki li għandhom impatt negattiv fuq il-bijodiversità Ewropea;
63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-fażi ta' tħejjija tal-iżvilupp tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali għall-avvanz u l-promozzjoni tad-dibattitu, kif ukoll ta' azzjonijiet speċifiċi dwar il-bijodiversità fl-UE
Il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima
64. Jenfasizza l-importanza ewlenija tal-bijodiversità u tal-ekosistemi flessibbli għall-mitigazzjoni u l-adattament tat-tibdil fil-klima, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-ekosistemi tal-art u tal-baħar attwalment jassorbu madwar nofs l-emissjonijiet antropoġeniċi tas-CO2;
65. Jilqa' l-appoġġ dejjem akbar għall-miżuri għat-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima, li minnhom tista' tibbenefika wkoll il-bijodiversità, iżda li m'għandhomx iħallu impatt negattiv għall-finanzjament tal-bijodiversità fih innifsu;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima ma jkollhomx effetti negattivi fuq il-bijodiversità tal-baħar u tal-art;
67. Jenfasizza li l-ħamrija għandha rwol importanti xi twettaq fil-kisba tal-għan tal-UE għall-bijodiversità; jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija prinċipalment għandha kawżi u impatt lokali u reġjonali, u li konsegwentement il-prinċipju ta' sussidjarjetà għandu jiġi rrispettat; jistieden lill-Istati Membri kollha jwettqu l-obbligi tagħhom f'termini ta' żgurar tal-kwalità tal-ħamrija u ż-żamma tal-ħamrija f'kundizzjoni tajba u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri mingħajr leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tal-ħamrija biex jerfgħu r-responsabilitajiet tagħhom;
Il-valur ekonomiku tal-bijodiversità
68. Jenfasizza r-rwol essenzjali tas-sajd mil-lat ekonomiku u soċjali fl-iżvilupp tax-xtut u mil-lat ambjentali fl-ekosistemi tal-baħar; iqis li l-PKS ma għandhiex tfixkel iżda tiffaċilita l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni dwar il-bijodiversità, b'mod partikulari t-twaqqif ta' miżuri ta' protezzjoni adegwata fis-siti marini Natura 2000;
69. Jirrikonoxxi l-potenzjal ta' impjieg konsiderevoli marbut mal-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli u ta' infrastruttura ambjentali, li min-natura tagħhom stess jissarrfu f'impjiegi lokali (li ma jistgħux jiġu rilokati f'pajjiżi terzi), biex b'hekk jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-Istrateġija 2020 tal-UE;
70. Jemmen bil-qawwa, barra minn hekk, li l-effiċjenza fir-riżorsi, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-konservazzjoni tan-natura jistgħu u għandhom imorru id f'id; jagħti attenzjoni partikolari lill-iżvilupp tal-ekoturiżmu u l-agrituriżmu, li permezz tagħhom ir-rikreazzjoni u l-konservazzjoni jsaħħu lil xulxin;
71. Jenfasizza l-importanza tal-konservazzjoni tal-bijodiversità fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 tal-UE, mhux biss minħabba l-potenzjal f'impjiegi li tista' toħloq iżda wkoll minħabba l-kontribut li toffri għall-użu sostenibbli u effikaċi tar-riżorsi; jirrikonoxxi li l-livelli dejjem akbar tal-produzzjoni ta' materjali, il-kummerċ u l-konsum huma qawwa mexxejja ewlenija fit-telf tal-bijodiversità, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromovu u jiżviluppaw politiki ta' konsum u produzzjoni effikaċi u sostenibbli (SCP);
Finanzjament
72. Jieħu nota tal-estimi tal-Kummissjoni għall-2004 dwar l-ispiża annwali tal-ġestjoni tan-netwerk Natura 2000, li kienu ta' EUR 6,1 biljun; madankollu jinnota li skont ir-rapport TEEB, ir-redditu għall-investiment għall-konservazzjoni tal-bijodiversità hu madwar mitt darba aktar;
73. Madankollu jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma offriet l-ebda sors addizzjonali ta' finanzjament għall-implimentazzjoni tad-direttivi Natura 2000 u li m'hemmx tqassim ċar tal-ammonti reali li ntefqu fis-sena fl-UE għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u jinsisti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jikkooperaw biex tingħata stampa aktar ċara;
74. Jemmen li l-Komunità għandha terfa' responsabilità akbar għall-ħarsien tal-valuri naturali fin-netwerk Natura 2000, b'mod partikolari rigward il-finanzjament;
75. Jilqa' ż-żieda fin-nefqa għal LIFE+ (żieda ta' 8% fl-abbozz ta' baġit għall-2011), iżda jenfasizza li dan l-istrument għadu jirrappreżenta biss parti żgħira ħafna tal-baġit tal-UE (0,2%); madankollu jinnota li l-miżuri ta' konservazzjoni ffinanzjati mill-UE mhux dejjem jitkomplew darba li jieqaf il-finanzjament Komunitarju; jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni aktar sħiħa lill-fatturi differenti marbutin mas-sostenibilità tal-proġetti u biex iddaħħal il-monitoraġġ sistematiku tal-proġetti wara l-ħlas finali;
76. Jinsab konxju li hemm finanzjament addizzjonali disponibbli għall-konservazzjoni tal-bijoversità permezz ta' strumenti oħrajn, bħall-Fondi Strutturali u l-Fond għall-Iżvilupp Rurali, iżda jiddeplora l-użu limitat li ħafna Stati Membri jagħmlu minn din il-possibilità; ifakkar li l-akbar kontribut għall-finanzjament tal-bijodiversità attwalment ġej mill-FAEŻR;
77. Jistenna, mingħajr ma jantiċipa d-diskussjonijiet u d-deċiżjonijiet futuri dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid (mill-2014 “il quddiem) u r-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-qafas baġitarju attwali (2007-2013), li l-limiti baġitarji se joħolqu ħtieġa akbar minn qatt qabel għall-kisba ta' valur miżjud ogħla u żieda fl-effikaċja tal-infiq Ewropew, inkluż l-infiq għall-bijodiversità;
78. jenfasizza għalhekk il-ħtieġa għal għarfien akbar fl-effikaċja tal-infiq għall-bijodiversità u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta eżempji ta' prattika tajba f'termini ta' effikaċja u valur miżjud;
79. Jilqa' r-rakkomandazzjoni magħmula mill-IUCN għal nefqa ta' 0,3% tal-PGD fuq il-miżuri nazzjonali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;
80. Jinnota bi tħassib li n-numru ta' proġetti ffinanzjati mill-programm LIFE+ kull sena fl-Istati Membri differenti qed ikun anqas mill-allokazzjoni indikattiva; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' implimentazzjoni u tipproponi bidliet fir-regoli li jiggvernaw il-programm fejn meħtieġ, b'mod partikolari rigward il-livelli ta' kofinanzjament;
81. Jinsab konvint li n-nefqa pubblika biss mhijiex biżżejjed biex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-UE u jenfasizza l-importanza tar-responsabilità tal-kumpaniji li jikkunsidraw ukoll il-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tfittex mezzi ta' implimentazzjoni ta' politiki li jinkoraġġixxu investimenti pożittivi fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u tiskoraġġixxi l-investiment li jħalli effett fuq il-bijodiversità fis-setturi pubbliċi u f'dawk privati; jilqa' f'dan ir-rigward it-tnedija mill-Kummissjoni tal-Pjattaforma għall-Kummerċ u l-Bijodiversità biex tinkludi lis-settur privat fl-aġenda tal-bijodiversità;
82. Jirrakkomanda li tiddaħħal flessibilità akbar fir-regoli dwar l-eliġibilità għall-finanzjament ta' proġetti marbutin mal-bijodiversità u biex tħeġġeġ l-operaturi partikolari japplikaw għalih;
83. Barra minn hekk jenfasizza l-ħtieġa li jinkludi l-ispejjeż esterni, ir-riskji u l-impatt, bħall-konservazzjoni tal-pajsaġġ ambjentali, il-ħsara magħmula lill-bijodiversità jew l-ispejjeż minfuqa għall-appoġġ tal-bijodiversità, fil-prezz finali tal-prodotti fis-suq; speċjalment għaliex dan hu fl-interess fit-tul tal-kumpaniji jekk iridu jżommu l-aċċess għar-riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-Komunikazzjoni li ħabbret dwar il-finanzjament futur ta' Natura 2000 malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe eventwalità matul is-sena 2010 sabiex dan l-aspett ikun jista' jiġi eżaminat flimkien mal-istrateġija għall-bijodiversità l-ġdida għall-perjodu sal-2020;
Bażi ta' data u għarfien
84. Jenfasizza l-importanza ta' kontabilità ambjentali integrata għall-analiżi tar-rabta bejn l-ambjent u l-ekonomija fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali għall-valutazzjoni tal-effetti tax-xejriet ta' produzzjoni u konsum fuq ir-riżorsi naturali u jitlob lill-Istati Membri jgħaddu kontinwament id-data meħtieġa lill-Eurostat u lill-Aġenzija Ambjentali Ewropea;
85. Jinnota li r-riċerka u l-iżvilupp huma ta' importanza ewlenija sabiex jitnaqqsu d-differenzi attwali fl-għarfien u jiġi żgurat monitoraġġ regolari tax-xejriet tal-bijodiversità kif ukoll għall-iżvilupp ta' għodod ta' politika għat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità;
86. Jilqa' r-rapport kompost tal-Kummissjoni 2001-2006, li jevalwa l-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u speċijiet protetti fl-UE u l-progress magħmul mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Natura 2000, iżda jiddispjaċih għan-numru kbir ta' kwalifiki “mhux magħrufa”; jistieden lill-Istati Membri jtejbu r-rappurtaġġ tagħhom u liż-ŻEE u l-Kummissjoni jiżguraw kredibilità u komparabilità ta' data aħjar fir-rapporti tagħhom fil-ġejjieni;
87. Jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' referenza ċara, li fuqha l-Kummissjoni għandha tkejjel il-progress lejn il-miri (u s-submiri); f'dan ir-rigward jilqa' l-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent rigward is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (BISE) u l-linja bażi għall-bijodiversità, li għandhom jipprovdu għodod essenzjali għat-titjib u l-irfinar tat-tfassil tal-politika dwar il-bijodiversità, b'mod partikolari għall-pjan strateġiku li qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni; jenfasizza l-użu tad-data eżistenti aktar milli l-insistenza fuq il-ġbir ta' data ġdida;
88. Jilqa“, fil-kuntest tan-nuqqas ta' għarfien attwali fost il-pubbliku ġenerali dwar l-importanza tal-bijodiversità, il-kampanja informattiva tal-Kummissjoni u jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi għall-qawmien tal-għarfien u għall-iskambji tal-aħjar prattika;
Aspetti internazzjonali
89. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ma rnexxilniex nilħqu jew saħansitra noqorbu l-mira globali ta' tnaqqis fir-rata tat-telf tal-biijodiversità sal-2010, kif definit fis-Summit Dinjiji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002, u dwar l-implikazzjoni tat-telf kontinwu tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs) u l-għan tal-2015 għat-tnaqqis tal-faqar u l-ġuħ u t-titjib tas-saħħa u tal-benesseri tal-bniedem u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-proċessi globali bħall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju;
90. Jilqa' l-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f'Nagoya f'Ottubru 2010 u jħeġġeġ lill-UE sabiex tibgħat delegazzjoni estensiva, imħejjija u koordinata tajjeb, għal din il-konferenza; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiddefinixxi pożizzjoni upstream b'saħħitha u koerenti; madankollu jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Ministri għall-Ambjent biss se jattendu għall-konferenza, filwaqt li l-iżgurar tal-progress dwar l-aġenda globali għall-bijodiversità jitlob approċċ transsettorjali;
91. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħolqien ta' pjattaforma intergovernattiva għall-politiki fil-qasam tas-servizzi xjentifiċi għall-bijodiversità u l-ekosistemi, taħt l-awspiċji tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, u biex tgħin fil-bini ta' din il-pjattaforma;
92. Jappoġġa l-idea, diskussa tul il-laqgħa ta' Lulju 2008 taħt il-Presidenza Franċiża, tal-iżvilupp ta' netwerks “simili għal Natura 2000” fil-Pajjiżi u t-Territorji barra mill-Ewropa u r-Reġjuni l-aktar Imbiegħda tal-UE, li għandhom fost l-iktar siti ewlenin ta' bijodiversità għanja fid-dinja u jenfasizza l-ħtieġa għall-appoġġ ta' dan l-iżvilupp permezz ta' strumenti ta' politika tal-UE, bħall-politika għall-iżvilupp;
93. Jinnota li d-deforestazzjoni hi responsabbli għal aktar emissjonijiet ta' CO2 mis-settur kollu tat-trasport u li l-konservazzjoni tal-foresti hi wieħed mill-elementi ewlenin tal-konservazzjoni globali tal-bijodiversità u tas-servizzi ta' ekosistema;
94. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw b'mod effettiv l-element ambjentali sostenibbli fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi flimkien mar-rispett għad-drittijiet soċjali u garanziji dwar il-protezzjoni u l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali u tal-popolazzjonijiet indiġeni fil-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari dwar l-użu tal-ħamrija u l-protezzjoni tal-foresti u t-tkomplija tad-“Diplomazija Ambjentali”; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jiżguraw li l-“Pjan ta' Azzjoni tal-UE ta' tnax-il punt b'sostenn għall-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju” jirrikonoxxi l-importanza tal-integrazzjoni tas-sostenibilità ambjentali permezz ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp u fl-azzjonijiet esterni tiegħu u jipprovdu għal intervent finanzjarju mmirat għall-appoġġ tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema;
95. Jenfasizza li jenħtieġu sistemi finanzjarji innovattivi għall-promozzjoni tal-għarfien tal-valur (ekonomiku) tal-bijodiversità; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipparteċipaw f'diskussjoni globali dwar il-ħtieġa għal u l-modalitajiet possibbli ta' sistemi innovattivi għall-ħlas tas-servizzi tal-ekosistema;
96. Jinsisti li s-sostenibilità tal-prodotti għall-kummerċ hi element ewlieni fi ftehimiet kummerċjali internazzjonali; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa għall-inklużjoni ta' “fatturi ta' interessmhux kummerċjali”, inklużi metodi ta' produzzjoni u ta' rispett tal-bijodiversità, f'kull ftehim tad-WTO tal-ġejjieni;
97. Jiddispjaċih bil-qawwa għall-eżitu diżappuntanti tal-konferenza CITES, fejn ma ntlaħqux l-elementi ewlenin tal-mandat tal-UE, bħall-protezzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar b'interess kummerċjali għoli;
98. Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex itejbu l-ħeffa u l-effiċjenza tal-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet interni u biex jiddedikaw aktar riżorsi u ħin għall-isforzi diplomatiċi tagħhom fil-konfront ta' pajjiżi terzi u biex isaħħu l-ħiliet u s-sinerġiji fiż-żmien bejn il-Konvenzjonijiet; jikkunsidra li peress li ħafna żoni protetti ta' Natura 2000 jintlaqtu direttament jew indirettament mit-tniġġis, u li l-ħsarat tan-natura jiġu wkoll minn barra l-Ewropa, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa biex dawn l-istrumenti ambjentali Ewropej jiddaħħlu fil-ftehimiet ta' sħubija mal-pajjiżi ġirien;
o o o
99. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.