Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Aproċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (2009/2151(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2009 bl-isem “Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem”(1) u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjaha(2), u d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2007 dwar ir-rinfurzar tas-sistemi Ewropej ta' twissija bikrija(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Settembru 2009 dwar in-nirien fil-foresti fis-sajf tal-2009(4) tal-4 ta' Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali(5), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-nirien fil-foresti u l-għargħar(6), tal-5 ta' Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa(7), tal-14 ta' April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall(8), tat-12 ta' Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja(9), tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa(10), ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien fil-foresti, nixfa u għargħar) – aspetti agrikoli(11), aspetti tal-iżvilupp reġjonali(12) u aspetti ambjentali(13), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta “Xynthia” fl-Ewropa(14), u l-posizzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(15),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni Ewropea fir-reazzjoni għad-diżastri(16), u l-punti minn 12 sa 15 tal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2006 dwar il-kapaċità tal-Unjoni li tiffaċċja l-emerġenzi, il-kriżijiet u d-diżastri(17),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili(18),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 96/82/KE tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi(19) (id-Direttiva Seveso II),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar(20) (id-Direttiva dwar l-Għargħar),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent(21) (id-Direttiva EIA),
– wara li kkundisra l-Qafas għall-Azzjoni 2005-2015: Bini tal-Kapaċità ta' Reżistenza tal-Pajjiżi u tal-Komunitajiet quddiem id-Diżastri, adottat fit-22 ta' Jannar 2005 f'Kobe, Hyogo(22),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Diversità Bijoloġika adottata fil-5 ta' Ġunju 1992 f'Rio de Janeiro,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 196 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0227/2010),
A. billi l-prevenzjoni għandha tkun fażi dejjem aktar importanti fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri, u għandha tingħata importanza soċjali akbar,
B. billi diżastri naturali jikkompromettu l-ekosistemi u l-bijodiversità, jaffettwaw l-iżvilupp sostenibbli u jipperikolaw il-koeżjoni soċjali,
C. billi fatturi bħalma huma, inter alia, l-użu eċċessiv tal-art, it-tkabbir industrijali u urban diżordinat, l-eżodu rurali, id-deżertifikazzjoni u l-okkorrenza akbar ta' avvenimenti klimatiċi estremi jagħmlu lill-Istati Membri, u b'mod partikolari r-reġjuni ta' konverġenza, aktar vulnerabbli għad-diżastri, kemm id-diżastri naturali u kemm dawk ikkawżati mill-bniedem,
D. billi t-tibdil fil-klima, iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed jikkawża diżastri naturali b'mod frekwenti (għargħar, perjodi ta' nixfa estrema u nirien) li jwasslu għal telf ta' ħajja umana u dannu ambjentali, ekonomiku u soċjali serju,
E. billi d-diżastri ġeneralment iħallu bosta effetti, li mhux dejjem ikunu ħtija tal-avvenimenti naturali estremi biss, iżda sikwit ikunu ikkawżati mill-interazzjoni żbaljata tal-bniedem mal-ambjent fiżiku ta' madwaru,
F. billi d-diżastri jistgħu jiġu kkawżati minn inċidenti teknoloġiċi u industrijali li jistgħu jinvolvu r-rilaxx ta' sustanzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi jew nukleari (CBRN) perikolużi b'effetti kbar fuq is-saħħa, l-uċuħ tar-raba“, l-infrastruttura, jew il-bhejjem,
G. billi sikwit fil-biċċa l-kbira l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u mill-bniedem setgħet tiġi evitata; billi, barra minn hekk, il-politiki tal-UE għandhom jiżguraw inċentivi konsistenti sabiex l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw politiki ta' prevenzjoni u konservazzjoni aktar effiċjenti,
H. billi approċċ olistiku, proattiv, intelliġenti u effikaċi għall-prevenzjoni tad-diżastri għandu jintegra diversi livelli ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u għandu wkoll jinvolvi parteċipanti oħrajn b'rabtiet mal-art u li, għalhekk, ikollhom tagħrif dwarha,
I. billi l-miżuri ta' prevenzjoni tad-diżastri fis-seħħ dehru li huma difettużi, u l-proposti preċedenti tal-Parlament Ewropew għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ, u dan qiegħed ifixkel l-implimentazzjoni ta' strateġija konsolidata għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem fil-livell tal-UE,
J. billi perjodi ta' nixfa u nirien persistenti wkoll qed jgħaġġlu l-proċess ta' deżertifikazzjoni, partikolarment fin-Nofsinhar tal-Ewropa, u fuq kollox qegħdin jolqtu żoni ta' foresta u artijiet vasti msaġġra fil-Mediterran li huma magħmula minn speċi unika li mhix nattiva u li hija tassew vulnerabbli għan-nar, u dan qiegħed jhedded il-ħajja taċ-ċittadini u l-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet milquta,
K. billi l-okkupazzjoni jew l-użu bbilanċjat tal-art, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali f'armonija man-natura, ir-rispett għall-enerġija, ir-riżorsi naturali u l-ambjent, it-tisħiħ tal-koeżjoni fl-UE, il-ġlieda kontra d-depopolazzjoni rurali, id-deżertifikazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, kif ukoll iż-żamma tal-attività agrikola li tkun ambjentalment sostenibbli huma wħud mill-elementi fundamentali għall-prevenzjoni tad-diżastri,
L. billi l-foresti għandhom rwol kruċjali għall-preservazzjoni tal-ambjent permezz tal-bilanċi maħluqa kemm fiċ-ċiklu tal-karbonju kif ukoll fiċ-ċiklu tal-ilma,
1. Jinnota li d-diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem jista' jkollhom konsegwenzi serji ħafna għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni u l-Istati Membri; jenfasizza li l-għan prinċipali tal-prevenzjoni tad-diżastri huwa l-ħarsien tal-ħajja umana, is-sikurezza u l-integrità fiżika tal-persuni, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, l-ambjent, l-infrastrutturi ekonomiċi u soċjali, inklużi s-servizzi bażiċi, id-djar, il-komunikazzjonijiet, it-trasport u l-wirt kulturali;
2. Jenfasizza li approċċ proattiv huwa effikaċi aktar u jiswa anqas minn wieħed ibbażat sempliċement fuq ir-reazzjoni għad-diżastri; huwa tal-fehma li l-għarfien tal-kuntest lokali ġeografiku, ekonomiku u soċjali huwa fundamentali għall-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem;
3. Jilqa' l-impenn li daħlet għalih il-Kummissjoni biex tiżgura li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-prevenzjoni tad-diżastri jitqiesu b'mod aktar koerenti fil-politiki u fil-programmi tal-UE, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ olistiku għall-prevenzjoni tad-diżastri; ifakkar li għandu jitqies kull tip ta' diżastru naturali u kkawżat mill-bniedem u dawn jistgħu jinkludu, fost perikli oħrajn(23), għargħar, tempesti, nixfiet, tsunamijiet, terremoti, nirien fil-foresti, ċirkostanzi ta' temperaturi estremi, eruzzjonijiet vulkaniċi, valangi tas-silġ, valangi tal-ħamrija, inċidenti teknoloġiċi u industrijali, erożjoni tal-ħamrija, kontaminazzjoni tas-sottoswol u tal-ilma tal-pjan kif ukoll it-tniġġis tal-ibħra, tal-għadajjar u tax-xmajjar;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-iskambju ta' prattiki tajbin bejn l-Istati Membri sabiex tipprevjeni diżastri kkawżati mill-bniedem, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet reġjonali jintbagħtu għal taħriġ fil-ġestjoni tad-diżastri;
5. Iqis li, minħabba d-dimensjoni u/jew in-natura transkonfinali tad-diżastri, jidher li jkun xieraq u neċessarju li tissaħħaħ il-kooperazzjoni, kemm jekk tkun fil-livell reġjonali kif ukoll jekk tkun fil-livell tal-UE, ibbażata fuq il-komplementarjetà tal-azzjoni, it-tixrid tal-aqwa prattiki u l-prinċipju tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri;
6. Jieħu nota tal-proposta għall-ħolqien ta' netwerk magħmul minn rappreżentanti ta' diversi servizzi nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kollha; jenfasizza li dan in-netwerk għandu jiffunzjona fl-ambitu tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali b'responsabilitajiet fir-rigward tal-ġestjoni tad-diżastri, l-ippjanar spazjali kif ukoll l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju; jenfasizza l-irwol ta' dan in-netwerk fl-iskambju ta' esperjenza u miżuri ta' prevenzjoni u fit-twaqqif ta' metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi għall-identifikazzjoni tal-perikli u tar-riskji fil-livell tal-UE; jitlob għall-inklużjoni f'dan in-netwerk ta' rappreżentanti mill-agrikoltura u biex tingħata konsiderazzjoni wkoll għas-smigħ ta' organizzazzjonijiet tal-UNEP, soċjali u mhux governattivi li jaħdmu f'dan il-qasam u parteċipanti oħrajn b'rabtiet mal-art u, għalhekk, li jkollhom tagħrif dwarha;
7. Iqis essenzjali l-kooperazzjoni fir-rigward tat-tixrid tal-informazzjoni u tal-esperjenza, l-applikazzjonijiet tekniċi u xjentifiċi kif ukoll il-koordinazzjoni ta' strateġiji għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' intervent;
8. Jistieden lir-reġjuni jibnu fuq netwerks ta' koordinazzjoni territorjali u transkonfinali eżistenti sabiex jiżviluppaw kooperazzjoni li tiffoka b'mod aktar partikulari fuq il-prevenzjoni tad-diżastri; jemmen li l-istrutturi ta' kooperazzjoni transkonfinali, bħalma huma l-makroreġjuni, li jikkooperaw fuq bażi funzjonali, jistgħu jsiru pjattaformi effikaċi għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri; jissuġġerixxi li jsir użu mill-esperjenza siewja miksuba f'dan il-qasam permezz ta' proġetti implimentati fil-passat fl-Inizjattiva Komunitarja INTERREG;
9. Huwa tal-fehma li azzjonijiet u strateġiji kkoordinati bejn l-Istati Membri, is-setturi differenti u l-parteċipanti differenti involuti fiċ-ċiklu tal-ġestjoni tad-diżastri jistgħu jwasslu għal vantaġġi konkreti fil-qasam tal-prevenzjoni tad-diżastri; jenfasizza r-rwol li x-xogħol volontarju jista' jkollu f'dawn l-istrateġiji u jistieden lill-Istati Membri jrawmu l-kooperazzjoni għal dan il-għan fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jissuġġerixxi li tiġi valutata l-possibilità, fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, li tiġi organizzata l-kooperazzjoni tax-xogħol volontarju fil-livell tal-Istati Membri għall-prevenzjoni tad-diżastri;
10. Iħeġġeġ li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi ġirien tal-UE u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fi proġetti transkonfinali li jiskambjaw l-aħjar prattiki u jxerrdu tagħrif prattiku permezz tal-programmi tal-politika Ewropea tal-viċinat u l-programmi tal-iżvilupp;
11. Jenfasizza li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għandu jkun inkluż fl-għoti tal-għajnuna; jinnota li għandha tingħata assistenza fuq il-bażi tal-bżonnijiet, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, il-kulur, is-sess, il-lingwa, ir-reliġjon, il-politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali jew soċjali, il-proprjetà, it-twelid jew xi status ieħor ta' min ikun se jirċievi l-għajnuna;
12. Jirrimarka li l-problemi ambjentali, ikkawżati u aggravati mit-tibdil fil-klima, huma attwalment responsabbli għal żieda fil-migrazzjoni furzata u għalhekk jixtieq jenfasizza r-rabta li qiegħda dejjem tikber bejn dawk li qed ifittxu refuġju u ż-żoni ta' taħsir ambjentali; jitlob li jkun hemm protezzjoni aħjar u r-ristabbiliment tar-“refuġjati tal-klima”;
13. Jenfasizza li huma r-reġjuni u l-komunitajiet lokali li jbatu l-konsegwenzi tad-diżastri naturali u li, ġeneralment, la l-materjal u r-riżorsi umani tagħhom, u lanqas l-kompetenza jew ir-riżorsi finanzjarji tagħhom ma huma biżżejjed biex jaffaċċjaw id-diżastri b'approċċ purament nazzjonali u/jew reġjonali, u li dawn id-diżastri jitolbu reazzjoni effikaċi bbażata fuq is-solidarjetà f'livell Ewropew;
14. Jenfasizza l-importanza li jitnaqqsu l-inugwaljanzi li jeżistu bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri f'termini ta' kapaċità ta' protezzjoni tal-popolazzjonijiet tagħhom, u tal-proprjetà tagħhom, fosthom il-wirt kulturali, u jappoġġa l-isforzi tagħhom għat-titjib tal-prevenzjoni, b'mod partikolari fir-reġuni u l-Istati Membri li huma vulnerabbli ħafna għar-riskju ta' diżastri; iħeġġeġ biex tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni Ewropej l-iktar iżolati, dawk b'popolazzjoni żgħira ħafna, iż-żoni tal-muntanji u dawk li jinsabu fil-fruntieri tal-Ewropa, kif ukoll dawk l-iktar żvantaġġati f'termini ekonomiċi;
15. Jinsisti li l-karatteristiki u l-limitazzjonijiet naturali ta' reġjuni iżolati, reġjuni muntanjużi, reġjuni b'densità ta' popolazzjoni baxxa u dawk li jbatu minn depopolazzjoni, reġjuni mbegħdin u periferiċi estremi, ġżejjer, reġjuni żvantaġġati b'mod naturali, kif ukoll reġjuni li għandhom taħlita ta' riskji, jeħtieġ jiġu rikonoxxuti u kkunsidrati kif jixraq; jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet addizzjonali li jridu jaffaċċjaw dawn ir-reġjuni meta jkunu qed ifittxu soluzzjoni għad-diżastri; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk ir-reġjuni permezz tal-istrumenti finanzjarji diversi disponibbli, u jitlob sabiex il-kundizzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà għal dawn iż-żoni jsiru aktar flessibbli;
16. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut ir-Regolament tal-Fond ta' Solidarjetà, billi l-kriterji ta' eliġibilità jiġu adattati għall-karatterstiki ta' kull reġjun u ta' kull diżastru, fosthom id-diżastri li jevolvu bil-mod, bħan-nixfa, billi tingħata attenzjoni partikolari lis-setturi produttivi, lir-reġjuni l-aktar vulnerabbli kif ukoll lill-popolazzjonijiet milquta, u billi jingħata lok għal mobilizzazzjoni aktar flessibbli u f'waqtha; iqis li l-operazzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 4 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) huma restrittivi wisq; hu tal-fehma li, meta jiġu stabbiliti l-limiti ta' eliġibilità, hu importanti li titqies id-dimensjoni reġjonali billi, jekk dan ma jsirx, ir-reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' diżastri serji ħafna jistgħu jsibu ruħhom esklużi għax il-limitu minimu stipulat għall-Istat Membru kollu ma jkunx intlaħaq;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas finanzjarju adegwat b'riżorsi finanzjarji xierqa għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra d-diżastri, li jsaħħaħ u jgħaqqad l-istrumenti eżistenti bħalma huma l-politika ta' koeżjoni, il-politika tal-iżvilupp rurali, il-politika reġjonali, il-Fond ta' Solidarjetà, is-Seba' Programm Qafas kif ukoll il-programmi Life+; f'dan l-ambitu, jitlob li l-prevenzjoni tiġi kkunsidrata fil-Perspettiva Finanzjarja tal-2014-2020;jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-possibbiltà li tipproponi l-ġbir aktar sistematiku tar-riżorsi disponibbli sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' prevenzjoni fl-UE;
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-pressjonijiet attwali fuq il-baġit minħabba l-kriżi ma jwasslux għal tnaqqis fir-riżorsi allokati għall-politiki eżistenti ta' prevenzjoni tad-diżastri u, bħala parti mir-reviżjoni attwali baġitarja, tagħmel valutazzjoni bir-reqqa ta' kull lakuna fil-qasam tal-prevenzjoni u tivverifika li kull tip ta' diżastru jkun kopert mill-istrumenti disponibbli;
19. Jirrimarka li l-politika ta' koeżjoni hija għodda essenzjali fil-prevenzjoni tar-riskju tad-diżastri naturali; iqis li għandu jkun possibbli li l-fondi u l-istrumenti diversi joperaw b'mod flessibbli u b'mod koordinat sabiex jitjiebu l-funzjonament u l-effikaċja ta' din il-politika; jenfasizza li l-prevenzjoni tar-riskji għandha tkun f'sintonija ma' politiki oħra segwiti fil-qasam tal-prevenzjoni, sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tal-miżuri u jiżdiedu l-effikaċja u l-valur miżjud tagħhom;
20. Jerġa' jikkonferma l-ħtieġa li ssir verifika li l-fondi tal-UE jkunu ntużaw adegwatament, u li jitħallsu lura l-fondi użati ħażin;
21. Jenfasizza li r-responsabilità għall-prevenzjoni tad-diżastri tinsab primarjament f'idejn l-Istati Membri u li l-prinċipju ta' sussidjarjetà f'dan il-qasam għandu jkompli jiġi kkunsidrat;
22. Jistieden lill-Istati Membri responsabbli mill-ġestjoni tal-art jintroduċu kriterji u leġiżlazzjoni għall-prevenzjoni ta' katastrofi f'żoni li jinsabu f'riskju ta' għargħar u ta' valangi tal-ħamrija u riskji ġeoloġiċi oħrajn, filwaqt li jqisu l-problemi kkawżati mid-deforestazzjoni bla rażan u, aktar minn hekk, biex jipprojbixxu l-kostruzzjoni f'dawn iż-żoni;
23. Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilità li jtejbu l-inklużjoni tal-prevenzjoni tad-diżastri fil-programmazzjoni operattiva nazzjonali tal-fondi tal-UE, kif ukoll fil-programmi operattivi nazzjonali, reġjonali u lokali; iqis li l-parteċipanti pubbliċi kollha involuti fil-protezzjoni ambjentali għandhom ikunu involuti u jipparteċipaw b'mod effikaċi f'dan il-proċess; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħtiġijiet ta' tfassil mill-ġdid tal-programmi operattivi identifikati mill-Istati Membri f'dan il-qasam, bil-ħsieb li jiskambjaw l-esperjenza; jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jipprovdu dettalji tal-programmi operattivi tagħhom fis-seħħ li jindirizzaw id-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem;
24. Iqis li, inter alia, il-miżuri ta' prevenzjoni msemmija hawn taħt għandhom ikunu appoġġati bi prijorità mill-UE fir-rigward tal-Istati Membri:
a)
it-tħejjija u r-reviżjoni ta' leġiżlazzjoni relatata mas-sikurezza tal-bini u l-użu tal-art;
b)
azzjoni biex tirrimedja għal sitwazzjonijiet li jwasslu għal riskji fil-ġejjieni: naturalizzazzjoni mill-ġdid tax-xmajjar; riabilitazzjoni u protezzjoni tal-baċiri tax-xmajjar, tal-artijiet mistagħdra u l-ekosistemi relatati; monitoraġġ tal-erożjoni u s-sedimentazzjoni fil-kanali tal-ilma; żieda fil-volum tal-fluss tal-ilma minn taħt il-pontijiet u mill-passaġġi tal-ilma; tindif u ppjanar mill-ġdid tal-foresti; riforestazzjoni; u interventi ta' protezzjoni u ħarsien tal-kosta;
c)
il-protezzjoni u l-organizzazzjoni mill-ġdid taż-żoni abitati, speċjalment dawk urbani, li huma partikolarment vulnerabbli għal ċerti tipi ta' diżastri, bil-parteċipazzjoni tal-abitanti;
d)
il-manutenzjoni u l-monitoraġġ tas-sikurezza ta' infrastrutturi kbar eżistenti, b'mod partikolari digi, pajpijiet taż-żejt, pontijiet stradali u ferrovjarji, u faċilitajiet għall-enerġija, il-provvista tal-ilma, is-sanitazzjoni, il-komunikazzjonijiet u t-telekomunikazzjonijiet;
e)
is-sostenibiltà tal-attività agrikola f'żoni milquta mid-depopolazzjoni u soġġetti għar-riskju ta' diżastri naturali u l-kontribut fir-rigward tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-attività umana bil-ħolqien ta' infrastrutturi li jippermettu li dawk li joqogħdu f'dawn iż-żoni jibqgħu fit-territorju;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-prevenzjoni u fl-adozzjoni tal-aħjar prattiki, filwaqt li jipprovdu informazzjoni rilevanti aġġornata u taħriġ lill-pubbliku ġenerali permezz ta' mezzi li huma faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha dwar ir-riskji identifikati u l-proċeduri li għandhom jiġu adottati meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta' diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem; iħeġġeġ li, fl-iskemi ta' taħriġ għall-popolazzjonijiet, għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ mill-età tal-iskola “l fuq u lill-komunitajiet rurali; fil-kuntest tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, jenfasizza wkoll ir-rwol tal-linja unika Ewropea tat-telefon ta' emerġenza ”112' u l-ħtieġa li din issir aktar magħrufa;
26. Ifakkar li l-ilma spiss ikun imdaħħal f'diżastri naturali, mhux biss minħabba l-għargħar – li spiss ikun marbut ma' ppjanar inadegwat – il-ġlata, is-silġ u l-kontaminazzjoni tal-baċini tax-xmajjar, imma wkoll minħabba l-iskarsezza tiegħu, li tista' ġġib bidliet sinifikanti bħad-deżertifikazzjoni ta' żoni kbar tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tax-Xlokk;
27. Jenfasizza l-fatt li l-perjodi ta' nixfa persistenti fl-aħħar snin aġevolaw iż-żieda tan-nirien fil-foresti fl-Ewropa, u fl-istess ħin aggravaw id-deżertifikazzjoni ta' numru kbir ta' reġjuni;
28. Fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn il-perjodi ta' nixfa, in-nirien fil-foresti u d-deżertifikazzjoni, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva, simili għad-direttiva dwar l-għargħar, biex tippromwovi l-adozzjoni ta' politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma, in-nixfa u l-adattament għat-tibdil fil-klima;
29. Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tippromwovi t-tħaddim tal-Osservatorju Ewropew dwar in-Nixfa u d-Deżertifikazzjoni li jkun responsabbli għall-istudju, il-mitigazzjoni u l-monitoraġġ tal-effetti tan-nixfa u tad-deżertifikazzjoni, biex jitjieb it-teħid strateġiku ta' deċiżjonijiet u jkun hemm koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri; jikkunsidra li għandhom jitqiesu l-interkonnessjonijiet bejn in-nixfa, in-nirien fil-foresti, id-deżertifikazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u li l-objettivi serji u bbażati fuq is-solidarjetà għandhom ikunu stabbiliti fil-kuntest tal-prevenzjoni tar-riskju tan-nixfa u l-politika ta' ġestjoni;
30. Billi l-foresti huma importanti għall-produzzjoni tal-injam, iż-żamma tal-bijodiversità, il-prevenzjoni tal-għargħar, il-valangi u l-erożjoni, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-pjan u l-qbid tal-karbonju, il-fatt li huma mhedda min-nar għandu jkun kwistjoni ta' tħassib għall-Istati Membri kollha; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta u twettaq, flimkien mal-Istati Membri, inizjattivi u proposti leġiżlattivi fil-qasam tal-protezzjoni tal-foresti u tal-prevenzjoni tan-nirien; iqis li jkun tajjeb li jiġu appoġġati proġetti ta' afforestazzjoni u riforestazzjoni, filwaqt li tingħata preferenza lill-ispeċijiet indiġeni u d-diversità tal-foresti, għall-benefiċċju tal-bijodiversità u għal reżistenza akbar għan-nirien, it-tempesti u l-mard, kif ukoll għall-ġbir u l-użu sostenibbli tal-bijomassa residwa tal-foresti – li hi sors ta' enerġija rinnovabbli; iqis li, fil-qafas ta' kooperazzjoni ġenwina f'dan il-qasam, għandhom ikomplu l-ġbir regolari tad-data, il-preparazzjoni ta' mapep tar-riskju, il-preparazzjoni ta' pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskju tan-nirien, l-identifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa u ta' dawk disponibbli fis-27 Stat Membru u l-koordinazzjoni f'livelli differenti;
31. Minħabba li t-tqabbid tan-nirien u ż-żieda fil-frekwenza tagħhom huma fil-fatt reati ambjentali, huwa jistieden lill-Kummissjoni tistudja u tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew modi ta' kif għandhom jiġu implimentati miżuri koersivi li jistgħu jiskoraġġixxu n-negliġenza u l-azzjoni deliberata fir-rigward tat-tqabbid tan-nirien;
32. Jenfasizza l-importanza li l-prevenzjoni tiġi kkunsidrata minn perspettiva transsettorjali, billi tiġi inkorporata fil-politiki settorjali rilevanti għall-promozzjoni tal-okkupazzjoni bbilanċjata tal-art u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali koeżiv li jkun f'armonija man-natura;
33. Jirrikonoxxi li xi wħud mill-politiki settorjali wasslu għall-fatt li ċerti reġjuni jkunu aktar esposti għar-riskju billi jinkoraġġixxu l-abbandun tal-kampanja u l-konċentrazzjoni eċċessiva tal-popolazzjoni f'żoni urbani;
34. Iqis li l-produzzjoni agrikola u tal-foresti hija vulnerabbli għall-fenomeni tal-klima bħal nixfa, ġlata, silġ, nirien tal-foresti, tempesti, għargħar, xita qalila u tempesti, għar-riskji tas-saħħa bħal infestazzjonijiet, mard tal-annimali, epidemiji u epidemiji kkawżati mill-annimali, għall-qerda minħabba l-annimali selvaġġi, u għall-konsegwenzi tal-attivitajiet umani bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis, ix-xita tal-aċidu u l-kontaminazzjoni ġenetika mhux intenzjonata u mhux maħsuba, għaċ-ċediment tal-art minħabba problemi relatati mal-ippjanar urban u reġjonali, għall-inċidenti teknoloġiċi u inċidenti relatati mat-trasport, għad-deżertifikazzjoni taż-żoni muntanjużi u għan-nirien fil-foresti prinċipalment minħabba n-nuqqas ta' manutenzjoni tal-foresti u l-imġiba kriminali, u għall-kontaminazzjoni tax-xmajjar minħabba t-tixrid kimiku mill-fabbriki, it-tixrid tan-nutrijenti u n-negliġenza tal-viżitaturi tal-foresti;
35. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-aħjar prattiki agrikoli, li f'xi wħud mill-Istati Membri diġà wasslu biex titnaqqas bin-nofs il-kwantità ta' nitroġenu użata fil-fertilizzanti, mingħajr ma naqset il-produzzjoni agrikola;
36. Isostni li element essenzjali fil-prevenzjoni effikaċi ta' diżastri naturali tirrikjedi politika agrikola li hi ambjentalment u soċjalment ibbilanċjata u li tqis il-ħtieġa li jiġu appoġġati u stimulati l-produzzjoni agrikola sostenibbli u l-iżvilupp rurali fil-pajjiżi u r-reġjuni diversi; jippromwovi b'mod effikaċi t-tisħiħ ta' inċentivi għal xogħlijiet agroambjentali u agrorurali, l-inkoraġġiment sabiex in-nies joqogħdu f'żoni rurali, bħala fattur ewlieni fil-konservazzjoni tal-ekosistemi, l-ittrattar tat-tendenza attwali tad-depopolazzjoni u t-tifqir ta' dawn il-postijiet u t-tnaqqis tal-pressjoni fuq iż-żoni urbani; barra minn hekk, jenfasizza r-rwol tal-bdiewa bħala kustodji tal-kampanja u jiddispjaċih għan-nuqqas ta' elementi ewlenin dwar is-settur agrikolu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni;
37. Jissuġġerixxi l-ħolqien ta' skema agrikola Ewropea ta' assigurazzjoni pubblika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal sistema Ewropea ta' assigurazzjoni pubblika li tindirizza aħjar ir-riskju u n-nuqqas ta' stabilità fid-dħul tal-bdiewa relatati mad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem; jenfasizza li din għandha tkun iktar ambizzjuża mill-mudell preżenti sabiex tkun evitata l-multipliċità ta' skemi differenti ta' assigurazzjoni fl-UE, u b'hekk jinħolqu żbilanċi enormi fid-dħul tal-bdiewa; iqis b'urġenza li għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-bdiewa fl-Istati Membri kollha skema ta' kumpens minimu għal diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jdaħħlu fil-kalkolu tal-primjums agroambjentali l-ispejjeż żejda mġarrba mill-bdiewa biex jittieħdu miżuri mfassla għall-prevenzjoni tan-nirien (bħat-tindif tal-waqqafa tan-nar, it-tneħħija ta' pjanti arborej mejta, il-ħdim tal-art tul il-perimetru tal-għelieqi, eċċ.) u għad-disponiment tal-ilmijiet (tindif tal-fossijiet u l-kanali);
39. Jinnota l-importanza tal-istudju dwar miżuri ta' adattament rurali u urbani, minħabba ż-żieda fl-okkorrenza u d-daqs ta' avvenimenti klimatiċi estremi f'żoni ġeografiċi diversi; iqis li l-effetti negattivi prevedibbli tat-tibdil fil-klima se jirrapreżentaw restrizzjoni addizzjonali għall-attività agrikola u għas-sigurtà u s-sovranità alimentari, u jenfasizza l-ħtieġa ta' reazzjoni għal din u u għal sfidi oħrajn fil-kuntest tal-adattament għat-tibdil fil-klima u t-tnaqqis tal-effetti negattivi tiegħu;
40. Jenfasizza l-importanza tar-Riċerka u l-Iżvilupp pubbliċi fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri u jitlob biex jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Istati Membri, speċjalment dawk li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' riskji simili; jitlob biex jitjiebu s-sistemi ta' twissija bikrija fl-Istati Membri u biex jinħolqu u jissaħħu r-rabtiet bejn is-sistemi diversi ta' twissija bikrija; jirrakkomanda lill-Kummissjoni tqis kif jixraq dawn il-ħtiġijiet u tiżgura l-finanzjament xieraq;
41. Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi għall-kura tas-saħħa tal-Istati Membri jitħejjew mill-perspettiva tal-istruttura tar-riżorsi umani, il-prattika tajba u l-għarfien tar-riskji sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mas-sitwazzjonijiet ta' diżastri;
42. Jenfasizza li huwa importanti li jkun hemm ġbir komprensiv ta' data u informazzjoni dwar ir-riskji u l-ispejjeż tad-diżastri u li dawn jiġu skambjati fil-livell tal-UE, bil-ħsieb li jsiru studji komparattivi u li jiġi ddeterminat l-impatt transkonfinali tad-diżastri li jista' jkun hemm, biex b'hekk l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li jiġbru l-informazzjoni dwar il-kapaċitajiet nazzjonali ċivili u dwar ir-riżorsi mediċi, u li jintużaw u jiġu żviluppati l-istrutturi li diġà jeżistu, bħaċ-Ċentru ta' Monitoraġġ u Informazzjoni (MIC) iżjed milli jinbnew oħrajn ġodda;
43. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni għadha m'għamlitx studju dwar il-prattiki ta' identifikazzjoni tal-perikli u tar-riskji fl-Istati Membri, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta' Frar 2009 dwar “Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem”; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi dan l-impenn b'mod effikaċi fl-ewwel nofs tas-sena 2010;
44. Iqis li għandhom jiġu stabbiliti metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi għall-identifikazzjoni tal-perikli u r-riskji fil-livell tal-UE;
45. Jenfasizza l-importanza li jitfasslu standards biex janalizzaw u jesprimu l-impatt soċjoekonomiku tad-diżastri fuq il-komunitajiet;
46. Jirrakkomanda l-inklużjoni aktar komprensiva tal-kwistjonijiet relatati mal-prevenzjoni tad-diżastri fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA), partikolarment rigward il-valutazzjoni, il-komunikazzjoni u x-xandir tar-riskji;
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Din hija lista mhux eżawrjenti ta' diżastri naturali u ta' diżastri kkawżati mill-bniedem; għalhekk tipi oħra ta' diżastri naturali u ta' diżastri kkawżati mill-bniedem li ma humiex imniżżla f'dan ir-rapport jistgħu jiżdiedu mal-lista.