Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2171(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0192/2010

Testi mressqa :

A7-0192/2010

Dibattiti :

PV 20/09/2010 - 24
CRE 20/09/2010 - 24

Votazzjonijiet :

PV 21/09/2010 - 5.9
CRE 21/09/2010 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0327

Testi adottati
PDF 448kWORD 116k
It-Tlieta, 21 ta' Settembru 2010 - Strasburgu
It-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: it-triq “il quddiem
P7_TA(2010)0327A7-0192/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2010 dwar it-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: it-triq “il quddiem (2009/2171(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tippreżenta l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

–  wara li kkunsidra l-impenji dwar il-volum tal-għajnuna, l-għajnuna għall-Afrika Sub-Saħarjana, u l-kwalità tal-għajnuna mogħtija mill-G8 fis-Samit ta' Gleneagles fl-2005,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna tat-2 ta' Marzu 2005 u l-konklużjonijiet tal-forum ta' livell għoli li ltaqa' f'Accra bejn it-2 u l-4 ta' Settembru 2008 dwar segwitu għal din id-Dikjarazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “L-Għajnuna tal-UE: inwassluha aktar, b'mod aħjar u aktar malajr” (COM(2006)0087),

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU “Ħsibijiet ġodda dwar il-Faqar – Rapport dwar is-Sitwazzjoni Soċjali Globali 2010”,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Unjoni Ewropea għall-Iżvilupp: “Il-Konsensus Ewropew”(1), iffirmati fl-20 ta' Diċembru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(2) (“Strument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp” (SKI)),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Abuja dwar l-HIV/AIDS, it-Tuberkulożi u Mard Infettiv ieħor relatat, adottata fis-27 ta' April 2001,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1889/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja(3),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-“Promozzjoni tal-Impjiegi permezz ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE”,

–  wara li kkunsindra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “L-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-proċess ta' demokratizzazzjoni f'pajjiżi terzi” (COM(2001)0252),

–  wara li kkunsindra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “L-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw” (COM(2002)0116),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE tat-3 ta' Diċembru 2009 dwar it-tmexxija globali u r-riforma tal-istituzzjonijiet internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Xogħol Deċenti tal-ILO u l-Patt Globali dwar l-Impjiegi tal-ILO, adottat b'kunsens globali fid-19 ta' Ġunju 2009 fil-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol, wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO bit-titlu “Ir-Rapport tal-2009 dwar id-Dinja tax-Xogħol,

-  Il-Kriżi Globali tal-Impjiegi u Lil Hinn' (World of Work Report 2009: The Global Jobs Crisis and Beyond), ippubblikat f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-kuntratti MDG(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar l-effettività tal-għajnuna u l-korruzzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2009 dwar approċċ għall-għajnuna tal-KE fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika tas-Sub-Saħara(7),

–  wara li kkunsidra r-riformi attwali tal-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0192/2010),

A.  billi tkabbir ekonomiku qawwi u sostenibbli f'ambjent stabbli u favorevoli għall-kummerċ jgħin biex jinħolqu l-prosperità u l-impjiegi u għalhekk huwa l-aktar rotta sigura u sostenibbli għas-soluzzjoni tal-faqar,

B.  billi ambjent legali sigur u mingħajr korruzzjoni, huwa essenzjali biex in-negozju jitkattar,

C.  billi l-istati UE15 huma impenjati biex jonfqu 0,7% tad-DGN fuq ODA sal-2015; billi l-livelli attwali tal-ODA (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp) huma madwar 0,4%,

D.  billi t-tnaqqis tal-faqar u l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp issa huma obbligi tat-Trattat UE,

E.  billi jaqbel li jiġu appoġġjati l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-ogħla valur miżjud fil-pajjiżi tagħhom stess, li jimplika strateġija ta' żvilupp industrijali li għandu jibqa' konsistenti mal-ħtiġiet ta' żvilupp sostenibbli u b'mod partikolari l-preservazzjoni tal-ambjent,

F.  billi kemm id-donaturi tal-UE u kemm il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jonqsu milli jilħqu l-punti ta' referenza tan-nefqa għas-saħħa u l-edukazzjoni,

G.  billi d-dinja li qed tiżviluppa qed tiffaċċja nuqqas urġenti ta' persunal tas-saħħa kkwalifikat; billi r-reklutaġġ ta' persunal kwalifikat tas-saħħa minn pajjiżi żviluppati huwa wieħed mill-fatturi li jiggrava s-sistema fraġli tas-saħħa f'pajjiżi żviluppati, u billi ħafna ħaddiema tas-sengħa, fis-saħħa u f'setturi oħra, mhumiex jirritornaw id-dar biex jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet tagħhom minħabba għadd ta' raġunijiet,

H.  billi l-kriżi riċenti tal-prezzijiet tal-ikel enfasizzat l-importanza kontinwa tas-sigurtà tal-agrikoltura u l-ikel għall-pajjiżi foqra,

I.  billi 90% taċ-ċittadini tal-UE huma favur koperazzjoni għall-iżvilupp, għalkemm it-tnaqqis jhedded li jdgħajjef dan l-appoġġ,

J.  billi l-G20 wiegħed li jieħu azzjoni dwar rifuġji tat-taxxa,

K.  billi l-evażjoni fiskali u l-ħruġ illegali tal-kapital minn pajjiżi li qed jiżviluppaw jirrappreżentaw għal bosta drabi l-valur tal-għajnuna għall-iżvilupp,

L.  billi l-flus mibgħuta mill-emigranti jirrappreżentaw flussi ikbar ta' kapital lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw mill-ODA,

M.  billi 2.7 biljun persuna attwalment m'għandhomx aċċess għall-kreditu,

N.  billi, biex jitnaqqas il-faqar, huwa meħtieġ mhux biss li jinħolqu l-impjiegi iżda wkoll li jinħolqu impjiegi ta' kwalità,

O.  billi l-ifqar pajjiżi huma ftit li xejn rappreżentati f'istituzzjonijiet internazzjonali u f'fora globali,

P.  billi s-sistemi soċjali ta' protezzjoni wrew li huma strumenti b'saħħithom għat-tnaqqis tal-faqar u għall-koeżjoni soċjali u l-maġġoranza tal-popolazzjoni globali m'għandhiex kopertura adegwata ta' protezzjoni soċjali,

L-isfidi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw
Dwar l-ekonomija

1.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ivarjaw l-ekonomija tagħhom permezz tal-iżvilupp tas-settur tal-manufattura tagħhom u biex jevitaw li jikkreaw piż burokratiku żejjed lin-negozji – b'mod speċjali lill-SMEs, li huma muturi tal-impjiegi u t-tkabbir;

2.  Jitlob lill-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw biex jissieħbu fl-Aġenda ta' Xogħol Deċenti tal-ILO u l-inizjattiva tan-NU dwar il-bażi tal-protezzjoni soċjali bil-għan li jiggarantixxu standards sodisfaċenti tax-xogħol, livelli għoljin ta' kopertura aktar fil-fond tal-protezzjoni soċjali li tilħaq lill-persuni l-aktar fqar u emarġinati, u djalogu soċjali ġenwin, u b'mod partikulari l-involviment fil-Programm ta' Investiment fl-Impjieg Intensiv (Employment Intensive Investment Programme);

3.  Jenfasizza l-importanza li l-adeżjoni għal u l-implimentazzjoni ta' diversi konvenzjonijiet tal-ILO dwar l-istandards internazzjonali tax-xogħol u jirrakkomanda li jintużaw id-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-ILO “L-Irkupru mill-kriżi: Patt Globali għall-Impjiegi”;

4.  Jitlob l-implimentazzjoni tad-dritt għal-libertà mix-xogħol sfurzat u b'mod partikolari mit-tħaddim tat-tfal mingħajr eċċezzjoni, għax mingħajr edukazzjoni, it-tfal huma kkundannati għal ħajja fil-faqar;

5.  Jitlob li ssir enfasi speċjali fuq il-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, u sabiex minflok, jinħolqu postijiet tax-xogħol għall-adulti u possibilitajiet ta' edukazzjoni xierqa għat-tfal;

6.  Jitlob lill-gvernijiet biex jagħtu prijorità lill-appoġġ tal-bżonnijiet soċjali bażiċi, jippromwovu l-protezzjoni tat-tfal u tan-nisa vulnerabbli li ġew affettwati ħafna mill-kriżi, taż-żgħażagħ li jinsabu fir-riskju, tal-ħaddiema bi dħul baxx mhux kwalifikati u migranti, tal-ħaddiema rurali u tan-nies bi bżonnijiet speċjali;

7.  Ifakkar li l-intrapriżi żgħar u mikro, b'mod partikolari fis-settur agrikolu, jeħtieġu finanzjament adegwat biex jinżammu l-impjiegi eżistenti u jinħolqu oħrajn ġodda; iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jippromwovu l-aċċess għat-tfaddil u l-kreditu, permezz ta' kreditu mikro, assigurazzjoni-mikro u aġenti tal-kreditu innovattivi, bħall-uffiċini tal-posta rurali jew l-ibbankjar bil-mowbajl;

8.  Jappella lill-UE biex tirrikonoxxi l-kontribut tal-ekonomija soċjali (eż. koperattivi) għall-ħolqien tax-xogħol u għall-promozzjoni ta' xogħol diċenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex jinkludu l-ekonomija soċjali fil-programmi ta' żvilupp tal-UE u fl-istrateġiji ta' koperazzjoni;

9.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jestendu s-sjieda tal-art fost il-foqra u dawk li ħadulhom l-art, pereżempju billi jagħtu lil dawk li jokkupaw l-art fi bliet foqra t-titolu għall-art li jgħixu fiha;

10.  Jinkoraġġixxi pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ivarjaw l-ekonomiji tagħhom għall-massimu, sabiex huma ma jkunux aktar dipendenti b'mod esklussiv fuq għadd limitat ta' prodotti, partikolarment prodotti agrikoli għall-esportazzjoni;

11.  Ifakkar lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jirrispettaw it-tradizzjonijiet lokali għall-użu komuni tal-art għall-agrikoltura sabiex jiffaċilitaw u jipproteġu l-biedja żgħira eżistenti;

12.  Jinkoraġġixxi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkunsidraw l-element prijoritarju fil-formulazzjoni tad-dokumenti tal-istrateġija tal-pajjiż u fil-programmi indikattivi nazzjonali, l-iżvilupp tas-settur agrikolu u tas-sikurezza tal-ikel;

13.  Ifakkar li l-governanza tinsab fl-idea ta' “stat ġust”, stat li jiggarantixxi d-demokrazija u d-drittijiet taċ-ċittadini; l-istat ġust huwa wieħed li jiżgura kemm il-funzjonijiet governattivi tiegħu bħall-aċċess għall-ġustizzja, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni, kif ukoll li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-persuna u l-libertajiet fundamentali;

Dwar iċ-ċittadinanza u t-tmexxija

14.  Jitlob lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiffirmaw b'mod urġenti l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u biex jimplimentaw b'mod effikaċi d-dispożizzjonijiet tagħha; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri, u lill-kumpaniji tal-UE biex jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-NU;

15.  Ifakkar li l-Istati Membri tal-UE għandhom jaġixxu bħala eżempji mudelli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'termini ta' dixxilplina baġitarja, ġbir tat-taxxa u governanza tajba;

16.  Huwa tal-fehma li l-azzjoni kontra l-korruzzjoni għandha tilħaq ukoll lis-settur privat, kif ukoll ittejjeb il-koperazzjoni internazzjonali, pereżempju permezz ta' skambju ta' informazzjoni u programmi għall-irkupru tal-assi;

17.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex irawmu parlamenti indipendenti, li jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv biex iżidu d-demokrazija billi jeżerċitaw b'mod ħieles il-funzjonijiet leġiżlattivi, baġitarji u ta' skrutinju; fl-istess ħin, huwa jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza enormi ta' sistema ġudizzjarja li topera indipendentament u li hija żviluppata b'mod xieraq;

18.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimmassimizzaw l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jkunu qed jifformulaw u jimmonitorjaw il-politika pubblika;

19.  Jenfasizza li l-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku u jistgħu jsaħħu l-koeżjoni soċjali, u huwa għalhekk li l-iżvilupp u l-espansjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jiġu promossi;

20.  Jitlob l-implimentazzajoni tal-libertà tal-assoċjazzjoni għat-trejdjunjins u d-dritt għal negozjar kollettiv mingħajr eżenzjoni sabiex jiġu infurzati, imtejba u difiżi l-kundizzjonijiet diċenti għax-xogħol;

21.  Iwissi lill-istati li introduċew liġijiet li jirrestrinġu l-libertà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jirrevokaw tali leġiżlazzjoni;

22.  Jitlob l-implimentazzjoni tad-dritt tal-libertà mid-diskriminazzjoni, i.e. id-dritt għax-xogħol u għal trattament ugwali irrispettivament mis-sess, l-oriġini etnika, l-età, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali bħala prinċipju ewlieni fil-ġlieda kontra l-faqar;

23.  Jitlob sabiex is-sitwazzjoni legali u soċjali tan-nisa tissaħħaħ, b'mod konsiderevoli, għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u sabiex jiġi sfruttat il-protenzjal tan-nisa għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

24.  Jappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex isaħħu u jżidu l-integrazzjoni reġjonali, permezz ta' żoni ta' kummerċ ħieles, komunitajiet ekonomiċi reġjonali, banek għall-iżvilupp reġjonali, eċċ.;

L-isfidi komuni

25.  Itenni t-talba tiegħu biex il-baġits nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp jallokaw tal-anqas 20% tan-nefqa tagħhom għas-saħħa u l-edukazzjoni;

26.  Jitlob biex il-politiki ta' privatizzazzjoni jiġu kkunsidrati mill-ġdid b'mod partikolari dawk dwar servizzi importanti bħall-ilma, l-iġjene u s-servizzi ta' interess ġenerali, u biex ir-rwol soċjali tal-istati fil-governanza tal-iżvilupp jiġi kkunsidrat mill-ġdid, inkluż ir-rwol tal-intrapriżi li huma tal-istat bħala dawk li jħaddmu u bħala l-fornituri ta' servizzi soċjali;

27.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali tas-sistemi tal-ħarsien soċjali kif imsemmi fil-Patt Globali dwar l-Impjieg tal-ILO u l-Inizjattiva tan-NU għal Bażi ta' Protezzjoni Soċjali; jitlob, għalhekk, li ssir enfasi akbar fuq is-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jevitaw żieda fil-faqar u jindirizzaw it-tbatija soċjali, filwaqt li jgħinu biex l-ekonomija ssir stabbli u jsostnu u jippromwovu l-impjegabilità;

28.  Jitlob għal aċċess mingħajr ħlas u sħiħ għas-sistemi edukattivi kollha, i.e. dawk bażiċi, għolja u anke dawk vokazzjonali, sabiex in-nies tal-popolazzjoni lokali jiksbu l-kwalifiki u jsiru ħaddiema b'ħiliet;

29.  Jinsisti li kemm il-pajjiżi donaturi u kif ukoll dawn li qed jiżviluppaw għandhom jissodisfaw l-impenji tagħhom sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

30.  Jappoġġja miżuri, bħal sussidji fuq is-salarju, opportunitajiet ta' xogħol u ta' taħriġ, li jinkoraġġixxu lix-xjentisti lokali kif ukoll lil ħaddiema oħra b'ħiliet biex jibqgħu fil-komunitajiet tagħhom u jipprattikaw hemmhekk u li jsaħħu s-sistemi mediċi li huma aċċessibbli għal kulħadd;

31.  Jappoġġja l-ħolqien ta' pożizzjonijiet ġodda ta' xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

32.  Jappoġġja miżuri li b'mod ġenerali jinvestu fis-servizzi pubbliċi u jagħtuhom spinta sabiex joħolqu xogħlijiet u jsaħħu l-kapaċitajiet, il-faċilitajiet u l-koeżjoni soċjali tal-istat kif hemm speċifikat fir-Rapport tan-NU “Ħsibijiet ġodda dwar il-faqar”;

33.  Jitlob biex issir aktar enfasi fuq il-kura tas-saħħa prattika u biex tiżdied il-kuxjenza fost il-popolazzjoni dwar il-merti tal-kuri mediċi, jiġifieri pereżempju permezz tad-distribuzzjoni ta' analizzaturi tad-demm u taħriġ lin-nies lokali biex jużawhom;

34.  Jenfasizza li l-iżvilupp tar-riżorsi umani huwa indispensabbli fl-istrateġiji kollha ta' żvilupp u huwa kruċjali għall-ħolqien ta' xogħlijiet; jappella lill-UE u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex janalizzaw il-ħtiġijiet tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħmlu previżjonijiet u jantiċipaw l-isfidi ewlenin li huma involuti fl-adattament tat-taħriġ vokazzjonali għall-impjieg;

35.  Huwa tal-fehma li l-istrateġiji kollha għall-iżvilupp għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli u emarġinati, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal, in-nies aktar anzjani u l-persuni b'diżabilità;

36.  Iqis il-kisba tal-ħtiġijiet bażiċi bħala xi ħaġa indispensabbli, u għalhekk jagħti prijorità partikolarment kbira lill-miżuri li jippromwovu s-sigurtà tal-ikel u l-aċċess għall-ilma tax-xorb;

37.  Jenfasizza l-problema tat-tħaddim tat-tfal u jirrikonoxxi li dan huwa wieħed mill-akbar ostakoli li jwaqqafhom milli jtemmu l-edukazzjoni primarja u biex jitnaqqas il-faqar, u li jostakola t-trobbija tajba u l-edukazzjoni neċessarja ta' dawn it-tfal; jappella għalhekk għall-promozzjoni u l-allinjament bejn l-aġenziji fl-għajnuna edukattiva u fil-politika tat-tħaddim tat-tfal permezz tat-tisħiħ tal-mekkaniżmi eżistenti, inklużi l-Forza Dinjija tax-Xogħol għat-Tħaddim tat-Tfal u l-Edukazzjoni; fl-aħħarnett, jitlob lill-komunità internazzjonali, l-istati kollha ikkonċernati u l-UE biex jimpenjaw ruħhom biex jeliminaw it-tħaddim tat-tfal bħala kwistjoni ta' urġenza u azzjoni dedikata;

38.  Jenfasizza l-importanza li għandha l-ugwaljanza bejn is-sessi għas-suċċess ekonomiku tal-istati, u għalhekk jappella biex isiru sforzi akbar sabiex tiġi żgurata wkoll l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-ekonomija;

39.  Jinsisti li d-donaturi u l-pajjiżi msieħba għandhom jiżguraw li l-agrikoltura, b'mod partikolari l-biedja fuq skala żgħira u agroindustriji żgħar u ta' daqs medju u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, jingħataw post ta' importanza ewlenija fl-aġenda ta' żvilupp;

40.  Jenfasizza li l-biedja fuq skala żgħira bbażata fuq il-mezzi ta' produzzjoni deċentralizzati, ħodor u sostenibbli tiffaċilita l-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli, minħabba li għal kull ettaru huma jimpjegaw aktar nies milli l-farms il-kbar, f'liema każ il-bdiewa u l-impjegati jonfqu aktar pro rata fuq prodotti mhux agrikoli iżda rurali u li jeħtieġu xogħol intensiv;

41.  Jitlob appoġġ aħjar għall-impjiegi u l-ħolqien tax-xogħol billi jiġu kkoordinati x-xogħol u l-politiki makroekonomiċi, filwaqt li wieħed jiftakar li dawn tal-aħħar m'għandhomx ikunu limitati għall-kontroll tal-inflazzjoni u l-kummerċ u d-defiċits fiskali iżda għandhom jiffukaw ukoll fuq l-istabilità ta' riżultat reali, dħul u xogħol;

42.  Jappoġġja l-investiment f'impjiegi u f'industrija favur l-ambjent, pereżempju billi jiġu żviluppati enerġija rinnovabbli u sistemi ta' efficienza enerġetika f'pajjiżi foqra, inkluża enerġija solari għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, bħala mezz biex jiġu pprovduti sorsi sostenibbli ta' enerġija u, fl-istess ħin, jinħolqu impjiegi filwaqt li jitħares l-ambjent;

43.  Jitlob żieda fl-opportunitajiet ugwali u fl-aċċess għall-iżvilupp tal-kwalifiki, għat-taħriġ u l-edukazzjoni ta' kwalità; jitlob li jitjieb l-aċċess għall-kreditu (inkluż il-finanzjament mikro), biex jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi;

44.  Huwa ħerqan għal aktar koperazzjoni bejn il-Parlament u l-kontropartijiet reġjonali tiegħu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

45.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' indikaturi alternattivi għall-PGD għall-kejl tal-progress soċjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fir-rigward tal-proposti magħmula mill-Kumitat dwar il-kejl tal-prestazzjonijiet ekonomiċi u tal-progress soċjali ppresedut minn Joseph Stiglitz;

46.  Jitlob li t-tweġibiet għall-kriżi ekonomika globali jkunu mfassla skont il-pajjiż u r-reġjun u jinkludu l-miżuri msemmija fl-istrument tal-politika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) “Patt Globali dwar l-Impjieg” sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fis-setturi b'impjieg intensiv u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u f'sistemi ta' protezzjoni soċjali;

L-isfidi għad-donaturi
Dwar l-għajnuna

47.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi sinjuri kollha, b'mod partikolari lill-istati tal-UE, biex iżommu l-wegħdiet tagħhom dwar in-nefqa fir-rigward tal-għajnuna, jiġifieri tal-anqas 0,7% tad-DGN sal-2015;

48.  Jappella għal tifsira komuni tal-faqar fost l-Istati Membri biex jiġu identifikati l-oqsma relevanti li qed joperaw u l-benefiċjarji intitolati għall-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp;

49.  Jemmen li l-koerenza tal-politika tista' twassal għal riżultati tajbin f'termini tal-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk jitlob għall-bidla fil-politiki esterni tal-UE, minħabba li dawn għandhom impatt dirett fuq l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għandhom jitfasslu biex jappoġġjaw il-ħtiġijiet sostenibbli tagħhom sabiex jiġġieldu kontra l-faqar, jiggarantixxu dħul u għajxien deċenti u jissodisfaw id-drittijiet bażiċi umani, inklużi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi u l-ħarsien tal-ambjent;

50.  Jitlob għal finanzjament sostanzjali għall-ġestjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u l-kriżi ekonomika globali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

51.  Jitlob li l-edukazzjoni bażika u s-saħħa pubblika jsostnu l-politiki tal-iżvilupp u jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali ma tista' tiġġustifika l-ebda tnaqqis fl-infiq nazzjonali u fl-għajnuna internazzjonali f'dawn is-setturi;

52.  Jitlob lill-UE biex tonora l-impenji tagħha għall-għajnuna għall-kummerċ;

53.  Jenfasizza li l-UE għandha tirrevedi l-politiki tagħha dwar is-sussidji, partikolarment fis-settur agrikolu u b'konformità mal-ħtiġiet tal-bdiewa żgħar u medji fl-UE, sabiex tiffaċilita l-kundizzjonijiet kummerċjali ġusti fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

54.  Jitlob għal darba oħra lid-donaturi biex iżommu b'mod aktar leali mal-aġenda tal-effettività tal-għajnuna fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-kontabilità tad-donatur;

55.  Jinsisti li l-Kummissjoni tiżgura li d-dimensjoni esterna tar-riforma attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd tiġi integrata mal-politika ta' żvilupp tal-UE minħabba li dawn huma direttament marbuta mal-għajxien tal-popolazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

56.  Jenfasizza li s-settur tas-sajd f'ħafna pajjiżi huwa kruċjali għall-impjieg u għas-sigurtà tal-ikel u għalhekk il-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ settorjali tal-UE biex jiżviluppaw l-industrija sostenibbli tagħhom tas-sajd, ir-riċerka, il-kontroll u l-infurzar biex jiġġieldu kontra Sajd Illegali Mhux Rappurtat u Mhux Regolat, b'mod indipendenti minn kwalunkwe ftehim ta' aċċess tas-sajd mal-Unjoni Ewropea;

57.  Jenfasizza li l-appoġġ li s-settur tal-UE jagħti lill-industrija tas-sajd f'pajjiżi terzi huwa mmirat għat-tagħmir tal-portijiet ta' dawn il-pajjiżi bl-infrastruttura xierqa biex jiffaċilitaw il-ħatt l-art u l-ipproċessar lokali tal-ħut sabiex jinħolqu impjiegi ġodda; jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja u tivverifika li dawn l-miri qed jinkisbu, kif ukoll biex tipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku biex itejjeb il-ħila tal-pajjiżi terzi biex jissorveljaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tiegħu u biex jitwaqqfu l-bastimenti li jinqabdu jiksru l-liġi;

58.Jinsisti li l-UE għandha tissimplifika l-arkitettura tal-għajnuna u l-proċeduri relatati;

59.  Jitlob għal koordinazzjoni msaħħa tal-politika tal-iżvilupp bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE sabiex l-azzjonijiet ta' politika differenti ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-ilħuq tal-MDGs;

60.  Jistenna li, peress li issa l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp hija rekwiżit tat-Trattat, il-politika tal-UE f'oqsma bħall-biedja, il-kummerċ, il-migrazzjoni u s-sajd bl-ebda mod ma jdgħajfu l-isforzi għall-iżvilupp; għandu l-intenzjoni li jimmonitorja mill-qrib kif l-UE tissodisfa dan l-obbligu;

61.  Jistieden lid-donaturi biex jinvestu b'mod intelliġenti fl-edukazzjoni għall-iżvilupp għaċ-ċittadini tagħhom;

62.  Jinkoraġġixxi l-pajjiżi donaturi biex jużaw din il-kriżi biex jinvestigaw fil-fond dwar il-possibiltajiet eżistenti fir-rigward ta' sorsi ta' finanzjament innovattivi u addizzjonali għall-iżvilupp, u biex jiġu identifikati oħrajn ġodda li jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddiversifikaw is-sorsi ta' dħul tagħhom u jimplimentaw il-programmi effiċjenti, konkreti u operattivi tal-infiq;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu l-intrapriżi sostenibbli bil-ħolqien ta' impjiegi diċenti bħala settur speċifiku ta' koperazzjoni għall-iżvilupp f'konformità mal-Konsensus Ewropew dwar l-Iżvilupp tal-2005, u biex irawmu l-integrazzjoni tiegħu f'setturi aktar tradizzjonali ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bħall-infrastruttura, l-iżvilupp rurali, il-governanza u l-għajnuna marbuta mal-kummerċ;

Dwar sorsi ġodda ta' finanzjament

64.  Iħeġġeġ lin-nazzjonijiet tal-G20 biex jaħdmu fir-rigward ta' talbiet biex jiġu eliminati rifuġji tat-taxxi, biex jissikkaw is-superviżjoni tas-swieq finanzjarji u biex iġibu bidla fl-iskambju ta' informazzjoni dwar it-taxxa; barra minn hekk, il-G20 għandu jitlob lill-Bord għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità biex jadotta standard ġdid li jinkludi rappurtar pajjiż b'pajjiż;

65.  Jitlob lill-G20 u lill-istati tal-UE biex jieħdu passi biex jagħmlu t-trasferiment tal-flus aktar irħis u aktar faċli;

66.  Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex isaħħu l-appoġġ finanzjarju pubbliku għall-intrapriżi żgħar u mikro u għall-bdiewa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fosthom fis-settur informali, kif mitlub mill-Patt Globali dwar l-Impjieg tal-ILO, għall-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad;

Dwar il-bini tal-kapaċità u t-tmexxija globali

67.  Iħeġġeġ lill-UE biex tindirizza l-għajnuna tagħha lejn il-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità f'oqsma fejn se jibbenefikaw b'mod dirett l-istruttura ekonomika tal-pajjiżi msieħba u se jinħolqu impjiegi, jiġifieri pereżempju l-iżvilupp tal-kapaċità produttiva tagħhom, l-bini ta' sistemi effikaċi tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-mikrokreditu u sorsi oħra ta' finanzjament, eċċ.;

68.  Jitlob li l-politiki kollha tal-UE għall-iżvilupp b'impatt fuq il-ħolqien tax-xogħol u t-tnaqqis tal-faqar jiffokaw fuq miżuri li jeħtieġu li l-gvernijiet, is-soċjetà ċivili, il-kumpaniji, il-fondazzjonijiet u l-komunitajiet lokali jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) sal-2015;

69.  Jappella lill-UE biex timmira l-għajnuna tagħha lejn it-tkabbir ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala mezz importanti u effikaċi sabiex jitnaqqas il-faqar;

70.  Jitlob li tingħata prijorità lill-edukazzjoni, il-monitoraġġ taż-żgħażagħ wara li joħorġu mis-sistema edukattiva, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni dwar it-teknoloġija, it-taħriġ tal-ħiliet, it-tagħlim tul il-ħajja, l-aċċess għall-finanzi, l-implimentazzjoni ta' taħriġ professjonali ta' kwalità li huwa ta' valur għall-partijiet interessati, is-saħħa u s-sikurezza, u l-inkoraġġiment ta' skemi ta' inizjattiva intraprenditorjali l-aktar għall-intrapriżi żgħar u mikro sabiex tinħoloq forza tax-xogħol sostenibbli, u b'hekk ikun hemm enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni b'diżabilità u dawk spustjati, in-nisa u gruppi oħra marġinalizzati;

71.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha tikkunsidra d-drittijiet tal-bniedem u l-kriterji tat-tmexxija meta tfassal ftehimiet tal-kummerċ ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw u m'għandhiex iżżomm lura milli tapplika sanzjonijiet meta stat ifalli milli jirrispetta l-obbligi tiegħu ta' tmexxija; ifakkar li l-kriterji tal-kundizzjonalitajiet japplikaw kemm għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) kif ukoll għall-Istrument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI);

72.  Jitlob lill-UE biex tiżgura monitoraġġ strett tal-kundizzjonalità kif stipulat mill-Ftehim ta' Cotonou;

73.  Jenfasizza li kemm il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u l-Istrument ta' finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (DCI) għandhom jissodisfaw l-istess kriterji għall-applikazzjoni ta' kundizzjonalità;

74.  Jappella lill-Kummissjoni biex tippromwovi mezzi u skedi taż-żmien xierqa għas-sorveljanza tal-katini ta' produzzjoni tal-impriżi Ewropej li jkunu qed joperaw barra minn pajjiżhom sabiex tivverifika l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u l-konformità mal-istandards tal-impjiegi li huma promossi mill-Konvenzjonijiet tal-ILO, kif ukoll sabiex tippromwovi aċċess għall-edukazzjoni, li huwa fattur kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar;

75.  Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' netwerk affidabbli għal relazzjonijiet mill-qrib fost istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet ewlenin governattivi u mhux governattivi li jittrattaw it-tnaqqis tal-faqar fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw sabiex ikun hemm skambju ta' opinjonijiet u esperjenzi mal-formulazzjoni, l-implimentazzjoni u sorveljanza tal-għajnuna tal-UE;

76.  Jappoġġja l-istabbiliment ta' bażi ta' dejta fil-livelli nazzjonali u tal-UE sabiex tinġabar u tiġi mqabbla dejta bażika li tirrigwarda l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala mod li jiffaċilita u li jżid l-isforzi mmirati biex inaqqsu l-faqar;

77.  Isostni l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni eżistenti fost organizzazzjoni internazzjonali u reġjonali bħala sforz addizzjonali li jipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE għat-Tnaqqis tal-Faqar;

78.  Jinnota l-ħtieġa li jiġu stabbiliti “Gruppi Konsultattivi” rigward kwistjonijiet speċifiċi bħala pass konkret u mod affidabbli sabiex jingħata appoġġ tekniku sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni tal-objettivi stipulati fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għat-Tnaqqis tal-Faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

79.  Jaċċetta l-użu tal-appoġġ għall-baġit biss meta jkun hemm garanziji ċari li l-fondi jilħqu d-destinazzjoni intenzjonata u jissodisfaw l-iskop oriġinali tagħhom u fejn ir-reċivitur jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem u l-kriterji ta' tmexxija demokratika; jistenna bil-ħerqa valutazzjoni u awditjar aktar effettivi tal-appoġġ għall-baġit biex jiġi analizzat jekk intlaħqitx il-mira maħsuba u jekk il-gvernijiet tal-pajjiżi riċevituri kkonformawx mal-kriterji msemmija hawn fuq; jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi tabella ta' valutazzjoni bbażata fuq l-IT taħt l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew biex tevalwa l-effiċjenza tal-għajnuna Komunitrja fil-qasam tat-tnaqqis tal-faqar, tal-edukazzjoni u tal-ħolqien tal-impjiegi, fejn din it-tabella ta' valutazzjoni tkun ibbażata fuq il-grad ta' konformità mal-proporzjonijiet u l-għanijiet finanzjarji mistennija;

80.  Jappella lill-Kummissjoni tippreżenta proposta koerenti u kredibbli lill-Parlament Ewropew dwar il-politika ta' wara l-elezzjoni tal-UE, li tkun tirrispetta l-għażla ħielsa tal-popolazzjoni f'pajjiż partikolari, u jibża' li n-nuqqas attwali ta' politika koerenti ta' wara l-elezzjoni thedded il-kredibilità tal-Missjonijiet tal-UE tal-Osservazzjoni tal-Elezzjoni;

81.  Jappoġġja rappreżentazzjoni aktar demokratika tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet globali;

82.  Jistieden lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali biex jirrevedu l-politiki tagħhom dwar is-self sabiex jappoġġjaw l-għażliet tal-iżvilupp demokratiku u ekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

83.  Jappella lill-UE u lill-G20 biex jieħdu azzjoni konkreta biex jiġu eliminati l-abbużi tar-rifuġji fiskali, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħarba illeċita finanzjarja minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jippromwovu li dawn ir-riżorsi jiġu investiti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

84.  Jappella għal ftehim finanzjarju globali vinkolanti u ġdid dwar l-iżvelar awtomatiku mill-kumpaniji koporattivi transnazzjonali tal-profitti li jkunu għamlu u t-taxxi li jkunu ħallsu fuq bażi ta' kull pajjiż individwali;

85.  Jappella lill-UE biex tappoġġja l-Inizjattiva tal-Bażi Soċjali tal-NU biex testendi jew timplimenta sistemi ta' protezzjoni soċjali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw billi tiżgura koerenza akbar fil-politiki esterni dwar ir-relazzjonijiet u li tiżviluppa Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni Soċjali fil-koperazzjoni tal-iżvilupp kif ġie rrakkomandat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Promozzjoni tal-Impiegi permezz tal-Koperazzjoni tal-Iżvilupp tal-UE;

Dwar l-edukazzjoni

86.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-aqwa mod ta' kif jistgħu jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali huwa billi wieħed ikollu xogħol, huwa tal-fehma li t-tegħlib tad-differenzi fil-gradi tal-edukazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa wieħed mill-aktar strateġiji effettivi li jkissru ċ-ċiklu tal-faqar u l-qgħad;

87.  Jilqa' l-“Edukazzjoni għal Kulħadd – Inizjattiva b'Ħeffa” (FTI) u l-appoġġ tal-Kummissjoni għal din l-inizjattiva fil-prinċipju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkjarifika liema fondi hija tagħmel disponibbli bħalissa għall-pajjiżi koperti minn din l-inizjattiva, u għal liema għan, partikolarment f'dawn l-oqsma li ġejjin:

   il-kura u t-tagħlim matul il-perjodi bikrija tat-tfulija,
   l-edukazzjoni primarja mingħajr ħlas u obbligatorja għal kulħadd,
   it-tagħlim u l-ħiliet tal-ħajja għaż-żgħażagħ u għall-adulti,
   il-litteriżmu fl-adulti,
   l-ugwaljanza bejn is-sessi,
   il-kwalità tal-edukazzjoni;

88.  Iħeġġeġ lill-UE biex tintroduċi programmi ta' għajnuna għall-ġenituri f'diversi oqsma fejn il-faqar iwassal għal nuqqas ta' għarfien fir-rigward tat-trobbija tat-tfal li tiżgura li t-tfal fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom opportunitajiet reali;

89.  Jinnota li l-kwalità tas-saħħa mentali u fiżika mhijiex sempliċiment kwistjoni ta' edukazzjoni, taħriġ u teknoloġija informatika ġdida iżda hija wkoll kwistjoni ta' aċċess għall-ilma, l-ikel u l-mediċini, u għalhekk l-UE għandha tagħti aktar attenzjoni sabiex il-materjali tat-tagħlim, l-ikliet, it-trasport għall-iskola u l-eżamijiet kollha jkunu mingħajr ħlas u dawn ikunu miġbura kollha flimkien fi proġetti komprensivi għall-għajnuna; iqis li huwa verament importanti li jkun hemm interrelazzjoni ċara bejn il-proġetti bbażati fuq l-iskola li huma finanzjati mill-UE u l-programmi marbuta mal-ikel u s-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

90.  Jappella lill-UE biex tiffoka l-isforzi tagħha fuq il-friegħi li jistgħu jiġu identifikati fejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom vantaġġ kompetittiv, fejn l-istabbiliment ta' apprendistati bbażati fuq ix-xogħol f'dawn is-setturi għandhom ikunu wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE;

91.  Jitlob lill-UE biex tipprovdi aktar opportunitajiet tal-edukazzjoni għal studenti ġejjin mid-dinja li qed tiżviluppa, iżda tħeġġiġhom li jirritornaw id-dar wara l-istudji tagħhom biex jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet tagħhom stess;

L-aċċess għas-suq

92.  Jirrimarka li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma avżati li l-prodotti tagħhom iridu jikkompetu fis-suq miftuħ filwaqt li l-istess prinċipju ħafna drabi mhuwiex applikat għad-dinja żviluppata;

93.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ koerenti li jirrispetta l-prinċipji fundamentali tas-suq ħieles li jiggarantixxi r-reċiproċità fil-qasam tal-kummerċ;

94.  Jenfasizza li bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar fir-rigward tas-settur agrikolu, huma kkaratterizzati minn ekonomiji ta' sussistenza, u dawn l-ekonomiji spiss huma l-uniku sors ta' dħul u ta' għajxien;

o
o   o

95.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-ILO.

(1) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
(3) ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.
(4) ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 15.
(5) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 316.
(6) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(7) ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 162.

Avviż legali - Politika tal-privatezza