Abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 7/2010: garanzija mogħtija mill-Unjoni Ewropea skont id-disposizzjonijiet tal-Artikolu 122 TFUE - għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-abbozz ta' baġit ta' emenda Nru 7/2010 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III – Il-Kummissjoni (13476/2010 – C7-0261/2010 – 2010/2120(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 314 tiegħu, u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 38 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, kif ġie adottat b'mod aħħari fis-17 ta' Diċembru 2009(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),
– wara li kkunsidra l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 7/2010 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, li l-Kummissjoni ppreżentat fit-12 ta' Lulju 2010 (COM(2010)0383),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 7/2010, li l-Kunsill stabbilixxa fit-13 ta' Settembru 2010 (13476/2010 – C7-0261/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0250/2010),
A. billi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 7/2010 tkopri l-modifiki meħtieġa rigward il-ħolqien ta' partita baġitarja ġdida 01 04 01 03 għall-garanzija provduta mill-Unjoni Ewropea skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 122(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod korrispondenti, l-Artikolu 8 0 2 ġdid fuq in-naħa tad-dħul,
B. billi l-iskop tal-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 7/2010 huwa li dan l-aġġustament baġitarju jiddaħħal b'mod formali fil-baġit tal-2010,
C. billi l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-13 ta' Settembru 2010,
1. Jieħu nota tal-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 7/2010;
2. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz tal-baġit ta' emenda Nru 7/2010 mingħajr emendi u jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit ta' emenda Nru 5/2010 ġie adottat b'mod definittiv u biex jagħmel l-arranġamentigħall-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.