Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (2009/2178(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Settembru 2009 dwar it-titjib tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern (COM(2009)0467),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-25 ta' Settembru 2008 dwar pjan Ewropew globali kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija ssuspettata li tikser ċerti drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinsab li tkun kisret dawk id-drittijiet(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter(5),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali(6),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-2005 tal-Kummissjoni għall-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali f'Pajjiżi Terzi kif ukoll id-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni bl-isem “Rapport dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali 2009”,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 lill-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà u tal-libertajiet fundamentali fuq l-Internet(7),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra n-natura legalment vinkolanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2008 dwar l-Att tan-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa li jistabbilixxi l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” għal aġenda b'politika ambizzjuża għall-SMEs,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0175/2010),
A. billi l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jikkostitwixxi theddida reali kemm għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi kif ukoll għall-ekonomija u s-soċjetajiet tagħna,
B. billi l-innovazzjoni xjentifika u teknika, il-ħruġ ta' privattivi u l-industriji kulturali jagħtu kontribut deċiżiv għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, permezz kemm tan-numru u kemm tal-bijodiversità tal-opportunitajiet tax-xogħol li huma jipprovdu u l-ġid li jinħoloq; billi l-ekonomija kulturali għandha tiġi sostnuta mill-ħolqien sad-distribuzzjoni,
C. billi l-Unjoni Ewropea, bħala membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, hija marbuta mill-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (il-Ftehim TRIPS); billi l-Istati Membri tal-UE huma għalhekk marbuta mal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri effikaċi kontra l-ksur kollu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
D. billi t-tqassim tal-informazzjoni u t-tixrid tal-innovazzjoni huma użanzi b'saħħithom fl-Unjoni Ewropea; billi l-aċċess mill-akbar għadd possibbli għall-progress teknoloġiku u l-prodotti kulturali jkompli jkun is-sies tal-politika tal-edukazzjoni u l-iżvilupp,
E. billi sabiex tiġi indirizzata b'mod xieraq il-kwistjoni tal-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, huwa importanti li ma jiġix ikkunsidrat biss it-territorju tal-UE iżda wkoll is-sitwazzjoni tal-konfini esterni tal-UE u fil-pajjiżi terzi, sabiex tiġi żgurata l-kompatibilità bejn il-protezzjoni tal-kontenut li jiġi mill-Komunità u dawk li għandhom id-drittijiet għal dawn u l-aċċess tal-konsumatur għall-kontenut mhux Komunitarju,
F. billi d-data dwar l-għadd ta' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija inkonsistenti, mhix sħiħa, mhix biżżejjed u hija mxerrda, u billi tinħtieġ valutazzjoni tal-impatt oġġettiva u indipendenti għal proposti leġiżlattivi addizzjonali,
G. billi l-innovazzjoni u l-kreattività għandhom valur miżjud konsiderevoli għall-ekonomija Ewropea u, meta jitqies il-kuntest ekonomiku, dawn għandhom jiġu kkonservati u żviluppati,
H. billi l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa problema orizzontali li tolqot is-setturi industrijali kollha u, b'mod partikolari, l-industriji kreattivi u innovattivi u l-isports,
I. billi l-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali se jwassal għall-għajbien tal-innovazzjoni fl-UE,
J. billi l-fenomenu tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn laħaq proporzjonijiet preokkupanti, b'mod partikolari għas-setturi tal-industriji b'kontenut kreattiv, u billi għadu ma ġiex stabbilit jekk il-qafas legali stabbilit jistax jiggarantixxi b'mod effikaċi l-ħarsien tad-detenturi tad-drittijiet fl-internet waqt li jiggarantixxi bilanċ bejn l-interessi kollha, fosthom dawk tal-konsumaturi,
K. billi l-isforzi li jindirizzaw il-ksur tad-dritt tal-awtur għandhom igawdu l-appoġġ pubbliku biex wieħed ma jirriskjax li jonqos l-appoġġ għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fost iċ-ċittadini,
L. billi l-aplowdjar fuq l-Internet ta' materjal li hu protett bid-drittijiet tal-awtur mhux awtorizzat huwa ksur ċar tad-drittijiet tal-propjetà intellettwali u mhux permess mit-trattati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-drittijiet tal-awtur (WCT) u wirjiet u fonogrammi (WPPT), li tagħhom l-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti,
M. billi s-settur kreattiv irid ikompli jiżviluppa mudelli li jippermettu l-aċċess għall-kontenut kreattiv onlajn li joffri għażliet imtejba u bi spiża effikaċi għall-konsumaturi, inkluż l-aċċess għal servizzi ta' sottoskrizzjoni illimitata; billi l-iżvilupp ta' dawn is-servizzi legali huwa mfixkel miż-żieda ta' kontenut onlajn aplowdjat kontra l-liġi,
N. billi, sabiex tinżamm u tiżdied l-attrazzjoni ta' dak li jistgħu joffru lill-pubbliku tagħhom, il-produtturi tal-medja awdjoviżiva jridu jkunu f'pożizzjoni li jużaw il-mezzi kollha ġodda ta' distribuzzjoni; billi s-sistema attwali li tagħti l-liċenzji trid titjieb b'tali mod li l-Istati Membri jkollhom sistema flessibbli disponibbli li tista' tiġi adattata għat-teknoloġiji l-ġodda,
O. billi, bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet kriminali, diġà jeżisti qafas legali Komunitarju rigward il-fenomenu tal-falsifikazzjoni u l-piraterija ta' affarijiet fiżiċi, iżda billi għad hemm nuqqasijiet rigward il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn,
P. billi l-miżuri stipulati fid-Direttiva 2004/48/KE dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern għad ma kinux suġġetti għal valutazzjoni f'termini tal-ħarsien tad-drittijiet jew mill-perspettiva tal-effetti tagħhom fuq id-drittijiet tal-konsumatur,
Q. billi l-qafas regolatorju tat-telekomunikazzjonijiet li ġie emendat reċentement, jinkludi dispożizzjonijiet għal notifiki standardizzati ta' interess pubbliku li jistgħu jindirizzaw, fost affarijiet oħra, id-drittijiet tal-awtur u l-ksur tagħhom mingħajr ma tiġi pperikolata l-protezzjoni tad-data u d-drittijiet tal-protezzjoni u jenfasizza l-ħtieġa tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fi kwistjonijiet marbuta mal-aċċess għall-Internet,
R. billi fil-qafas legali Ewropew għandha tinħoloq il-possibilità ta' proċeduri kontra dawk li jiksru d-drittijiet tal-awtur, billi t-trattati internazzjonali bilkemm jistgħu jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
S. billi, fil-każ tal-privattivi, il-ħarsien tagħhom huwa kruċjali sabiex tkun tista' ssir ġlieda effiċjenti kontra l-ksur tal-privattivi; billi l-kwistjoni tas-sistema ta' ħruġ ta' privattivi unifikata fil-livell tal-UE għadha ma ġietx maħlula,
T. billi hemm provi ta' rabtiet bejn forom differenti ta' kriminalità organizzata u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,
U. billi l-irwol tal-kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew fi kwistjonijiet kummerċjali u l-aċċess tiegħu għal dokumenti tan-negozjati huwa garantit mit-Trattat ta' Lisbona,
V. billi huwa mixtieq li, flimkien mal-miżuri biex jiġu evitati l-offiżi f'dan il-qasam, għandha tkun ipprovduta protezzjoni lill-konsumaturi li legalment jużaw il-prodotti li huma koperti mill-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali,
W. billi l-liġi Komunitarja attwali ma tikkostitwixxix impediment għall-iżvilupp tas-sistemi tal-liċensjar multiterritorjali,
X. billi f'diversi oqsma, inkluż is-settur ibbażat fuq it-test u l-immaġini, hemm mudelli u mezzi ta' kummerċ u skemi ta' liċenzjar li jipprovdu aċċess mifrux ta' xogħlijiet f'medda wiesgħa ta' forom u formati, kemm fil-fruntieri nazzjonali u kemm bejniethom,
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-11 ta' Settembru 2009 mill-Kummissjoni rigward il-miżuri addizzjonali mhux leġiżlattivi; jiddispjaċih madankollu li l-komunikazzjoni ma tittrattax il-kwistjoni tat-tlestija tal-qafas leġiżattiv bl-introduzzjoni ta' sett ta' miżuri għall-ġlieda kontra l-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali b'mod effikaċi; Jilqa' l-progress li sar fl-UE għall-armonizzazzjoni fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha f'oqsma li huma sensittivi f'termini ta' saħħa u sikurezza, inkluż dak tal-mediċina;
2. Ifakkar li teżisti eċċezzjoni għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-qasam kulturali: il-“kopja privata”;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq b'mod urġenti, sa tmiem l-2010, strateġija komprensiva dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tindirizza l-aspetti kollha tagħhom, fosthom l-infurzar u l-promozzjoni tagħhom, b'mod partikolari r-rwol tad-drittijiet tal-awtur bħala dak li jawtorizza u mhux bħala ostakolu, billi jgħin lill-ideaturi jaqilgħu l-għajxien tagħhom u jxerrdu xogħolhom;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija komprensiva fuq id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tneħħi l-ostakoli għall-ħolqien ta' suq uniku fl-ambjent onlajn u tadatta l-qafas leġiżlattiv Ewropew fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal tendenzi attwali fis-soċjetà kif ukoll għal żviluppi tekniċi;
5. Jenfasizza li kwalunkwe miżura meħuda biex tinfurza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, b'mod partikolari l-Artikolu 6, l-Artikolu 8, u l-Artikolu 10, u għandha tkun proporzjonata u xierqa għas-soċjetà demokratika; ifakkar f'dan ir-rigward li l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipprovdi għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali;
6. Iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-politiki u l-inizjattivi leġiżlattivi kollha rilevanti u għandha tqis dawn l-aspetti matul il-proċess kollu tal-valutazzjoni tal-impatt fejn proposta jista' jkollha konsegwenzi rigward il-proprjetà intellettwali;
7. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom l-SMEs meta tiġi biex tinforza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jikkorrispondu mal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” stabbilit mill-Att tan-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, inter alia billi jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għall-SMEs;
8. Fid-dawl tal-esperjenzi li għaddew minnhom id-detenturi tad-drittijiet f'xi Stati Membri, ma jaqsamx l-istess ċertezza tal-Kummissjoni li l-qafas attwali dwar l-infurzar ċivili fl-UE huwa effikaċi u armonizzat biżżejjed għall-funzjonament xieraq tas-suq intern, u jfakkar lill-Kummissjoni li r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE huwa essenzjali biex jikkonferma dawk l-ilmenti;
9. Huwa tal-fehma li l-possibilità ta' proċedimenti kontra dawk li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tinħoloq fil-qafas legali Ewropew, u jfakkar lill-Kummissjoni li r-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE huwa essenzjali biex jikkonferma dawn l-affermazzjonijiet;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-infurzar tad-Direttiva 2004/48/KE, li jkun jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-miżuri li ttieħdu, kif ukoll evalwazzjoni tal-impatt tagħha fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni, skont l-Artikolu 18(1) ta' dik id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, biex tipproponi emendi; jitlob li dan ir-rapport jinkludi wkoll valutazzjoni tal-modi biex jissaħħaħ u jitjieb il-qafas legali rigward l-Internet;
11. Iqis l-eżistenza ta' formati partikulari li jagħtu aċċess għax-xogħlijiet lill-persuni b'diżabilità u jadotta l-miżuri neċessarji biex tiġi promossa d-distribuzzjoni tagħhom;
12. Ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li l-korp ewlieni tal-liġijiet rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa diġà stabbilit; jirrimarka f'dan ir-rigward li n-negozjati dwar id-direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali ma ġewx konklużi b'suċċess;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern ma jinfluwenzawx id-dritt leġittimu għall-interoperabilità, minħabba li dan huwa importanti għal kompetizzjoni f'saħħitha fis-suq tat-tqassim tax-xogħlijiet diġitali, inter alia għall-awturi u l-utenti tas-softwer liberu;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti leġiżlattivi xierqa msejsa fuq l-Artikolu 118 tat-TFUE li jindirizzaw il-kwistjoni ta' sistema ta' ħruġ ta' privattivi effikaċi tal-UE u jilqa' f'dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2009 dwar sistema ta' ħruġ ta' privattivi mtejba fl-Ewropa bħala żvilupp pożittiv sinifikanti;
L-Osservatorju Ewropew dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija (“l-Osservatorju”)
15. Jirrikonoxxi l-importanza ta' informazzjoni u data komprensiva u affidabbli dwar kull xorta ta' każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex tiġi żviluppata politika li tkun imsejsa fuq l-evidenza u orjentata lejn ir-riżultati;
16. Jilqa' t-twaqqif tal-Osservatorju bħala għodda għaċ-ċentralizzazzjoni tal-istatistika u d-data li għandha sservi ta' bażi għal proposti li għandhom jiġu implimentati fil-ġlieda effikaċi kontra l-fenomeni tal-iffalsifikar u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji rapport dwar kif għandu jsir l-aħjar użu mill-Europol u mill-istrutturi eżistenti għal koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali fil-ġlieda effikaċi kontra l-ksur kriminali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
17. Jixtieq li l-Osservatorju jsir strument għall-ġbir u l-iskambju ta' data u informazzjoni dwar il-forom kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fosthom il-ġbir tar-riċerka xjentifika dwar ir-regolamenti dwar il-falsifikazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-kompiti li għandhom jiġu fdati lill-Osservatorju u jenfasizza li s-suċċess tal-Osservatorju jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-involviment u l-kooperazzjoni tal-parteċipanti interessati kollha, fosthom l-awtoritajiet nazzjonali, id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-industriji kkonċernati, biex tiżdied it-trasparenza u tkun evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament u lill-Kunsill bis-sħiħ u b'mod komprensiv bir-riżultati tal-attivitajiet tal-Osservatorju permezz ta' rapporti annwali li fihom il-Kummissjoni tiġbed konklużjonijiet u tipproponi soluzzjonijiet meħtieġa biex ittejjeb il-liġi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
It-trawwim tal-għarfien tal-konsumatur
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati, biex jorganizzaw kampanja ta' sensibilizzazzjoni fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, dwar il-perikli għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi li jġibu magħhom il-prodotti ffalsifikati, kif ukoll dwar l-impatt negattiv tal-falsifikazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn fuq l-ekonomija u s-soċjetà; jisħaq fuq il-ħtieġa li jikber l-għarfien, l-aktar fost il-konsumaturi żgħażagħ Ewropej, tal-ħtieġa tar-rispett għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
21. Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati, fosthom il-fornituri tal-aċċess, il-pjattaformi tal-bejgħ onlajn, id-detenturi tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, rigward il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-bejgħ ta' prodotti ffalsifikati onlajn, biex jadottaw il-miżuri konkreti ta' twissija biex jedukaw lill-persuni dwar il-valur tad-drittijiet tal-awtur u l-impatt tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-falsifikazzjoni fuq l-impjiegi u t-tkabbir, bħal messaġġi edukattivi u ta' twissija qosra, viżibbli u rilevanti;
22. Jenfasizza l-ħtieġa li teduka liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jifhmu dak li huwa involut fil-proprjetà intellettwali u biex jidentifikaw b'mod ċar dak li huwa legali u dak li mhux, permezz ta' kampanji mmirati għall-qawmien tal-kuxjenza pubblika, b'mod partikolari kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn;
23. Jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex tagħmel pressjoni fuq l-industrija biex twaqqaf saħansitra aktar faċilitajiet ta' ħlas, sabiex tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi Ewropej;
Biex jingħeleb il-ksur tad-drittijiet onlajn u jitħarsu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Internet
24. Jaqbel mal-Kummissjoni li miżuri mhux leġiżlattivi supplimentari bħal diskussjonijiet dwar it-titjib possibbli għas-suq diġitali fl-Ewropa permezz ta' armonizzazzjoni volontarja tal-proċeduri u l-istandards fost il-partijiet interessati jistgħu jkunu utli biex jissaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari miżuri li joħorġu minn djalogu profond bejn il-partijiet interessati;
25. Jenfasizza li ż-żieda enormi fil-qsim mhux awtorizzat ta' fajls ta' xogħlijiet u eżekuzzjonijiet irrekordjati protetti bid-drittijiet tal-awtur hija problema li qed tiżdied għall-ekonomija Ewropea f'termini ta' opportunitajiet ta' xogħol u dħul għall-industrija kif ukoll għall-gvernijiet;
26. Jenfasizza li bosta fatturi wasslu għall-iżvilupp ta' dan il-fenomenu u, b'mod speċjali, l-avvanzi teknoloġiċi u n-nuqqas ta' offerti legali; ifakkar madankollu li dan il-fenomenu jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u jaqbel li jinstabu soluzzjonijiet xierqa u urġenti għalih skont is-settur ikkonċernat u f'konformità mad-drittijiet fundamentali;
27. Jenfasizza li l-appoġġ u l-iżvilupp ta' pakkett legali ta' prodotti u servizzi diversifikati, attraenti u viżibbli għall-konsumaturi jista' jgħin biex jindirizza dan il-fenomenu tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn, u jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li n-nuqqas ta' funzjonament tas-suq diġitali intern Ewropew jikkostitwixxi ostaklu importanti għall-iżvilupp ta' pakketti legali onlajn u li l-UE qiegħda tirriskja li tkisser l-isforzi għall-iżvilupp ta' suq leġittimu onlajn jekk ma tirrikonoxxix il-fatt u ma tagħmilx proposti urġenti biex tindirizzah;
28. Jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħmel pressjoni fuq l-industrija biex toħroġ b'faċilitajiet ġodda ta' ħlas, sabiex ikun aktar faċli għall-konsumaturi Ewropej li jixtru kontenut legali offrut, u b'hekk jiġi żgurat li jiżdied it-tniżżil legali fl-UE;
29. Jagħmel sejħa għal leġiżlazzjoni speċifika li tiżgura li l-konsumaturi privati li jkunu rċivew b'mod leġittimu għall-użu privat tagħhom riproduzzjonijiet tal-prodotti oriġinali li huma koperti mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jintalbux juru l-leġittimità ta' dawk ir-riproduzzjonijiet, iżda għandhom ikunu l-partijiet interessati li jkollhom l-obbligu li jippruvaw ikunx hemm ksur tar-regoli skont il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
30. Jinsisti li l-partijiet kollha kkonċernati, fosthom il-fornituri tas-servizzi tal-internet, għandhom jieħdu sehem fi djalogu mal-parteċipanti interessati sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva jew temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod partikolari d-Direttiva 2004/48/KE, biex jissaħħaħ il-qafas legali Komunitarju f'dan il-qasam fuq il-bażi tal-esperjenzi nazzjonali;
31. Jistieden lill-Kummissjoni taħseb b'mod wiesa' dwar metodi biex jitħaffef l-aċċess tal-industrija għas-suq diġitali bla fruntieri ġeografiċi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiki partikolari ta' kull settur, billi tindirizza b'mod urġenti l-kwistjoni tal-liċenzji multiterritorjali, fejn hemm domanda sostanzjali mill-konsumaturi, u n-nuqqas ta' leġiżlazzjoni armonizzata rigward id-dritt tal-awtur kif ukoll sistema effikaċi u trasparenti ta' ġestjoni tad-drittijiet, li tikkomplementa t-tkabbir eżistenti tas-servizzi li huma legali u li jissodisfaw id-domanda tal-konsumaturi għal aċċess universali, immedjat u personalizzat għall-kontenut;
32. Jenfasizza li s-sistema tal-ħruġ ta-liċenzji għandha titjieb abbażi tan-newtralità teknika, b'tali mod li l-Istati Membri jkollhom disponibbli sistema flessibbli, effikaċi u trasparenti li tista' tiġi adattata għat-teknoloġiji l-ġodda;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-kwistjoni tal-immaniġjar transkonfinali tad-drittijiet u tibdel is-sitwazzjoni attwali ta' nuqqas ta' ċertezza legali maħluqa mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta' Ottubru 2005 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, bil-konsiderazzjoni tal-fatt li d-drittijiet tal-awtur huma territorjali b'mod inerenti għal raġunijiet kulturali, tradizzjonali u lingwistiċi u bl-iżgurar ta' sistema ta' liċenzjar pan-Ewropea li tipprovdi lill-konsumaturi l-aċċess għall-aktar għażla wiesgħa possibbli ta' kontenut u mhux għad-detriment tar-repertorju lokali Ewropew;
34. Jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-problema li qed tikber ta' spjunaġġ industrijali u s-serq ta' data li tikkostitwixxi proprjetà industrijali bbażata fuq l-Internet, b'mod partikolari d-dokumentazzjoni teknika u l-kodiċi tas-sors;
35. Jipproponi li l-Osservatorju għandu jwettaq analiżi ddettaljata tal-problema tas-serq tad-data u jressaq proposti għall-ġlieda kontra l-problema;
36. Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika l-problemi u l-ħtiġijiet partikolari tal-SMEs biex jiġu żviluppati miżuri speċifiċi li jgħinu lill-SMEs fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li jippermettu lill-SMEs jipproteġu aħjar lilhom infushom kemm fl-UE kif ukoll f'pajjiżi terzi;
37. Jappoġġa l-miżuri meħuda mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu identifikati l-aħjar modi biex ikompli jitjieb ir-Regolament Doganali tal-UE, li jippermetti ż-żamma ta' merkanzija b'suspett ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u, bħala tali, hu wieħed mill-pilastri tal-qafas legali tal-Unjoni mfassal għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-kooperazzjoni innovattiva u mtejba bejn id-dipartimenti amministrattivi u s-setturi differenti tal-industrija konċernata;
39. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jestendu l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali biex tkun koperta wkoll il-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
40. Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-użu ta' strutturi istituzzjonali eżistenti fl-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-oġġetti ffalsifikati u għalhekk jitlob lill-uffiċċji tal-privattivi nazzjonali u uffiċċji oħrajn tal-proprjetà intellettwali jipprovdu appoġġ akbar u taħriġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għall-pubbliku;
Id-dimensjoni internazzjonali u l-impatt fuq is-suq intern
41. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi prijoritarji rigward il-proprjetà intellettwali u tippromwovi approċċ ibbilanċjat fil-kuntest tan-negozjati dwar il-proprjetà intellettwali taħt l-awspiċju tad-WTO dwar il-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li għandu x'jaqsam mal-Kummerċ (TRIPS);
42. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tkompli bl-isforzi tagħha biex jissuktaw in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Kummerċ multilaterali Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA), bl-iskop li titjieb l-effikaċja tas-sistema ta' infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kontra l-falsifikazzjoni, jitkomplew b'kunsiderazzjoni sħiħa tal-pożizzjoni tal-Parlament, b'mod partikolari kif espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-falsifikazzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali, u tgħarraf bis-sħiħ lill-Parlament bil-progress u r-riżultati tan-negozjati;
43. Jappoġġa l-kontinwazzjoni u t-titjib min-naħa tal-Kummissjoni tal-inizjattivi ta' kooperazzjoni bilaterali, fosthom id-“djalogi dwar il-proprjetà intellettwali” ma' pajjiżi terzi u l-proġetti ta' assistenza teknika;
44. Jinnota li l-akbar sfida għas-suq intern hija l-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet intellettwali fil-fruntieri esterni tal-UE u fil-pajjiżi terzi; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq aktar helpdesks tal-proprjetà intellettwali f'pajjiżi terzi (b'mod speċjali fl-Indja u fir-Russja) sabiex tgħin lill-imprendituri Ewropej fl-infurzar aktar attiv tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom u fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali f'pajjiż terzi u d-dħul fis-Suq Intern tal-oġġetti ffalsifikati maħduma f'dawn il-pajjiżi terzi;
Il-kriminalità organizzata
45. Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari kontra l-falsifikazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali onlajn; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' leġiżlazzjoni xierqa tal-UE dwar sanzjonijiet proporzjonati u ġusti u jappoġġa l-kooperazzjoni strateġika u operattiva mill-qrib bejn il-partijiet kollha interessati fi ħdan l-UE, b'mod partikolari l-Europol, l-awtoritajiet nazzjonali u s-settur privat, kif ukoll ma' stati mhux Komunitarji u organizzazzjonijiet internazzjonali;
o o o
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.