Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2873(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0540/2010

Testi mressqa :

B7-0540/2010

Dibattiti :

PV 06/10/2010 - 11
CRE 06/10/2010 - 11

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 9.5
CRE 07/10/2010 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0352

Testi adottati
PDF 227kWORD 60k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2010 - Brussell
Azzjoni tal-UE rigward it-tiftix għaż-żejt u l-estrazzjoni taż-żejt fl-Ewropa
P7_TA(2010)0352B7-0540/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar azzjoni tal-UE fil-qasam tat-tfittxija għaż-żejt u l-estrazzjoni taż-żejt fl-Ewropa

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 u l-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tan-NU,

–  wara li kkunsidra in-netwerk ta' Natura 2000 stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar l-Habitats)(1) u d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina)(2) bħala l-mezzi prinċipali ta' protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-objettivi u r-rekwiżiti biex ikun hemm status ambjentali favorevoli u tajjeb fl-ilmijiet tal-kosta u tal-baħar Ewropej, kif stipulati fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma)(3) u fid-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Bijodiversità(4),

–  wara li kkunsidra t-tixrid taż-żejt ta' Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku,

–  wara li kkunsidra l-pjattaformi għat-tħaffir għaż-żejt fl-ibħra tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tas-7 ta' Settembru 2010 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implikazzjonijiet għall-UE tat-tixrid taż-żejt fil-każ Deepwater Horizon u dwar azzjoni tal-UE dwar l-estrazzjoni taż-żejt u l-esplorazzjoni għaż-żejt fl-Ewropa (O-0122/2010 – B7-0470/2010, O-0123/2010 – B7-0551/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minħabba t-tixrid taż-żejt minn Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku, huwa imperattiv għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jeżaminaw b'mod urġenti l-aspetti kollha tal-estrazzjoni taż-żejt u tat-tfittxija għaż-żejt fl-Unjoni Ewropea u li wara dan jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li katastrofi ambjentali ta' dan it-tip ma sseħħx fl-ibħra tal-UE,

B.  billi l-ogħla livelli ta' prekawzjoni, ta' protezzjoni ambjentali u ta' sigurtà u sikurezza tal-operazzjonijiet fl-Ewropa fil-qasam taż-żejt huma l-prinċipji tal-akbar importanza li għandhom isejsu l-azzjoni kollha tal-UE f'dan il-qasam,

C.  billi l-biċċa l-kbira tat-tħaffir u t-tfittxija għaż-żejt issir fl-ibħra tal-Baħar tat-Tramuntana,

D.  billi l-ilmijiet tal-UE jikkonfinaw ukoll ma' pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ewropea, li minnhom id-Dritt tal-UE ma jitlob l-ebda konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti li jirregolaw ir-responsabilità u r-rimedji għall-ħsara,

E.  billi bħalissa għaddejjin sforzi biex it-tħaffir u t-tfittxija għaż-żejt jinfirxu f'partijiet aktar fondi u aktar remoti tal-baħar, li jġibu magħhom riskji akbar f'termini ta' operazzjonijiet ta' ġestjoni u ta' monitoraġġ,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi tad-diżastru tat-tixrid taż-żejt minn Deepwater Horizon u jistieden lill-UE tipprovdi konsulenza u appoġġ tekniċi bħala reazzjoni għal dan id-diżastru;

2.  Jirrikonoxxi l-kontribut siewi li l-produzzjoni offshore taż-żejt u l-gass fl-Ewropa tista' tibqa' tagħti biex tinkiseb is-sikurezza tal-provvista fl-UE u li s'issa l-industrija fl-Ewropa għandha passat tajjeb f'dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza;

3.  Jagħraf il-ħtieġa urġenti li tiġi adottata sistema komuni Ewropea ta' prevenzjoni u reazzjoni u għat-tixrid taż-żejt transkonfinali;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta rapport fl-aħħar tas-sena li jivvaluta l-livell ta' tniġġis ambjentali u l-istat bioloġiku tal-Golf tal-Messiku;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b'attenzjoni r-riżultati tal-investigazzjonijiet mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar il-fatturi umani, naturali u teknoloġiċi li wasslu għad-diżastru fil-Golf tal-Messiku, sabiex tasal għall-konklużjonijiet kollha meħtieġa għall-prevenzjoni ta' każijiet ta' dan it-tip fuq pjattaformi taż-żejt offshore fl-ibħra kostali u marittimi tal-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki rigorużi fl-UE kollha għall-prevenzjoni tal-inċidenti fil-pjattaformi petroliferi, u testendi l-ambitu tad-Direttiva SEVESO II(5) għar-riggijiet taż-żejt;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod partikolari l-kapaċità tal-UE għal reazzjoni immedjata għal inċidenti li jkunu jinvolvu stallazzjonijiet taż-żejt offshore u tiżviluppa pjan ta' azzjoni Ewropew b'koperazzjoni mal-Istati Membri; jinnota li għandha tingħata attenzjoni speċjali liż-żona Arktika, minħabba l-fraġilità tagħha u l-importanza li għandha fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; barra minn hekk jinnota li għandha titqies iz-zona tal-Baħar Mediterran, il-Baħar Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana;

8.  Jilqa' l-“istress test” tal-Kummissjoni dwar it-tħaffir għaż-żejt fl-ibħra tal-UE; jistedinha tidentifika kull nuqqas u dgħufija fil-qafas regolatorju fil-livell tal-UE u tagħmel din l-analiżi disponibbli lill-Parlament mill-aktar fis possibbli;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni,b'mod partikolari, terġa teżamina l-leġiżlazzjoni attwali skont liema d-detenturi ta' liċenzji għall-esplojtazzjoni taż-żejt offshore jistgħu jikru installazzjonijiet lil partijiet terzi, biex jiġi żgurat li r-responsabbiltà għall-ħsara għall-ħajja tal-bnedmin u l-ambjent minħabba inċidenti u diżastri fuq pjattaformi taż-żejt offshore tkun tista' tiġi stabbilita aktar faċilment f'każijiet sussegwenti ta' litigazzjoni ċivili;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, wara r-rieżami tagħha tal-qafas regolatorju, tippreżenta lill-Parlament mill-aktar fis possibbli kull proposta leġiżlattiva li tqis li hi meħtieġa biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati – pereżempju fid-Direttiva dwar ir-Responsabilità Ambjentali(6), id-Direttiva SEVESO II u leġiżlazzjoni Ewropea oħra – fis-sistema regolatorja applikabbli għat-tfittxija għaż-żejt u għall-estrazzjoni taż-żejt u forom oħra ta' esplojtazzjoni ta' qiegħ il-baħar fl-UE;

11.  Jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni attwali dwar ir-responsabbiltà ambjentali fiha diversi nuqqasijiet importanti f'dan ir-rigward u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tirrevedi l-kontenut u testendi l-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE (inklużi d-Direttiva dwar ir-Responsabilità Ambjentali u d-Direttiva SEVESO II, u l-miżuri li jinkludu l-Pakkett Erika u t-Tielet Pakkett ta' Sikurezza Marittima) u/jew tintroduċi kull leġiżlazzjoni ġdida meħtieġa biex jitqiesu r-riskji tal-esplojtazzjoni offshore u jissaħħu r-regoli dwar ir-responsabilità fil-każ ta' inċidenti taż-żejt;

12.  Jinnota l-assenza ta' fond ta' kumpens fil-każ ta' diżastri taż-żejt u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dispożizzjonijiet ta' sigurtà finanzjarja obbligatorji skont it-termini tad-Direttiva dwar ir-Responsabilità Ambjentali;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tbaxxi l-limitu minimu għall-ħsara taħt id-Direttiva dwar ir-Responsabilità Ambjentali u tinkludi l-ħsara kkawżati lill-ilmijiet tal-baħa fl-ambitu tagħha;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami attwali tagħha tad-Direttiva dwar l-Istimi tal-Impatt Ambjentali(7), tiżgura li l-attivitajiet kollha f'qiegħ il-baħar ikunu soġġetti għal valutazzjoni mandatorja, li l-kwalità tal-Istimi tal-Impatt Ambjentali tkun iggarantita u li l-attivitajiet ta' periklu enormi bħalma huwa t-tħaffir f'qiegħ il-baħar ma jitħallewx jipproċedu fejn ikun hemm indikazzjoni fi Stima tal-Impatt Ambjentali li r-riskji ma jistgħux jiġi mitigati b'mod sodisfaċenti;

15.  Jikkunsidra, barra minn hekk, li kull proposta leġiżlattiva trid tiżgura qafas legali komprensiv li:

   jipprevjeni kemm jista' jkun li attivitajiet f'qiegħ il-baħar li jkunu potenzjalment perikolużi ma jikkawżawx ħsara lill-ambjent tal-baħar u tal-kosta;
   jiggarantixxi li r-responsabbiltà sħiħa tkun ta' min iniġġes f'każ ta' kwalunkwe ħsara kkawżata minn attivitajiet ta' dan it-tip, inklużi l-ħsara lill-ambjent terrestri u tal-baħar u lill-klima globali;
   jiżgura l-protezzjoni tal-bijodiversità tal-Ewropa fl-ambjenti tal-baħar u tal-kosta;
   jiżgura li, qabel ma tkun ippjanata kwalunkwe attività ekonomika, esperti indipendenti jwettqu stima tal-impatt ambjentali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi leġiżlazzjoni li tiżgura l-applikazzjoni ta' standards uniformi ta' sikurezza għoljin għall-pjattaformi taż-żejt kollha u għall-operazzjonijiet ta' tħaffir mill-UE u minn pajjizi terzi, mill-Marġini Atlantiku sal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), ħalli jsaħħu r-regoli u l-istandards internazzjonali ta' sikurezza u kontroll;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga l-istabbiliment ta' sistema effikaċi ta' sorveljanza biex “tikkontrolla lill-kontrolluri”, u jitlob li jissaħħu mill-aktar fis il-metodi ta' spezzjoni u r-regoli ta' sikurezza minimi u obbligatorji tal-UE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar l-Istimi tal-Impatt Ambjentali, l-Istimi Ambjentali Strateġiċi(8) u l-Habitats relatati mal-istimi tal-impatt ambjentali tal-pjattaformi taż-żejt jiġu applikati b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha;

19.  Jikkunsidra li l-mandat tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) għandu jiġi estiż mill-bastimenti għall-istallazzjonijiet offshore; jitlob li l-għoti ta' kompiti ġodda ta' dan it-tip jiġi rifless fil-baġit u fl-għadd ta' persunal tal-EMSA;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport annwali mħejji b'koperazzjoni mal-awtoritajiet u l-esperti indipendenti tal-Istati Membri, li għandu jivvaluta s-sigurtà u s-sikurezza tekniċi tal-istallazzjonijiet u l-pjattaformi taż-żejt offshore li joperaw fl-ibħra marittimi u kostali tal-UE;

21.  Jememn li hu tal-akbar importanza li l-Kummissjoni teżamina l-kwistjonijiet finanzjarji u relatati mar-responsabbiltà kollha assoċjati mat-tfittxija għaż-żejt offshore fl-UE bil-għan li, jekk ikun meħtieġ, tiddaħħal assigurazzjoni obbligatorja għall-UE kollha jew jiddaħħlu strumenti xierqa oħra, pereżempju l-istabbiliment ta' Fond Ewropew speċjali li għandu jinżamm minn kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-operaturi ta' istallazzjonijiet offshore; jikkunsidra li kull strument ta' dan it-tip għandu jqis għalkollox ir-responsabilità ta' tali operaturi, jiżgura li l-operaturi jkollhom biżżejjed assigurazzjoni jew garanziji finanzjarji oħra biex ikunu żgurati r-riabilitazzjoni u l-kumpens fir-rigward ta' ħsara ambjentali li tiġi kkawżata, u jipprevedi garanziji finanzjarji addizzjonali, pereżempju fil-forma ta' fondi, għar-riabilitazzjoni u l-kumpens meta l-garanziji finanzjarji tal-operaturi ma jkunux biżżejjed;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjonitikkunsidra, b'mod partikolari, skemi ta' assigurazzjoni fl-UE kollha mfassla biex jikkumpensaw lin-negozji milquta f'każ ta' tixrid ta' żejt;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina ż-żarmar ta' infrastruttura eżistenti tat-tħaffir, waqt li tqis kif dovut ir-regolamenti internazzjonali u nazzjonali eżistenti f'dan il-qasam, u tikkjarifika, jekk ikun meħtieġ permezz ta' leġiżlazzjoni, ir-responsabbiltà tal-operaturi li jiżguraw tneħħija sikura u responsabbiltà għal kull ħsara ambjentali kkawżata miż-żarmar tal-infrastruttura offshore u kull dannu ambjentali li jirriżulta minn istallazzjoni offshore jew minn sit ta' tħaffir wara li jkunu ġew żarmati;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi qafas strett u obbligatorju rigward l-iżvelar mill-kumpaniji ta' prattiki ambjentali, soċjali u ta' governanza, u li tikkunsidra miżuri li jsaħħu l-involviment tal-investituri istituzzjonali mal-kumpaniji fir-rigward tar-riskji ta' investiment ta' prattiki ambjentali mhux tajbin;

25.  Jinnota r-rapport tal-Eżekuttiv għas-Saħħa u s-Sikurezza tar-Renju Unit dwar il-kondizzjonijiet ta' xogħol fil-Baħar tat-Tramuntana, li juri li r-rati ta' inċidenti fatali u maġġuri rduppjaw matul l-aħħar sena; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet u tieħu azzjoni ħalli tiżgura livelli għoljin ta' saħħa u sikurezza għal dawk li jaħdmu fit-tħaffir offshore;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol attiv fl-iżgurar li l-attivitajiet imwettqin minn pajjiżi terzi u l-proġetti ta' estrazzjoni taż-żejt jikkonformaw kemm jista' jkun ma' standards ambjentali stretti, u li tipprovedi għal mekkaniżmi speċifiċi li jikkumpensaw għal kull dannu kkawżat minn operazzjonijiet taż-żejt offshore ta' pajjiżi terzi li jikkonfinaw mal-UE;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
(2) ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.
(3) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(4) SEC(2006)0607 u (2006)0621.
(5) Id-Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll fuq il-perikoli ta' aċċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 97).
(6) Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).
(7) Direttiva 85/337/KEE kif emendata.
(8) Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

Avviż legali - Politika tal-privatezza