Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2074(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0251/2010

Testi mressqa :

A7-0251/2010

Dibattiti :

PV 06/10/2010 - 15
CRE 06/10/2010 - 15

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0354

Testi adottati
PDF 338kWORD 114k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2010 - Brussell
Basel II u r-reviżjoni tad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD 4)
P7_TA(2010)0354A7-0251/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar Basel II u r-reviżjoni tad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD 4) ((2010/2074(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttivi(1) dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital u d-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li temenda d-Direttivi 2006/48/KE, 2006/49/KE u 2007/64/KE dwar il-banek affiljati ma' istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta' fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u ġestjoni tal-kriżijiet(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-kotba tal-kummerċ u għar-rititolizzazzjonijiet, u r-reviżjoni superviżorja tal-politiki dwar ir-rimunerazzjoni (COM(2009)0362),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2010 dwar aktar bidliet possibbli għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital,

–  wara li kkunsidra l-ftehim Basel II(3),

–  wara li kkunsidra l-Kumitat ta' Basel dwar dokumenti konsultattiv tas-Superviżjoni Bankarja dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur bankarju(4) u tal-qafas internazzjonali għall-kejl tar-riskju tal-likwidità, l-istandards u l-monitoraġġ(5),

–  wara li kkunsidra l-karti tal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja,

–  wara li kkunsidra l-komunikati maħruġa mill-G20 fis-samits tagħha f'Washington, f'Londra u f'Pittsburgh,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar id-derivattivi OTC(6),

–   wara li kkunsidra t-tħabbira tal-Grupp tal-Gvernaturi u l-Kapijiet ta' Superviżjoni tat-12 ta' Settembru 2010 dwar l-istandards ta' kapital minimi globali li ogħlew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar Qafas tal-UE għall-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju (COM(2009)0561) u d-dokument ta' ħidma tal-istaff mehmuż magħha (SEC(2009)1407),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-fondi ta' riżoluzzjoni bankarja (COM(2010)0254),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0251/2010),

A.  billi s-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji qawwija, stabbli u effiċjenti huma kruċjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet finanzjarji tal-parteċipanti ekonomiċi differenti tal-UE u biex it-tkabbir u l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetitività tal-ekonomija Ewropea jingħataw spinta; billi l-funzjoni ta' finanzjament hija partikolarment importanti għall-irkupru ekonomiku; billi r-riforma regolatorja fis-settur finanzjarju għandu jkollha l-objettiv tal-istabilità finanzjarja u t-tkabbir sostenibbli,

B.  billi għandhom jiġu adottati rekwiżiti kapitali rieżaminati u aktar stretti f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċiklu ekonomiku u l-irkupru ekonomija li għaddej bħalissa,

C.  billi l-Kumitat ta' Basel ma jagħmilhiex possibbli li jitqiesu l-istakeholders kollha jew il-prinċipju tar-reċiproċità,

D.  billi s-swieq, l-atturi u l-istrumenti finanzjarji kollha għandhom ikunu mmonitorjati u rregolati kif inhu meħtieġ għall-infrastrutturi finanzjarji sistemikament importanti kollha bħalma huma s-sistemi, il-mekkaniżmi u l-pjattaformi tal-pagament, tal-ikklerjar u tas-saldar, u l-għoti assoċjat ta' servizzi ta' kustodja, għall-preservazzjoni tal-istabilità finanzjarja li huwa beni pubbliku kruċjali; billi l-kriżi aċċentwat li l-kapital bankarju kien evidentement insuffiċjenti f'dak li għandu x'jaqsam mas-solvibilità u s-solvenza,

E.  billi l-istandards ta' prudenza għandhom jissaħħu u jiġu eżegwit kif jixraq u n-nuqqasijiet dwar il-kwalità u l-ammont ta' kapital, il-ġestjoni tal-likwidità, id-dgħjufijiet tal-mudelli interni u n-natura proċiklika ta' Basel II u s-CRD li ġew żvelati bil-kriżi għandhom jiġu indirizzati,

F.  billi huwa neċessarju li jkun hemm espansjoni għas-superviżuri tal-gamma ta' għodod għall-ġestjoni tal-kriżi bl-anqas intervent possibbli,

G.  billi għandu jsir kull sforz biex tinkiseb separazzjoni ċara jew firewalling bejn is-settur tal-bejgħ bl-imnut u s-settur bankarju tal-investimenti bl-iskop li jkun żgurat li d-depożiti assigurati ma jintużawx bħala garanzija għall-attivitajiet ta' trading,

H.  billi l-istandards il-ġodda għandhom jieħu kont tad-daqs ta' bank u l-profil tar-riskju u l-mudell tiegħu ta' negozju,

I.  billi, madankollu, għandu jitqies l-impatt kumulattiv tal-elementi rilevanti tal-qafas rivedut ta' Basel II u ta' inizjattivi regolatorji oħra dwar l-ekonomija reali u t-tkabbir ekonomiku,

J.  billi l-lakuni mingħajr preċedenti tas-suq u tar-regolamentazzjoni wasslu lill-G20, fil-laqgħat tiegħu ta' Londra, Pittsburgh u Toronto, jiddeċidi li jinkcrementa l-kwalità tal-kapitali, jirrafforza l-kopertura tar-riskji, jattenwa l-proċikliċità, jintroduċi l-akkantonamenti preventivi għat-telfiet fuq il-krediti, jiskoraġġixxi l-effett lieva eċċessiv u jintroduċi indiċi ta' lieva finanzjarja supplementari fil-qafas ta' Basel II bbażat fuq ir-riskju bl-objettiv li jgħaddi għat-trattament tal-pilastru 1, u jirrafforza l-istandards f'dak li għandu x'jaqsam mal-likwidità,

K.  billi l-Ewropa tapplika s-CRD fl-istituti finanzjarji kollha u fis-soċjetajiet kollha ta' investiment li joperaw f'serje ta' mudelli ta' attività; billi pajjiżi oħrajn jillimitaw l-applikazzjoni tar-regoli ta' Basel II għal ċertu numru ta' banek li għandhom mudell ta' impriża speċifiku; billi tali disparitajiet fil-kamp ta' applikazzjoni jissollevaw problemi f'materja ta' kompatibilità, parità ta' kondizzjonijiet u riskju ta' potenzjali arbitraġġ normattiv,

L.  billi hemm speċifiċitajiet Ewropej importanti, bħall-fatt li s-settur korporattiv fl-Ewropa huwa fil-biċċa l-kbira ffinanzjat minn self bankarju; billi r-regoli riveduti ta' Basel għandhom iqisu speċifiċitajiet bħal dawn; billi jkun awspikabbli li s-self bankarju jkun immirat lejn oqsma speċifiċi bħalma huwa s-self lill-SMEs, u li l-impriżi akbar ikunu inkoraġġiti joħorġu obbligazzjonijiet destinati direttament għall-investituri,

M.  billi approċċ “daqs wieħed” li ma jqisx il-profili tar-riskju speċifiku tal-banek u tad-diversità tas-settur bankarju jkunu ta' ħsara għall-istess settur bankarju Ewropew u għandu mnejn iwassal, bħala konsegwenza, li jiddanneġġa t-tkabbir u l-irkupru ekonomiku,

N.  billi bħalissa l-UE għaddejja minn riforma estensiva tar-regolament finanzjarju, għandu jkun hemm konsistenza bejn ir-riformi u, barra minn hekk, id-dati ta' implimentazzjoni għandhom iqisu l-impatt kumulattiv tal-miżuri fuq l-ekonomija reali u ma għandhomx ifixklu l-irkupru ekonomiku,

O.  billi l-konverġenza għal sett uniku ta' standards ta' kwalità għolja tal-kontabilità globali hija essenzjali biex ikun hemm l-istess kundizzjonijiet għal kollha u tiġi żgurata komparabbiltà tad-data b'mod globali; billi dawn l-istandards għandhom jiġu aġġornati b'mod xieraq biex jitqiesu l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-kriżi,

P.  billi l-ħtieġa għar-rispett rigoruż tal-prinċipju tal-“prevalenza tas-sustanza fuq il-forma” għandu jitqies mill-awtoritajiet relevanti kollha għall-fini li jkunu evitati riżultati mhux approprijati,

Q.  billi l-konverġenza internazzjonali bejn ir-rappurtar għal għanijiet ta' kontabilità u r-rappurtar għall-finijiet regolatorji u fiskali hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li s-superviżuri u l-investituri jiġu pprovduti bl-istess informazzjoni trasparenti u ċara, u billi r-rappurtar doppju għandu jiġi minimizzat; billi dan ma jeskludix filtri prudenzjali, basta jkunu preżenti fil-kontijiet kollha,

R.  billi l-banek għandhom jikkonċentraw aktar fuq il-core business li jservi għall-ekonomija reali; billi l-Kumitat ta' Basel u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxuh dan,

S.  billi r-riformi inklużi fir-reviżjoni ta' Basel II għandu jmorru pari passu mar-riformi strutturali tal-viġilanza bankarja rrikmandati mill-Parlament Ewropew u, eventwalment, bl-indikazzjoni ta' perkors għall-elaborazzjoni u l-attwazzjoni koerenti ta' miżuri analogi għal dawk tal-pilastru 2,

Kwestjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-G20 biex tiżdied il-kwalità u l-kwantità tal-kapital, jiġu introdotti standards tal-ġestjoni tal-likwidità, tiġi indirizzata l-proċikliċità u jitjiebu l-istandards prudenzjali globali bi tweġiba għall-kriżi finanzjarja;

2.  Jilqa' l-isforzi magħmulin mill-Kumitat ta' Basel u tal-Kummissjoni; b'danakollu jissottolinja n-neċessità li jkunu elaborati u implimentati b'attenzjoni regoli ġodda dwar ir-rekwiżiti patrimonjali, kif ukoll li jiġu analizzati l-effetti fuq il-qafas usa' tar-reviżjoni tar-regolamentazzjoni;

3.  Jitħasseb dwar id-defiċits strutturali u l-iżbilanċi fil-proposta attwali, kif ukoll dwar ir-riskju li ssir ħsara lill-irkupru ekonomiku u t-tkabbir ekonomiku; huwa tal-fehma li, meta titqies is-sitwazzjoni ekonomika attwali, se jkun neċessarju li jkun hemm viġilanza għalbiex il-banek ma jiskarikawx il-kostijiet tal-proposta li daqt ġejja fuq l-utenti finali tas-servizzi finanzjarji;

4.  Jissottolinja n-neċessità li tissaħħaħ l-interazzjoni bejn il-proċess ta' kontroll prudenzjali (Pilastru 2) u l-informattiva (Pilastru 3), filwaqt li lill-pubbliku jsiru disponibbli r-r-riżultati tal-provi ta' reżistenza u r-rekwiżiti patrimonjali aġġuntivi;

5.  Ifakkar l-ispeċifiċitajiet importanti tas-settur bankarju Ewropew, bħall-varjetà ta' mudelli tan-negozju li joperaw taħt forom legali differenti u l-fatt li s-settur korporattiv Ewropew hu ffinanzjat b'mod predominanti permezz ta' self bankarju, u għalhekk jitlob li jkun hemm eżami komplessiv tal-konsegwenzi mikro- u makro-ekonomiċi tar-regoli l-ġodda proposti;

6.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jqisu tali speċifiċità u d-diversi tipi ta' riskju li jolqtu lis-settur bankarju; jissottolinja n-neċessità li ssir differenzjazzjoni b'mod ċar bejn l-investiment u s-servizzi tradizzjonali bankarji kif ukoll is-servizzi ta' tranżazzjoni, fir-regoli riveduti ta' Basel II;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun aktar pro-attiva fil-proċess ta' riforma tar-regoli ta' Basel II, tippromwovi attivament u tissalvagwarda l-interessi Ewropej, tikkoordina l-approċċi tal-Istati Membri biex jinkisbu l-aħjar riżultati għall-ekonomija Ewropea u tipprovdi regolarment lill-Parlament rapporti dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa u tinvolvih attivament fil-proċessi ta' negozjati;

8.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni u tal-koordinament internazzjonali għall-fini li tinkiseb il-parità ta' kondizzjonijiet f'livell internazzjonali u jkun evitat arbitraġġ normattiv; jissottolinja, b'danakollu, li tali objettiv ma għandux iqiegħed lill-ekonomija u lis-settur bankarju tal-Ewropa f'pożizzjoni di żvantaġġ kompetittiv u jirritieni li jeħtieġ li tkun salvagwardata d-diversità tas-settur bankarju;

9.  Jissottolinja li l-irkupru tal-ekonomija Ewropea jirrikjedi swieq finanzjarji dinamiċi li jistgħu jiffinanzjaw l-investimenti u l-innovazionijiet; iwissi kontra regoli u rekwiżiti li għandu mnejn joħolqu stretta kreditizja ġdida, b'effetti destabilizzanti għall-iżvilupp ekonomiku u s-swieq tax-xogħol tal-Ewropa;

10.  Jenfasizza li l-impenn sħiħ tal-partijiet kollha involuti fil-proċess ta' Basel u tal-G20 għal kalendarju ta' implimentazzjoni ċar u koerenti huwa prekondizzjoni għal riforma li tirnexxi, li tiżgura l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fil-qasam internazzjonali u li tevita arbitraġġ regolatorju; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta' Basel jiżguraw li l-istandards li dwarhom isir qbil jiġu applikati b'mod sinkronizzat;

11.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Basel II, u r-reviżjoni imminenti tiegħu, huma intiżi bħala standard globali; huwa għalhekk imħasseb bil-bosta dwar il-possibilità li l-limitazzjonijiet stabbiliti f'varji liġijiet nazzjonali adottati b'risposta għall-kriżi (b'mod partikolari l-liġi Amerikana ta' riforma ta' Wall Street u ta' ħarsien tal-konsumaturi, li tillimita r-rikonoxximent tar-ratings esterni) iwasslu għal frammentazzjoni gravi tal-applikazzjoni ta' dan l-istandard globali; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kumitat ta' Basel kif ukoll lill-Kummissjoni jivvalutaw fis-sħiħ u jiġbdu l-konsegwenzi ta' tali leġiżlazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' Basel II u tan-negozjati dwar ir-reviżjoni ta' Basel II u jissolleċita lill-Kummissjoni tikkomunika r-riżultati lill-Parlament;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-rwol tar-ratings esterni għal buffer ta' likwidità u biex taċċerta li kwalunkwe kriterju alternattiv li jista' jiġi kkunsidrat ma jrażżanx il-firxa ta' assi eliġibbli bħala buffer; iħeġġeġ, barra minn hekk, li kwalunkwe kriterju alternattiv li jista' jiġi miftiehem għandu jisostitwixxi r-ratings esterni u mhux jintuża flimkien magħhom, sabiex jiġu żgurata kundizzjonijiet indaqs għall-kulħadd fuq livell internazzjonali;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika d-djalogu transatlantiku f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolamentazzjoni finanzjarji mal-Istati Uniti;

14.  Jissottolinja li l-kalendarju ta' attwazzjoni għandu jirrifletti l-impatt globali tar-reviżjoni tal-istandards fuq is-settur, fuq il-kapaċità tiegħu li jikkonċedi krediti favur l-ekonomija reali u fuq il-proċess ta' rkupru fl-Ewropa; jinnota r-reviżjoni tal-kalendarju mħabbra mill-Kumitat ta' Basel għalbiex tkun iggarantita aħjar tranżizzjoni fluwida għall-istandards il-ġodda;

15.  Ifakkar fil-bżonn li l-Parlament, bħala l-korp Ewropew elett demokratikament, ikun involut fin-negozjati, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta' Basel jieħdu l-passi meħtieġa biex jinvolvuh fuq bażi permanenti;

16.  Ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar il-limitazzjonijiet tas-suppożizzjonijiet dwar il-korrelazzjonijiet magħmula minn banek li jiffurmaw il-bażi tal-aspetti tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-kapital regolatorju; jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' viġilanza prudenzjali adegwata u l-monitoraġġ tal-valutazzjoni internalizzata tal-banek, bl-użu tal-approċċ IRB; jinnota, barra minhekk, li jeħtieġ li jkunu evitati l-inċentivi perversi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra s-superviżjoni tal-UE tas-settur bankarju billi twaqqaf Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja u Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku ġodda;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, qabel ma tapplikahom, tagħmel valutazzjoni korretta tal-impatt probabbli tar-regoli rivisti ta' Basel II fuq l-ekonomija reali, b'attenzjoni partikoalri għall-finanzjament tal-SMEs u għall-kapaċitajiet ta' rkupru tas-settur bankarju f'sitwazzjonijiet ta' stress;

19.  Iqis li huwa neċessarju li jkunu estiżi l-gamma ta' għodod ta' intervent minimu tal-ġestjoni tal-kriżi li jiddisponu minnhom is-sorveljanti lilhinn mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 136 tad-Direttiva 2006/48/KE, ħalli jkunu inklużi mill-anqas il-poteri li ġejjin: rikjesti għall-addattamenti ta' kapital, likwidità, taħlita ta' attività u proċessi interni; rakkomandazzjoni jew impożizzjoni ta' bidliet fost il-maniġers; limitazzjoni tat-termini tal-liċenzji bankarji; impożizzjoni ta' pjanijiet ta' likwidazzjoni (living wills); impożizzjoni tal-bejgħ totali jew parzjali; ħolqien ta' “pont bankarju” jew distinzjoni bejn “bank tajjeb”/“bank ħażin”; rekwiżit tat-trasformazzjoni tad-debiti f'titoli b'haircuts approprijati; impożizzjoni tar-rekwiżiti u r-restrizzjonijiet fuq il-profitt u r-retenzjoni tad-dividendi għall-fini tal-konsolidament tar-rekwiżiti kapitali u jkun żgurat li l-azzjonisti jitħallsu qabel it-taxpayers; ristrutturazzjoni u trasferiment tal-attiv u l-passività lejn stabbilimenti oħrajn għall-fini tal-assikurazzjoni tal-kontinwità tal-operazzjonijiet importanti mill-punt sistemiku; għemil ta' kriterji għall-valutazzjoni tal-attivi deterjorati; nazzjonalizzazzjoni temporanja; likwidazzjoni tal-banek falluti;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq inċentivi għas-settur bankarju għall-ġestjoni tar-riskju u l-profitt bil-ħsieb li jinkisbu riżultati fit-tul u tinkoraġġixxi l-banek iżommu interess attiv u kontinwu fis-self fil-kotba tagħhom stess mingħajr titolizzazzjoni eċċessiva jew għal strutturi barra l-bilanċ u li jiġu kkonsolidati xi partiti li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ, bħal SPVs;

21.  Jinnota li l-investimenti fit-tul, bħalma hija l-infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-enerġija, jiddependu mit-titolizzazzjoni;

22.  Jipproponi li jkun hemm l-integrazzjoni tal-Kumitat ta' Basel, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) u tal-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB), eċċ fi struttura globali – possibilment il-FMI – biex tkun stabbilita organizzazzjoni vera tal-finanza, tkun assikurata l-parteċipazzjoni tas-suġġetti kollha interessati fl-elaborazzjoni tar-regoli u tkun iggarantita l-kapaċità ta' verifika tal-attwazzjoni tagħhom;

23.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li tkun affrontata ll-kwestjoni tal-istituti finanzjarji “kbar wisq biex ifallu” u għalhekk li r-rekwiżiti patrimonjali u li r-riżervi antiċikliċi ta' di fondi proprji għandhom ikunu proporzjonati għad-dimensjoni u għal-livell ta' riskju tal-mudell ta' impriża ta' istituzzjoni finanzjarja;

Il-kwalità tal-kapital

24.  Jappoġġa l-inizjattiva biex titjieb il-kwalità u jogħla l-livell tal-kapital bi tweġiba għall-kriżi; u jinnota d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Basel tat-12 ta' Settembru 2010 li jgħolli r-rekwiżiti ta' kapital minimu, jintroduċi buffer ta' konservazzjoni u jżidu sostanzjalment il-proporzjon ta' ekwità komuni; ifakkar li din il-kwistjoni hija intimament marbuta mar-regoli tal-kontabilità li jagħmlu neċessarju approċċ koerenti li jirrispetta l-ispirtu tal-konverġenza ġenerali;

25.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Basel li tippermetti minn (tmiem) Lulju 2010 ċertu rikonoxximent prudenti tal-interessi tal-minoranza, it-trattament tal-krediti fiskali u investimenti fl-istituti finanzjarji l-oħra; huwa tal-fehma li jistgħu jkunu opportuni aktar adegwamenti;

26.  Jissottolinja li, sabiex tkun iggarantita parità ta' kundizzjonijiet ħalli ma jiġux żvantaġġati ċerti mudelli ta' negozju ta' kumpaniji ta' titoli mhux konġunti, b'mod partikolari kooperattivi, mutwi, u banek tat-tfaddil, il-kapital għandu jkun, irrispettivament mill-forma ġuridika, definit b'mod bilanċjat fuq il-bażi tal-kwalità tal-istrumenti ta' kapital (jiġifieri l-permanenza, l-assorbiment tat-telf, il-flessibbiltà tal-pagamenti);

27.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jqisu, huma u jiddefinixxu l-istrumenti ta' kapital ammissibbli, in-neċessità u l-pekuljaritajiet tas-soċjetà mhux b'azzjonijiet (jiġifieri l-kooperattivi, il-mutwi, u l-banek ta' tifdil), li jirrappreżentaw parti kbira mis-settur bankarju Ewropew;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-kriterji proposti ta' ammissibilità għall-kapital ta' bażi tal-Livell 1 waqt li tillimita ruħha għal dawk neċessarji li jiggarantixxu l-kwalità tal-kapital (jiġifieri, l-permanenza, l-assorbiment tat-telf, il-flessibbiltà tal-pagamenti);

29.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li, fil-kalkoli tal-kapital konsolidat, kemm ir-riskju kif ukoll il-kapital jitqiesu b'mod ibbilanċjat u prudenti, u li b'mod partikolari jiġi rikonoxxut adegwatament il-kapital riċevut mill-minoranzi li jgħaddi direttament fl-istituzzjonijiet ta' kreditu tal-istess grupp bankarju (jiġifieri, l-interess tal-minoranza) u li jkunu esklużi l-parteċipazzjonijiet fil-kooperattivi u fil-banek tat-tifdil reġjonali fl-istituti ċentrali tagħhom (fi kliem ieħor, na għandux ikun hemm deduzzjonijiet mill-fondi proprji);

30.  Jissottolinja r-rwol importanti żvolt mill-kapital kontinġenti matul il-kriżi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta' Basel jirrikonoxxu r-rwol flessibbli tal-kapital kontinġenti fis-sitwazzjonijiet tal-kriżi u jimmonitorjaw l-aċċettazzjoni tal-istrumenti konvertibbli min-naħa tas-suq;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif jixraq id-differenzi eżistenti bejn it-taxxa u l-karti tal-bilanċ tal-kontijiet sabiex jiġi evitat kull żvantaġġ kompetittiv possibbli;

32.  Jitlob lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jikkjarifikaw it-trattament tal-akkordji reċiproċi ta' parteċipazzjoni finanzjarja msallba;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis trattament ekwilibrat bejn it-telf u l-profitti mhux realizzati, għall-fini li tikkontjeni l-volatilità u l-proċikliċità;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tmexxi indaġni approfondita tal-istrumenti ta' kapital qabel u wara l-kriżi għall-fini li tivvaluta l-importanza tal-istrumenti speċifiċi u r-rilevanza tagħhom f'sitwazzjoni ta' kriżi;

Standards ta' likwidità

35.  Iqis l-iżvilupp ta' standards ta' likwidità ta' kwalità għolja bħala parti ewlenija mir-reazzjoni għall-kriżi; huwa tal-fehma li l-istandards ta' likwidità għandhom ikunu differenzjati biżżejjed ħalli jinżamm kont tal-pekularitajiet tal-mudell ta' impriża u tal-profil ta' riskju tal-banek; huwa tal-fehma wkoll li għandu jkun hemm rikonoxximent tal-fatt li r-riskju ta' ċerta attività jista' jvarja fiż-żmien kif ukoll il-mekkaniżmi li bihom jiġi affrontat;

36.  Jinnota li t-trasformazzjoni tal-iskadenzi tesponi intrinsikament lill-banek għal riskju ta' likwidità għat-terminu t-twil/qasir;

37.  Huwa tal-fehma li, biex ma jkunux żvantaġġati l-banek rikonoxxuti bħala konglomerati finanzjarji li għandhom parteċipazzjonijiet fis-soċjetajiet tal-assigurazzjoni, il-problema tal-komputu doppju tal-fondi proprji bejn il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni għandha tiġi affrontata fil-qafas tar-reġim attwali previst mid-Direttiva dwar il-Konglomerati Finanzjarji;

38.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jirrikunsidraw il-kalibrazzjoni tar-ratios ta' likwidità u ta' finanzjament;

39.  Huwa tal-fehma li l-“proprzjon tal-kopertura tal-likwidità” għandu jqis aktar ir-riskju ta' konċentrazzjoni tal-assi eliġibbli fi kwalunkwe buffer tal-likwidità, għandu jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni u jiskoraġġixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva fi klassi waħda partikolari tal-attiv, inkluż id-dejn tal-gvern; jikkunsidra li r-riżervi ta' likwidità għandhom ikunu kkostitwiti, kemm jista' jkun, minn attivitajiet li jibqgħu estremament likwidi fil-perijodi ta' stress għoli u li tali indiċi, jekk ikkonċepit sew, għandu jtejjeb ir-resiljenza tal-entijiet għar-riskju tal-likwidità;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li, fil-proposta tagħha li jmiss ta' reviżjoni tad-direttivi dwar ir-rekwiżiti patrimonjali (CRD 4), il-passivitajiet ta' barra l-bilanċ ikunu koperti bi standards ta' likwidità;

41.  Jitlob li, jekk kemm-il darba jiġi ffissat standard fuq il-likwidità strutturali (jiġifieri indiċi nett ta' stabilità tal-finanzjamenti), ikun hemm rikonoxximent adegwat tal-għejjun stabbli ta' finanzjament speċifiċi għall-Ewropa (jiġifieri l-Pfandbriefe); huwa tal-fehma li l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri t'akkoljenza għandu jkollhom aċċess għall-informazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni ta' likwidità tal-filjali f'kwalsiasi każ;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-kriterji relattivi għall-attivitajiet likwidi ta' kwalità elevata skont id-definizzjoni tal-attivi eliġibbli tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' politika monetarja (repo facility);

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi d-debitu sovran kollu taz-zona euro fil-kategorija ta' attivitajiet likwidi ta' kwalità elevata, indipendentement mir-rating speċifiku, ħalli jitnaqqas l-impatt sproporzjonat tal-operat tal-aġenziji tar-rating;

44.  Jiġbed l-attenzjoni, iżda, għall-possibilità li l-attivitajiet likwidi ta' kwalità elevata jistgħu jsiru malajr illikwidi fil-perijodi ta' stress qawwi u jitlob għalhekk li l-entijiet kreditizji jeffettwaw testijiet ta' stress li jmorru lilhinn mill-kopertura tal-likwidità u mill-indiċi nett ta' stabilità tal-finanzjamenti;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kumitat ta' Basel biex iqisu kif suppost l-entitajiet legali fi grupp jew netwerk ta' banek b'rabta mar-rekwiżiti ta' likwidità; jitlob li t-tranżazzjoni u l-impenji fi gruppi jew netwerks ta' dan it-tip jiġu ttrattati b'mod sensittiv għar-riskji u, fejn ikun xieraq, differenti mit-tranżazzjonijiet u l-impenji bejn partijiet terzi;

Miżuri kontroċikliċi

46.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz għal-limitazzjoni tat-tkabbir ta' kreditu eċċessiv u r-riskju tal-bżieżaq ta' kreditu;

47.  Jinsab imħasseb dwar in-natura proċikliċa possibbli ta' buffer fiss għall-konservazzjoni tal-kapital speċifiku għall-banek; huwa tal-fehma li kemm il-buffers ta' konservazzjoni tal-kapital kemm il-buffers antiċikliċi għandhom ikunu jistgħu jassorbu t-telfiet matul il-perijodi ta' stress; huwa tal-fehma li, biex il-buffers ikunu effikaċi, jeħtieġ li jkunu mfasslin u żviluppati b'mod parallel;

48.  Jilqa' t-tentattiv biex jiġu identifikati sett ta' varjabbli makroekonomiċi armonizzati biex jinbġdid buffers kontroċikliċi effiċjenti;

49.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-provvedimenti lunġimiranti (l-approċċ tat-telf mistenni) bħala miżura addizzjonali possibbli biex titnaqqas il-proċikliċità u jiġi inkoraġġut ir-rikonoxximent tat-telf ta' kreditu mistenni fir-rigward taċ-ċiklu tan-negozju;

50.  Iqis li l-futura Awtorità Bankarja Ewropea għandha tiżvolġi rwol minn ta' quddiem fir-redazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri relattivi għar-rekwiżiti tal-fondi proprji u għall-istandards relattivi għar-riżervi antiċikliċi tal-fondi proprji f'livell ta' Unjoni;

51.  Jitlob għal konverġenza internazzjonali bejn ir-rappurtar tal-kontijiet u r-rappurtar għal skopijiet regolatorji, partikolarment fir-rigward ta' approċċ tat-telf mistenni fil-profitt żvelat, biex jitqiesu l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-kriżi u biex jiġi żgurat li l-istess sett ta' regoli ċari u trasparenti jintużaw meta tiġi ġġenerata informazzjoni għas-superviżuri u l-investituri; iwissi dwar in-neċessità tal-imminizzar tar-rappurtar doppju iqis li tali sforzi għandhom jiġu rivolti fuq kollox lejn l-innovazzjonijiet bħalma huma l-paġna regolamentari jew il-filtri prudenzjali fil-kontijiet ħalli jkunu eżaminati ulterjorment;

52.  Jissottolinja li r-regolamentazzjoni antiċiklika tirrikjedi kriterji armonizzati biex tkun iggarantita viġilanza globali u attenta tas-swieq finanzjarji u tal-ambjent tas-swieq da parti tal-awtoritajiet ta' viġilanza inklużi, fost l-oħrajn, l-iskambju tal-informazzjonijiet kollha, is-sinkronizzazzjoni tal-miżuri ta' regolamentazzjoni kif ukoll il-kontroll f'temp reali tal-espożizzjonijiet u tar-riskji, li jkunu jitolbu, fost l-oħrajn, id-definizzjoni ta' atar ta' reviżjoni kontabbli fuq it-tranżazzjonijiet kollha tas-suq finanzjarju;

Proporzjon ta' lieva (LR)

53.  Jinnota, meta titqies il-komplessità tas-sistema finanzjarja, il-kunċett ta' lieva finanzjarja bħala tarka utli, sempliċi u diffiċli li tkun manipolata kontra lieva finanzjarja eċċessiva u teħid eċċeissv ta' riskji; iwissi li indiċi ta' lieva finanzjarja uniku forfettarju, biex ikun effikaċi, għandu jkun ponderat b'mod li jippermetti li jinqabdu d-differenzi bejn il-mudelli ta' impriża u l-profili ta' riskju tal-entijiet kreditizji;

54.  Hu tal-fehma li proporzjon bħal dan, biex ikun effettiv, għandu jinkludi l-partiti u l-prodotti derivati kollha li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ, għandu jkunu definit b'mod ċar, sempliċi u paragunabbli fuq livell internazzjonali u għandu jqis il-kumpensazzjoni regolamentari u l-istandards varji ta' kontabilità f'livell internazzjonali;

55.  Huwa, madankollu, imħasseb li indiċi ta' lieva finanzjarja krud ma jqisx biżżejjed ir-riskju u jista' jippenalizza entitajiet li jipprovdu servizzi bankarji tradizzjonali ta' riskju żgħir (bħall-finanzjament bl-imnut, soċjetarju, immobiljarju u servizzi ta' tranżazzjonijiet bankarji) jew ekonomiji fejn is-settur korporattiv hu ffinanzjat prinċipalment permezz ta' self; jissottolinja għalhekk li hu importanti li l-awtoritajiet ta' viġilanza nazzjonali jikkontrollaw il-modifiki tal-lieva finanzjarja kif ukoll il-livelli ġenerali relattivi, ladarba l-modifiki importanti jistgħu jkunu sinjal ta' awment fir-riskji; hu mħasseb, barra minhekk, mill-fatt li fih innifsu indiċi ta' lieva finanzjarja “krud” (indifferenzjat) jista' joħloq inċentivi perversi għall-ispostament tal-attivi lejn espożizzjonijiet aktar riskjużi;

56.  Jitlob lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jivvalutaw b'mod adegwat l-opzjonijiet tar-ratio tal-effett tal-lieva applikabbli għal-Livell u għal-Livell 2, billi jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju tal-Unjoni;

57.  Jistieden lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jivvalutaw ukoll il-possibilità li jintroduċu limiti ta' konteniment għal-linji ta' negozju, l-attivi ponderati f'funzjoni tar-riskji u l-portafolli; jemmen li valutazzjoni tal-attivi bħala totali netti jew grossi għandhom ikunu eżaminati f'dan il-kuntest;

58.  Jitlob lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni li barra minn kulma ntqal jeżaminaw possibilità ta' element ta' proporzjonalità fl-indiċi tal-lieva finanzjarja krud b'rikors għal solli predefiniti għall-intervent regolamentari;

59.  Jinnota d-deċiżjoni tal-Kumitat ta' Basel li jkun hemm perjodu ta' monitoraġġ fil-Pilastru 2 bl-intenzjoni li ssir migrazzjoni lejn trattament skont il-Pilastru 1; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi klawżola ta' rieżami fil-proposta leġiżlattiva dwar is-CRD 4;

60.  Jinnota li l-indiċi tal-lieva finanzjarja huwa strument indispensabbli għall-kalkolu tal-espożizzjoni komplessiva tal-banek, għad li xorta jħeġġeġ lill-Kummissjoni telabora strumenti regolmentari intiżi li jillimitaw b'mod effikaċi l-effett lieva eċċessiv (b'mod partikolari, ir-rikors eċċessiv għall-finanzjament fit-terminu l-qasir u fuq skala wiesgħa);

61.  Jitlob li jkun hemm eżami ulterjuri tal-modalitajiet alternattivi ta' indiċi ta' lieva finanzjarja fil-pilastru 2; jindika li l-indiċi tal-lieva finanzjarja jista' pereżempju jkunu marġini flessibbli u l-awtoritajiet ta' viġilanza għandu jkollha l-fakoltà tintervjenix jew le f'każ ta' vjolazzjoni tal-limiti;

62.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li proporzjon ta' lieva ma jwassalx għal titolizzazzjoni inadegwata tat-tip li nġieb għad-dawl mill-kriżi finanzjarja, jew sostituti u anqas kreditu, partikolarment tal-krediti favur l-ekonomija reali (billi dawn huma mezzi li x'aktarx jużaw il-banek biex inaqqsu l-proporzjon ta' lieva tagħhom);

Riskju tal-kreditu tal-kontroparti (CCR)

63.  Jitlob għal standards imtejba f'dak li jirrigwarda t-testijiet ta' reżistenza, il-back-tests u l-indirizzar tar-riskji għan-naħa l-ħażina kif ukoll valutazzjoni tar-riskji soċjali u ambjentali fit-tul konnessi ma' impriżi u proġetti li jirċievu self bankarju;

64.  Iħeġġeġ lill-Kumitat ta' Basel u lill-Kummissjoni jesploraw alternattivi għal approċċ aħjar tar-riskju ta' rettifika tal-valur tal-kreditu b'segwitu għad-deterjorament tal-kwalità tal-kreditu tal-kontroparti tal-banek;

65.  Iqis li l-Credit Default Swaps (CDS) ma għandhomx ikunu utlizzati għalbiex jiġu elużi r-rekwiżiti patrimonjali;

66.  Jitlob trattament tar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti proporzjonat għar-riskju u r-rekwiżiti patrimonjali aktar elevati għat-tranżazzjonijeit li ma humiex kumpensati f'livell ċentrali mqabblin ma' tranżazzjonijiet permezz ta' kontroparti ċentrali (CCP), sakemm is-CCP tissodisfa r-rekwiżiti ta' livell għoli li għandhom jiġu definiti fil-leġiżlazzjoni Ewropea filwaqt li jitqiesu l-istandards miftiehma fil-livell internazzjonali, b'attenzjoni xierqa għall-ispejjeż potenzjali għas-settur korporattiv għall-użu ta' derivattivi biex jitħarsu l-attivitajiet kummerċjali tiegħu jitlob li jkunu inċentivati l-ogħla standards f'każ ta' kumpensazzjoni bilaterali;

67.  Jenfasizza li l-kriżi wriet li l-interkonnettività bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji hija ikbar mill-interkonnettività bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpaniji, u hu tal-fehma li r-rekwiżiti tal-kapital għal CCR għandhom ikunu aktar stretti fir-rigward tar-riskji tal-istituzzjonijiet finanzjarji versu istituzzjonijiet finanzjarji oħra kif ukoll jirriflettu n-natura dinamika ta' dak ir-riskju mal-mixja taż-żmien; jisħaq li l-monitoraġġ bl-attenzjoni tal-interkonnettività huwa neċessarju għalbiex tinstab konċentrazzjoni ta' transazzjonijiet bejn atturi ta' daqs kbir u li għandhom jittieħdu miżuri regolamentarji ulterjuri dwar il-CCR;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) Direttiva 2006/48/KE (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1) u d-Direttiva 2006/49/KE (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201).
(2) ĠU L 302, 17.11.2009, p. . 97.
(3) Basel II: Il-Konverġenza Internazzjonali tal-Kejl tal-Kapital u l-Istandards tal-Kapital: Qafas Ri-eżaminat – Verżjoni Komprensiva ta' Ġunju 2006, http://www.bis.org/publ/bcbs128.htm.
(4) Proposti konsultattivi tal-Kumitat ta' Basel biex tissaħħaħ l-elastiċità tas-settur bankarju, is-17 ta' Diċembru 2009, http://www.bis.org/press/p091217.htm.
(5) Il-proposti konsultattivi tal-Kumitat ta' Basel dwar qafas internazzjonali għall-kejl tar-riskju tal-likwidità, l-istandards u l-monitoraġġ mis-16.12.2009, http://www.biz.org/publ/bcbs165.htm.
(6) Testi adottati, P7_TA(2010)0206.
(7) ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza