Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar is-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana u s-Saħħa Dinjija (2010/2070(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem li jirrikonoxxi s-saħħa bħala dritt fundamentali,
– wara li kkunsidra d-dritt li kulħadd jibbenefika mill-aqwa stat ta' saħħa fiżika jew mentali li jkun jista' jilħaq,
– wara li kkunsidra l-Inizjattiva ta' Bamako tal-1987 u l-objettiv tagħha “is-saħħa għal kulħadd fis-sena 2000”,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Alma-Ata tal-1978 li tiddefinixxi l-kunċett ta' kura tas-saħħa primarja,
– wara li kkunsidra l-Karta ta' Ottawa tal-1986 dwar il-promozzjoni tas-saħħa,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Fond Internazzjonali għat-Tfal, approvata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-1987, li l-għan tagħha huwa li terġa' tniedi politika tal-kura tas-saħħa primarja u li tiġġieled kontra l-mortalità infantili,
– wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Abidjan tal-1998 dwar it-tema “Strateġiji ta' appoġġ lill-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa fl-Afrika”,
– wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti tas-sena 2000, partikolarment dwar l-iżvilupp uman (saħħa u edukazzjoni), l-ilma u l-enerġija, l-iżvilupp rurali, l-agrikoltura u s-sikurezza alimentari u speċjalment l-għanijiet 1, 4, 5, 6, u 8,
– wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Cotonou tat-23 ta' Ġunju 2000, riveduti fl-25 ta' Ġunju 2005,
– wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea ddefiniti f'Diċembru 2005 fil-“Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp”,
– wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali ta' Ouagadougou tal-2008 dwar il-kura tas-saħħa primarja u s-sistemi tas-saħħa fl-Afrika u l-impenn li daħlu għalih il-Kapijiet ta' Stat preżenti biex iżidu r-riżorsi allokati għas-saħħa għal livell minimu ta' 15 % tal-baġit nazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent (WAEMU) li l-għan tagħhom huwa l-implimentazzjoni ta' assigurazzjoni tas-saħħa universali għall-ġid tal-popolazzjonijiet u r-Regolament (Nru 7/2009) tagħha tas-26 ta' Ġunju 2009 dwar ir-regolamentazzjoni tal-mutwalità soċjali fi ħdan l-WAEMU,
– wara li kkunsidra l-għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp li jkopri l-perjodu 2008-2013 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Diċembru 2005,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi ta' Marzu 2007 li rriżultat wara l-Konferenza “Consortium” (G8, ILO, WHO, Bank Dinji, FMI, OECD) dwar il-kopertura tar-riskju ta' mard,
– wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-Fond Fiduċjarju UE-Afrika ddefiniti f'April 2007 u speċjalment il-parti li tirrigwarda l-iżvilupp tan-netwerks ta' infrastrutturi fl-Afrika,
– wara li kkunsidra l-inizjattiva globali “International Health Partnership” ta' Londra tal-5 ta' Settembru 2007 għal koordinament aħjar tal-għajnuna esterna fuq livell bilaterali u multilaterali,
– wara li kkunsidra s-samit tal-G8 ta' Ġunju 2007 u t-tnedija tal-inizjattiva “Providing for health” għall-iżvilupp ta' sistemi ta' finanzjament tas-saħħa sostenibbli, ekwi, “pro-poor” u b'kopertura universali,
– wara li kkunsidra l-istrument ta' finanzjament il-ġdid ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea (10/2008) dwar l-għajnuna Ewropea lis-servizzi tas-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana,
– wara li kkunsidra l-istrateġija komuni Unjoni Afrikana/Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa ddefinita f'Lisbona f'Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra d-dokument konġunt mhux uffiċjali tal-Presidenza u tal-Kummissjoni adottat waqt il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Iżvilupp ta' Settembru 2008 f'Bordeaux dwar il-kopertura tar-riskju ta' mard u l-finanzjament tas-sistemi tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Alġeri tal-2008 dwar ir-riċerka fil-qasam tas-saħħa,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ethekwini tal-2008 dwar l-iġjene u s-sanità,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Libreville ta' Awwissu 2008 dwar s-saħħa u l-ambjent fl-Afrika,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bali tal-2008 dwar il-ġestjoni tal-iskart għas-saħħa tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Oslo ta' Ottubru 2008 dwar il-prinċipji ta' gwida bħala għodda għall-infurzar tad-drittijiet ta' persuni spustati internament, jiġifieri persuni li ġew imċaqalqa kontra r-rieda tagħhom minħabba kunflitti, persekuzzjonijiet, diżastri naturali jew proġetti ta' żvilupp, li jkunu qasmu jew ma qasmux fruntiera statali,
– wara li kkunsidra l-objettivi ddefiniti minn EuropAid għall-perjodu 2009-2013,
– wara li kkunsidra l-istudju dwar id-Dritt Konswetudinarju magħmul mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, b'mod partikolari l-identifikazzjoni tas-saħħa bħala regola konswetudinarja li għandha tiġi rrispettata taħt id-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Mutwalità (Ġunju 2009) dwar ir-rwol tal-mutwalità fis-sistemi universali tal-ħarsien tas-saħħa,
– wara li kkunsidra l-ħidma li saret mill-programm STEP I u II (Strateġiji u tekniki kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar) tal-Uffiċċju Internazzjonali tax-Xogħol favur il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-promozzjoni ta' xogħol deċenti permezz tal-istrateġiji innovattivi ta' estensjoni tal-protezzjoni soċjali,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Yaoundé ta' Settembru 2009, approvata mill-membri tal-Konċertazzjoni bejn l-atturi tal-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa fl-Afrika, li jqisu lill-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa bħala tweġiba adegwata għall-ilħuq tal-objettiv ta' kopertura universali fil-pajjiżi bi dħul baxx jew medju,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni, f'April 2009, mill-“Kunsill tal-Kapijiet tas-Segretarjat” tal-entitajiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti tal-“Inizjattiva Dinjija ta' Livell Minimu Universali ta' Protezzjoni Soċjali” imsejsa fuq ġabra koerenti u artikolata ta' trasferimenti soċjali essenzjali u ta' servizzi soċjali fundamentali, fosthom is-saħħa, li għalihom iċ-ċittadini kollha għandu jkollhom aċċess,
– wara li kkunsidra l-ħidma tal-Assemblea Parlamentari paritarja UE-AKP tat-3 ta' Diċembru 2009, u partikolarment ir-riżoluzzjoni tagħha dwar il-problemi agrikoli u t-tibdil fil-klima li jista' jkollhom biss effett negattiv fuq is-saħħa pubblika, kif ukoll l-inizjattiva “Klima għall-Iżvilupp tal-Afrika”,
– wara li kkonsulta l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2010 (COM(2010)0128) dwar ir-rwol tal-UE fis-saħħa globali,
– wara li kkonsulta l-konklużjonijiet tat-3011-il Kunsill “Affarijiet Barranin” tal-10 ta' Mejju 2010 dwar ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa dinjija,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0245/2010),
A. billi l-fondi vertikali fil-qasam tas-saħħa rnexxielhom inaqqsu l-mortalità marbuta mal-patoloġiji l-kbar, bħat-tuberkolożi, il-malarja, eċċ., u li l-isforzi f'din id-direzzjoni għandhom jibqgħu jsiru,
B. billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, għandha tappoġġa lill-Istati fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali tagħhom fil-qasam tas-saħħa, u billi s-servizzi tal-kura tas-saħħa ffinanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd għandhom ikunu fil-qofol ta' dawn il-miżuri;
C. billi s-sistemi tas-saħħa bażika għandhom jiggarantixxu li jkunu koperti l-patoloġiji kollha u, konsegwentement, iż-żewġ approċċi, kemm dak orizzontali kif ukoll dak vertikali, huma neċessarji u komplementari,
D. billi approċċ orizzontali strutturat sew jippermetti li jiġu previsti sistemi ta' assigurazzjoni (organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa, mikroassigurazzjoni tas-saħħa, eċċ.) fejn il-benefiċjarji jsiru l-atturi tas-saħħa tagħhom stess,
E. billi s-saħħa mhijiex merkanzija, kemm fl-Afrika kif ukoll fi bnadi oħra, u li jeħtieġ li jinstabu approċċi ta' assigurazzjoni tas-saħħa mhux lukrattivi, ibbażati fuq valuri ta' solidarjetà u ta' demokrazija,
F. billi fl-Afrika bosta inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li jistabbilixxu sistemi ta' kopertura kontra r-riskji ta' mard inħolqu fis-snin disgħin, u li d-dinamika soċjali li juru għandha tiġi sostnuta,
G. billi jeżistu differenzi fit-terminoloġija użata fil-pajjiżi fejn jiġu mitkellma, rispettivament, l-Ingliż, il-Franċiż jew il-lingwi Afrikani, u l-kunċetti bażiċi mhumiex dejjem l-istess, minħabba li xi pajjiżi jitkellmu dwar “organizzazzjonijiet tas-saħħa mutwi” (“mutuelles de santé/mutual health organisations”), oħrajn dwar “assigurazzjoni tas-saħħa fuq bażi Komunitarja” (“assurance maladie à base communautaire/Community Based Health insurance”) u oħrajn dwar “mikroassigurazzjoni tas-saħħa” u dawn it-termini jkopru firxa wiesgħa ta' skemi solidali bbażati fuq il-mutwalizzazzjoni tar-riskji bil-għan li jkopru parti mill-ispejjeż jew l-ispejjeż kollha tas-servizzi tas-saħħa,
H. billi t-terminu “mutwi” jiffokalizza fuq id-dinamika soċjali u l-azzjoni konġunta ta' grupp ta' membri, filwaqt li l-kunċett ta' “assigurazzjoni” jimplika (1) il-ħlas ta' kontribuzzjonijiet bil-quddiem, jiġifieri qabel ma jitfaċċa r-riskju, (2) il-qsim tar-riskji u (3) il-kunċett ta' garanzija; u billi l-organizzazzjonijiet mutwi jistgħu jiġu definiti, skont il-pjattaforma ta' Abidjan (1998), bħala organizzazzjonijiet awtonomi u mhux bi skop ta' lukru bbażati fuq is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni demokratika, l-aktar permezz tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, bl-għan li jtejbu l-aċċess għall-kura tas-saħħa ta' kwalità għall-membri u għall-familji tagħhom f'forma ta' prevenzjoni u għajnuna reċiproka,
I. billi persuni li jgħixu f'ċerti kondizzjonijiet soċjali u umanitarji mhux dejjem jifhmu l-kunċett tal-prevenzjoni u għaldaqstant ma jarawx għaliex għandhom jikkontribwixxu f'assigurazzjoni biex jilqgħu kontra riskji tas-saħħa li jistgħu ma jsirux realtà, speċjalment billi hemm NGOs ta' kull tip li jistgħu jipprovdu kura tas-saħħa u mediċina b'mod parallel u bla ħlas,
J. billi l-membri tad-dijaspora Afrikana sub-Saħarjana li qed jgħixu f'pajjiżi fejn l-iskemi ta' assigurazzjoni mutwa tas-saħħa huma żviluppati sew saru konxji tal-utilità u l-valur ta' dawn l-iskemi, u billi ħafna membri tad-dijaspora spiss jibqa' jkollhom relazzjoni mill-qrib mal-pajjiż tal-oriġini tagħhom,
K. billi huwa impossibbli li tiġi implimentata sistema monolitika tal-kura tas-saħħa fl-Afrika, kif inhu l-każ fl-Ewropa, fejn jeżistu differenzi bejn is-sistemi ta' sigurtà soċjali universali fuq naħa waħda, u l-assigurazzjoni soċjali obbligatorja min-naħa l-oħra,
1. Ifakkar li s-saħħa tirrifletti l-livell soċjoekonomiku, id-demokrazija u l-governanza tajba tal-Istati;
3. Jenfasizza li dawn il-fatturi determinanti esterni jistgħu jnaqqsu drammatikament il-marġni ta' azzjoni ta' Stati li jixtiequ jiggarantixxu governanza tajba u jħallu impatt profond fuq is-saħħa tal-popolazzjonijiet;
4. Ifakkar li d-dritt universali għas-saħħa huwa dritt trasversali li jikkoinċidi ma' setturi oħra tad-dritt, bħad-dritt tas-saħħa u dak soċjali, id-dritt tax-xogħol u d-dritt ċivili;
5. Ifakkar fl-impenji tal-komunità internazzjonali rigward l-MDGs, u lill-UE fl-impenn tagħha biex ittejjeb l-appoġġ li tipprovdi għas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana;
6. Ifakkar id-dritt tan-nisa li jikkontrollaw mingħajr restrizzjonijiet il-kwestjonijiet relatati mas-saħħa riproduttiva tagħhom, anki f'dak li jirrigwarda l-prokreazzjoni, il-kontraċezzjoni, l-abort jew il-mard trażmess sesswalment; jikkundanna l-mutilazzjonijiet ġenitali u l-vjolenzi bla preċedent li tagħhom għadhom vittmi, filwaqt li l-istupru għadu arma tal-gwerra; jitlob għalhekk li n-nisa jkollhom dritt għall-aċċess għall-kura tas-saħħa f'dawn l-oqsma permezz ta' approċċ orizzontali, u jappella għal approċċ djagonali biex dan il-qasam tas-saħħa jingħata prijorità;
7. Ifakkar fid-dritt ta' kull tifel u tifla li jkollhom aċċess għal programmi ta' vaċċinazzjoni u ta' immunizzazzjoni; ifakkar ukoll li 8,8 miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin (nofshom fl-Afrika sub-Saħarjana) għadhom imutu kull sena minħabba mard li jista' jiġi evitat jew li jista' jitfejjaq;
8. Ifakkar kif il-pulmonite u d-dijarrea huma l-kawżi ewlenin tal-mortalità infantili fl-Afrika sub-Saħarjana;
9. Jinsab inkwetat li xi organizzazzjonijiet privati li jibbenefikaw minn fondi Ewropej u li jipprovdu kura tas-saħħa lill-popolazzjonijiet Afrikani jistgħu jillimitaw, taħt l-influwenza ta' xejriet reliġjużi, ċerti prattiki ta' kura jew ta' prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa riproduttiva;
10. Jenfasizza li, fil-qasam tas-saħħa riproduttiva, l-organizzazzjonijiet privati li jirċievu fondi mill-UE għandhom jipprovdu servizzi tal-kura tas-saħħa b'konformità mad-drittijiet fundamentali u mal-prinċipji tad-dinjità umana u l-libertà personali;
11. Jikkundanna l-proliferazzjoni ta' organizzazzjonijiet settarji li jabbużaw mill-kredulità tal-popolazzjonijiet l-aktar fraġli biex jipprovdu psewdokuri mingħajr reazzjoni tal-awtoritajiet tal-post;
12. Jinsab inkwetat dwar il-fatt li l-kura tas-saħħa kulma jmur qed issir dejjem aktar komodità u dwar il-fatt li tfaċċat sistema medika b'żewġ veloċitajiet fil-pajjiżi li qed jesperjenzaw diffikultajiet politiċi u nuqqasijiet f'termini ta' governanza tajba;
13. Jappoġġa l-ħidma spiss ammirabbli ta' assoċjazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu f'reġjuni f'kunflitti, iżda jfakkar li din il-ħidma urġenti la tista' tkun għal dejjem u lanqas ma tista' tieħu post is-sistemi tas-saħħa u tal-assigurazzjoni sostenibbli;
14. Jenfasizza s-sehem importanti ta' atturi mhux statali, fosthom organizzazzjonijiet reliġjużi, inklużi sptarijiet privati mingħajr skop ta' lukru, fit-titjib tas-saħħa tal-popolazzjonijiet u fil-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar is-saħħa;
15. Jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa t-tisħiħ tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, inkluż permezz ta' metodu li jiffokalizza fuq l-interess pubbliku u jirrikonoxxi li s-sħubija bejn is-settur pubbliku u privat hija importanti għas-settur tas-saħħa, inkluż il-komponent mingħajr skop ta' lukru, skont kriterji ta' effiċjenza u ekwità, sabiex jinkisbu riżultati solidi u sostenibbli;
16. Jinnota li parti kbira tal-popolazzjoni tal-Afrika sub-Saħarjana, partikolarment fiż-żoni rurali, ma jifilħux iħallsu l-ispejjeż tas-saħħa u tal-mediċini, anki dawk ġeneriċi;
17. Huwa mħasseb ħafna dwar iċ-ċirkolazzjoni fis-suq Afrikan ta' mediċini skaduti, mittiefsa jew foloz, u dwar ir-rispons dgħajjef tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-komunità internazzjonali;
18. Huwa mħasseb dwar in-nuqqas gravi ta' persunal mediku mħarreġ u l-fatt li ħafna tobba ma jibqgħux f'pajjiżhom; jissuġġerixxi li t-tobba jingħataw opportunitajiet għall-viżi ta' dħul multiplu sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jingħataw it-taħriġ fl-Ewropa, filwaqt li jibqgħu bbażati fl-Afrika;
19. Jiddeplora n-nuqqas ta' persunal tas-saħħa kwalifikati – tobba, infermiera, spiżjara – f'bosta pajjiżi Afrikani u r-reklutaġġ ta' għadd ta' dawn il-persuni mill-Istati Ewropej, li b'hekk qegħdin iċaħħdu lill-pajjiżi Afrikani minn riżorsi prezzjużi meħtieġa għall-iżvilupp;
20. Jenfasizza li fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed tiżdied dejjem aktar il-patoloġija devastanti tal-kanċer fit-tfal, u jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ kampanji ta' informazzjoni għall-promozzjoni ta' dijanjożi bikrija u kura effikaċi;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, minkejja d-diffikultajiet soċjali, ekonomiċi u politiċi, għadd ta' pajjiżi sub-Saħarjani jippruvaw jistabbilixxu politiki li jistgħu jtejbu jew jippermettu l-aċċess tal-popolazzjoni tagħhom għal kuri tas-saħħa, anki jekk dawn ikunu elementari; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tevalwa bir-reqqa r-riżultati miksuba f'termini ta' titjib tas-saħħa (il-mortalità materna u infantili), permezz tal-mekkaniżmu ta' finanzjament tal-għajnuna għall-baġit ġenerali tal-Istati; jitlob ukoll li jitqiesu mekkaniżmi oħra ta' finanzjament;
22. Ifakkar l-importanta tal-edukazzjoni fil-qasam tas-saħħa u tal-iġjene fil-politiki tas-saħħa;
23. Huwa tal-fehma li l-Istati jeħtieġ li jorganizzaw servizzi tas-saħħa funzjonali, soċjalment effikaċi u finanzjarjament aċċessibbli filwaqt li jintegraw il-kwestjonijiet ta' organizzazzjoni tad-domanda għas-saħħa u għaldaqstant tar-rwol tal-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa fis-sistema tas-saħħa; jemmen li din l-istrateġija timplika l-ħolqien minn qabel ta' sistema ta' reġistrazzjoni ċivili;
24. Jenfasizza s-sehem essenzjali tal-awtoritajiet lokali fit-titjib tal-prevenzjoni u tal-aċċess għall-kura tas-saħħa;
25. Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess li kellhom il-fondi vertikali billi ġibdu lejhom bosta donaturi u l-progress li sar biex battew il-patoloġiji l-kbar bħall-AIDS, it-tuberkolożi, il-malarja, il-poljomjelite u mard gravi ieħor; jinsisti madankollu fuq il-fatt li dan l-approċċ vertikali bl-ebda mod ma jista' jissostitwixxi approċċ orizzontali u sostenibbli fil-qasam tal-kura tas-saħħa bażika;
26. Ifakkar li approċċ orizzontali, f'termini ta' sistemi tas-saħħa bażika, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll ta' bosta atturi oħra, huwa l-uniku approċċ kapaċi li jipproduċi fl-aħħar mill-aħħar titjib dejjiemi tal-kundizzjonijiet ta' ħajja u tas-saħħa tal-popolazzjonijiet;
27. Jenfasizza li ftit li xejn jidher li f'terminu qasir dawn l-Istati jistgħu jiffinanzjaw, bid-dħul fiskali tagħhom biss, sistemi tas-saħħa nazzjonali, u li wieħed għandu jfittex taħlita ta' finanzjamenti; u jfakkar li l-kofinanzjament huwa mezz favur is-sjieda tal-proġetti mill-pajjiżi sħab;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ djagonali ta' ċerti fondi vertikali li ddeċidew li jallokaw parti mir-riżorsi tagħhom għall-konsolidament tas-sistemi tas-saħħa tal-pajjiżi milquta mill-patoloġiji fil-mira; jinnota wkoll il-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni relatata mas-saħħa fuq il-bażi ta' ġemellaġġi u skambji regolari – inkluż l-użu tat-telemediċina – bejn sptarijiet u professjonisti tas-saħħa statali jew mhux statali li jaħdmu fis-settur tas-saħħa fil-pajjiżi tat-Tramuntana u fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tad-dinja, b'enfasi fuq it-taħriġ ta' professjonisti lokali fil-qasam tas-saħħa;
29. Jemmen li għandhom jinbnew alleanzi strateġiċi fost il-partijiet ewlenin involuti fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali u li jeħtieġ li jkun hemm djalogu istituzzjonali bejn il-gvern, il-fornituri tas-servizzi tas-saħħa u l-atturi min-naħa tal-assigurazzjonijiet mutwi biex tiġi ddefinita l-politika tas-saħħa u jitfassal il-mod kif din tiġi introdotta;
30. Iqis, bl-istess fehma tad-WHO, li l-estensjoni tal-kura tas-saħħa għandha neċessarjament tkun assoċjata ma' sistema ta' sigurtà soċjali bbażata fuq ħlas minn qabel u qsim, aktar milli fuq pagament dirett mill-utenti, u li r-riformi mmirati biex jistabbilixxu kopertura universali huma prerekwiżit għall-provvista ta' kura tas-saħħa aktar ġusta;
31. Iqis li sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa tista' tgħin fil-konsolidament mil-lat finanzjarju ta' sistema tas-saħħa u li l-isforzi kollha għandhom imorru biex jistrutturawha b'mod effikaċi f'livell lokali;
32. Jinnota li jeżistu żewġ sistemi ewlenin li jistgħu jipprovdu kura tas-saħħa bla ħlas meta hemm il-bżonn, jiġifieri s-sistemi universali tas-sigurtà soċjali permezz ta' fondi tat-taxxa u s-sistemi obbligatorji ta' assigurazzjoni soċjali;
33. Iqis li sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandha tkun solidali u tadatta ruħha għall-kuntest kulturali, soċjali u politiku li fih jopera: għaldaqstant la tista' tkun sempliċement it-traspożizzjoni ta' mudell importat u lanqas il-wirt ta' passat kolonjali li ma nbidilx;
34. Iqis li sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa għandha tippermetti l-aċċess għall-kura lil kulħadd, ma tkunx lukrattiva u tkun parteċipattiva;
35. Iqis li sistema tal-assigurazzjoni tas-saħħa tista' tgħin biex tidderieġi u tinfluwenza l-politika tas-saħħa tal-Istat fejn teżerċita l-attivitajiet tagħha, u dan għall-ġid tal-benefiċjarji tagħha;
36. Iqis li l-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa huma dawk l-aktar kapaċi li joħolqu dinamika soċjali barra milli jkunu mirfuda minn valuri ta' solidarjetà u jippermettu l-aċċess għall-kura lil kulħadd;
37. Iqis li l-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa jiżvolġu rwol importanti fit-titjib tal-koeżjoni soċjali, fil-kapaċità li jiffaċilitaw l-aċċess għal kura ta' kwalità u fil-parteċipazzjoni reali taċ-ċittadini fl-orjentament u fit-twettiq tal-politiki fil-qasam tas-saħħa, u jkunu kkoordinati tajjeb mas-sistemi formali tal-protezzjoni soċjali;
38. Jafferma li l-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa rnexxielhom jadattaw ix-xogħol tal-assigurazzjoni għall-karatteristiċi soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet tal-ekonomija informali li għadhom esklużi mis-sistemi formali u mill-assigurazzjonijiet kummerċjali u li, għalhekk, dawn jikkostitwixxu tweġiba adegwata biex jintlaħaq l-objettiv ta' kopertura universali fil-pajjiżi bi dħul baxx jew medju;
39. Jafferma li l-objettiv primarju tal-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa mhuwiex dak li jieħdu post l-Istati, iżda li jikkostitwixxu alternattiva biex jitneħħew l-ostakli għall-aċċess għall-kura tas-saħħa u jippermettu aċċess aħjar għall-kura ta' kwalità għaċ-ċittadini kollha indipendentement mid-dħul finanzjarju tagħhom, filwaqt li jixprunaw l-Istat biex jerġa' jinvesti fil-qasam;
40. Jinkoraġġixxi l-isforzi ta' xi Stati li jirrikonoxxu s-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet lokali u għalhekk jappoġġaw inizjattivi għal ċerti setturi tas-soċjetà (bħall-bdiewa, il-produtturi tal-kafè, gruppi tan-nisa, residenti tal-istess lokalità), gruppi jew komunitajiet etniċi, jew skemi tradizzjonali bħall-fondi tontini;
41. Jinnota li diversi pajjiżi bħall-Burundi, il-Burkina Faso, il-Kap Verde, is-Senegal, il-Benin, ir-Rwanda, it-Tanzanija, il-Gana, in-Niġerja, il-Ginea u l-Kamerun għandhom sistemi li xi kultant huma ferm differenti, iżda li jagħtu l-frott;
42. Jinsisti fuq l-adattament tas-sistemi għall-valuri ta' solidarjetà u għall-kultura Afrikana, minħabba li l-kunċett tal-familja huwa estiż ħafna fl-Afrika, u dan iqajjem il-kwestjoni tal-għadd ta' benefiċjarji tal-għajnuna jekk din tkun organizzata b'mod oċċidentali;
43. Jenfasizza s-sehem ta' faċilitaturi li jista' jkollhom il-membri tad-dijaspora mill-Afrika sub-Saħarjana sabiex iżidu l-għarfien fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom dwar il-benefiċċji tal-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa u l-adozzjoni ta' skemi ta' dan it-tip;
44. Jinsisti fuq l-interdipendenza bejn is-sistemi tal-assigurazzjoni u l-istrutturar tal-kura tas-saħħa orizzontali, għax il-popolazzjoni ma tarax l-utilità tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet jekk l-aċċess għall-kura u għall-mediċini mhuwiex garantit;
45. Jinsab konvint li l-approċċ f'termini ta' assigurazzjoni jitlob sensibilizzazzjoni estiża tal-popolazzjoni permezz ta' programmi adatti;
46. Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-programmi tagħha tkompli tagħmel enfasi, fuq proġetti konkreti mmirati għad-determinanti soċjoekonomiċi tas-saħħa – ilma tax-xorb, infrastrutturi relatati mat-toroq, sikurezza alimentari, ambjent u xogħol deċenti, ħarsien tal-ambjent, ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
47. Jistieden lill-Istati Membri u lil-laboratorji Ewropej, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS, biex jinnegozjaw “strateġija ta' partenarjat” li tirrispetta l-protezzjoni tal-privattivi fis-swieq żviluppati u tkopri ftehimiet volontarji ta' liċenzji, appoġġ għall-programmi tas-saħħa, arranġamenti għat-trasferiment tat-teknoloġija u żieda fil-kapaċità ta' produzzjoni lokali bil-ħsieb li jitnaqqas il-prezz tal-mediċini fil-pajjiżi bi dħul baxx (permezz ta' ffissar ta' prezzi f'livelli differenti jew differenzjali);
48. Jitlob lill-UE biex ma tinkludix fl-Approvazzjonijiet Ewropej tal-Partijiet dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jkomplu jxekklu l-aċċess għal mediċini essenzjali; jirrimarka li, skont id-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-2001 dwar il-Ftehim TRIPS u s-Saħħa Pubblika, l-UE impenjat ruħha biex tqiegħed is-saħħa pubblika qabel l-interessi kummerċjali, u jitlob li jintuża l-qafas tal-Approvazzjonijiet Ewropej tal-Partijiet biex jgħin lill-pajjiżi AKP jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' flessibilità tad-Dikjarazzjoni ta' Doha;
49. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti xi indikaturi ta' finanzjament trasparenti tas-saħħa għall-pajjiżi differenti: kemm tqum il-marda f'termini ta' kuri u inkapaċità għax-xogħol, ir-rati ta' mortalità infantili u materna, il-kobor tal-popolazzjoni, il-livell tad-dħul tal-pajjiż, eċċ.;
50. Jitlob lill-Kummissjoni ssostni l-mudell orizzontali tas-saħħa u tqis fil-prinċipji tagħha tal-politika tas-saħħa li l-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa għandha rwol x'jiżvolġu bħala mekkaniżmu tal-protezzjoni tas-saħħa, flimkien ma' modi oħra, biex jipparteċipaw fl-estensjoni tal-kopertura tas-saħħa;
51. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li ċerti kategoriji li għandhom diffikultà rigward l-aċċess għall-kura tas-saħħa, bħar-rgħajja, ikunu jistgħu jużaw is-sistemi ta' kura tas-saħħa;
52. Jitlob lill-Kummissjoni tadotta pożizzjoni soda waqt il-laqgħa tal-Fond Dinji għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja li se ssir fi New York f'Ottubru 2010 u timpenja ruħha fi proġetti konkreti għall-perjodu 2011-2013;
53. Jitlob lill-Kummissjoni tabbina l-għajnuna tagħha mal-fondi vertikali ta' rakkomandazzjonijiet fid-dawl ta' sforz “djagonali” ta' sostenn għall-kura bażika fil-pajjiżi kkonċernati; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tfassal rakkomandazzjonijiet rigward il-fondi vertikali sabiex jiżviluppaw strateġiji ta' ħruġ għall-pajjiżi sħab fit-terminu medju, b'konformità mal-progress li jkun sar rigward il-kisba tal-għanijiet li għalihom ġew stabbiliti;
54. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koerenza akbar fil-politiki tar-relazzjonijiet esterni billi tiżviluppa Komunikazzjoni dwar il-Protezzjoni soċjali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif propost mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Promozzjoni tal-Impjieg permezz tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-UE (21 ta' Ġunju 2007); Iqis li din il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata bi pjan ta' azzjoni konkret, marbut biż-żmien u mgħammar b'riżorsi adegwati;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-introduzzjoni ta' tesseri tas-saħħa fil-pajjiżi sħab mal-Unjoni Ewropea u biex tikkoopera – fil-livell reġjonali, jekk ikun meħtieġ – mal-pajjiżi kkonċernati biex tiżgura mezzi adegwati għall-ħtiġijiet f'dan il-qasam;
56. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi azzjonijiet fil-kuntest tal-azzjoni umanitarja għall-kura tas-saħħa biex issaħħaħ is-sistema tas-saħħa orizzontali, billi tqis l-approċċ ta' Kollegament tal-Għajnuna ta' Emerġenza, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (Linking relief, rehabilitation and development - LRRD);
57. Jitlob lill-Unjoni Ewropea tivvalorizza l-potenzjal tal-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa fl-organizzazzjoni tad-domanda tas-saħħa, u tappoġġa l-bosta inizjattivi mutwalisti eżistenti li l-għan tagħhom huwa li jaġevolaw l-aċċess għall-kura tas-saħħa;
58. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu, skont l-oqsma tal-għarfien espert differenti tagħhom, appoġġ finanzjarju u tekniku akbar lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw u jestendu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali;
59. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew tal-Investiment biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' sistemi mutwi tal-assigurazzjoni soċjali u l-finanzjament tagħhom, pereżempju permezz ta' garanziji ta' kreditu, (ko)finanzjament ta' investimenti fi kliniki u l-finanzjament sħiħ jew parzjali tas-salarji ta' professjonisti tas-saħħa;
60. Jistieden lill-kumpaniji ta' assigurazzjoni tal-UE, lill-banek u lill-organizzazzjonijiet mutwi tas-saħħa fl-UE biex jieħdu inizjattivi sabiex jittrasferixxu l-għarfien u l-kapaċitajiet kbar tagħhom, miksuba matul aktar minn żewġ sekli ta' storja ta' assigurazzjoni, għas-sistemi ġodda ta' assigurazzjoni f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa b'mod attiv u tiffaċilita inizjattivi bħal dawn;
61. Jistieden lill-UE tappoġġa b'mod attiv l-iżvilupp ta' infrastruttura bażika perenni tas-saħħa, bħal sptarijiet, kliniki u spiżeriji, it-taħriġ ta' persunal tas-saħħa kwalifikat u l-aċċess għall-mediċini;
62. Jitlob lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-politiki Ewropej fil-qasam tas-saħħa riproduttiva jiġu promossi sew fl-assoċjazzjonijiet kollha li jibbenefikaw mill-fondi Ewropej;
63. Jitlob lill-Kunsill jagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħhom fil-qasam tal-għajnuna għall-kooperazzjoni; jiddispjaċih b'mod partikolari li xi Stati Membri ma jiddedikawx 0,56 % tal-PDG tagħhom għall-kooperazzjoni internazzjonali;
64. Jistieden lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni jallokaw mill-inqas 20 % tal-infiq globali għall-iżvilupp għas-saħħa u l-edukazzjoni bażiċi, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Dinji għall-Ġlieda kontra l-AIDS, it-Tuberkolożi u l-Malarja u l-finanzjament tagħhom ta' programmi oħra maħsuba biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa, u sabiex jagħtu prijorità lis-saħħa materna u lill-isforzi fil-ġlieda kontra l-mortalità infantili;
65. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonforma ruħha mal-osservazzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet li indirizzatilha l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (dokument 10/2008) f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna għall-iżvilupp li tagħti lis-servizzi tas-saħħa fl-Afrika sub-Saħarjana fil-qafas tal-impenji tagħha bil-għan li jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millennju, li għandhom assolutament jitwettqu sal-2015;
66. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.