Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2835(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0539/2010

Testi mressqa :

B7-0539/2010

Dibattiti :

PV 07/10/2010 - 5
CRE 07/10/2010 - 5

Votazzjonijiet :

PV 07/10/2010 - 11.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0356

Testi adottati
PDF 211kWORD 47k
Il-Ħamis, 7 ta' Ottubru 2010 - Brussell
Politika reġjonali u ta' koeżjoni tal-Unjoni Ewropea wara l-2013
P7_TA(2010)0356B7-0539/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-25 u t-26 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 (UECO 13/10) u b'mod partikolari l-adozzjoni tiegħu tal-Istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni approvat mill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali fil-laqgħa tiegħu tat-13 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport Strateġiku tal-2010 mill-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni adottati fil-laqgħa Nru 3023 tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-Lussemburgu fl-14 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-14 ta' Lulju 2010 lill-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni u Reġjonali tal-UE wara l-2013 (O-0110/2010 – B7-0466/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jinsisti li l-politika ta' koeżjoni, li hi mmirata biex tnaqqas l-inugwaljanzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni Ewropej u biex tattwa l-potenzjal ta' tkabbir biex tinkiseb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, uriet li hi essenzjali għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, li hi politika b'valur miżjud Ewropew, li tiffaċilita t-tfittxija tal-modernizzazzjoni u t-tkabbir sostenibbli, kif ukoll tixhed solidarjetà Ewropea, u li, b'konformità mal-ispirtu tat-Trattati, dawn il-karatteristiki jirrikjedu politika reġjonali għall-UE kollha li tiġi implimentata fit-territorju sħiħ tal-Unjoni u li tħaddan lir-reġjuni Ewropej kollha;

2.  Jinnota li l-akkumulazzjoni attwali ta' sfidi fuq perjodu twil u qasir(1) li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea tinvolvi l-adozzjoni ta' strateġija UE2020 adattata li tkun kapaċi toħloq qafas favorevoli għal tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjiegi stabbli u sostenibbli fl-Ewropa; jisħaq fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni hija indispensabbli għas-suċċess ta' din l-istrateġija, filwaqt li tibqa' politika indipendenti li tipprovdi qafas biex jiġu stabbiliti sinerġiji b'saħħithom bejn il-politiki Ewropej kollha;

3.  Jiċħad kull tentattiv li l-politika tiġi rinazzjonalizzata; jikkunsidra, barra minn hekk, li, minħabba li l-qafas finanzjarju preżenti għandu impatt importanti fuq l-iżvilupp reġjonali, jeħtieġ li d-dimensjoni reġjonali tiġi kkunsidrata kompletament fir-rieżami propost tal-baġit tal-UE u tal-Qafas Finanzjarju futur, u li politika reġjonali tal-UE b'saħħitha u ffinanzjata tajjeb hija kundizzjoni sine qua non biex tinkiseb il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona, il-koeżjoni territorjali timplika approċċ immirat għall-iżvilupp territorjali, waqt li jiġi żgurat żvilupp poliċentriku, billi jinħolqu sinerġiji u jiġi evitat it-tixrid settorjali tar-riżorsi tal-politika reġjonali, u għal dan il-għan għandu jkun hemm ukoll biżżejjed flessibilità biex jiġu akkomodati l-ispeċifiċitajiet reġjonali u jiġu appoġġati r-reġjuni li għadhom lura fl-isforzi tagħhom biex jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi tagħhom; jikkunsidra li r-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni tal-fruntieri, ir-reġjuni b'karatteristiki ġeografiċi speċifiċi u r-reġjuni l-oħra li jiffaċjaw sfidi speċifiċi fir-rigward tal-iżvilupp iridu jkomplu jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet speċifiċi;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li tintuża l-esperjenza tal-passat, l-eżempji tal-aħjar prattiki u l-inizjattivi Komunitarji tal-passat li kienu ta' suċċes sabiex jiġi adottat approċċ aktar iffokat lejn id-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni; jisħaq ukoll fuq il-fatt li l-bliet għandhom rwol dinamiku fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali, peress li jagħtu stimolu ekonomiku pożittiv liż-żoni rurali tal-madwar, u jikkunsidra, għalhekk, li, fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, għandhom ikunu allokati riżorsi finanzjarji għall-investimenti kemm fi proġetti urbani, kif ukoll fi proġetti suburbani u hu tal-fehma li għandha tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta' strument xieraq biex jinkisbu dawn l-objettivi;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-governanza fuq diversi livelli hija wieħed mill-prinċipji kruċjali tal-politika ta' koeżjoni u hi fundamentali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-proċess għat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-ippjanar strateġiku u l-implimentazzjoni tal-objettivi; jikkunsidra għalhekk li, fil-futur, għandu jkun obbligatorju approċċ integrat għall-implimentazzjoni tal-politiki; jikkunsidra wkoll li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, fis-sura msaħħa u mwessa' tiegħu kif definit fit-TFUE, kif ukoll prinċipju ta' sħubija definit aħjar u t-trasparenza huma elementi essenzjali għall-implimentazzjoni korretta tal-politiki kollha tal-UE u għandhom jissaħħew b'dan il-mod;

7.  Hu tal-fehma li t-tifsil bażiku tal-objettivi attwali għandu jibqa' u l-koperazzjoni territorjali, li għandha valur miżjud Ewropew ċar, għandha tissaħħaħ, waqt li miżuri oħra, inklużi l-assenjazzjoni ta' allokazzjonijiet u l-prattiki tajbin, għandhom jiġu valutati u għandhom jiġu identifikati l-problemi komuni u s-soluzzjonijiet tagħhom; jikkunsidra li dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-istipular ta' objettivi komuni u l-użu razzjonali tar-riżorsi maqsuma u li l-infiq għandu jkun ikkonċentrat fuq il-prijoritajiet fundamentali li jikkostitwixxu l-valur miżjud Ewropew;

8.  Jitlob li l-arkitettura tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013 toffri reġim ta' tranżizzjoni sempliċi, ġust u trasparenti li jqis l-esperjenzi tal-passat u l-aħħar tendenzi fis-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni kkonċernati; kif ukoll li jippermettilhom ikomplu fi triqthom lejn it-tkabbir u l-iżvilupp;

9.  Jikkunsidra li l-PDG għandu jibqa' l-kriterju ewlieni biex tiġi stabbilita l-eliġibilità għall-assistenza tal-politika reġjonali, filwaqt li indikaturi oħrajn li jistgħu jitkejlu jistgħu jiġu miżjuda jekk jintwera li jkunu relevanti, filwaqt li jitħalla spazju biex l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw, fil-livell xieraq ta' teħid tad-deċiżjonijiet, indikaturi oħra li jqisu l-attributi speċifiċi tar-reġjuni u l-bliet;

10.  Jinsisti li l-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa' fil-qafas tar-regolament dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-fondi tal-politika ta' koeżjoni, iżda jeħtieġ ir-regoli proprji tiegħu;

11.  Jitlob li l-iżvilupp rurali, fil-qafas tat-tieni pilastru tal-PAK, jiġi koordinat mal-objettivi tal-iżvilupp tal-koeżjoni u li jiġi ġestit fil-livell reġjonali biex jiġi żgurat li jkun adattat għall-ħtiġijiet;

12.  Jippreferi li l-politika ta' koeżjoni u s-sistema li permezz tagħha tiġi pprovduta jkunu aktar orjentati lejn ir-riżultati u jimmiraw lejn aktar effiċjenza u effikaċja, filwaqt li jistabbilixxu bilanċ ottimali bejn il-kwalità tal-prestazzjoni u l-kontroll finanzjarju; jindika li dan jirrikjedi titjib sinifikanti fis-sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, iżjed effiċjenza fil-kapaċità amministrattiva u fil-livelli ta' tnaqqis fl-ammont ta' żbalji, kif ukoll l-identifikazzjoni ta' indikaturi oġġettivi u li jistgħu jitkejlu li jkunu kumparabbli madwar l-UE;

13.  Jaqsam il-fehma li s-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politiki għandha tkompli u għandha tkun akkumpanjata mis-semplifikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali u reġjonali; f'dan il-kuntest, jisħaq fuq l-ħtieġa li jiġi stabbilit il-bilanċ korrett bejn is-sempliċità proċedurali u l-effiċjenza u l-ġestjoni finanzjarja tajba, bit-tama li, għalhekk, il-politika ta' koeżjoni ssir politika faċli biex tintuża mill-utenti u b'aktar viżibilità;

14.  Iħeġġeġ l-użu ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja, ta' fondi rinnovabbli (revolving funds) u ta' għotjiet globali, u jitlob li jkun hemm aċċess semplifikat għall-kapital ta' riskju u għall-mikrofinanza; Jemmen li l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu akbar mir-riżorsi ta' assistenza teknika disponibbli biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ta' partijiet interessati oħra, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

15.  Hu tal-fehma li l-politika tal-iżvilupp reġjonali tinsab fil-qalba tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tal-Unjoni u, għaldaqstant, jixirqilha struttura ministerjali formali biex tingħata pjattaforma politika, u li r-rwol ta' ġestjoni u tfassil tal-politiki tal-Kummissjoni għandu jissaħħaħ ukoll;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Ara “Reġjuni 2020: Valutazzjoni tal-Isfidi Futuri għar-Reġjuni tal-UE”, Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Novembru 2008.

Avviż legali - Politika tal-privatezza