Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2165(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0272/2010

Testi mressqa :

A7-0272/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/10/2010 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0362

Testi adottati
PDF 381kWORD 53k
It-Tlieta, 19 ta' Ottubru 2010 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni : Cataluna automocion/Spanja
P7_TA(2010)0362A7-0272/2010
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción) (COM(2010)0453 – C7-0224/2010 – 2010/2165(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0453 – C7-0224/2010),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament FEAG),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0272/2010),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu aktar appoġġ għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-għan tal-FEAG ġie mwessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika,

C.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għat-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,

D.  billi Spanja talbet għajnuna fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw 1,429 sensja fi 23 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 29 (manifattura ta' vetturi bil-mutur, karrijiet u semi-karrijiet) fir-reġjun NUTS II ta' Cataluña,

E.   billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEAG,

1.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEAG;

2.  Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura mgħaġġla u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, biex jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-FEAG jista' jkollu biex il-ħaddiema ssensjati jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

3.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa lill-ħaddiema individwali ssensjati biex jiġu integrati mill-ġdid f'impjieg; itenni li l-għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

4.  Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta' din id-data anki fir-rapporti annwali;

5.  Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv minflok l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet tal-Fond Soċjali Ewropew li ma ntużawx, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;

6.  Jinnota li, sabiex il-FEAG jiġi mmobilizzat għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu trasferiti minn linja baġitarja allokata għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jjisgħobbih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi qafas dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b'mod sinifikanti l-bżonn għal appoġġ bħal dan;

7.  Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta' strumenti varji oħra maħluqa mit-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta' eżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013;

8.  Jilqa' l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha tagħrif ċar u dettaljat dwar l-applikazzjoni, flimkien ma' analiżi tal-kriterji ta' eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;

9.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' ...

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni huwa maħsub li jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ġew issensjati bħala konsegwenza tal-bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u sabiex jagħtihom għajnuna biex ikunu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)  L-għan tal-FEAG ġie mwessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG fil-livell massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)  Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEAG, fir-rigward ta' sensji fi 23 intrapriża li joperaw fis-settur tan-NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 29 (manifattura ta' vetturi bil-mutur, karrijiet u semi-karrijiet) f'reġjun wieħed ta' NUTS II, Cataluña (ES51), fid-29 ta' Jannar 2010 u ssupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sas-26 ta' April 2010. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 2 752 935.

(5)  Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 752 935 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f “Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza