Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku (COM(2009)0151 – C7-0009/2009 – 2009/0051(COD))
(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0151),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tat-Trattat KE, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C7–0009/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 234(3) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2010(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0260/2010),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinsab hawnhekk;
2. Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta tagħha b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-Koperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2791/1999
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1236/2010.)
ANNESS
Stqarrijiet dwar l-Artikolu 51
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinnotaw li kwalunkwe dispożizzjoni ta' karattru mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv ta' bażi, li issa huma elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (delega ta' kompiti), tista' fi kwalunkwe waqt fil-ġejjieni ssir element sinifikanti tal-iskema ta' kontroll eżistenti tan-NEAFC minn perspettiva politika, f'liema każ il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jfakkru li ż-żewġ leġiżlaturi, il-Kunsill jew il-Parlament Ewropew, jistgħu minnufih jeżerċitaw jew id-dritt ta' oġġezzjoni għal abbozz ta' att iddelegat tal-Kummissjoni jew id-dritt ta' revoka tal-kompiti ddelegati kif stipulat rispettivament fl-Artikolu 48 u l-Artikolu 49 tar-Regolament.“
“Il-Kunsill u l-Parlament jaqblu li l-inklużjoni ta' kwalunkwe dispożizzjoni tal-iskema ta' kontroll tan-NEAFC f'dan ir-Regolament bħala element mhux essenzjali, issa elenkata taħt l-Artikolu 51, ma timplikax per se li t-tali dispożizzjoni awtomatikament se titqies bħala ta' natura mhux essenzjali mil-leġiżlaturi fi kwalunkwe regolament tal-ġejjieni.”
“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu bla ħsara għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew għal atti leġiżlattivi individwali li jkun fihom tali dispożizzjonijiet.