Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar l-adattament tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament għall-Ftehim Qafas rivedut dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (2010/2127(REG))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 127, 211 u 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7–0278/2010),
1. Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;
2. Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim qafas rivedut;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Test fis-seħħ
Emenda
Emenda 1 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 9 – paragrafu 2
2. L-imġiba tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata b'rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-priċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija imsejsa l-Unjoni Ewropea, għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament u m'għandiex tikkomprometti t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari jew itellef il-paċi u l-kwiet ta' kwalunkwe bini tal-Parlament.
2. L-imġiba tal-Membri għandha tkun ikkaratterizzata b'rispett reċiproku, għandha tkun ibbażata fuq il-valuri u l-priċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, għandha tirrispetta d-dinjità tal-Parlament u m'għandiex tikkomprometti t-tmexxija bla xkiel tal-ħidma parlamentari jew itellef il-paċi u l-kwiet ta' kwalunkwe bini tal-Parlament. Il-Membri għandhom josservaw ir-regoli tal-Parlament dwar it-trattament ta' tagħrif kunfidenzjali.
In-nuqqas ta' osservazzjoni ta' dawn l-istandards jista' jwassal għal applikazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Artikoli 152, 153 u 154.
In-nuqqas ta' osservazzjoni ta' dawn l-istandards u r-regoli jista' jwassal għal applikazzjoni ta' miżuri skont l-Artikoli 152, 153 u 154.
Emenda 2 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 23 – paragrafu 11 a (ġdid)
11a.Il-Bureau għandu jistipula r-regoli dwar it-trattament ta' tagħrif kunfidenzjali mill-Parlament u mill-entitajiet, mid-detenturi ta' karigi u minn Membri oħrajn tiegħu, filwaqt li jitqies kwalunkwe ftehim interistituzzjonali dwar kwistjonijiet bħal dawn. Dawk ir-regoli għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u annessi ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.
(Anness VIII – parti A – paragrafu 1 – subparagrafu 4)
Emenda 3 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 35
Il-programm leġislattiv u ta' ħidma tal-Kummissjoni
Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni
1. Il-Parlament għandu jaħdem flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill sabiex jiddetermina l-ippjanar leġislattiv ta' l-Unjoni Ewropea.
1. Il-Parlament għandu jaħdem flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill sabiex jiddetermina l-ippjanar leġislattiv tal-Unjoni Ewropea.
Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fit-tħejjija tal-programm leġislattiv u ta' ħidma tal-Kummissjoni skond l-iskeda u l-arranġamenti miftiehma bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u annessi ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.
Il-Parlament u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fit-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni - li huwa l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-ipprogrammar annwali u multiannwali tal-Unjoni -skont l-iskeda u l-arranġamenti miftiehma bejn iż-żewġ istituzzjonijiet u annessi ma' dawn ir-Regoli ta' Proċedura.
2. F'ċirkustanzi urġenti u mhux previsti, istituzzjoni tista“, fuq inizjattiva tagħha u skond il-proċeduri mniżżla fit-Trattati, tipproponi ż-żieda ta' miżura leġislattiva mal-miżuri proposti fil-programm leġislattiv u ta' ħidma annwali.
2. F'ċirkustanzi urġenti u mhux previsti, istituzzjoni tista“, fuq inizjattiva tagħha u skont il-proċeduri mniżżla fit-Trattati, tipproponi ż-żieda ta' miżura leġislattiva mal-miżuri proposti fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni.
3. Il-President għandu jgħaddi r-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament lill-istituzzjonijiet l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura leġislattiva u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.
3. Il-President għandu jgħaddi r-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament lill-istituzzjonijiet l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura leġislattiva tal-Unjoni Ewropea u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Il-President għandu jistaqsi lill-Kunsill sabiex jesprimi opinjoni fuq il-programm leġislattiv u ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni u fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament.
Il-President għandu jistaqsi lill-Kunsill sabiex jesprimi opinjoni fuq il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni u fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament.
4. Fejn istituzzjoni ma tkunx tista timxi mal-kalendarju stabbilit għaliha, għandha tgħarraf lill-istituzzjonijiet l-oħra dwar ir-raġunijiet għad-dewmien u tipproponi kalendarju ġdid.
4. Fejn istituzzjoni ma tkunx tista“ timxi mal-kalendarju stabbilit għaliha, għandha tgħarraf lill-istituzzjonijiet l-oħra dwar ir-raġunijiet għad-dewmien u tipproponi kalendarju ġdid.
Emenda 4 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 43 – paragrafu 1 – subparagrafu 3
F'każijiet fejn proposta tkun mniżżla fil-F'każijiet fejn proposta tkun mniżżla fil-Programm Leġislattiv Annwali, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jaħtar rapporteur biex isegwi l-fażi preparatorja tal-proposta.
F'każijiet fejn proposta tkun imniżżla fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jaħtar rapporteur biex isegwi l-fażi preparatorja tal-proposta.
Emenda 5 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 44 – paragrafu 3
3. Qabel ma l-kumitat responsabbli jgħaddi għall-votazzjoni, għandu jistaqsi lill-Kummissjoni jekk ippreparatx pożizzjoni fuq l-inizjattiva u, jekk dan ikun l-każ, jagħmel talba lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara l-pożizzjoni tagħha lill-kumitat.
3. Qabel ma l-kumitat responsabbli jgħaddi għall-votazzjoni, għandu jistaqsi lill-Kummissjoni jekk hux qed tħejji opinjoni fuq l-inizjattiva. F'każ li jkun hekk, il-kumitat m'għandux jadotta r-rapport tiegħu qabel ma jirċievi l-opinjoni tal-Kummissjoni.
Emenda 6 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 45 – paragrafu 2
2. Wara li tittieħed deċiżjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita, u jekk l-Artikolu 46 ma jkunx japplika, il-kumitat għandu jaħtar rapporteur dwar il-proposta għal att leġislattiv minn fost il-membri tiegħu jew minn fost is-sostituti permanenti jekk ikun għadu ma għamilx dan fuq il-bażi tal-programm leġislattiv u ta' ħidma annwali miftiehem skond l-Artikolu 35.
2. Wara li tittieħed deċiżjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita, u jekk l-Artikolu 46 ma jkunx japplika, il-kumitat għandu jaħtar rapporteur dwar il-proposta għal att leġislattiv minn fost il-membri tiegħu jew minn fost is-sostituti permanenti jekk ikun għadu ma għamilx dan fuq il-bażi tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni miftiehem skont l-Artikolu 35.
Emenda 7 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 90 – paragrafu 1
1. Meta jkun hemm il-ħsieb li jinfetħu negozjati dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emendar ta' ftehima internazzjonali, inklużi ftehimiet li jikkonċernaw oqsma speċifiċi bħal ma huma affarijiet monetarji jew kummerċ, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jfassal rapport jew b'xi mod ieħor jissorvelja l-proċedura u jinforma lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati b'dik id-deċiżjoni. Fejn ikun xieraq, kumitati oħrajn jistgħu jintalbu għal opinjoni skont l-Artikolu 49(1). L-Artikoli 188(2), 50 jew 51 għandhom japplikaw fejn ikun xieraq.
1. Meta jkun hemm il-ħsieb li jinfetħu negozjati dwar il-konklużjoni, it-tiġdid jew l-emendar ta' ftehima internazzjonali, il-kumitat responsabbli jista' jiddeċiedi li jfassal rapport jew b'xi mod ieħor jissorvelja l-proċedura u jinforma l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati dwar dik id-deċiżjoni. Fejn ikun xieraq, kumitati oħrajn jistgħu jintalbu għal opinjoni skont l-Artikolu 49(1). L-Artikoli 188(2), 50 jew 51 għandhom japplikaw fejn ikun xieraq.
Il-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitat responsabbli u ta' kwalunkwe kumitati assoċjati, għandhom, b'mod konġunt, jieħdu azzjoni xierqa biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b'tagħrif sħiħ dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-mandat ta' nnegozjar, jekk ikun meħtieġ, b'mod kunfidenzjali, kif ukoll bit-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4.
Il-presidenti u r-rapporteurs tal-kumitat responsabbli u ta' kwalunkwe kumitat assoċjat, għandhom, b'mod konġunt, jieħdu azzjoni xierqa biex jiġi żgurat li l-Parlament jingħata tagħrif immedjat, regolari u sħiħ, jekk ikun meħtieġ b'mod kunfidenzjali, fl-istadji kollha tan-negozjar u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi l-abbozz u t-test adottat b'mod aħħari ta' direttivi ta' negozjar, kif ukoll bit-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 3,
– mill-Kummissjoni skont l-obbligi tagħha taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-impenji tagħha skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, u
– mill-Kunsill skont l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 8 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 90 – paragrafu 4
4.Matul in-negozjati l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jinfurmaw lill-kumitat responsabbli regolarment u bis-sħiħ dwar il-progress fin-negozjati u, jekk ikun meħtieġ, dan it-tagħrif għandu jingħata b'mod kunfidenzjali.
imħassar
Emenda 9 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 91
Meta l-Kummissjoni u/jew il-Kunsill ikunu obbligati li jinfurmaw lill-Parlament minnufih u b'mod sħiħ, skont l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għandha ssir stqarrija fil-Parlament u tkun segwita b'diskussjoni. Il-Parlament jista' jħejji rakkomandazzjonijiet skond l-Artikoli 90 u 97.
Meta l-Kummissjoni, skont l-obbligi tagħha taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, tgħarraf lill-Parlament u lill-Kunsill bil-ħsieb tagħha li tipproponi l-applikazzjoni proviżorja jew is-sospensjoni ta' ftehim internazzjonali, għandha ssir stqarrija fil-Parlament u tkun segwita b'diskussjoni. Il-Parlament jista' jħejji rakkomandazzjonijiet skont l-Artikoli 90 u 97.
L-istess proċedura għandha tapplika meta l-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament bi proposta li tikkonċerna l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'korp stabbilit minn ftehim internazzjonali.
Emenda 10 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 137 – paragrafu 1 – subparagrafu 1
1. Qabel kull sessjoni parzjali l-abbozz ta' l-aġenda għandu jitħejja mill-Konferenza tal-Presidenti fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u wara li jitqies il-programm leġislattiv u ta' ħidma annwali miftiehem imsemmi fl-Artikolu 35.
1. Qabel kull sessjoni parzjali l-abbozz tal-aġenda għandu jitħejja mill-Konferenza tal-Presidenti fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati u wara li jitqies il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni miftiehem imsemmi fl-Artikolu 35.
Emenda 11 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Artikolu 193 – paragrafu 2 – l-interpretazzjoni tas-subparagrafu 3 a (ġdid)
Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu interpretati f'konformità mal-paragrafu 50 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.
Emenda 12 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Anness II – parti A – paragrafu 3
3. Mistoqsija għandha tkun inammissibbli jekk tkun diġà saret u twieġbet mistoqsija identika jew simili matul it-tliet xhur ta' qabel, ħlief fil-każ li jkun hemm żviluppi ġodda jew fil-każ li l-awtur ikun qiegħed ifittex iktar informazzjoni. Fl-ewwel każ, kopja tal-mistoqsija u t-tweġiba għandha tingħata lill-awtur.
3. Mistoqsija għandha tkun inammissibbli jekk tkun diġà saret u twieġbet mistoqsija identika jew simili matul it-tliet xhur ta' qabel, jew sa fejn din titlob biss tagħrif dwar is-segwitu għal riżoluzzjoni speċifika tal-Parlament ta' xorta li l-Kummissjoni tkun diġà tat f'komunikazzjoni ta' segwitu bil-miktub, ħlief fil-każ li jkun hemm żviluppi ġodda jew fil-każ li l-awtur ikun qiegħed ifittex iktar informazzjoni. Fl-ewwel każ, kopja tal-mistoqsija u t-tweġiba għandha tingħata lill-awtur.
Emenda 13 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Anness III – paragrafu 3
3. Jekk tkun tressqet u twieġbet mistoqsija identika jew simili matul is-sitt xhur ta' qabel, is-Segretarjat għandu jibgħat kopja tal-mistoqsija u tat-tweġiba ta' qabel lill-awtur. Il-mistoqsija mtennija m'għandhiex tiġi mgħoddija lid-destinatarju ħlief jekk l-awtur isemmi żviluppi ġodda sinifikanti jew ħlief jekk ikun qed ifittex aktar tagħrif.
3. Jekk tkun tressqet u twieġbet mistoqsija identika jew simili matul is-sitt xhur ta' qabel, jew sa fejn mistoqsija titlob biss tagħrif dwar is-segwitu għal riżoluzzjoni speċifika tal-Parlament ta' xorta li l-Kummissjoni tkun diġà tat f'komunikazzjoni ta' segwitu bil-miktub, is-Segretarjat għandu jibgħat kopja tal-mistoqsija u tat-tweġiba ta' qabel lill-awtur. Il-mistoqsija mtennija m'għandhiex tiġi mgħoddija lid-destinatarju ħlief jekk l-awtur isemmi żviluppi ġodda sinifikanti jew ħlief jekk ikun qed ifittex aktar tagħrif.
Emenda 14 Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew Anness VIII – parti A – paragrafu 5
5. Pieni: F'każ ta' ksur tar-regoli, iċ-Chairman tal-kumitat, wara konsultazzjoni mal-Viċi Chairman, għandu jiddeċiedi x'għandha tkun il-piena li tingħata (twissija, tkeċċija mill-kumitat għal perjodu qasir jew twil, jew għal kollox).
5. Pieni: F'każ ta' ksur tar-regoli, il-president tal-kumitat għandu jipproċedi skont l-Artikoli 9(2), 152, 153 u 154.
Il-membru kkonċernat jista' jagħmel appell kontra din id-deċiżjoni mingħajr ma jiġi sospiż. Dan l-appell għandu jiġi eżaminat mill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew flimkien mal-Bureau ta' l-uffiċċju kkonċernat. Id-deċiżjoni tal-maġġoranza tkun finali.
Jekk ikun hemm prova li uffiċjal naqas minn dmiru f'dak li għandu x'jaqsam mar-rispett tal-kunfidenzjalità, għandhom jiġu applikati l-pieni msemmija fir-Regolamenti tal-Persunal.