Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 - it-taqsimiet kollha (12699/2010 – C7-0202/2010 – 2010/2001(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-prijoritajiet għall-baġit 2011 - Taqsima III - Il-Kummissjoni(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2011(5),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 ippreżentat mill-Kummissjoni fis-27 ta' April 2010 (COM(2010)0300),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fit-12 ta' Awwissu 2010 (12699/2010 - C7-0202/2010),
– wara li kkunsidra l-Ittra ta' emenda Nru 1/2011 għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta' Settembru 2010,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 75b tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7–0284/2010),
TAQSIMA III Kwistjonijiet u prijoritajiet ewlenin għall-baġit 2011
1. Huwa fermament konvint li l-proċedura baġitarja skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) tirrikjedi involviment politiku sħiħ u f'livell għoli tal-istituzzjonijiet kollha kkonċernati; jenfasizza li l-proċedura ta' konċiljazzjoni għandha l-għan li tirrikonċilja l-fehmiet taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja u li t-Test Konġunt dwar il-Baġit 2011 għad irid jiġi approvat miż-żewġ fergħat skont ir-regoli proprji tagħhom u l-Artikolu 314(7) tat-TFUE;
2. Iqis li l-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill hija partikolarment inadegwata għall-proċedura baġitarja, u dubjuża fl-assenza ta' approvazzjoni politika pubblika u ċara mill-Kunsill fil-livell ministerjali ta' biċċa leġiżlazzjoni essenzjali tal-UE;
3. Huwa barra minn hekk imħasseb dwar kif għandha tiġi vvalutata l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit (AB) 2011 peress li t-tnaqqis adottat ma jikkorrispondix għal objettivi ddefiniti b'mod ċar u jidher, għall-kuntrarju, li huwa mqassam bl-addoċċ u b'mod radikali fil-baġit kollu kemm hu; iqis li tnaqqis arbitrarju fl-approprjazzjonijiet mhux konformi ma' bbaġitjar tajjeb;
4. Iqis li wara d-dħul fis-seħħ tat-TFUE, li jsaħħaħ il-politiki tal-UE u joħloq oqsma ġodda ta' kompetenza - b'mod partikolari l-Politika Estera u ta' Siġurtà Komuni, il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-ispazju, il-politika tal-enerġija, it-turiżmu, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-isport u ż-żgħażagħ ,il-politika soċjali, il-ġustizzja u l-affarijiet interni - u li jimplika “lisbonizzazzjoni” tal-baġit, l-Unjoni Ewropea għandha tkun mogħnija bil-mezzi finanzjarji meħtieġa biex tikseb l-objettivi tagħha u għalhekk jirrikjedi li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jkunu koerenti u konsistenti fir-rigward tal-kapaċitajiet finanzjarji miżjuda;
5. Ifakkar li, minkejja bidliet konsekuttivi fit-Trattat u responsabilitajiet miżjuda trasferiti fil-livell Ewropew, il-baġit tal-UE jammonta għal 1% biss tad-DGN; jopponi ruħu, konsegwentement, għat-tnaqqis kbir adottat mill-Kunsill;
6. Jifhem it-tħassib espress minn xi delegazzjonijiet fil-Kunsill li l-pressjonijiet fuq il-baġits tal-Istati Membri huma partikolarment kbar għas-sena finanzjarja 2011 u li huwa saħansitra aktar meħtieġ li jsir iffrankar, iżda minkejja dan iqis li tnaqqis arbitrarju fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mhuwiex konformi ma bbaġitjar sod, u jqis barra minn hekk li tnaqqis arbitrarju fl-approprjazzjonijiet għall-impenji jipperikola l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-Unjoni li diġà kien hemm qbil dwarhom;
7. Barra minn hekk, ifakkar kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kummissjoni, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(6) li fiha l-Parlament enfasizza li s-sistema kurrenti tar-rizorsi proprji tal-UE – fejn 70% tad-dħul tal-Unjoni jiġi direttament mill-baġits nazzjonali – tirriżulta fil-perċezzjoni li l-kontribuzzjonijiet għall-Unjoni Ewropea huma piż addizzjonali għall-baġits nazzjonali; Hu konvint sew li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jaqblu dwar skeda programmatika ċara u li torbot sabiex ikun hemm ftehim dwar sistema ġdida ta' riżorsi proprji qabel id-dħul fis-seħħ tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss wara l-2013; jesprimi r-rieda tiegħu li jesplora t-toroq kollha possibbli f'dan ir-rigward;
8. Ifakkar, għal darba oħra, li l-baġit tal-UE m'għandu bl-ebda mod jitqies u jiġi vvalutat bħala sempliċi partita finanzjarja mdaħħla bħala piż fil-baġits nazzjonali, iżda, għall-kuntrarju, għandu jinftiehem bħala opportunità biex jiġu intensifikati dawk l-inizjattivi u l-investimenti li huma ta' interess u ta' valur miżjud għall-UE kollha kemm hi, u li l-parti l-kbira tagħhom huma kodeċiżi mill-Parlament u mill-Kunsill u li allura għandhom leġittimità anke fil-livell nazzjonali; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiddefinixxu mekkaniżmu xieraq biex jevalwaw u jistmaw “l-ispiża tan-nuqqas ta' Ewropa” li jenfasizza l-iffrankar fil-baġits nazzjonali ġġenerat mill-ġbir flimkien tar-riżorsi;
9. Itenni li n-natura komplementari tal-baġit tal-UE għall-baġits nazzjonali u l-impetus li joħloq ma għandhomx jiġu mrażżna u limitati permezz ta' tnaqqis arbitrarju li jirrappreżenta sehem żgħir ħafna (inqas minn 0,02%) meta mqabbel mal-baġits akkumulati tas-27 Stat Membru;
10. Ifakkar li l-politiki relatati maż-żgħażagħ, mal-edukazzjoni u mal-mobilità ġew identifikati mill-Parlament bħala wħud mill-aktar prijoritajiet importanti tiegħu għall-baġit 2011, fost l-oħrajn kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament għall-mandat għat-trilogu, adottata f'Ġunju 2010, peress li huma partijiet essenzjali u meħtieġa tal-istrateġija tal-UE għall-irkupru ekonomiku u l-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li ż-żieda proposta fl-approprjazzjonijiet għal numru magħżul ta' partiti baġitarji jaqdu kemm l-istrateġiji għal perjodu qasir ta' żmien kif ukoll dawk għal perjodu twil ta' żmien għall-futur tal-UE;
11. Itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li, f'kuntest ta' fondi limitati u riċessjoni ekonomika globali, il-finanzjament tal-politiki tal-UE għandu jkun sorveljat mill-qrib biex jiġi evitat infiq li ma jkunx immotivat minn objettiv ċar u identifikabbli, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh il-valur miżjud Ewropew tal-baġit tal-UE, peress li huwa espressjoni ta' solidarjetà u effiċjenza billi jinġabru flimkien ir-riżorsi finanzjarji li inkella jkunu mferrxin fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza wkoll li parti kbira ħafna mill-infiq baġitarju tal-UE jappoġġa investimenti fuq perjodi twal ta' żmien li huma meħtieġa biex jiġi stimolat it-tkabbir ekonomiku tal-UE;
12. Jirrimarka li l-marġni li hemm fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ma jippermettux spazju reali għall-immanuvrar, speċjalment fis-subintestaturi 1a u 3b u l-intestatura 4, u jnaqqsu l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għal bidliet fil-politika u bżonnijiet mhux previsti filwaqt li żżomm il-prijoritajiet tagħha; jirrimarka li l-ambitu tal-isfidi li qed taffaċċja l-UE jirrikjedi mezzi li jmorru lil hinn sew mil-limiti masimi attwali tal-MFF; ifakkar, f'dan ir-rigward, li huwa assolutament meħtieġ eżami baġitarju sostanzjali u li ma jistax jiġi evitat li ssir reviżjoni immedjata tal-limiti massimi tal-MFF attwali kif ukoll ta' xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba minħabba d-diversi sfidi u prijoritajiet ġodda li nqalgħu;
13. Iħeġġeġ lill-Kunsill biex iqis bis-sħiħ il-kundizzjonijiet ċari stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2007-2013 (COM(2010)0072 - 2010/0048(APP))(7) li fuq fuq il-bażi tagħhom il-Parlament se jagħti l-approvazzjoni tiegħu lir-Regolament MFF, kif preist mit-TFUE;
14. Ifakkar li l-finanzjament tal-prijoritajiet tiegħu u tal-politiki l-ġodda li ġejjin mid-dħul fis-seħħ tat-TFUE hu impossibbli bil-limiti massimi tal-MFF; jenfasizza li, sabiex jiġu ffaċilitati n-negozjati dwar il-baġit 2011 fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, ippropona, filwaqt li kellu jagħmel kompromessi serji, il-finanzjament ta' dawn il-politiki fl-osservanza tal-limiti massimi; jirrimarka, madankollu, li dan jista' jirnexxi biss permezz tat-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet f'linji baġitarji oħrajn speċifiċi u magħżula b'attenzjoni;
15. Jappoġġa bis-saħħa l-ħolqien ta' fond ta' garanzija fil-baġit tal-UE marbut mal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja; jinsisti li ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja jkunu involuti fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-attivazzjoni ta' dan il-mekkaniżmu; jirrikjedi li kull bżonn baġitarju possibbli marbut ma' dan il-mekkaniżmu għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' reviżjoni ad-hoc tal-MFF 2007-2013 attwali jew tal-IIA tas-17 ta' Mejju 2006 biex ikun żgurat li involviment biżżejjed tal-awtorità baġitarja jkun garantit f'waqtu;
16. Fir-rigward tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, jirrifjuta li jikkunsidra ċ-ċifra globali tal-pożizzjoni tal-Kunsill bħala mira finali li wieħed jasal għalija billi jnaqqas jew iżid l-infiq f'linji differenti mingħajr valutazzjoni dettaljata tal-ħtiġijiet reali;
17. Ifakkar li din il-prattika tal-Kunsill jista' jkollha impatt fuq ir-rata ta' eżekuzzjoni għall-impenji għall-istess sena, billi tnaqqas ir-rata li biha jiġu ffirmati kuntratti ġodda, speċjalment fl-aħħar tliet xhur tas-sena, biex b'hekk jinħoloq taqlib fiċ-ċikli ta' ħajja multiannwali tal-programmi tal-UE;
18. Huwa tal-fehma ġenerali li m'għandux jitnaqqas l-infiq amministrattiv f'appoġġ għall-programmi tal-UE, sabiex jiġi garantit li jiġu implimentati malajr u jiġu ggarantiti wkoll il-kwalità u sorveljanza adegwata tagħhom; għalhekk ireġġa' lura t-tnaqqis kollu li għamel il-Kunsill fir-rigward tal-linji ta' ġestjoni amministrattiva ta' dawk il-programmi;
Dwar is-subintestatura 1a
19. Ifakkar li, bħala prijoritajiet orizzontali tal-PE għall-baġit 2011, iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-mobilità jirrikjedu, fid-diversi politiki, investiment immirat transsettorjali bħala mezz kif jitrawwem it-tkabbir u l-iżvilupp fl-UE; jiddikjara, għalhekk, ir-rieda tiegħu li jżid l-approprjazzjonijiet għall-Programmi kollha relatati ma' dawk il-prijoritajiet, jiġifieri t-Tagħlim Tul il-Ħajja, “Persuni” u “Erasmus Mundus”;
20. Iqis, b'mod partikolari, li l-mobilità tal-impjiegi għaż-żgħażagħ hija strument kruċjali biex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' suq tal-impjiegi kompetittiv u dinamiku fl-Ewropa u, bħala tali, jeħtieġ li jingħata spinta; għalhekk huwa favorevoli għal żieda fl-approprjazzjonijiet għas-Servizz Ewropew għall-Impjiegi u jappoġġa b'mod qawwi għal dan il-għan it-tnedija tal-azzjoni preparatorja “L-ewwel impjieg EUERES tiegħek”, li għandu l-għan li jgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tal-impjiegi jew ikollhom aċċess għal impjiegi speċjalizzati fi Stat Membru ieħor tal-UE, bħala l-ewwel pass lejn programm mhux akkademiku speċifiku għall-mobilità taż-żgħażagħ;
21. Jirrikonoxxi l-valur miżjud li tirrappreżenta r-riċerka ffinanzjata mill-UE li toħloq momentum fost l-isforzi u l-investimenti nazzjonali separati fil-qasam tar-riċerka, u speċjalment ir-riċerka relatata mal-enerġija, inkluż fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, u r-rwol ċentrali li għandhom l-SMEs fit-tkabbir u fir-rata tal-impjiegi fl-Ewropa; itenni għalhekk l-appoġġ tiegħu għall-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u speċjalment għall-programmi għall-Intraprenditorjat u l-Innovazzjoni u għall-Enerġija Intelliġenti, billi jżid l-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet f'numru magħżul ta' linji; jinnota li għandha tiġi garantita l-implimentazzjoni mingħajr intoppi tal-programmi tar-riċerka u żvilupp biex jiġi evitat it-trasferiment tal-approprjazzjonijiet fl-aħħar tal-perjodu baġitarju għal użu li ma jkunx dak li kienu maħsuba għalih;
22. Huwa serjament imħasseb mill-fatt li r-riżorsi disponibbli mhumiex biżżejjed għall-finanzjament ta' politiki li huma fil-qalba tal-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi u mid-deterjorazzjoni ta' din is-sitwazzjoni minħabba l-finanzjament imminenti tal-Istrateġija Ewropa 2020; ifakkar li l-investiment f'politiki bħall-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, it-trasport (b'mod partikolari t-TEN-Ts) u t-turiżmu għandu rwol kruċjali fl-ixprunar tat-tkabbir u l-impjiegi;
23. Jemmen li huwa tal-akbar importanza li l-Awtoritajiet Finanzjarji Ewropej ġodda stabbiliti riċentament jiġu ffinanzjati mill-bidu nett b'mod xieraq u suffiċjenti li jippermettilhom jikkontribwixxu għall-istabilità tas-sistema finanzjarja Ewropea u internazzjonali;
24. Huwa konvint li l-finanzjament tal-Impriża Konġunta tal-Euratom għall-ITER għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-ITER għas-snin 2012 u 2013; mhuwiex lest li jaċċetta r-ridistribuzzjoni fis-seba' programm qafas eżistenti għar-riċerka jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet finanzjarji li qed jiżdiedu u li m'għadhomx konformi mal-proposta oriġinali; iqis għalhekk li, fid-dawl tad-dewmien fl-implimentazzjoni, u sabiex jiġu mnedija n-negozjati mal-Kunsill dwar il-finanzjament futur tal-ITER, l-aktar għażla baġitarja adattata hija tnaqqis ta' EUR 47 miljun f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet fil-linja 08 20 02;
25. Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li ddaħħal approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet fl-intestatura dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri finanzjarji relatati mal-applikazzjonijiet approvati miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; konsegwentament jerġa' jġib kif kien il-valur predefinit filwaqt li jinnota li jista' ma jkunx biżżejjed għall-ħtiġijiet tal-2011;
26 Huwa konvint li hija meħtieġa perspettiva strateġika dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija Ewropea; jinnota li l-Kummissjoni stabbiliet Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) li għadu jinsab f'kundizzjonijiet finanzjarji mhux ċari; għalhekk ħoloq linji pro memoria għal bosta oqsma tal-pjan SET li għandhom isiru attivi dalwaqt; Dwar is-subintestatura 1b
27. Jinnota li l-pożizzjoni tal-Kunsill ma timmodifikax il-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-impenji, u jenfasizza li din il-pożizzjoni dwar l-approprjazzjonijiet għall-impenji hija konformi sew mal-allokazzjonijiet stipulati fl-MFF, meta jitqies l-aġġustament tekniku għall-qafas finanzjarju għall-2011, kif previst fil-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Ġunju 2006;
28. Jiddeplora l-approċċ restrittiv tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlasijiet, li tnaqqsu b'EUR 1 075 miljun (nofshom għat-tlestija tal-perjodu ta' programmazzjoni 2006-2010) meta mqabbel mat-tbassir tal-Kummissjoni rigward il-bżonnijiet ta' ħlasijiet għall-2011; jenfasizza li dawn tal-aħħar diġà kienu ġew ivvalutati mill-Parlament Ewropew li setgħu possibilment ġew sottovalutati u li l-approċċ tal-Kunsill jista' jpoġġi f'riskju l-irkupru meħtieġ tal-implimentazzjoni tal-programmi wara l-bidu bil-mod tagħha fil-bidu tal-perjodu 2007-2013, kif ukoll il-modifiki leġiżlattivi riċenti li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Parlament u l-Kunsill fil-qafas tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku;
29. Għalhekk ireġġa' lura għal-livell tal-AB it-tnaqqis li għamel il-Kunsill fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, filwaqt li jżomm mal-pożizzjoni inizjali tiegħu li l-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jippreżentaw u jadottaw malajr baġit emendatorju f'każ li l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet jirriżultaw mhux biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet; jilqa' bi pjaċir id-dikjarazzjoni tal-Kunsill f'dan ir-rigward;
30. Ifakkar li l-Istrateġija tal-UE għall-Pjan ta' Azzjoni għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tiddikjara li l-azzjonijiet proposti għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu ffinanzjati minn sorsi eżistenti, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni; jirrimarka li l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-SBSR tal-UE jiddikjaraw li l-Istrateġija tiddependi minn użu aktar effiċjenti ta' strumenti u fondi eżistenti tal-UE, u kif ukoll riżorsi u strumenti finanzjarji oħra eżistenti; jenfasizza li din l-Istrateġija trid tingħata rikonoxximent u finanzjament xieraq;
Dwar l-intestatura 2
31. Jirrimarka li l-għan ewlieni tal-PAK għandu jkun li tipprovdi stabilità fis-suq, is-sigurtà tal-ikel, prezzijiet ġusti għall-bdiewa, inkluż il-ħarsien tal-ambjent u tal-pajsaġġ, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex fil-baġit 2011 tipprovdi lqugħ finanzjarju għall-mezzi meħtieġa għall-aċċess iffaċilitat għall-finanzjament, f'każ li s-suq jgħaddi minn perjodu ta' volatilità fl-2011;
32. Jirrikonoxxi l-benefiċċju ta' EUR 300 miljun f'finanzjament eċċezzjonali għas-settur tal-prodotti tal-ħalib li sar provvediment għalih fil-Baġit 2010; jappoġġa l-ħolqien ta' linja baġitarja ġdida bħala fond għas-settur tal-ħalib biex jingħata appoġġ għall-modernizzazzjoni, għad-diversifikazzjoni u għar-ristrutturar u biex titjieb il-kummerċjalizzazzjoni u il-pożizzjoni tal-bdiewa tal-ħalib fin-negozjati sabiex jirreaġixxu għas-saħħa li qed tikber fis-suq ta' min jipproċessa u ta' min jbigħ bl-imnut fil-katina tal-ikel; jirrimarka li l-Kummissjoni diġà approvat fond għas-settur tal-ħalib;
33. Iqis li l-programm ta' appoġġ nazzjonali għas-settur tal-inbid għandu jinżamm, għalkemm f'livell imnaqqas; jirrimarka li, fil-mument tar-riforma tas-sistema għas-suq tal-inbid, il-Kummissjoni kienet iddikjarat b'mod ċar li din ir-riforma kellha tkun newtrali fir-rigward tal-baġit;
34. Iqis li l-Iskema ta' Frott fl-Iskejjel u l-Iskema tal-Ħalib fl-Iskejjel huma programmi importanti f'termini ta' inkuraġġiment ta' dieta tajba għas-saħħa fost it-tfal; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiżdied il-finanzjament għal dawn iż-żewġ skemi u jiddeċiedi li jżid aktar l-approprjazzjonijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza tal-programm għall-persuni l-aktar fil-bżonn, u jiddeċiedi li jżid l-approprjazzjonijiet tiegħu, iżda jfakkar li għandu jiġi implimentat fid-dawl tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali;
35. Jappoġġa, f'konformità mal-prijoritajiet tiegħu, il-ħolqien ta' proġett pilota bl-għan li jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost il-bdiewa żgħażagħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-isfidi li li jiffaċċja s-settur agrikolu Ewropew;
36. Huwa konvint li l-LIFE+ (strument finanzjarju għall-ambjent għall-perjodu 2007-2013) għandu jissaħħaħ iktar biex jikkonforma mal-miżuri addizzjonali; jenfasizza li l-preokkupazzjonijiet ambjentali huma prijorità fil-politika ambjentali u agrikola u li żieda fil-finanzjament hija kruċjali biex tiġi ppreservata n-natura u l-bijodiversità; iqis li minbarra l-LIFE+, il-kriterji tal-iżvilupp sostenibbli għandhom jiġu integrati fl-istrumenti rilevanti kollha tal-UE;
Dwar is-subintestatura 3a
37. Iqis li bosta programmi, bħall-programm għall-prevenzjoni, it-tħejjija u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tat-terroriżmu huma essenzjali għall-implimentazzjoni tal-programm ta' Stokkolma, u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-programm Daphne - il-ġlieda kontra l-vjolenza, li fil-qafas tiegħu bosta programmi jistħoqqilhom li jingħataw finanzjament iżda ma jistgħux jiġu ffinanzjati minħabba l-iskarsità ta' approprjazzjonijiet, kif ukoll programm ta' prevenzjoni tal-abbuż tad-drogi u informazzjoni; f'dan il-kuntest, jagħmel enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa, inkluż permezz tal-abort furzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-isterilizzazzjoni furzata jew kwalunkwe trattament krudili, inuman jew degradanti;
38. Minħabba l-livell fqir ta' informazzjoni dwar il-passi li jmiss tal-proġett SIS II ippreżentata lill-Parlament, iqis li l-aktar mezz xieraq biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba dwar it-tijib meħtieġ hija riżerva għall-approprjazzjonijiet;
39. Iqis li l-ippjanar inkluż fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 mhuwiex biżżejjed biex jissodisfa t-talbiet tal-Parlament għal informazzjoni dwar it-titjib meħtieġ u ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-ibbaġitjar tas-SIS II;
Dwar is-subintestatura 3b
40. Ifakkar li l-intestatura 3b tinkludi politiki li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej u huwa assolutament konvint li l-potenzjal reali ta' din l-intestatura ma jistax jiġi sfruttat għalkollox bil-marġni limitat stabbilit mill-MFF attwali; jenfasizza li l-finanzjament propost ta' dawn l-istrumenti mill-Kunsill ma jikkorrispondix għall-prijoritajiet ċentrali koperti minn din l-intestatura, u jenfasizza b'mod partikolari li r-rati għoljin ħafna ta' implimentazzjoni tal-programmi relatati maż-żgħażagħ s'issa juru li jistħoqqilhom investiment ħafna iktar b'saħħtu;
41. Itenni l-intenzjoni tiegħu li jżid l-approprjazzjonijiet għall-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, il-Logħob tas-Sajf tal-Olimpjadi Speċjali Dinjija, iċ-Ċentri ta' Informazzjoni u l-azzjoni preparatorja li għadha għaddejja fil-qasam tal-isport; jieħu nota tal-inizjattiva tal-Kunsill li jippreżenta azzjoni preparatorja ġdida dwar siti kommemorattivi fl-Ewropa u huwa tal-opinjoni li din l-azzjoni preparatorja tista' tippromwovi ċ-ċittadinanza tal-UE billi tippreserva u tiffaċilita l-aċċess għal siti storiċi ta' memorja Ewropea kondiviża;
42. Iqis bħala neċessarja l-preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva dwar komunikazzjoni mtejba maċ-ċittadini tal-UE u dwar il-ħolqien ta' Spazju Pubbliku Ewropew, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta Interistituzzjonali “Nikkomunikaw l-Ewropea fi Sħubija” ta' Ottubru 2008;
Dwar l-intestatura 4
43. Huwa assolutament konvint li r-rwol tal-UE bħala parteċipant globali ma jistax jiġi ffinanzjat kif suppost fil-limiti tal-marġni pprovduti fl-MFF, u li dan in-nuqqas ta' mezzi m'għandux jiġi indirizzat miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja permezz ta' kompromessi tal-aħħar minuta mingħajr riflessjoni xierqa dwar il-ħtiġijiet fuq perjodu medju ta' żmien; ifakkar li eżami tal-MFF u reviżjoni tal-limitu massimu tal-intestatura 4 biex jitqiesu l-ħtiġijiet li nqalgħu u li ma setgħux ikunu previsti fl-2006 huma kundizzjoni sine qua non għall-ġestjonabilità u s-sostenibilità ta' din l-intestatura;
44. Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tal-ispazju estremament ristrett għall-immanuvrar f'din l-intestatura u fl-isforz biex ikun hemm iffrankar li nbeda mill-Kunsill, il-finanzjament tal-prijoritajiet jista' biss jiġi garantit permezz ta' tnaqqis magħżul ta' approprjazzjonijiet f'numru limitat ta' linji baġitarji; iqis li l-approprjazzjonijiet previsti għall-għajnuna għar-riabilitazzjoni tal-Afganistan u għall-Għajnuna Makrofinanzjarja jistgħu jitnaqqsu parzjalment mingħajr ma jiġu affettwati ħażin sostanzjalment l-operazzjonijiet; fl-istess spirtu, jiddeċiedi li jerġa' jġib l-approprjazzjonijiet għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni għal-livell li kienu fih fil-Baġit 2010, kif permess mill-punt 42 tal-Ftehim Internazzjonali;
45. Itenni l-impenn tiegħu li ma jnaqqasx b'mod arbitrarju l-approprjazzjonijiet għall-għajnuna lill-Palestina, għall-proċess ta' paċi u għall-UNRWA; itenni madankollu l-konvinzjoni qawwija tiegħu li d-diskrepanza bejn l-għajnuna finanzjarja globali tagħha - peress li l-UE kollha kemm hi hija l-akbar donatur - u l-influwenza limitata li għandha fuq il-proċess ta' paċi la hija ġustifikata u lanqas tista' tinftiehem u jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod komprensiv, speċjalment fil-kuntest tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li nħoloq dan l-aħħar;
46. Itenni l-oppożizzjoni tiegħu għar-ridistribuzzjoni proposta ta' approprjazzjonijiet minn bosta strumenti u programmi għall-Miżuri ta' Akkumpanjament tal-Banana u għall-Istrument għall-Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Industrijalizzati (ICI+), li l-finanzjament tagħhom ma kienx previst meta ġie adottat l-MFF attwali, iżda jtenni madankollu l-appoġġ tiegħu għal dawn l-istrumenti; jenfasizza li l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp ma jistax jitqies bħala fond li jista' jsir rikors għalih għall-finanzjament ta' ħtiġijiet ġodda li jinqalgħu fil-qasam tal-intestatura 4, iżda li nħoloq u ġie ffinanzjat għal lista speċifika ta' objettivi li l-UE, f'diversi okkażjonijiet, impenjat ruħha li tilħaq; jistieden għalhekk lill-Kunsill biex jasal għal qbil dwar finanzjament multiannwali għal dawn il-miżuri bil-mezzi kollha pprovduti mill-Ftehim Internazzjonali;
47. Jiddeċiedi li jqiegħed parti mill-approprjazzjonijiet għall-ambjent u għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali f'riżerva, sakemm il-Kummissjoni tippreżenta dokument li jorbot politikament li juri li l-pakett finanzjarju “ta” bidu mgħaġġel' għall-klima huwa verament addizzjonali, li jalloka riżorsi tal-UE lil reġjuni sħab b'mod ġeografikament ibbilanċjat u li mhuwiex għad-detriment ta' programmi eżistenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll informazzjoni ċara dwar il-kriterji għall-għażla tal-benefiċjarji u dettalji ta' ftehimiet ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw;
49. Iqis li, f'konformità man-negozjati bejn l-erba' partijiet dwar it-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, għandu jkun hemm bħala objettiv l-identifikazzjoni mtejba tal-missjonijiet tal-PESK u tal-PDSK, fl-interess ta' trasparenza mtejba u tal-faċilitazzjoni tas-sorveljanza baġitarja; jiddeċiedi, bħala konsegwenza, li jaqsam il-linji 19 03 01, 19 03 03 u 19 03 07 biex joħloq linji baġitarji separati għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Ġeorġja, il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, u l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan, li huma l-missjonijiet ewlenin imwettqa taħt il-PESK/PDSK għas-sena 2011;
50. Jistaqsi għalfejn għadhom qed isiru ħlasijiet lil Kummissarji rtirati meta dawn sussegwentement ikollhom impjieg alternattiv; jitlob b'mod qawwi lill-Kummissjoni biex twettaq eżami dettaljat tal-proċeduri attwali u tressaq rapport dettaljat lill-Parlament sat-30 ta' April 2011;
51. Iqis, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, li s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti għandha tiġi identifikata b'mod ċar permezz tal-ħolqien ta' linja baġitarja speċifika dwar “Il-Kooperazzjoni mal-Istati Uniti”;
52. Huwa konvint li hija meħtieġa żieda oħra fil-pakkett finanzjarju biex tiġi appoġġata l-komunità Ċiprijotta Torka biex jiġi żgurat finanzjament adegwat tal-ħidma tal-Kumitat dwar il-Persuni Neqsin f'Ċipru kif ukoll il-proġetti ta' restawr tal-Kumitat Tekniku dwar il-Patrimonju Kulturali; iqis li l-ħidma ta' dawn il-kumitati hija ta' importanza kbira ħafna għaż-żewġ komunitajiet f'Ċipru;
Dwar l-intestatura 5
53. Jirrifjuta l-pożizzjoni ġenerali tal-Kunsill dwar l-infiq fl-intestatura 5, li tikkonsisti fi tnaqqis ġenerali ta' iktar minn EUR 115-il miljun, li ġej min-nuqqas ta' bbaġitjar tal-aġġustament ta' 1,85% għas-salarji u l-pensjonijiet, tnaqqis globali għal-linji baġitarji tal-Iskejjel Ewropej, li jmur kontra l-prijoritajiet tal-Parlament dwar iż-Żgħażagħ-Edukazzjoni-Mobilità;
54. Jenfasizza li approċċ restrittiv bħal dan, filwaqt li jwassal għal iffrankar fuq terminu qasir ta' żmien għall-baġit tal-UE u għall-Istati Membri, jipperikola l-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE; jenfasizza wkoll li l-istituzzjonijiet għandhom jingħataw riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom, speċjalment wara d-dħul fis-seħħ tat-TFUE;
55. Għalhekk ireġġa' lura b'mod ġenerali t-tnaqqis li sar mill-Kunsill, filwaqt li jqiegħed f'riżerva l-ammonti li jikkorrispondu għall-aġġustament ta' 1,85% tas-salarji sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha; iqis li l-ibbaġitjar ta' dan l-infiq huwa ġestjoni baġitarja soda u prudenti;
56. Jerġa' jġib kif kienet l-Abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis l-ieħor kollu msemmi hawn fuq ħlief għal dak relatat mal-konferenzi, laqgħat u kumitati; iqis li t-tnaqqis li sar għall-baġit tal-Iskejjel Ewropej huwa inaċċettabbli; jistagħġeb barra minn hekk kif il-Kunsill jista' jistma l-livelli ta' persunal possibbli fis-servizzi tal-Kummissjoni b'aktar preċiżjoni mill-Kummissjoni nnifisha;
57. Jitlob lill-Kunsill biex jadotta malajr l-Ittra ta' Emenda Nru 1/2011, biex is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkun jista' jibda jaħdem b'riżorsi adegwati fil-bidu nett tal-2011, iżda jiddeċiedi li jqiegħed l-approprjazzjonijiet f'riżerva sakemm ikun hemm aktar konsultazzjoni mal-korpi rilevanti tal-Parlament mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-prijoritajiet li għandhom jintlaħqu permezz tar-riżorsi li jsiru disponibbli wara l-fużjoni tal-istrutturi attwali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill;
58. Jistabbilixxi riżervi għal ċerti linji amministrattivi, sakemm jittieħdu azzjonijiet, jingħata segwitu jew isiru proposti speċifiċi mill-Kummissjoni jew bil-ħsieb li tinkiseb informazzjoni addizzjonali minnha; jitlob b'mod partikolari li ssir reviżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji u l-applikazzjoni stretta tiegħu rigward il-modalitajiet għall-allokazzjoni tal-pensjonijiet ta' ex membri biex jiġu rilaxxati wħud mir-riżervi;
Dwar l-aġenziji
59. Japprova, bħala reola ġenerali, l-estimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-aġenziji u jirrifjuta l-prinċipji li fuqhom kienet ibbażata l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-baġits tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE meta mqabbla mal-2010, jiġifieri:
–
il-limitazzjoni taż-żieda għal 1,5% għall-aġenziji li mexjin b'ritmu stabbli,
–
il-limitazzjoni taż-żieda għal 3% għall-aġenziji li ġew fdati b'kompiti ġodda, bin-nofs biss tal-postijiet mitluba,
–
l-ebda modifika għall-proposta tal-Kummissjoni għal aġenziji ġodda;
60. Iqis, madankollu, li s-sussidju tal-UE għall-aġenziji li jiġbru d-drittijiet m'għandux jitnaqqas bl-ammont ta' dħul assenjat, bl-għan li jkollhom il-flessibilità baġitarja adegwata minħabba l-volatilità tad-drittijiet miġbura;
61. Jiddeċiedi wkoll li jżid l-allokazzjoni tal-baġit 2011 għat-tliet aġenziji ġodda għas-superviżjoni finanzjarja f'konformità mal-estimi disponibbli tal-impatt baġitarju tal-eżitu tan-negozjati mal-Kunsill, kif ukoll li jistabbilixxi riżerva għall-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, sa ma jkun hemm ir-riżultat tal-proċedura ta' kwittanza għall-2008, li jżid il-finanzjament tal-UE għall-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Parlament, kif ukoll li jżid l-allokazzjoni baġitarja għall-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd sabiex tkun f'pożizzjoni li twettaq l-obbligi tagħha ta' kontroll fl-ibħra internazzjonali;
Dwar il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji
62. Jenfasizza li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji, adottati f'numru limitat, tqiesu u ġew ivvalutati bir-reqqa, anke fid-dawl tal-ewwel valutazzjoni utli u kostruttiva mill-Kummissjoni f'Lulju 2010, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' azzjonijiet diġà koperti minn programmi eżistenti tal-UE; ifakkar li l-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji għandhom l-għan li jifformulaw prijoritajiet politiċi u li jintroduċu inizjattivi ġodda li jistgħu jsiru attivitajiet u programmi futuri tal-UE;
TAQSIMIET I, II, IV, V, VI, VII, VIII, IX Qafas Ġenerali
63. Ifakkar li l-istituzzjonijiet għandhom ifasslu l-baġits tagħhom fuq il-bażi ta' ġestjoni soda u effiċjenti u, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-effetti tal-kriżi ekonomika attwali, jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jużaw ir-riżorsi b'mod effikaċi, b'mod li jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont it-Trattat ta' Lisbona filwaqt li, fl-istess ħin, ifittxu li jiffrankaw fejn ikun possibbli;
64. Jiġbed l-attenzjoni għall-kawża li għadha għaddejja mressqa mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-aġġustamenti tas-salarji u ddeċieda li jdaħħal l-approprjazzjonijiet f'riżerva, fuq il-bażi tal-prinċipju tal-prudenza baġitarja, li jkopru l-effetti għall-2011 jekk il-Qorti taqtagħha favur il-Kummissjoni rigward l-aġġustament ikkonċernat ta' 1,85% għas-salarji;
65. Jinnota li l-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet fir-rigward tal-Kroazja, bl-użu ta' ipotesi ta' ħidma differenti dwar id-data tal-adeżjoni tal-Kroazja minn dik tal-Kummissjoni; jiddeċiedi, fin-nuqqas ta' elementi ġodda li jiġġustifikaw modifika f'dan il-waqt, li jimxi mal-approċċ tal-Kummissjoni;
66. Iddeċieda, wara valutazzjoni tat-talbiet ta' kull istituzzjoni, li jreġġa' lura parti mit-tnaqqis li sar mill-Kunsill għall-baġit tal-istituzzjonijiet f'dawk il-każijiet fejn it-talbiet speċifiċi ta' kull waħda mill-istituzzjonijiet jitqiesu li huma ġustifikati għalkollox;
67. Jenfasizza li n-nuqqas tal-Kunsill s'issa li jasal għal pożizzjoni dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju 2/2010 għall-Kumitat tar-Reġjuni u għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ma jħalli l-ebda għażla oħra ħlief li l-kontenut ta' dak l-Abbozz ta' baġit emendatorju jsir parti mid-diskussjoni dwar il-baġit għall-2011;
Taqsima 1 - Il-Parlament Ewropew Il-qafas ġenerali
68. Jenfasizza li n-negozjati seħħew matul żewġ laqgħat ta' qabel il-konċiljazzjoni f'Marzu u f'April 2010 u li, fir-rigward ta' numru kbir ta' kwistjonijiet, inkisbu riżultati ċari fl-istadju ta' meta ġew stabbiliti l-estimi; jilqa' bi pjaċir ir-rieda tajba u n-natura kostruttiva ta' dawk il-laqgħat; jilqa' l-fatt li l-Ittra ta' Emenda adottata mill-Bureau f'Settembru 2010 ma timplikax bidliet kbar fl-estimi;
69. Huwa konxju li jrid jinstab bilanċ diffiċli iżda sodisfaċenti bejn il-ħtieġa li jiġu implimentati għalkollox il-kompiti tal-Parlament kif stipulati fit-Trattat ta' Lisbona, li ma jeħtiġux li jiżdiedu r-riżorsi, u l-applikazzjoni ta' prinċipji baġitarji sodi u trażżin fi żmien ta' kriżi finanzjarja; għalhekk iċċekkja l-linji baġitarji differenti fid-dettall u għamel xi adattamenti għall-approprjazzjonijiet imdaħħla fl-estimi;
70. Jirrimarka li l-livell globali tal-baġit tiegħu jammonta għal EUR 1 700 349 283% li huwa sehem ta' 20.21% tal-infiq fl-intestatura 5 (approprjazzjonijiet amministrattivi) tal-MFF, jiġifieri huwa konformi mar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu fis-sens li l-infiq għandu jkun madwar il-livell ta' 20%;
71. Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li ż-żidiet konsiderevoli tal-kompetenzi skont it-Trattat ta' Lisbona u l-ħtiġijiet konsegwenti ta' persunal u riżorsi oħrajn, ġew assorbiti f'dan l-ammont;
72. Jinnota li l-ammont finali deċiż mill-awtorità baġitarja jirrappreżenta tnaqqis nett ta' EUR 6 198 071 meta mqabbel mal-Abbozz ta' baġit u EUR 25 029 014 meta mqabbel mal-proposti inizjali għall-baġit qabel il-konċiljazzjoni mal-Bureau;
73. Iżomm mal-pożizzjoni tiegħu li, fi kwalunkwe każ, politika ta' identifikazzjoni ta' ffrankar kull fejn ikun possibbli u tiftix kontinwu ta' riorganizzazzjoni u ridistribuzzjoni tar-riżorsi eżistenti huma elementi kruċjali tal-politika baġitarja tiegħu, speċjalment f'dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika;
Riżorsi umani
74. Jinnota l-enfasi qawwija fuq l-assistenza indiretta għall-membri proposta mill-Bureau u approvata mill-Kumitat għall-Baġits, filwaqt li ssaħħu b'mod ċar oqsma bħall-kapaċità ta' riċerka u analiżi tal-politika tal-Parlament, is-servizzi tal-librerija, id-dipartimenti tal-politika u oqsma relatati; ifakkar li dan huwa l-komplement korrispondenti, wara r-rwol ġdid u aktar b'saħħtu tal-Parlament, għall-miżuri ta' assistenza diretta li diġà kienet ingħatatilhom spinta fil-baġit 2010 u fil-Baġit emendatorju Nru 1/2010;
75. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Parlament għall-2011(8) u l-organigramma ta' magħha; issa jiddeċiedi li jagħmel ftit aġġustamenti kif deskritt fil-paragrafi li ġejjin;
76. Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jagħti spinta lill-kapaċità tas-servizzi tal-librerija, billi jikkonferma 15-il kariga ġdida għall-2011 u jittrasforma 13-il aġent kuntrattwali f'karigi permanenti bħala parti minn dan il-proċess; jiddeċiedi li jnaqqas l-approprjazzjonijiet relatati ma' 8 minn dawn il-karigi bil-ħsieb li jiddaħħlu ftit ftit ir-reklutaġġi fuq perjodu ta' sentejn;
77. Iddeċieda li jżomm f'riżerva l-approprjazzjonijiet marbuta ma' 30 kariga (6 AD5 u 24 AST1) għal “setturi oħra” sakemm tasal l-informazzjoni addizzjonali mitluba;
78. Jiddeċiedi li japprova l-internalizzazzjoni tas-servizz ta' akkreditazzjoni, kif issuġġerit fl-Ittra ta' Emenda u, konsegwenza ta' dan, li joħloq 16-il kariga ġdida fl-organigramma (1 AD5 u 15 AST1) u li jagħmel disponibbli l-approprjazzjonijiet korrispondenti;
79. Japprova, b'segwitu għall-Ittra ta' Emenda, il-miżuri li ġejjin li huma newtrali fir-rigward tal-baġit:
–
il-bdil ta' 5 karigi temporanji eżistenti f'karigi permanenti (minn 1 AD9T għal 1 AD5P, minn 1 AD8T għal 1 AD5P, minn 1 AD5T għal 1 AD5P u minn 2 AST3T għal 2 AST1P),
–
ir-rivalutazzjoni tal-grad ta' żewġ karigi temporanji minn AD11 għal AD12;
–
il-bdil ta' 15-il kariga AST (5 AST10, 5 AST6 and 5 AST5) fi 15-il kariga AD5;
80. Irrilaxxa EUR 3 miljun f'approprjazzjonijiet fir-riżerva fir-rigward tal-Kroazja, f'konformità mad-deċiżjoni preċedenti tiegħu dwar it-trasferiment C1/2010; u ttrasferixxa dawn il-fondi fil-partita baġitarja għar-reklutaġġ ta' aġenti temporanji;
Assistenza diretta lill-membri
81. Wara d-dibattitu dettaljat preċedenti tiegħu dwar l-allowance għall-assistenti b'rabta mal-Baġit emendatorju Nru 1/2010, u l-proposti tal-Bureau għall-2011 għat-tieni parti tat-tisħiħ, jiddeċiedi li jżomm dawn l-approprjazzjonijiet f'riżerva; jinnota t-tweġibiet li waslu mingħand l-amministrazzjoni iżda jqis li mhumiex konklużivi biex jiġġustifikaw żieda oħra f'dan l-istadju; ifakkar fit-talba tiegħu għal informazzjoni kif ivvutata fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-linji gwida għall-proċedura baġitarja 2011(9);
82. Jirrifjuta t-talba tal-Bureau tiegħu li jgħolli l-grad tal-assistenti tal-Kwesturi minn AST 4 għal AST 8;
Politika tal-bini
83. Immodifika l-intestatura tal-partita baġitarja 2 0 0 8 biex jipprovdi aktar trasparenza dwar id-diversi proġetti tal-bini;
84. Jeżiġi li jinżamm infurmat fuq bażi regolari dwar l-iżviluppi l-ġodda għall-proġetti tal-bini b'impatt sinifikanti fuq il-baġit, bħal pereżempju pereżempju l-bini KAD u jistenna r-risposti fir-rigward tal-impatt finanzjarju fuq il-baġit ta' proġetti paralleli possibbli ta' bini fi Brussell;
Politika għall-komunikazzjoni u l-informazzjoni
85. Jieħu nota tat-tweġiba mogħtija dwar l-istat attwali fir-rigward ta' Sistema għall-Ġestjoni tal-Għerf, li madankollu f'dan l-istadju tal-proġett għadha ma tistax tiġi vvalutata fir-rigward ta' jekk hux se tissodisfa l-aspettattivi li ħolqot; jenfasizza l-ħtieġa ta' skeda ta' żmien rigward l-implimentazzjoni ta' din is-sistema; ifakkar fit-talba tiegħu fir-riżoluzzjoni dwar il-linji gwida li din is-sistema tkun aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini Ewropej permezz tal-internet; jitlob informazzjoni rigward kif jista' jsir iffrankar wara l-implimentazzjoni tas-Sistema għall-Ġestjoni tal-Għerf;
86. Jinnota li numru sinifikanti ta' membri għamlu mistoqsijiet rigward il-kontenut u l-istat attwali fir-rigward tal-proġett ta' mobilità tal-IT, li jistgħu jiġġustifikaw analiżi u diskussjoni aktar profonda; iddeċieda li għalissa jdaħħal l-approprjazzjonijiet relatati ma' dan il-proġett f'riżerva biex jippermetti li ssir din id-diskussjoni u analiżi;
87.Jitlob li jinżamm infurmat dwar l-iżviluppi rigward il-WEB TV tal-Parlament u jiddeċiedi li jdaħħal EUR 1 miljun f'riżerva; Kwistjonijiet marbuta mal-ambjent
88. Itenni l-appoġġ tiegħu biex jibdew jitħaddmu b'mod effikaċi inċentivi u miżuri konkreti biex isir aktar użu u użu aħjar ta' mezzi ta' trasport li jniġġsu inqas mill-ajruplani u mill-karozzi, bħat-trasport pubbliku u r-roti, li jistgħu wkoll jgħinu biex jiġi identifikat iffrankar futur fuq partiti baġitarji bħal “vetturi”;
89. Fl-istess spirtu, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri oħrajn biex tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi kemm f'termini baġitarji kif ukoll ambjentali;
90. Huwa sodisfatt li jista' jsir ftit aktar iffrankar fuq il-partita baġitarja għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u l-partita għall-konsum tal-enerġija, liema ffrankar jammonta għal total ta' EUR 4 miljun;
Proġetti multiannwali u partiti oħra ta' nfiq
91. Rigward id-Dar tal-Istorja Ewropea, jiddeċiedi li jdaħħal l-EUR 2,5 miljun mitluba għal aktar studji f'riżerva; jinnota li, sakemm titlesta l-valutazzjoni tal-proposti tal-periti, għad m'hemm disponibbli l-ebda stima ġenerali tal-ispiża globali tal-proġett; jirreferi wkoll għat-talbiet l-oħra li saru f'riżoluzzjonijiet differenti tal-Parlament li għadha ma ngħatat l-ebda tweġiba għalihom, bħall-kooperazzjoni possibbli mal-istituzzjonijiet l-oħrajn u ma' sħab interessati possibbli;
92. Jiddeċiedi li jaġġusta l-approprjazzjonijiet għal numru addizzjonali ta' partiti baġitarji u li joħloq xi riżervi f'partiti baġitarji fejn il-ħtieġa eżatta ta' approprjazzjonijiet hija diffiċli li tiġi mbassra u jkunu jistgħu jinqalgħu ħtiġijiet addizzjonali possibbli jew, għall-kuntrarju, ikun jista' jsir iffrankar matul is-sena;
93. Ifakkar li, matul l-istadju tal-estimi u l-proċedura ta' konċiljazzjoni bejn il-Kumitat għall-Baġits tiegħu u l-Bureau, l-ammont inizjali ta' EUR 1.2 miljun ikkontemplati biex jiffinanzja d-deċiżjoni tal-Bureau li jintroduċi allowance għad-detenturi tal-kariga, tnaqqas gaħl EUR 400 000; ifakkar, barra minn hekk, li l-infiq relatat mal-allowance għad-detenturi tal-kariga jista' jiġi rimborżat biss fuq preżentazzjoni tad-dokumenti li jiġġustifikaw bis-sħiħ dawn l-ispejjeż; jinnota li żidiet oħra f'paragun mas-sena finanzjarja 2010 huma prinċipalment għat-tiġdid tal-istokk ta' artikli ta' rappreżentanza għas-servizizi protokolari; iqis li jekk dan l-istokk jiġġedded din is-sena, l-infiq għal dan il-punt x'aktarx li jitnaqqas fis-snin li ġejjin; Jenfasizza l-ħtieġa ta' prudenza baġitarja rigward it-talbiet għal missjonijiet bejn il-postijiet ta' ħidma tal-Parlament u missjonijiet oħrajn, kif ukoll rażan fir-rigward tal-ispejjeż ta' rappreżentanza, f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi ekonomika; jilqa“, għalhekk, it-tnaqqis ta' dawn l-ispejjeż matul is-sena f'paragun mal-bżonnijiet inizjali previsti;
Taqsima IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja
94. Jiddeċiedi li joħloq 29 kariga ġdida mid-39 mitluba, primarjament minħabba ż-żieda qawwija fin-numru ta' kawżi u l-ammont ta' xogħol konsegwenti li jwassal għal domanda addizzjonali għal ġuristi lingwisti u traduzzjoni (24 kariga minnhom huma relatati ma' dan) u numru limitat ta' żidiet oħra ġustifikati;
95. Jinnota li matul il-qari tiegħu, il-Kunsill naqqas l-approprjazzjonijiet inklużi f'din il-partita b'mod li ma jirriflettix kif xieraq ir-rata għolja ta' okkupanza ta' karigi milħuqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-2009 u matul l-ewwel nofs tal-2010; iddeċieda għalhekk li t-tnaqqis ta' 3% impost mill-Kunsill (u ekwivalenti għal żieda fir-rata standard ta' tnaqqis minn 2,5% għal 5,5%) jeħtieġ li jitnaqqas għal 1% biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet neċessarji tal-organigramma u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' twettaq il-funzjonijiet tagħha kif suppost;
96. Jadotta pożizzjoni ta' kompromess fir-rigward ta' diversi linji ta' nfiq baġitarju, b'mod li jagħti aktar mill-Kunsill iżda inqas mill-abbozz ta' baġit; jagħmel eċċezzjoni għal xi nfiq relatat mal-IT fejn, b'segwitu għal rakkomandazzjonijiet ta' verifika esterna, jingħata l-ammont sħiħ f'żewġ linji;
Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri
97. Jinnota li l-abbozz ta' baġit tal-Qorti ġie emendat biss b'mod marġinali mill-Kunsill u li, globalment, il-livelli li jirriżultaw jistgħu jiġu aċċettati; jinnota li, wara żieda ta' 32 kariga ta' awditur fl-aħħar sentejn, ma ntalab l-ebda persunal addizzjonali, għalkemm dan kien inizjalment ippjanat li jsir, f'eżerċizzju ta' awtolimitazzjoni;
98. Jilqa' bi pjaċir l-impenn sistematiku tal-Qorti li tnaqqas l-ispejjeż ta' appoġġ amministrattiv tagħha u li tagħmel verifiki baġitarji interni; jixtieq li jesplora aktar kemm l-istituzzjonijiet l-oħra jistgħu jagħmlu użu mill-ħila esperta tal-Qorti f'dan il-qasam;
Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
99. Jiddeċiedi li jintroduċi soluzzjoni ta' kompromess rigward il-karigi ġodda mitluba bħala konsegwenza tat-Trattat ta' Lisbona, f'konformità ma' dak li diġà kien ġie propost mill-Presidenza Spanjola fis-sajf, li tikkonsisti fil-ħolqien ta' 11-il kariga ġdida biex wieħed ilaħħaq mal-kompetenzi u l-ammont ta' xogħol miżjuda kif ġej: 6 AD5, 3 AD9 temporanji u 2 AST3;
100. Jinnota li dawn il-karigi huma maħsuba, inter alia, biex jagħtu spinta lill-kapaċità tal-Kumitat fl-oqsma tal-ħidma konsultattiva, il-programmazzjoni u r-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili u li jsibu pożizzjoni ta' kompromess aċċettabbli bejn it-talbiet oriġinali tal-Kumitat u l-abbozz ta' baġit tal-Kunsill;
101. Wara li ħa nota tar-rati attwali ta' postijiet battala u wara li sema' l-Kumitat dwar din il-kwistjoni, jiddeċiedi li japplika rata ta' tnaqqis ta' 4,5% fuq is-salarji, minflok il-5,5% ssuġġerita mill-Kunsill, biex ma jfixkilx ir-reklutaġġ effikaċi għall-karigi battala;
102. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi implimentata mingħajr dewmien fil-prinċipju d-deċiżjoni tal-Kumitat li jirrimborża l-biljetti tat-trasport tal-Membri tiegħu fuq il-bażi tal-ispejjeż reali u li jabbanduna s-sistema b'rata fissa attwalment possibbli; jilqa' bi pjaċir din id-deċiżjoni fil-prinċipju, għamel disponibbli l-approprjazzjonijiet relatati ma' din il-bidla fis-sistema u se jkompli jsegwi din il-kwistjoni;
103. Jaqbel ma' numru limitat ta' żidiet meta mqabbel mal-qari tal-Kunsill, filwaqt li xorta jsir iffrankar fuq l-AB, fir-rigward ta' diversi linji ta' nfiq ta' appoġġ;
Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni
104. Jiddeċiedi li jintroduċi soluzzjoni ta' kompromess rigward il-karigi ġodda mitluba bħala konsegwenza tat-Trattat ta' Lisbona, f'konformità ma' dak li diġà kien ġie propost mill-Presidenza Spanjola fis-sajf, li tikkonsisti fil-ħolqien ta' 18-il kariga ġdida biex wieħed ilaħħaq mal-kompetenzi u l-ammont ta' xogħol miżjuda kif ġej: 2 AD9, 5 AD7, 7AD5, 2 AST3 u 2 AST1;
105. Jinnota li dawn il-karigi huma maħsuba, inter alia, biex jagħtu spinta lill-kapaċità tal-Kumitat fl-oqsma tas-sussidjarjetà, il-koeżjoni territorjali, il-valutazzjonijiet tal-impatt, il-ħidma konsultattiva u attivitajiet interreġjonali estiżi;
106. Jiddeċiedi li jintroduċi rata ta' tnaqqis ġenerali ta' 5% wara li sema' l-argumenti tal-Kumitat rigward il-livelli ta' reklutaġġ u r-rati ta' postijiet battala;
107. Jadotta pożizzjoni ta' kompromess bejn it-talbiet tal-Kumitat u t-tnaqqis tal-Kunsill f'diversi linji ta' nfiq ta' appoġġ;
Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew
108. Iqis l-AB ta' din l-Istituzzjoni bħala sodisfaċenti fil-parti l-kbira tiegħu u jinnota wkoll li kien hemm ftit ħafna bidliet introdotti mill-Kunsill;
109. Jenfasizza, madankollu, li huwa tal-fehma opposta mill-Kunsill rigward il-ħolqien ta' kariga temporanja waħda li m'għandha l-ebda impatt baġitarju, peress li l-istess infiq qiegħed isir bħalissa fuq kuntratti, u għalhekk jiddeċiedi li japprovaha;
Taqsima IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
110. Meta jitqies l-ammont totali ta' xogħol ta' din l-istituzzjoni, fuq il-bażi tal-obbligi li kienu jeżistu preċedentament u l-obbligi l-ġodda skont it-Trattat ta' Lisbona, li jwasslu għal aktar konsultazzjonijiet dwar leġiżlazzjoni li jkollha impatt fuq il-protezzjoni tad-data, iddeċieda li joħloq 2 karigi ġodda għall-2011 (1 AD6 u 1 AD9);
111. Adotta approċċ restrittiv rigward żidiet mitluba f'linji oħrajn u jitlob lill-Kontrollur biex jimmaniġġja dawk il-ħtiġijiet internament fil-limiti tal-baġits eżistenti;
o o o
112. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra u lill-entitajiet ikkonċernati.