Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2099(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0282/2010

Testi mressqa :

A7-0282/2010

Dibattiti :

PV 20/10/2010 - 3
CRE 20/10/2010 - 3

Votazzjonijiet :

PV 20/10/2010 - 6.9
CRE 20/10/2010 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0377

Testi adottati
PDF 420kWORD 166k
L-Erbgħa, 20 ta' Ottubru 2010 - Strasburgu
It-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro
P7_TA(2010)0377A7-0282/2010
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2010 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-governanza ekonomika u tal-qafas ta' stabilità tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro (2010/2099(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 121, 126, 136, 138 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokolli (Nru 12) dwar il-Proċedura għal Defiċit Eċċessiv u (Nru 14) dwar il-Grupp tal-Euro, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-12 ta' Mejju 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (COM(2010)0250 finali), u tat-30 ta' Ġunju 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ (COM(2010)0367),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni: L-Ewwel Parti tal-Linji gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 (SEC(2010)0488),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri: It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 (COM(2010)0193), u l-pożizzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2010(1) dwarha,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(5),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) tal-Kunsill 3605/93 tat-22 ta' Novembru 1993 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv mehmuża mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Europea(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2010 li japprovaw monitoraġġ aktar strett tal-politiki ekonomiċi u baġitarji (is-Semestru Ewropew),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tad-9 u l-10 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-Żona tal-Euro tas-7 ta' Mejju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern taż-Żona tal-Euro tal-25 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro dwar l-appoġġ lill-Greċja tal-11 ta' April 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Grupp tal-Euro dwar is-Sorveljanza tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro u l-Iżbilanċi Makroekonomiċi tal-15 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra t-Termini ta' referenza tal-Grupp tal-Euro dwar strateġiji ta' ħruġ u l-prijoritajiet ta' politika għall-futur qrib fl-istrateġija Ewropa 2020: l-implikazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro tal-15 ta' Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Diċembru 1997 dwar il-Koordinazzjoni ta' Politika Ekonomika fl-Istadju III tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u dwar l-Artikoli 109 u 109b tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir tas-17 ta' Ġunju 1997(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-tkabbir u l-impjiegi tas-16 ta' Ġunju 1997(8),

–  wara li kkunsidra n-nota tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar it-Tisħiħ tal-Governanza Ekonomika fiż-Żona tal-Euro tal-10 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar il-kwalità tad-data statistika fl-Unjoni u s-setgħat imsaħħa ta' verifika mill-Kummissjoni (Eurostat)(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza ekonomika(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar id-Dikjarazzjoni Annwali dwar iż-Żona tal-Euro u l-Finanzi Pubbliċi 2009(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-UE 2020(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi għall-ġejjieni(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0282/2010),

A.  billi l-iżviluppi ekonomiċi reċenti wrew biċ-ċar li politika ekonomika ta' koordinazzjoni fi ħdan l-Unjoni, u b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, ma ħadmitx tajjeb biżżejjed u li, minkejja l-obbligi tagħhom skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri naqsu li jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' tħassib komuni u biex jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, filwaqt li jiġi rrispettat ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni fil-proċedura ta' sorveljanza,

B.  billi kemm il-qafas attwali għall-governanza u s-sorveljanza ekonomiċi kif ukoll il-qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji ma pprovdewx biżżejjed stabilità u tkabbir,

C.  billi huwa kruċjali li jsir aktar mill-miżuri temporanji bil-għan li tiġi stabbilizzata ż-żona tal-euro,

D.  billi l-koordinazzjoni u s-sorveljanza ekonomiċi jeħtieġ jissaħħu fil-livell tal-Unjoni, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fil-qies tal-ħtiġijiet partikolari taż-żona tal-euro u l-lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-kriżi ekonomika reċenti, bla ma tixxekkel l-integrità tal-Unjoni Ewropea u bil-ħtieġa li jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-Istati Membri,

E.  billi jeħtieġ li l-koordinament ekonomiku jissaħħaħ fl-Unjoni kollha, minħabba li l-istabbiltà ekonomika tista' tiddependi mis-sitwazzjoni ekonomika ta' wieħed mill-membri tagħha, li hemm livell għoli ta' interdipendenza bejn l-Istati Membri kollha fil-kuntest tas-suq intern u li rridu nippreparaw għat-tkabbir taż-żona tal-euro,

F.   billi, sa fejn hu possibli, is-27 Stat Membru għandhom isegwu kompletament il-proposti ta' governanza ekonomika, waqt li jirrikonoxxu li għal dawk l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona euro, dan, sa ċertu punt, għandu jkun proċess volontarju,

G.  billi t-Trattat ta' Lisbona jibdel il-“metodu Komunitarju” ta' dari, filwaqt li jadattah u jsaħħu, f'“metodu tal-Unjoni” li fih essenzjalment:

   il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali,
   il-Kummissjoni tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu inizjattivi xierqa għal dak il-għan,
   il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jeżerċitaw flimkien funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni,

H.  billi l-governanza ekonomika msaħħa ġdida għandha tintegra u tirrinforza għalkollox il-prinċipju ta' solidarjetà tal-UE, bħala prerekwiżit tal-kapaċità taż-żona tal-euro li tirreaġixxi għal xokkijiet asimmetriċi u attakki spekulattivi,

I.  billi l-kriżi ekonomika attwali fl-Unjoni hija kriżi ta' solvenza li bdiet bħala kriżi ta' likwidità li ma tistax tiġi solvuta fuq medda twila ta' żmien sempliċement billi jiżdied id-dejn f'pajjiżi li diġà għandhom djun kbar flimkien ma' pjanijiet mgħaġġla għal konsolidament fiskali,

J.  billi l-politiki tal-impjiegi għandhom rwol ewlieni fl-istimulazzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività fl-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew billi jipprevjenu l-iżbilanċi makroekonomiċi u billi jiżguraw l-inklużjoni soċjali u r-ridistribuzzjoni tad-dħul,

K.  billi r-rwol tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) skont it-TFUE għandu jiġi rrispettat,

L.  billi BĊE indipendenti għalkollox huwa rekwiżit meħtieġ għal euro stabbli, inflazzjoni baxxa u kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli għat-tkabbir u l-impjiegi,

M.  billi trid tingħata aktar attenzjoni lil responsabbiltajiet impliċiti u operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ li jistgħu jżidu d-dejn pubbliku fuq perjodu medju u twil ta' żmien u jnaqqsu t-trasparenza,

N.  billi min ifassal il-politika jrid jidentifika u jittratta l-isfidi ekonomiċi u soċjali komuni li qed jaffaċċjaw l-ekonomiji tal-UE b'mod ikkoordinat,

O.  billi involviment akbar tas-sieħba soċjali f'livell nazzjonali u Ewropew jikkontribwixxi għal sjieda aħjar tal-implimentazzjoni tal-governanza ekonomika u l-Istrateġija Ewropa 2020 globali;

P.  billi mekkaniżmu permanenti għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, inklużi proċeduri għar-ristrutturazzjoni tad-dejn jew għal falliment ikkontrollat, għandu jkun stabbilit sabiex tkun issalvagwardjata l-istabilità finanzjarja f'każ ta' kriżi ta' dejn sovran jew privat, filwaqt li titħares l-indipendenza tal-BĊE,

Q.  billi r-regoli attwali tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST), flimkien ma' infurzar fqir, ma kinux biżżejjed biex jiżguraw politiki fiskali u makroekonomiċi b'mod aktar wiesa“; billi jeħtieġ li jissaħħaħ il-qafas fiskali u makroekonomiku tal-UE permezz ta' applikazzjoni bbażata fuq ir-regoli aktar stretta ta' miżuri preventivi, sanzjonijiet u inċentivi,

R.  billi l-objettiv li jerġa' jinstab bilanċ fil-finanzi pubbliċi huwa ħtieġa għal stati midjunin iżżejjed, iżda mhux se jsolvi waħdu l-problema ta' żbilanċi ekonomiċi bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u tal-Unjoni b'mod aktar ġenerali,

S.  billi l-mudell soċjali Ewropew huwa vantaġġ għall-kompetizzjoni dinjija, li ddgħajjef bid-diverġenzi bejn l-Istati Membri rigward il-kompetittività ekonomika,

T.  billi l-għarfien, il-kapital u l-innovazzjonijiet u, b'mod idjaq, ix-xogħol għandhom tendenza li jemigraw lejn ċerti reġjuni, u l-mekkaniżmi ta' solidarjetà finanzjarja tal-UE jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati billi jiffokaw, b'mod partikolari, fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, it-taħriġ u inizjattivi eżistenti ta' koperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, u fuq ekonomija ħadra u b'livell baxx ta' karbonju bil-għan li jisseddqul-innovazzjoni, il-koeżjoni territorjali u soċjali, u t-tkabbir ekonomiku,

U.  billi l-Unjoni qed taffaċċja kompetizzjoni qalila minn pajjiżi b'ekonomiji emerġenti, finanzi pubbliċi stabbli huma essenzjali sabiex jisseddqu l-opportunitajiet, l-innovazzjonijiet ġodda, it-tkabbir ekonomiku u b'hekk tinħoloq soċjetà Ewropea msejsa fuq l-għarfien,

V.  billi l-konsolidazzjoni tal-baġits x'aktarx li se tkun ta' ħsara għas-servizzi pubbliċi u għall-ħarsien soċjali,

W.  billi t-tkabbir ekonomiku u l-finanzi pubbliċi sostenibbli huma kundizzjoni ewlenija għall-istabbiltà ekonomika u soċjali, il-konsolidazzjoni fiskali fit-tul u l-benesseri,

X.  billi l-politika fiskali ta' ħafna Stati Membri spiss kienet proċiklika u speċifika għall-pajjiż, l-objettivi baġitarji għal perjodu medju ta' żmien tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) rarament ġew implimentati jew infurzati b'mod strett,

Y.  billi l-politiki dwar l-impjieg għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta' tkabbir li jirrikjedi ħafna ħaddiema u tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, speċjalment fil-kuntest ta' popolazzjoni li qed tixjieħ,

Z.  billi huwa essenzjali għal governanza ekonomika Ewropea xierqa li s-suq intern jiġi kkompletat kif previst fir-Rapport Monti(14),

AA.  billi l-finanzi mhux sostenibbli kif ukoll id-dejn eċċessiv aggregat (pubbliku u privat) ta' Stat Membru individwali għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt fuq l-Unjoni kollha; billi għandu jibqa' jiġi mfittex bilanċ xieraq bejn l-investimenti fit-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tax-xogħol u l-prevenzjoni tal-iżbilanċi eċċessivi matul il-kors taċ-ċiklu ekonomiku, b'konformità mal-impenji u l-linji gwida fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-koeżjoni soċjali u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri, sabiex terġa' tidħol il-fiduċja fil-finanzi pubbliċi Ewropej,

AB.  billi l-proċess tat-tnaqqis tad-defiċits fuq perjodu twil ta' żmien irid ikun ikkombinat ma' sforzi oħra li jistimulaw l-ekonomija bħal prekundizzjonijiet aħjar għall-investimenti u suq intern imtejjeb u żviluppat li jipprovdi opportunitajiet akbar, u aktar kompetittività,

AC.  billi s-sinifikat tal-politiki ffinanzjati mill-baġit tal-UE, inkluża l-politika ta' koeżjoni, għat-tkabbir ekonomiku u għal aktar kompetittività tal-Unjoni għandu jiġi rikonoxxut,

AD.  billi l-kriżi ekonomika reċenti ċċarat il-fatt li diverġenzi makroekonomiċi eċċessivi u d-diverġenzi bejn il-kompetittività u l-iżbilanċi fiskali tal-kontijiet kurrenti fiż-żona tal-euro u b'mod aktar wiesa' fl-Unjoni, żdiedu b'rata stabbli matul is-snin qabel il-kriżi minħabba n-nuqqas ta' koordinament ekonomiku u sorveljanza msaħħa u għandhom jiġu indirizzati b'mod sħiħ,

AE.  billi l-Parlament Ewropew ilu s-snin iħeġġeġ titjib fil-governanza ekonomika kemm fl-Unjoni kif ukoll fir-rigward tar-rappreżentanza esterna tal-UE f'fora ekonomiċi u monetarji internazzjonali,

AF.  billi t-tisħiħ tal-governanza ekonomika jrid jimxi id f'id mat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-governanza Ewropea, li jrid jinkiseb permezz ta' involviment aktar b'saħħtu u aktar f'waqtu tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali matul il-proċess, tinħtieġ aktar koordinazzjoni, bi spirtu ta' rispett reċiproku, bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali,

AG.  billi d-deċiżjonijiet meħudin matul il-Kunsill tar-Rebbiegħa 2010 biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tal-euro huma biss soluzzjonijiet temporanji u jeħtieġ li jiġu appoġġjati b'miżuri politiċi f'livell nazzjonali u b'qafas ta' governanza ekonomika aktar b'saħħtu f'livell tal-UE, partikolarment bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro,

AH.  billi kwalunkwe titjib fis-sorveljanza u l-governanza ekonomika għandu jiddependi minn statistika preċiża u komparabbli rigward il-politiki u l-pożizzjonijiet ekonomiċi rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati,

AI.  billi, biex l-Ewropa ssir attur dinji ewlieni u s-soċjetà bbażata fuq l-għarfien l-aktar kompetittiva, iridu jiġu stabbiliti mill-aktar fis possibbli miżuri orjentati lejn it-tkabbir għal perjodu twil ta' żmien,

AJ.  billi t-TFUE jagħti lill-Unjoni setgħa aqwa għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika fl-Unjoni, u d-dispożizzjonijiet tiegħu għandhom jintużaw bis-sħiħ, filwaqt li t-tibdil aktar fit-tul għad-disposizzjonijiet tat-TFUE, li jistgħu jkunu sensittivi, m'għandux jiġi eskluż,

AK.  billi kwalunkwe penali potenzjali marbuta mal-ksur tal-miri tal-PST trid tirriżulta jew min-nuqqas ta' rieda ta' konformità jew mill-frodi u qatt mill-inkapaċità ta' konformità minħabba raġunijiet li jmorru lil hinn mill-ħila tal-Istat Membru,

AL.  billi l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom iħejju għall-ħtieġa eventwali ta' reviżjoni tat-trattati,

AM.  billi l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jagħti lill-Parlament is-setgħa li jippreżenta proposti għar-reviżjoni tat-Trattati,

AN.  billi jeħtieġ tiġi stabbilita u implimentata leġiżlazzjoni sekondarja komprensiva biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni f'dan il-qasam; billi governanza ekonomika msaħħa għall-Unjoni bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tat-TFUE hija essenzjali, il-metodu tal-Unjoni għandu jintuża kollu kemm hu u r-rwol ewlieni tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni għandu jiġi rrispettat biex jiġu promossi politiki ta' rinforz reċiproku,

AO.  billi kull proposta leġiżlattiva għandha tappoġġa inċentivi kbar għal politiki ekonomiċi sostenibbli “li jsaħħu t-tkabbir”, tevita l-periklu morali, tkun konformi ma' strumenti u regoli oħra tal-UE, timmasimizza l-benefiċċji sħaħ tal-euro bħala munita komuni għaż-żona tal-euro u terġa' ddaħħal il-fiduċja fl-ekonomiji Ewropej u fl-euro,

AP.  billi l-koerenza bejn investimenti pubbliċi għal żmien qasir, medju u fit-tul jeħtieġ li tiġi msaħħa u billi dawn l-investimenti, b'mod partikolari rigward l-infrastruttura, jeħtieġ jintużaw b'mod effiċjenti u jiġu allokati filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, partikolarment fir-rigward tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni sabiex jiżdiedu l-effiċjenza tar-riżorsi u l-kompetittività, titjieb il-produttività, jinħolqu l-impjiegi u jissaħħaħ is-suq intern,

AQ.  billi, biex jitħeġġeġ it-tkabbir ekonomiku, in-negozji u l-imprendituri jridu jingħataw possibilità reali biex jiżviluppaw u jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom lill-500 miljun konsumatur tal-Unjoni; billi konsegwentement is-suq intern għas-servizzi jeħtieġ jiġi żviluppat għalkollox,

AR.  billi mudelli differenti tal-kompetittività fl-Unjoni għandhom jirrispettaw il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż, filwaqt li jitqiesu l-obbligi skont it-TFUE,

AS.  billi jeħtieġ li l-Unjoni tkun irrappreżentata b'pożizzjoni komuni fis-sistema monetarja internazzjonali kif ukoll fil-fora u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; billi fl-ispirtu tat-TFUE, il-Kunsill irid jikkonsulta lill-Parlament Ewropew qabel ma jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 138 tat-TFUE u jrid il-kunsens tal-Parlament qabel ma jistabbilixxi pożizzjonijiet komuni li jkopru oqsma li għalihom, internament, tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

AT.  billi l-miri tal-PST jridu jkunu kompatibbli mhux biss mal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda anke ma' kompromessi oħra li jikkonċernaw in-nefqa fuq l-għajnuna għall-iżvilupp, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-qerda tal-faqar,

AU.  billi biex ikun evitat li jibqgħu jiżdiedu d-diverġenzi eżistenti fil-kompetittività fl-UE kif ukoll li jiddgħajjef is-suċċess tal-governanza ekonomika Ewropea ġdida u msaħħa kif ukoll il-miri tal-Istrateġija UE 2020 għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, l-istrateġija Ewropea dwar il-konsolidament fiskali għandha tqis għalkollox il-partikolaritajiet ta' kull Stat Membru u tevita approċċ sempliċistiku tat-tip “kejl wieħed għal kulħadd”,

AV.  billi kull miżura ġdida li tiġi proposta m'għandux ikollha impatt sproporzjonat fuq l-Istati Membri l-aktar vulnerabbli, billi xxekkel it-tkabbir ekonomiku u l-isforzi ta' koeżjoni tagħhom,

AW.  billi l-kriżi ekonomika li wasslet għall-adozzjoni urġenti tal-mekkaniżmu finanzjarju ewropew għall-istabilizzazzjoni f'Mejju 2010 permezz Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 bl-Artikolu 122(2) tat-TFUE bħala l-bażi legali tiegħu, ma kienx ikkonsultat mal-Parlament,

AX.  billi l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2010 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja tkopri l-modifiki meħtieġa rigward il-ħolqien ta' partita baġitarja ġdida 01 04 01 03 fl-Intestatura 1 A għall-garanzija, għal self massimu ta' EUR 60 biljun mogħtija mill-Unjoni Ewropea f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 122(2) tat-TFUE u, b'mod korrispondenti, tal-Artikolu 8 il-ġdid man-naħa tad-dħul,

AY.  billi xi wħud mill-Istati Membri aktarx ikollhom jużaw il-pakkett ta' salvataġġ, filwaqt li fl-istess ħin se jkunu obbligati jikkunsidraw il-miżuri differenti tiegħu li se jkunu magħmula speċifikament għal kull pajjiż benefiċjarju,

AZ.  billi l-Kummissjoni adottat, fid-29 ta' Settembru 2010, proposti leġiżlattivi dwar il-governanza ekonomika li parzjalment jissodisfaw il-ħtieġa għal miżuri dwar it-titjib tal-governanza ekonomika kif stabbilit f'din ir-riżoluzzjoni; billi l-Parlament se jittratta dawk il-proposti leġiżlattivi taħt id-dispożizzjonijiet xierqa tat-TFUE; billi din ir-riżoluzzjoni ma tillimitax il-pożizzjonijiet futuri li jista' jieħu l-Parlament f'dan ir-rigward,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament mill-aktar fis possibbli wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet xierqa tat-TFUE, proposti leġiżlattivi biex jitjieb il-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro, li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness, sal-punt li dawk ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2010 dwar il-governanza ekonomika;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness josservaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, minbarra l-miżuri li jistgħu u li għandhom jittieħdu bil-ħeffa fil-qafas tat-Trattati eżistenti, tibda tikkunsidra l-iżviluppi istituzzjonali li jistgħu jirriżultaw meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' governanza ekonomika koerenti u effikaċi,

4.  Jikkunsidra li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti bl-allokazzjonijiet baġitarji xierqa filwaqt li jittieħed kont tas-sitwazzjonijiet ta' defiċit u l-miżuri ta' awsterità attwali fl-Istati Membri;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness lill-Kummissjoni, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-President tal-Grupp tal-Euro u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0309.
(2) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.
(3) ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.
(4) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(5) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.
(6) ĠU L 332, 31.12.1993, p. 7.
(7) ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1.
(8) ĠU C 236, 2.8.1997, p. 3.
(9) Testi adottati, P7_TA(2010)0230.
(10) Testi adottati, P7_TA(2010)0224.
(11) Testi adottati, P7_TA(2010)0072.
(12) Testi adottati, P7_TA(2010)0053.
(13) ĠU C 16E, 22.1.2010, p. 8.
(14)1 “Strateġija ġdida għas-suq uniku – għas-servizz tal-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa”: Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea mill-Professur Mario Monti, 9 ta' Mejju 2010.


ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI U L-KONTENTUT TAL-PROSPOSTA MRESSQA

Rakkomandazzjoni 1: It-twaqqif ta' qafas koerenti u trasparenti għas-sorveljanza multilaterali tal-iżviluppi makroekonomiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri u t-tisħiħ tas-sorveljanza fiskali

L-att leġiżlattiv għandu jieħu l-forma ta' regolament(i) dwar is-sorveljanza multilaterali tal-politiki u l-iżviluppi ekonomiċi bbażati fuq l-Artikolu 121(6) TFUE li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar il-fergħa preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) li jiġi kkomplementat minn regolament ġdid bil-għan li jistabbilixxi qafas ta' sorveljanza regolat u trasparenti għall-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, l-effetti ta' tifwir u l-iżviluppi tal-kompetittività. L-att leġislattiv għandu:

   Jiżgura dibattitu annwali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Kunsill u rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali dwar il-Programmi tal-Istabbiltà u l-Konverġenza (PSK) u l-Programmi ta' Riforma Nazzjonali (PRN) u fuq il-valutazzjoni tal-iżviluppi ekonomiċi nazzjonali bħala parti mis-Semestru Ewropew,
   Jiddefinixxi l-ambitu tas-sorveljanza multilaterali bbażata fuq l-istrumenti tat-TFUE u l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni (Artikolu 121, b'mod partikolari l-paragrafi 5 u 6 u l-Artikolu 148) biex jiġi inkluż it-tkabbir u l-impatt ekonomiku tiegħu fuq l-impjiegi fl-istess qafas legali bħal dak tal-istrumenti eżistenti bil-għan li jiġu evitati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, il-politika fiskali u politiki oħrajn insostenibbli u tiġi indirizzata l-istabilità finanzjarja (i.e. jiġu evitati l-bżieżaq finanzjarji li jirriżultaw mill-influssi eċċessivi tal-krediti), l-investiment fit-tul u t-tħassib dwar it-tkabbir sostenibbli, bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u ta' żviluppi rilevanti oħrajn; valutazzjonijiet regolari dwar ir-riskji sistemiċi mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku għandhom jiffurmaw parti integrali mill-proċedura annwali ta' sorveljanza,
   Jistabbilixxi qafas imsaħħaħ ta' sorveljanza analitika (inkluża tabella ta' valutazzjoni b'valuri speċifiċi li jagħtu lok għal twissija bikrija) bl-istrumenti metodoloġiċi xierqa u bi trasparenza għal sorveljanza multilaterali effikaċi bbażata fuq indikaturi ekonomiċi ewlenin (reali u nominali), li jistgħu jolqtu l-pożizzjonijiet ta' kompetittività u/jew l-iżbilanċi eċċessivi; dawn l-indikaturi ewlenin jistgħu jkunu: ir-rati tal-kambju reali effettivi, il-kont kurrenti, il-produttività (inklużi l-produttività tar-riżorsi u l-produttività tal-fattur totali), l-ispejjeż unitarji tax-xogħol, it-tkabbir tal-kreditu u l-iżviluppi tal-prezz tal-assi (inklużi assi finanzjarji u swieq tal-proprjetà), ir-rata tat-tkabbir u tal-investiment, ir-rata tal-qgħad, il-pożizzjonijiet netti tal-assi barranin, l-evoluzzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-faqar u l-koeżjoni soċjali u l-indikaturi tal-esternalitajiet ambjentali; il-limiti tat-twissija għandhom ikunu ddefiniti għall-indikaturi inklużi fit-tabella ta' valutazzjoni u l-iżviluppi kollha f'dawn l-indikaturi għandhom ikunu kkomplementati minn valutazzjoni kwalitattiva mill-Kummissjoni,
   Jimplimenta sorveljanza profonda dwar pajjiżi speċifiċi, jekk ikun żvelat li dan ikun meħtieġ mit-tabella ta' valutazzjoni u mill-valutazzjoni kwalitattiva relatata msemmija hawn fuq; minbarra din is-sorveljanza profonda dwar pajjiżi speċifiċi, l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà jiddeċiedu dwar il-politiki nazzjonali li għandhom l-għan li jittrattaw (jipprevjenu u jikkoreġu) l-iżbilanċi makroekonomiċi, flimkien mal-ħtieġa li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-Kummissjoni u d-dimensjoni tal-Unjoni ta' dawk il-politiki nazzjonali, partikolarment għal dawk l-Istati fiż-żona tal-euro. L-aġġustament għandu jkun dirett kemm għal Stati bi żbilanċ eċċessiv kif ukoll għal dawk b'bilanċ eċċessiv fl-attiv, billi jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull pajjiż, bħad-demografija, il-livell ta' dejn privat, ix-xejriet fil-pagi meta jitqabblu mal-produttività tax-xogħol, l-impjiegi – b'mod speċjali l-impjiegi taż-żgħażagħ – u l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti,
   Jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tiżviluppa l-għodda analitika u l-kompetenza xierqa biex tinvestiga r-raġunijiet bażiċi għat-tendenzi diverġenti persistenti fiż-żona tal-euro, inkluż l-impatt tal-politiki komuni fuq is-sistemi ekonomiċi divrenzjati fi ħdanha,
   Jistabbilixxi regoli komuni għal użu aktar attiv tal-Linji Gwida Wesgħin għall-Politika Ekonomika flimkien mal-linji gwida dwar l-impjieg bħala għodda prinċipali għall-gwida ekonomika, is-sorveljanza u r-rakkomandazzjonijiet għal kull Stat Membru skont l-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jitqiesu l-konverġenzi u d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u l-vantaġġi kompetittivi relattivi tagħhom fosthom il-qagħda demografika, bil-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija għax-xokkijiet esterni u l-impatt li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri jistgħu jħallu fuq Stati Membri oħra, b'mod partikolari fiż-żona tal-euro,
   Jistabbilixxi mekkaniżmu fil-livell nazzjonali biex jivvaluta l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' Ewropa 2020 u kif jintlaħqu l-miri nazzjonali rilevanti inklużi fil-programm ta' Riforma Nazzjonali sabiex tkun appoġġata l-evalwazzjoni annwali mill-istituzzjonijiet tal-UE,
   Jistabbilixxi proċeduri biex il-Kummissjoni tkun tista' toħroġ twissijiet bikrin u tagħti parir dwar il-politiki f'fażi bikrija direttament lill-Istati Membri; f'każijiet fejn ikun hemm żbilanċ makroekonomiku persistenti u aggravanti, proċedura trasparenti u oġġettiva għandha tippermetti li Stat Membru jitqiegħed f'“pożizzjoni ta' żbilanċ eċċessiv” li twassal għal sorveljanza aktar stretta,
   Jistabbilixxi “Semestru Ewropew” għal tqabbil u valutazzjoni ta' abbozzi tal-baġits tal-Istati Membri (elementi ewlenin u l-assunzjonijiet), wara diskussjoni mill-parlamenti nazzjonali, sabiex tiġi evalwata aħjar l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni futura tal-PSK u l-PRN. Ir-regoli baġitarji tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jiġu rispettati. l-Istati Membri għandhom iressqu l-PSK u l-PRN tagħhom lill-Kummissjoni f'April, wara l-involviment xieraq min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u filwaqt li jitqiesu r-regoli u l-konklużjonijiet f'livell tal-UE; il-Parlament Ewropew, min-naħa tiegħu, jista' jistabbilixxi mod sistematiku biex jappoġġja dibattitu pubbliku u jżid l-għarfien, il-viżibilità u r-responsabilità ta' dawn il-proċeduri u kif l-istituzzjonijiet tal-UE implimentaw ir-regoli miftiehma,
   Jistabbilixxi “Semestru Ewropew” biex jittratta effetti potenzjali ta' tifwir tal-politiki fiskali nazzjonali kif ukoll l-identifikazzjoni bikrija ta' żbilanċi baġitarji eċċessivi u jiggarantixxi l-koerenza bejn l-azzjonijiet fil-livell tal-UE u dawk nazzjonali taħt il-Linji Gwida Integrati, kif ukoll it-twettiq tal-miri kwantitattivi u kwalitattivi, bħat-tkabbir u l-impjiegi, li jippermettu kontribuzzjoni reali u f'waqtha mill-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, kif ukoll il-konsultazzjoni tas-sħab soċjali,
   Jiżgura li rakkomandazzjonijiet annwali tal-politika jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew qabel id-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
   Jiżgura li s-suppożizzjonijiet u l-indikaturi ewlenin użati fil-previżjonijiet sottostanti għall-preparazzjoni tal-PSK u l-PRN nazzjonali jiġu derivati b'mod robust u konsistenti, speċjalment fiż-żona tal-euro, jadotta approċċ bi tliet livelli li jiġbor fih każ makroekonomiku negattiv, ieħor ta' bażi u ieħor favorevoli u li jqis ix-xenarju ekonomiku internazzjonali inċert. Metodoloġiji għall-kalkolu tal-aggregat tal-baġit prinċipali għandu jkun armonizzat aktar sabiex jiġi ffaċilitat il-paragun bejn l-Istati Membri,
   Jintroduċi impenn akbar fil-PSK u l-PRN biex jaderixxu mal-Objettiv Fiskali għal Terminu Medju (OFTM), li jqis il-livelli attwali tad-dejn u l-passiv impliċitu tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward ta' popolazzjoni li qed tixjieħ,
   Jintroduċi rabta aktar b'saħħitha bejn il-PSK u l-PRN u l-oqfsa baġitarji nazzjonali annwali u multiannwali, filwaqt li jiġu osservati r-regoli u l-proċeduri nazzjonali,
   Jintroduċi valutazzjoni aktar qawwija tal-PSK, mill-perspettiva tal-interkonnessjonijiet tagħhom mal-miri ta' Stati Membri oħra u dawk tal-Unjoni qabel l-adozzjoni tal-politiki maħsuba fil-PSK fil-livell nazzjonali,
   Jintroduċi involviment qawwi min-naħa tal-parlamenti nazzjonali qabel il-preżentazzjoni formali tal-PSK u l-PRN fil-livell tal-UE f'qafas miftiehem ta' żmien, pereżempju permezz ta' dibattitu annwali bejn il-parlamenti nazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew, dwar il-linji gwida integrati u dwar l-orjentamenti baġitarji rispettivi tagħhom,
   Jistabbilixxi paragun aktar sistematiku ex-post bejn il-pożizzjonijiet fiskali, tat-tkabbir u tal-impjieg ippjanati kif mogħtija mill-Istati Membri fil-PSK u l-PRN tagħhom u r-riżultati, il-mistoqsijiet u s-segwitu effettivament reali dwar id-diverġenzi sostanzjali bejn iċ-ċifri ppjanati u dawk milħuqa tassew,
   Jiżgura li għandhom ikunu segwiti r-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet dwar il-politika annwali maħruġa mill-Kummissjoni rigward il-konformità tal-Istati Membri mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jiġu żviluppati inċentivi biex ikun żgurat li l-Istati Membri jikkonformaw ma' dawn l-objettivi,
   Jiżgura aktar responsabilità u trasparenza lejn il-Parlament tal-valutazzjoni tal-PSK u l-PRN fil-livell tal-UE biex jikbru l-għarfien tal-pubbliku u l-pressjoni mill-pari,
   Jistabbilixxi, taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni, proċess indipendenti, sistematiku u b'saħħtu ta' evalwazzjoni rigward il-PSK u l-PRN, biex ikun hemm approċċ aktar trasparenti u tiżdied il-valutazzjoni indipendenti,
   Jistabbilixxi proċeduri u rekwiżiti speċifiċi biex l-Istati Membri, partikolarment dawk fiż-żona tal-euro, jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni qabel jieħdu deċiżjonijiet dwar politiki ekonomiċi li jkollhom effetti tanġibbli mistennija ta' tifwir, li jistgħu jgħawġu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM),
   Jistabbilixxi rekwiżit biex l-Istati Membri jagħtu informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni, jekk ikun hemm tħassib sostanzjali li l-politiki mħaddma jistgħu jipperikolaw it-tkabbir fl-0Unjoni kollha jew il-funzjonament xieraq tas-suq intern, tal-UEM jew jipperikolaw il-miri stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, jiġifieri dawk fl-Istrateġija Ewropa 2020,
   Jikkunsidra l-valutazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku fil-qafas superviżorju multilaterali, b'mod partikolari rigward l-istabbiltà finanzjarja, l-istress tests, l-effetti potenzjali ta' tifwir “il barra u ”l ġewwa u l-akkumulazzjoni ta' dejn privat eċċessiv.
   Jistabbilixxi qafas ta' sorveljanza sod u trasparenti magħmul minn żewġ pilastri – politiki ekonomiċi u politiki dwar l-impjiegi – abbażi tal-Artikoli 121 u 148 TFUE. Taħt il-pilastru tal-impjiegi, bħala parti mill-Istrateġija Ewropea riveduta u msaħħa dwar l-Impjiegi, dan il-qafas għandu jippermetti l-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki tal-impjiegi fid-dawl tal-Linji Gwida għall-Politiki tal-Impjiegi biex jippermettu li tiġi formulata gwida ġenwina, billi titqies id-dimensjoni Ewropea u l-effetti sekondarji, u t-tisrif sussegwenti tagħhom fit-tfassil domestiku ta' politiki. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti rakkomandazzjonijiet f'waqthom u ta' natura preventiva biex jindirizzaw id-dgħufijiet u l-isfidi ewlenin li jiffaċċaw il-politiki tal-impjiegi u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.
   Isaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat għall-Impjiegi, kif stipulat fl-Artikolu 150 TFUE – b'mod partikolari fl-indirizzar ta' kwestjonijiet relatati mal-impjiegi transkonfinali – u r-rwol tal-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali kif stipulat fl-Artikolu 160 tiegħu,
   Jiżgura li, fil-valutazzjonijiet baġitarji kollha, ir-riformi strutturali li jsiru minn Stati Membri jitqiesu b'mod espliċitu, partikolarment ir-riforma tal-pensjoni, il-kura tas-saħħa u l-ħarsien soċjali li għandhom fil-mira tagħhom l-indirizzar tal-iżviluppi demografiċi, kif ukoll dawk rigward l-għajnuna, l-edukazzjoni u r-riċerka, bejn tingħata importanza ugwali lis-sostenibbiltà u l-adegwatezza. Valutazzjoni għandha ssir ukoll tal-impatt soċjali u fuq l-inpjiegi ta' dawk ir-riformi, partikolarment fuq il-gruppi soċjali vulnerabbli, sabiex ma tiġi stabbilita l-ebda regola mingħajr valutazzjoni minn qabel tal-impatt fuq l-impjiegi u l-ħarsien soċjali fl-Istati Membri.
   Jattiva l-klawsola soċjali orizzontali tat-Trattat ta' Lisbona, billi jiqiesu d-drittijiet u l-miri soċjali waqt id-definizzjoni ta' politiki ġodda tal-UE.
   Issir dispożizzjoni għall-Parlament Ewropew biex ikun involut kif xieraq fiċ-ċiklu ta' sorveljanza tal-politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi u l-valutazzjoni tal-impatt soċjali ta' dawk il-politiki. F'dan il-kuntest, iż-żmien u l-proċess ta' adozzjoni tal-Linji Gwida Integrati, b'mod partikolari l-Linji Gwida għall-Politiki tal-Impjiegi, għandhom jitfasslu b'tali mod li l-Parlament Ewropew ikollu ż-żmien meħtieġ biex jaqdi r-rwol konsultattiv tiegħu skont l-Artikolu 148(2) TFUE.
   L-introduzzjoni ta' qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni sod u trasparenti għall-Linji Gwida tal-Politiki dwar l-Impjiegi abbażi ta' miri ewlenin tal-UE, li għandhom jiġu segwiti minn sottomiri, indikaturi u tabelli ta' valutazzjoni xierqa, billi jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi li joħorġu għal kull Stat Membru skont il-punti tat-tluq differenti għal kull pajjiż.
   Jitlob lid-dipartimenti EPSCO u ECOFIN tal-Kunsill u l-gruppi ta' ħidma rispettivi tagħhom biex isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom billi jagħmlu , ukoll laqgħat konġunti biannwali biex jiżguraw li l-politiki tagħhom ikunu integrati tassew.

Rakkomandazzjoni 2: It-tisħiħ tar-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST)

L-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat (fuq il-bażi ta', inter alia, l-Artikolu 126 TFUE) għandu jkollu l-għan b'mod partikolari li jsaħħaħ il-fergħa preventiva tal-PST u jinkludi sanzjonijiet aktar bis-sens mil-lat ekonomiku u minn dak politiku , waqt li titqies debitament l-istruttura tal-iżbilanċ baġitarju u d-dejn nazzjonali (inklużi r-responsabbiltajiet impliċiti), iċ-“ċiklu ekonomiku”, biex ma tiġi evitata politika baġitarja proċiklika, kif ukoll in-natura tal-introjtu pubbliku u l-infiq pubbliku nazzjonali meħtieġa għal riformi strutturali li jtejbu t-tkabbir; l-Istati Membri kollha għandhom jimmiraw lejn il-progress, iżda dawk b'distakki akbar għandhom jikkontribwixxu ġeneralment aktar biex jilħqu l-miri rigward l-istokk ta' djun u l-iżbilanċi. L-evoluzzjoni demografika għandha wkoll titqies fil-valutazzjoni tal-iżbilanċi tal-kont kurrenti. L-att leġislattiv għandu:

   Jintegra aħjar il-kriterji tad-“dejn” (l-“spett tas-sostenibbiltà”) f'kull pass tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv (EDP) u t-twaqqif ta' Proċedura ta' Sorveljanza fuq id-Dejn Eċċessiv (EDSP) abbażi tal-livelli ta' dejn gross. L-EDSP tkun tirrikjedi rapporti regolari dettaljati dwar id-dinamika tad-dejn u tal-żibilanċ, l-interkonnessjoni bejniethom u l-iżvilupp tagħhom, filwaqt li tqis il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u b'mod li jippermetti skedi ta' żmien differenti għal kull Stat Membru biex jirkupra sal-valuri ta' mira stipulati fil-PST; il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mas-sħab soċjali Ewropej u ma' dawk nazzjonali rilevanti, bħala arti mill-PSDE,
   Iqis il-livell tad-dejn, il-profil tad-dejn (inkluża l-maturità) u d-dinamika tad-dejn (stima tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi) b'aktar importanza fil-pass tal-konverġenza lejn OFTM speċifiku għal kull Stat Membru li għandu jiġi inkluż fil-PSK,
   Bħala parti mill-PSDE, jistabbilixxi qafas armonizzat ċar biex ikejjel u jimmonitorja d-dinamika tad-dejn, inklużi l-obbligazzjonijiet impliċiti u kontinġenti, bħalma huma esponimenti tal-pensjoni pubblika u garanziji pubbliċi (inter alia, sew jekk ikunu prinċipali, imgħaxijiet jew flussi tad-dħul) fl-investimenti ta' sħubijiet bejn il-privat u l-pubbliku, u l-kosts ta' tali investimenti għall-baġit nazzjonali matul is-snin,
   Jistabbilixxi skeda ta' żmien speċifika differenzjata għal kull pajjiż għall-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali li m'għandhiex issir aktar tard mill-2015, bil-ħsieb ta' allinjament mill-ġdid tal-livelli kollha ta' defiċit pubbliku mar-rekwiżiti stabbiliti fil-PST,
   Jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jinkludi twissijiet pubbliċi possibbli u sanzjonijiet u inċentivi inkrimentali għall-Istati Membri li ma laħqux l-OFTM speċifiku għal pajjiżhom jew li mhumiex joqorbu lejh bil-pass maqbul, kif ukoll stimolu ekonomiku possibbli għall-pajjiżi li laħqu l-OFTM tagħhom qabel ma kien mistenni,
   Jistabbilixxi regoli u linji gwida minimi għal proċeduri baġitarji nazzjonali (jiġifieri oqfsa finanzjarji annwali u multiannwali) biex jinqeda l-obbligu fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv. Dawk l-oqfsa nazzjonali għandhom jinkludu tagħrif suffiċjenti kemm dwar in-naħa tal-ispiża kif ukoll dwar in-naħa tad-dħul tal-azzjonijiet baġitarji ppjanati sabiex jippermetti diskussjoni bis-sens u skrutinju tal-pjanijiet baġitarji fil-livell nazzjonali u tal-UE; barra minn hekk, jeħtieġ isir aktar xogħol dwar il-komparabbiltà tal-baġits nazzjonali rigward il-kategoriji tal-infiq u tal-introjtu tagħhom u l-prijoritajiet politiċi li jirriflettu,
   Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' twissija bikrija għall-kontroll baġitarju fil-livell nazzjonali,
   Jistabbilixxi miżuri speċifikati minn qabel u preventivi fi ħdan iż-żona tal-euro li għandhom jiġu deċiżi taħt il-kompetenza Kummissjoni, sew għall-fergħa prventiva kif ukoll għal dik korrettiva tal-PST, sabiex jffaċilitaw il-passi ta' twissija bikrija u japplikawhom progressivament,
   Jinforza u jimplimenta dawn is-sanzjonijiet u inċentivi għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, fil-qies tal-interkonnessjonijiet tassew mill-qrib mal-ekonomiji barra miż-żona tal-euro, speċjalment dawk li mistennija jidħlu fiż-żona tal-euro, bħala parti mill-qafas ġid ta' sorveljanza multilaterali u l-istrumenti mtejba tal-PST, b'mod partikolari fokus aktar qawwi fuq l-OFTM,
   Jagħmel it-tibdil meħtieġ fil-proċedura interna tal-Kummissjoni għat-teħid tad-deċiżjonijiet, bir-rispett dovut għall-prinċipji kurrenti mnaqqxa fit-TFUE, biex tkun iggarantita implimentazzjoni effiċjenti u rapida ta' mekkaniżmi ta' sanzjoni taħt il-kompetenza ċara tagħha, speċjalment għall-Istati Membri taż-żona tal-euro,
   Jiżgura li d-deċiżjoni dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-PST tittieħed mill-Kummissjoni b'mod aktar indipendenti mill-Kunsill, sabiex ikunu rrispettati bis-sħiħ il-prinċipji tal-PST.

Rakkomandazzjoni 3: It-titjib tal-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro mill-Grupp tal-Euro kif ukoll l-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali

Fl-għarfien tal-importanza li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jipparteċipaw fl-ilħiq tal-konverġenza ekonomika, iżda wkoll b'rikonoxximent li l-pajjiżi taż-żona tal-euro huma f'sitwazzjoni differenti minn Stati Membri oħra minħabba li m'għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom il-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju jekk ikollhom bżonn jaġġustaw il-prezzijiet relattivi u li jaqsmu r-responsabbiltà tal-funzjonament tal-Unjoni Monetarja Ewropea kollha kemm hi, ir-regoli l-ġodda, ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet l-oħra f'din ir-riżoluzzjoni u l-Artikolu 136 TFUE u l-Protokoll (Nru 14) tiegħu dwar il-Grupp tal-Euro, għandhom l-għan li:

   Jistabbilixxu qafas speċifiku għaż-żona tal-euro għall-monitoraġġ imsaħħaħ, li jiffoka fuq diverġenzi makroekonomiċi eċċessivi, it-tkabbir ekonomiku, il-livelli tal-qgħad, il-kompetittività tal-prezzijiet, ir-rati tal-kambju reali, it-tkabbir tal-kreditu u l-iżviluppi tal-kontijiet kurrenti tal-Istati Membri kkonċernati,
   Jistabbilixxu qafas regolari biex tiżdied il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri kollha tal-UE sabiex tkun immonitorjata u tikber il-konverġenza ekonomika u jiġu diskussi żbilanċi makroekonomiċi potenzjali fi ħdan l-Unjoni,
   Iqawwu l-importanza tar-rapporti annwali ta' sorveljanza dwar iż-żona tal-euro bbażati fuq rapporti tematiċi u multinazzjonali li jiffokaw, minn naħa waħda, fuq l-effetti indiretti potenzjali ta' żviluppi ekonomiċi globali u ta' politiki u ċirkostanzi li għandhom impatt partikolari fuq ċerti Stati Membri fiż-żona tal-euro u, min-naħa l-oħra, fuq l-effetti li d-deċiżjonijiet ekonomiċi li jieħu l-Grupp tal-Euro jista' jkollhom fuq il-pajjiżi u r-reġjuni lil hinn miż-żona tal-euro; għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-identifikazzjoni ta' politiki li jiġġeneraw effetti indiretti pożittivi, b'mod partikolari f'perjodi ta' tnaqqis ekonomiku, u b'hekk jirfdu t-tkabbir sostenibbli fiż-żona tal-euro kollha kemm hi,
   Isaħħu s-segretarjat tal-President tal-Grupp tal-Euro,
   Jipprovdu li l-Kummissarju inkarigat mill-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jkun ukoll Viċi President tal-Kummissjoni u jkollu l-kompitu li jiżgura li l-attività ekonomika tal-UE tkun konsistenti, jissorvelja l-mod kif il-Kummissjoni teżerċita r-responsabilitajiet tagħha ekonomiċi, monetarji u jikkoordina dawk relatati mas-suq u li jikkoordina aspetti oħra tal-attività ekonomika tal-Unjoni;
   Iżidu t-trasparenza u l-għoti ta' rendikont għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro billi jiġi stabbilit djalogu regolari mal-President tal-Grupp tal-Euro fi ħdan il-Kumitat kompetenti fil-Parlament, u billi jiġu ppubblikati malajr id-deċiżjonijiet meħuda mill-Grupp tal-Euro fuq is-sit tal-internet tagħhom; jiżguraw li tal-anqas l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro imma li għandhom obbligu jadottaw il-munita komuni jkollhom aċċess għad-dibattitu fi ħdan il-Grupp tal-Euro.

Rakkomandazzjoni 4: It-twaqqif ta' mekkaniżmu sod u kredibbli għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni tad-dejn eċċessiv għaż-żona tal-euro

Valutazzjoni tal-impatt u studju ta' fattibilità, li m'għandhomx jieħdu aktar minn sena biex isiru, għandhom jitwettqu qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe att leġiżlattiv (fuq il-bażi tal-Artikoli 122, 125, 329 (kooperazzjoni msaħħa) u 352 TFUE, jew fuq xi bażi legali oħra xierqa) bil-għan li:

   Jiġi stabbilit mekkaniżmu jew korp permanenti (Fond Monetarju Ewropew), wara eżami xieraq tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu, li m'għandux jieħu aktar minn sena biex isir, , biex jissorvelja l-iżviluppi tad-djun sovrani u jikkomplementa l-PST bħala mekkaniżmu tal-aħħar rikors f'każijiet fejn il-finanzjament tas-suq ma jkunx għadu disponibbli għal gvern u/jew Stat Membru espost għal problemi tal-bilanċ tal-pagamenti; għandu jkun ibbażat fuq mekkaniżmi eżistenti (il-Faċilità Ewropea għall-Istabbiltà Finanzjarja, il-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilizzazzjoni Finanzjarja u l-istrument Ewropew ta' assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti) u għandu jinkludi regoli ċari inter alia dwar l-aspetti li ġejjin:

It-tali mekkaniżmu m'għandux jillimita l-poteri tal-awtorità baġitarja li tistabbilixxi l-baġit tal-UE f'livell xieraq, għandu jevita l-periklu morali u jkun konsistenti mal-prinċipji tal-għajnuna mill-istat u l-konsegwenzi meta dawn jiġu injorati. Għandha ssir ukoll valutazzjoni attenta dwar jekk Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħux jingħaqdu mal-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja fuq il-bażi ta' kull każ għalih u wara li jkunu ssodisfaw kriterji predeterminati,
   a) kriterji ta' sħubija, bħall-qadi tar-rekwiżiti minimi għar-regoli/istituzzjonijiet baġitarji nazzjonali,
   b) il-proċedura deċiżjonali u l-finanzjament,
   c) il-kundizzjonalità għas-self eċċezzjonali,
   d) il-monitoraġġ, u
   e) ir-riżorsi u s-setgħat.
   Jinfurmaw lil-Parlament Ewropew dwar l-effett previst fuq il-klassifikazzjoi tal-kreditu tal-UE:
   a) bil-ħolqien tal-mekkaniżmu ta' stabilizzazzjoni finanzjarja,
   b) bl-utilizzazzjoni tal-linja sħiħa,
   Jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar ir-regoli għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja fir-rigward tal-limiti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM); fid-dawl tal-konsegwenzi baġitarji possibbilment estensivi tiegħu, ikomplu jirriflettu dwar il-mekkaniżmu ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja qabel l-adozzjoni tar-Regolament dwar QFM,
   Jippermetti li ż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit ikunu involuti fid-deċiżjonijiet dwar l-impatt li dan il-mekkaniżmu jista' jkollu fuq il-baġit tal-UE,
   Jappoġġja l-pożizzjoni li kwalunkwe ħtieġa baġitarja possibbli marbuta ma' dan il-mekkaniżmu għandha tkun iffinanzjata permezz ta' reviżjoni ad hoc tal-QFM biex tiżgura li jkun garantit f'waqtu l-involviment suffiċjenti u fil-ħin tal-awtorità tal-baġit.

Rakkomandazzjoni 5: Rieżami tal-istrumenti baġitarji, finanzjarji u fiskali tal-UE

Att leġiżlattiv għandu jiġi adottat /studju ta' fattibilità għandu jitwettaqfi żmien tnax-il xahar bil-għan li:

   Jipproduċi valutazzjoni tal-fattibbiltà fi żmien sena biex fit-tul taż-żmien, jistabbilixxi sistema li biha l-Istati Membri jistagħu jieħdu sehem fil-ħruġ ta' bonds komuni Ewropej u dwar in-natura, ir-riskji u l-vantaġġi tagħha. Il-valutazzjoni għandha tispeċifika l-alternattivi u l-objettivi legali, bħalma huma l-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali Ewropej fit-tul u proġetti strateġiċi permezz ta' bonds tal-proġetti. Il-punti qawwija u d-dgħufijiet tal-alternattivi kollha għandhom ikunu analizzati, fil-qaies ta' implikazzjonijiet possibbli ta' periklu morali għall-membri li jieħdu sehem,
   Isaħħaħ u jaġġorna, filwaqt li ma jintesewx il-miri tal-2020, il-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), sabiex jonqsu d-difetti strutturali u tiżdied il-kompetittività tar-reġjuni ekonomiċi aktar dgħajfa, inter alia billi jitħaffu l-ħtiġijiet finanzjarji tal-SMEs u l-parteċipazzjoni tagħhom b'suċċess fis-suq intern,
   Jisħaq fuq l-importanza tal-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew, li hija essenzjali għall-istabilità tal-ekonomija finanzjarja u tas-suq ħieles tal-Unjoni Ewropea,
   Iħeġġeġ sabiex tinżamm separazzjoni ċara bejn il-politiki fiskali u monetarji, sabiex ma tisfax mhedda l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew,
   Jiżviluppa prinċipji baġitarji komuni rigward il-kwalità tal-infiq pubbliku (sew għall-baġits nazzjonali kif ukoll għal dak tal-UE) u ġabra ta' politiki u strumenti komuni biex jappoġġaw l-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jinżamm ekwilibrju bejn li jintlaħqu miri ta' dixxiplina u li jitħalla jsir finanzjament fit-tul ta' impjiegi u investimenti sostenibbli,
   Jistabbilixxi qafas ċar għal sforz konġunt imġedded, b'fondi baġitarji tal-UE u b'riżorsi finanzjarji tal-BEI, biex fil-QFM li ġej ikun hemm leverage akbar tal-fondi tal-baġit u sfruttament aħjar tal-ħila esperta tal-BEI f'termini ta' inġinerija finanzjarja, impenn lejn il-politiki tal-UE u rwol kruċjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji tas-settur pubbliku u dak privat, kif ukoll biex jissaħħaħ ir-rwol tal-BEI u tal-fondi ta' Koeżjoni, b'mod partikolari matul perjodi ta' tnaqqis ekonomiku,
   Jistabbilixxi grupp ta' livell għoli għall-politika fiskali presedut mill-Kummissjoni b'mandat biex, fi żmien sena, jipproduċi pjanta tar-rotta għal approċċ strateġiku u prammatiku dwar kwistjonijiet ta' politika fiskali, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali u r-rifuġji fiskali, isaħħaħ il-kodiċi ta' kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi, filwaqt li jagħmel proċeduri aktar estensivi kontra l-kompetizzjoni fiskali inġusta, iwessa' l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, u jiffaċilita l-adozzjoni ta' riformi fiskali li jtejbu t-tkabbir u jeslora strumenti ġodda. L-aġenda esterna tal-UE, partikolarment fil-kuntest tal-G20, fi kwistjonijiet fiskali, għandha tiġi analizzata minn dan il-grupp ta' livell għoli għall-politika fiskali.
   Jistabbilixxi grupp ta' livell għoli tal-politika fiskali ppresedut mill-Kummissjoni b'mandat biex jistudja l-ħolqien ta' Teżor Komuni Ewropew (TKE), bl-objettiv li jagħti lill-Unjoni Ewropea riżorsi proprji ta' finanzjament skont il-Trattat ta' Lisbona sabiex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq it-trasferimenti nazzjonali.
   Isaħħaħ is-suq intern permezz tal-promozzjoni tal-kummerċ elettroniku u l-kummerċ transnazzjonali, jissimplifika l-proċeduri tal-ħlas online u jarmonizza strumenti fiskali sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija Ewropea.

Rakkomandazzjoni 6: Ir-regolamenti u s-superviżjoni tas-swieq finanzjarji b'dimensjoni makroekonomika ċara:

L-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li:

   Jiżgura li kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva rigward servizzi finanzjarji tkun konformi mal-politiki makroekonomiċi sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza meħtieġa u l-istabilità tas-suq, u konsegwentement biex tingħata spinta lill-fiduċja fis-swieq u fl-iżvilupp ekonomiku,
   Jippromwovi modi kif tinkiseb implimentazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti ta' kapital tal-Pilastru  II bħala reazzjoni għal “asset bubbles” speċifiċi jew kwistjonijiet ta' provvista ta' flus,
   Jirregola l-interkonnessjonijiet bejn is-swieq finanzjarji u politiki makroekonomiċi sabiex jiżgura l-istabilità, it-trasparenza, ir-responsabilità u jikkontrolla l-inċentivi għal teħid ta' riskju eċċessiv,
   Jipprovdi għall-valutazzjoni fuq bażi regolari tal-iżviluppi tal-prezzijiet tal-assi u t-tkabbir tal-kreditu fl-Istati Membri u l-impatt tagħhom fuq l-istabilità finanzjarja u l-iżviluppi tal-kont kurrenti kif ukoll ir-rati tal-kambju effettivament reali tal-Istati Membri,
   Jagħti lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej il-poteri superviżorji esklussivi fuq istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali kbar,

Rakkomandazzjoni 7: It-titjib fl-affidabilità tal-istatistika tal-UE

L-att leġiżlattiv li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li:

   Jiżgura l-implimentazzjoni stretta ta' impenji politiċi maqbula fil-qasam tal-istatistika,
   Isaħħaħ il-poteri investigattivi tal-Kummissjoni (Eurostat), inkluż bispezzjonijiet fuq il-post mingħajr twissija minn qabel u aċċess għal kull informazzjoni dwar il-kontabilità u l-baġit, inklużi laqgħat ma' individwi jew aġenziji familjari ma' tali informazzjoni bħal ekonomisti indipendenti, organizzazzjonijiet tan-negozju u l-għaqdiet tal-ħaddiema, għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi, Jekk dan ikun f'loku, dawn il-miżuri għandhom ikunu akkompanjati minn żieda fil-baġit u r-riżorsi umani tagħha,
   Jesiġi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'data li tkun konformi mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea(1),
   Jesiġi li l-Istati Membri jindikaw liema data pprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) tkun appoġġata minn rapport ta' awditur indipendenti,
   Jistabbilixxi sanzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji għall-għoti ta' statistika li ma tikkonformax mal-prinċipji tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009,
   Jagħmel rieżami tal-ħtieġa għal data aktar armonizzata, rilevanti għall-qafas ta' governanza ekonomika proposta f'dan l-Anness. B'mod partikolari, jiżgura qafas ta' kwalità xierqa għall-istatistika Ewropea meħtieġa biex jitjieb il-qafas analitiku ta' sorveljanza, inkluża tabella ta' valutazzjoni, għal sorveljanza multilaterali effikaċi skont ir-Rakkomandazzjoni 1,
   Jarmonizza d-data tal-finanzi pubbliċi abbażi ta' metodu ta' kontabilità standardizzat u aċċettat fil-qasam internazzjonali,
   Jiżgura l-iżvelar konsistenti u miftuħ ta' obbligazzjonijiet li ma jidhrux fil-karti tal-bilanċ, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħlasijiet futuri mitluba għal pensjonijiet tas-settur pubbliku u għal kuntratti fit-tul mas-settur privat għall-kiri jew l-għoti ta' faċilitajiet pubbliċi.

Rakkomandazzjoni 8: It-titjib fir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni fil-qasam tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

L-att leġiżlattiv (ibbażat fuq l-Artikolu 138 TFUE) li għandu jiġi adottat għandu jkollu l-għan li:

   Ifittex qbil dwar rappreżentanza għaż-żona tal-euro/għall-UE fil-FMI u f'istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti oħrajn, fejn dan ikun f'loku,
   Jagħmel rieżami tal-arranġamenti għar-rappreżentanza taż-żona tal-euro/tal-UE f'korpi internazzjonali oħrajn fil-qasam tal-istabbiltà ekonomika, monetarja u finanzjarja.
   Fl-ispirtu tad-dispożizzjonjiet tat-TFUE, jinkludi proċedura biex jinforma u jinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew qabel l-adozzjoni ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 138 tiegħu,
   Jistabbilixxi aġenda internazzjonali ċara u mmirata taż-żona tal-euro/tal-UE li tiggarantixxi kundizzjonijiet internazzjonali ugwali għal kulħadd fl-aġenda fiskali, ta' kontra l-frodi u tar-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja fl-UE,
   Flimkien mal-miżuri li jistgħu u li għandhom jittieħdu bl-akbar ħeffa possibbli fil-qafas istituzzjonali tal-lum, jibda riflessjoni bil-għan li jidentifika l-limiti tal-qafas istituzzjonali u li jindika rotot għal riforma tat-Trattati b'tali mod li jkunu jistgħu jiġu implimentati mekkaniżmi u strutturi indispensabbli għal governanza ekonomika koerenti u effikaċi, li tippermetti konverġenza makroekonomika bejn l-Istati Membri sew taż-żona tal-euro kif ukoll barra minnha.

(1) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

Avviż legali - Politika tal-privatezza