Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (COM(2009)0194 – C7-0043/2009 – 2009/0060A(COD))
(Proċedura ordinarja leġislattiva: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2009)0194),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikoli 179(1) u 181, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0043/2009),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 209(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0078/2009),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinstab hawnhekk;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta tagħha b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp ▌
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikolu 209(1) tiegħu,
Wara li kkunsudraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(1),
Billi:
(1) Sabiex jitjibu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-għajnuna esterna tal-Komunità, fl-2006 ġie stabbilit qafas ġdid li jsostni l-pjanifikazzjoni u l-provvista ta' attivitajiet ta' għajnuna. Jinkludi r-Regolament (KE) Nru 1085/2006 tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA)(2), ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli(4), ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà(5), ir-Regolament (Euratom) Nru 300/2007 tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari(6), ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja(7), u r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(8).
(2) Fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 ħarġu xi inkosistenzi fir-rigward tal-eżenzjoni għall-prinċipju tan-nuqqas ta' eliġibbiltà tal-ispejjeż relatati ma' taxxi, dazji u ħlasijiet oħrajn. Fid-dawl ta' dan, hu propost li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet relevanti ta' dak ir-Regolament sabiex ikun konformi mal-istrumenti l-oħrajn.
(3) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati b'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-Dokumenti Strateġiċi Ġeografiċi, il-Programmi Indikattivi Multiannwali u d-Dokumenti Strateġiċi għall-programmi tematiċi, billi dawn jissupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u huma ta' applikazzjoni ġenerali. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell ta' esperti.
(4) Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b'dan emendat kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 17(2), it-tieni subġaragrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni, permezz ta' atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 35, u suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikoli 35a u 35b, istruzzjonijiet ulterjuri dwar l-allokazzjoni tal-ammont totali fost il-benefiċjarji.‘;
"
(2)L-Artikolu 21(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Artikolu 21
Adozzjoni ta' dokumenti ta' strateġija u programmi indikattivi pluriennali
Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikoli 19 u 20, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 20(1), kif ukoll miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 35, u suġġett għall-kondizzjonijiet imniżżlin fl-Artikoli 35a u 35b.
"
(3)L-Artikolu 22(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
3.Il-programmi ta' azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
"
(4)Fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:"
3.Fejn l-ispiża ta' dawn il-miżuri tisboq l-EUR 10 000 000, il-Kummissjoni għandha tadottahom filwaqt li tqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal miżuri speċjali taħt l-EUR 10 000 000, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-miżuri lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.
4.L-emendi għal miżuri speċjali, bħal dawk li jwettqu adattamenti tekniċi, li jestendu l-perjodu ta' implimentazzjoni, li jassenjaw mill-ġdid il-fondi fil-baġit proviżorju, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b'ammont li jkun anqas minn 20 % tal-baġit inizjali, kemm-il darba dawn l-emendi ma jkollhomx effett fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu kkomunikati fi żmien xahar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
"
(5) L-Artikolu 25(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
2. Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Unjoni m'għandhiex tintuża għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.
"
(6)Fl-Artikolu 33, il-paragrafi 1 u 2 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:"
1.Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ u reviżjoni tal-programmi tagħha b'mod regolari, u tevalwa r-riżultati tal-implimentazzjoni ta' linji politiċi u programmi ġeografiċi u tematiċi, u ta' linji politiċi settorali u l-effettività tal-ipprogrammar, fejn hu xieraq permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti, sabiex jiġi żgurat jekk l-objettivi ġewx milħuqa u tkun tista' tfassal rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jiġu mtejba operazzjonijiet ġejjienin. Għandhom jitqiesu kif jistħoqq il-proposti mill-Parlament Ewropew, mill-parlamenti nazzjonali jew mill-Kunsill għal evalwazzjonijiet esterni indipendenti. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-setturi soċjali u għall-progress magħmul lejn il-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju.
2.Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni. Ir-riżultati għandhom iwasslu għad-disinn ta' programmi u l-allokazzjoni ta' riżorsi.
"
(7)L-Artikolu 34(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
1.Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati, u sa fejn hu possibbli, dwar l-eżiti ewlenin u l-impatti tal-assistenza. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat ukoll lill-parlamenti nazzjonali, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.‘;
"
(8)L-Artikolu 35 għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Artikolu 35
L-eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa li tadotta l-atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 21 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2.Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3.Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.
Artikolu 35a
Ir-revoka tad-delega
1.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 21 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
2.L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna biex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija, filwaqt li tindika s-setgħa ddelegata li tista' tkun suġġetta għar-revoka u r-raġunijiet possibbli għar-revoka.
3.Id-deċiżjoni tar-revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f'data aktar tard speċifikata fiha. M'għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li diġà jkunu fis-seħħ. Għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 35b
Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati
1.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat sa xahrejn mid-data tan-notifika.
Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dan il-perjodu għandu jittawwal b'xahrejn.
2.Jekk, meta jiskadi dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għal att iddelegat, għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulata fih.
L-att iddelegat jista' jiġu ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.
3.Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att iddelegat, dan m'għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għalfejn oġġezzjonat għall-att iddelegat.
"
Artikolu 2
▌
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.