Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/0059(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0052/2010

Testi mressqa :

A7-0052/2010

Dibattiti :

PV 20/10/2010 - 10
CRE 20/10/2010 - 10

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0381

Testi adottati
PDF 463kWORD 134k
Il-Ħamis, 21 ta' Ottubru 2010 - Strasburgu
Stabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi industrijalizzati ***I
P7_TA(2010)0381A7-0052/2010
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat
 Anness

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda Regolament (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (COM(2009)0197 – C7-0101/2009 – 2009/0059(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0197),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 181a tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0101/2009),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tall-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 207(2) u 209(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0052/2010),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif tinsab hawnhekk;

2.  Iqis il-proposta kompatibbli mal-qafas finanzjarju multiannwali għall-2007-2013; ifakkar, madankollu, li l-approprjazzjonijiet annwali għall-perjodu 2010-2013 se jiġu deċiżi mill-awtorità baġitarja bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli
P7_TC1-COD(2009)0059

[Emenda 3, ħlief jekk jingħad mod ieħor]

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207(2) u 209(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja(1),

Billi:

(1)  Sa mill-2007 il-Komunità ssimplifikat il-kooperazzjoni ġeografika tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Asja, l-Asja Ċentrali u l-Amerika Latina u mal-Iraq, l-Iran, il-Jemen u l-Afrika t'Isfel taħt ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(2).

(2)  L-għan primarju u dominanti tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 hu l-qerda tal-faqar permezz tat-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju. L-iskop tal-kooperazzjoni għal programmi ġeografiċi mal-pajjiżi, territorji u reġjuni li qed jiżviluppaw li huma stabbiliti taħt dak ir-Regolament hu limitat aktar b'mod materjali għal miżuri ta' finanzjament maħsubin biex jissodisfaw il-kriterji għal Għajnuna Pubblika għall-Iżvilupp (kriterji ODA) stabbiliti mill-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD/DAC).

(3)  Huwa fl-interess tal-Unjoni li tintensifika r-relazzjonijiet tagħha aktar mal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ikkonċernati, li huma sħab bilaterali importanti u atturi importanti f'fora multilaterali u fil-governanza globali li magħhom l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' rabtiet diversifikati, b'mod partikolari f'oqsma bħal skambji ekonomiċi, kummerċjali, akkademiċi, ta' negozju u xjentifiċi. Hi għalhekk għandha bżonn strument finanzjarju li jippermetti l-finanzjament ta' miżuri bħal dawn, li fil-prinċipju, ma jikkwalifikawx bħala ODA skont il-kriterji tal-ODA iżda li għandhom importanza deċiżiva f'termini tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet u fl-għoti ta' kontribut importanti għall-promozzjoni tal-progress u l-iżvilupp tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati.

(4)  Għal dak il-għan, erba' Azzjonijiet Preparatorji ġew imħejjija fil-proċeduri tal-baġit tal-2007 u l-2008 sabiex tinbeda tali kooperazzjoni msaħħa skont punt (b) tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3) (ir-Regolament Finanzjarju); skambji ta' negozju u xjentifiċi mal-Indja; skambji ta' negozju u xjentifiċi maċ-Ċina; kooperazzjoni ma' gruppi ta' pajjiżi bi dħul medju fl-Asja; u kooperazzjoni ma' gruppi ta' pajjiżi bi dħul medju fl-Amerika Latina. Taħt dak l-Artikolu, il-proċedura leġislattiva, flimkien mal-Azzjonijiet Preparatorji, għandha tiġi konkluża qabel it-tmien tat-tielet sena finanzjarja.

(5)  L-għanijiet u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006(4) huma adattati biex naslu għall-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006. Għal dak il-għan, huwa meħtieġ li jiġi estiż l-ambitu ġeografiku tar-Regolament (KE) Nru 1934/2006 u li jiġi pprovdut pakkett finanzjarju sabiex ikopri l-kooperazzjoni ma' dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(6)  Bit-twessigħ tal-medda ġeografika tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1934/2006 l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati huma koperti b'żewġ strumenti differenti tal-finanzjament tal-azzjoni esterna. Għandu jkun żgurat li ż-żewġ strumenti ta' finanzjament jibqgħu għal kollox separati minn xulxin. Il-miżuri li jissodisfaw il-kriterji ODA se jiġu ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, waqt li r-Regolament (KE) Nru 1934/2006 se jkopri biss miżuri li, fil-prinċipju, ma jissodisfawx dawn il-kriterji. Hemm bżonn ukoll li jkun żgurat li dawk il-pajjiżi li qabel kienu koperti bir-Regolament (KE) Nru 1934/2006, jiġifieri l-pajjiżi u r-reġjuni industrijalizzati kif ukoll pajjiżi u reġjuni oħrajn bi dħul għoli, ma jispiċċawx żvantaġġati, speċjalment mil-lat finanzjarju, bit-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku ta' dak ir-Regolament.

(7)  Minħabba li l-kriżi ekonomika ħolqot tensjoni baġitarja estrema fl-Unjoni kollha, u li t-twessigħ propost jikkonċerna pajjiżi li f'ċerti każijiet laħqu livell ta' kompetittività komparabbli ma' dak tal-Unjoni u livell ta' għajxien medju qrib dak ta' ċerti Stati Membri, il-kooperazzjoni tal-UE għandha tqis l-isforzi li jsiru min-naħa tal-pajjiżi li jirċievu l-għajnuna biex jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, u biex jipparteċipaw fl-objettivi ġenerali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra.

(8)  Ir-reviżjoni tal-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji ta' azzjoni esterna identifikat inkonsistenzi fid-dispożizzjonijiet li jeskludu spejjeż relatati ma' taxxi, dazji jew ħlasijiet oħra bħala ineleġibbli. Minħabba konsistenza, qed jiġi propost li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu armonizzati mal-istrumenti l-oħra.

(9)  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' programmi ta' kooperazzjoni pluriennali, peress li dawn il-programmi jissupplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 u huma ta' applikazzjoni ġenerali. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti.

(10)  Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1934/2006 għandu b'dan jiġi emendat kif ġej:

(1)  it-titolu tar-Regolament għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli, i u ma' pajjżi li qed jiżviluppaw u li jaqgħu taħt Regolament (KE) Nru 1905/2006, għall-attivitajiet apparti l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp

"

(2)  l-Artikoli 1 sa 3 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:"

Artikolu 1

Għan

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-pajjiżi u t-territorji industrijalizzati u l-oħrajn bi dħul għoli għandhom jinkludi l-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jinkludu l-pajjiżi li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp* u li huma elenkati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. Minn hawn ‘il quddiem, dawn huma imsejħa ’pajjiżi sħab

Il-finanzjament tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jsostni kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika, kulturali u akkademika fl-oqsma kollha stipulati fl-Artikolu 4, li jaqgħu fi ħdan l-isferi ta' kompetenza tagħha mal-pajjiż sħab. Dan ir-Regolament għandu jservi biex jiffinanzja l-miżuri li, fil-prinċipju, ma jissodisfawx il-kriterji għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (DAC/OECD).

2.  L-għan primarju ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab għandu jkun li jipprovdi rispons speċifiku għall-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet u li jkun hemm impenn akbar magħhom fuq bażi bilaterali, reġjonali jew multilaterali sabiex jinħoloq ambjent aktar favorevoli u trasparenti għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab skont il-prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulata fit-Trattat. Fost affarijiet oħra, dan jirreferi għall-promozzjoni tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, kif ukoll xogħol deċenti, governanza tajba u l-preżervazzjoni tal-ambjent, sabiex jingħata kontribut għall-progress u l-proċess ta' żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  ▌Il-kooperazzjoni għandha tkun immirata biex isir impenn mal-pajjiżi sħab sabiex jissaħħu d-djalogu u t-tiġdid ta' ħbiberiji u sabiex jaqsmu u jippromwovu strutturi u valuri politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali simili. L-Unjoni għandu jkollha wkoll l-intenzjoni li żżid il-kooperazzjoni u l-iskambji mas-sħab u l-atturi bilaterali stabbiliti jew dejjem iżjed importanti f'fora multilaterali u fil-governanza globali. Il-kooperazzjoni tkopri wkoll sħab fejn l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' rabtiet u tal-valuri tagħha kif stipulati fit-Trattat.

2.  ▌ F'ċirkostanzi debitament ġustifikati u sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-effettività tal-finanzjamenti tal-Unjoni u sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi meta tkun qed tadotta l-programmi ta' azzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 6 li pajjiżi mhux elenkati fl-Annessi huma eliġibbli għal miżuri taħt dan ir-Regolament, fejn il-proġett jew il-programm li għandu jiġi implimentat huwa ta' natura reġjonali jew transkonfinali. Għandhom isiru dispożizzjonijiet għal dan fil-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali msemmija fl-Artikolu 5.

3.  Il-Kummissjoni għandha temenda l-listi fl-Annessi I u II skont reviżjonijiet regolari tal-OECD/DAC tal-lista tagħha ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

4.  Għall-finanzjamenti tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, għandha tingħata attenzjoni partikolari fejn xieraq għall-konformità tal-pajjiżi sħab mal-istandards tax-xogħol fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u għall-isforzi tagħhom biex jipprovaw inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

5.  Fir-rigward tal-pajjiżi elenkati fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi rispettata b'mod strett il-koerenza politika mal-miżuri ffinanzjati skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1337/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw**.

Artikolu 3

Prinċipji Ġenerali

1.  L-Unjoni hija bbażata fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt u tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-impenn għal dawn il-prinċipji fil-pajjiżi sħab permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni.

2.  Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiġi segwit, fejn hu xieraq, approċċ differenzjat fit-tfassil tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab biex jittieħed kont tal-kuntesti ekonomiċi, soċjali u politiċi tagħhom kif ukoll tal-interessi, l-istrateġiji u l-prijoritajiet speċifiċi tal-Unjoni.

3.  Miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti ma' u jkopru oqsma ta' kooperazzjoni mniżżla partikolarment fl-istrumenti, fil-ftehim, fid-dikjarazzjonijiet u fil-pjanijiet ta' azzjoni, bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab kif ukoll oqsma li jappartjenu għall-interessi u l-prijoritajiet speċifiċi tal-Unjoni.

4.  Għall-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha timmira li tiżgura koerenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tagħha kif ukoll ma' politiki rilevanti oħra tal-Unjoni, b'mod partikulari l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Dan għandu jiġi żgurat bil-formulazzjoni ta' politiki, ippjanar strateġiku u l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri.

5.  Miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jikkumplimentaw, u jġibu valur miżjud lill-isforzi meħuda mill-Istati Membri u korpi pubbliċi tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet kummerċjali u skambji kulturali, akkademiċi u xjentifiċi.

6.  Il-Kummissjoni għandha tinforma u għandu jkollha skambji ta' opinjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew.

___________

* ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.

** ĠU L 354, 31.12.2008, p. 62.‘.

"

(3)  l-Artikolu 4, huwa emendat kif ġej:

   (a) il-parti introduttorja għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:"
Il-finanzjament tal-Unjoni għandu jappoġġa azzjonijiet ta' kooperazzjoni skont l-Artikolu 1 u għandu jkun konsistenti mal-iskop, il-kamp ta' applikazzjoni, l-objettivi u l-prinċipji ġenerali globali ta' dan ir-Regolament. Il-finanzjament tal-Unjoni għandu jkopri azzjonijiet li, fil-prinċipju, ma jissodisfawx il-kriterji għall-ODA, u li jistgħu jinkludu dimensjoni reġjonali, fl-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin:"
   (b) il-punti 1 sa 5 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:"
   (1) il-promozzjoni ta' kooperazzjoni, sħubiji u intrapriżi konġunti bejn atturi ekonomiċi, soċjali, kulturali, akkademiċi u xjentifiċi fl-Unjoni u l-pajjiżi sħab;
     (2) l-istimolu ta' kummerċ bilaterali, flussi ta' investiment u sħubiji ekonomiċi, inkluża attenzjoni għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;
     (3) il-promozzjoni ta' djalogi bejn l-atturi politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra f'setturi rilevanti fl-Unjoni u fil-pajjiżi sħab;
     (4) il-promozzjoni ta' rabtiet bejn persuna u oħra, programmi ta' edukazzjoni u taħriġ u skambji intelletwali u t-tisħiħ ta' għarfien reċiproku bejn kulturi, b'mod partikulari fil-livell tal-familji, inklużi miżuri li jiżguraw u jżidu l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-programm Erasmus Mundus u l-parteċipazzjoni fil-fieri tal-edukazzjoni Ewropej;
     (5) il-promozzjoni ta' proġetti ta' kooperazzjoni f'oqsma bħar-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-isport u l-kultura, l-enerġija (b'mod partikulari, l-enerġija li tiġġedded), it-trasport, kwistjonijiet ambjentali (inkluż it-tibdil fil-klima), id-dwana, kwistjonijiet finanzjarji, legali u tad-drittijiet tal-bniedem, u kwalunkwe kwistjoni oħra ta' interess reċiproku bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab;
"
   (c) il-punt 7 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
   (7) l-appoġġ għal inizjattivi speċifiċi, inkluż xogħol ta' riċerka, studji, skemi pilota jew proġetti konġunti destinati li jirrispondu b'manjiera effettiva u flessibbli għall-objettivi ta' kooperazzjoni li joħorġu minn żviluppi fir-relazzjoni bilaterali tal-Unjoni mal-pajjiżi sħab jew li jimmiraw li jipprovdu impetu għal aktar tisħiħ u twessigħ tar-relazzjonijiet bilaterali magħhom.
"

(4)   fl-Artikolu 5 il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:"

'2.  Il-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali m'għandhomx ikopru aktar mill-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jistabbilixxu l-interessi u l-prijoritajiet speċifiċi, l-objettivi ġenerali u r-riżultati mistennija tal-Unjoni. B'mod partikulari fir-rigward ta' Erasmus Mundus, il-programmi għandhom jimmiraw għall-iktar kopertura ġeografika bilanċjata possibbli. Huma għandhom jistabbilixxu wkoll l-oqsma magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni u jiddiskrivu fil-qosor l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tal-fondi, globalment, għal kull qasam ta' prijorità u għal kull pajjiż sieħeb jew grupp ta' pajjiżi sħab għall-perijodu kkonċernat. Fejn xieraq dan jista' jingħata fil-forma ta' marġni. Il-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali għandhom jiġu riveduti f'nofs it-terminu, jew ad hoc jekk ikun meħtieġ.

3.  Il-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali u kwalunkwe reviżjoni tagħhom għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni permezz ta' atti delegati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14a, u soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14b u 14c.‘.

"

(5)  l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

   (a) il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
1.  Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' azzjoni annwali bbażati fuq il-programmi ta' kooperazzjoni pluriennali msemmija fl-Artikolu 5 u għandha tittrażmettihom b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill."
   (b) il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
3.  Il-programmi ta' azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Din il-proċedura m'għandhiex għalfejn tintuża għal emendi għall-programmi ta' azzjoni, bħal dawk li jagħmlu aġġustamenti tekniċi, li jestendu l-perijodu ta' implimentazzjoni, li jassenjaw mill-ġdid fondi bejn l-operazzjonijiet ippjanati fi ħdan il-baġit imbassar, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b'anqas minn 20 % tal-baġit inizjali, sakemm dawn l-emendi huma konsistenti ma' l-objettivi inizjali mniżżla fil-programmi ta' azzjoni.‘."
  

[Emenda 4]

(6)   l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

   (a) il-punti (e) u (f) għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej :"
   ‘(e) Il-korpi konġunti stabbiliti mill-pajjiżi u r-reġjuni sħab u l-Unjoni;
   (f) L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, safejn dawn jimplimentaw il-miżuri ta' appoġġ speċifikati fl-Artikolu 9;
"
   (b) għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:"
1a.  Miżuri koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja*, mir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà**, jew mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006, u li huma eliġibbli għall-finanzjament skont dawn ir-regolamenti m'għandhomx ikunu ffinanzjati skont dan ir-Regolament.
1b.  Il-finanzjamenti tal-Unjoni skont dan ir-Regolament m'għandhomx jintużaw sabiex jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' armi jew munizzjon, u operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża.
_________
* ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.
**ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1."

(7)  fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

3.  Finanzjament tal-Unjoni m'għandux, bħala prinċipju, jintuża biex jitħalsu taxxi, dazji jew spejjeż fil-pajjiżi sħab.

"

(  8) l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

   (a) il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
1.  Il-finanzjament tal-Unjoni jista' jkopri nfiq assoċjat mal-preparazzjoni, is-segwitu, il-monitoraġġ, il-verifika u l-attivitajiet ta' evalwazzjoni meħtieġa direttament għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-kisba tal-objettivi tiegħu, u kwalunkwe nfiq ta' assistenza amministrattiva jew teknika li l-Kummissjoni, inkluż id-Delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi sħab, tista' tħallas għall-ġestjoni ta' operazzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament."
   (b) il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' appoġġ mhux koperti mill-programmi pluriennali ta' kooperazzjoni u għandha tittrażmettihom b'mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ."

(  9) l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

   (a) it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni"
   (b) il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
1.  Kwalunkwe ftehim li jirriżulta minn dan ir-Regolament għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta'  Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea*, u (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħrajn** u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF)***.
____________
* ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
** ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.
*** ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1."
   (c) il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"
2.  Il-ftehim għandhom espressament jintitolaw lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sabiex iwettqu verifiki, inklużi verifiki tad-dokumenti jew verifiki fuq il-post ta' kwalunkwe kuntrattur jew subkuntrattur li jkun irċieva fondi tal-Unjoni. Huma għandhom ukoll jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni sabiex twettaq kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post skont ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96."

(10)  l-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:"

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.  Il-Kummissjoni għandha tevalwa regolarment l-azzjonijiet u l-programmi ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, fejn hu xieraq jew fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, permezz ta' evalwazzjonijiet esterni indipendenti, biex taċċerta jekk l-objettivi ġewx milħuqa u biex tkun tista' tifformula rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jittejbu operazzjonijet futuri. Ir-riżultati għandhom jerġgħu jintużaw għad-disinn ta' programmi u l-allokazzjoni ta' riżorsi.

2.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tassoċja l-partijiet interessati rilevanti, inklużi atturi mhux Statali, fil-fażi ta' evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-Unjoni prevista taħt dan ir-Regolament.

"

[Paragrafu 2 jikkorrispondi ma' Emenda 5]

(11)  l-Artikolu 14 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

Artikolu 14

Rapport annwali

Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li jkun sar dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dettaljat dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jniżżel ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-baġit u jippreżenta l-azzjonijiet u l-programmi kollha ffinanzjati u, safejn ikun possibbli, iniżżel l-eżiti u l-impatti ewlenin tal-azzjonijiet u l-programmi ta' kooperazzjoni.

"

(12)  għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:"

Artikolu 14a

Eżerċitar tad-delega

1.  Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan b'mod simultanju.

3.  Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14b u 14c.

Artikolu 14b

Revoka tad-delega

1.  Id-delega tas-setgħa imsemmija fl-Artikolu 5 tista' tiġi rrevokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi kwalunkwe ħin.

2.  L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk tirrevokax delega ta' setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali, billi tindika s-setgħa iddelegata li tista' tkun soġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.  Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ immedjatament jew f'data ulterjuri stipulata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li huma diġà fis-seħħ. Għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14c

Oġġezzjonijiet għal atti delegati

1.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f'perjodu ta' xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn.

2.  Jekk, meta jiskadi il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att delegat, dan għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data ddikjarata fih.

L-att delegat jista' jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.  Jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma joġġezzjonaw għall-att delegat fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għalfejn qed toġġezzjona għall-att delegat.

"

(13)  l-Artikolu 15 għandu jitħassar.[Emenda 6]

(14)  l-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finanzjarji

L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perjodu mill-2007 sal-2013 għandu jkun ta' EUR 172 miljun għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I u EUR 176 miljun għall-pajjiżi elenkati fl-Anness II. L-approprjazzjonijiet annwali għall-perjodu 2010-2013 se jkunu deċiżi mill-awtorità baġitarja bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità baġitarja informazzjoni dettaljata fuq il-linji kollha tal-baġit u l-approprjazzjonijiet annwali li għandhom jintużaw għall-finanzjament tal-miżuri skont dan ir-Regolament. Dawn l-approprjazzjonijiet għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju. Għandu jkun żgurat ukoll li l-pajjiżi u r-reġjuni industrijalizzati kif ukoll il-pajjiżi u r-reġjuni bi dħul għoli elenkati fl-Anness I ma jiġux żvantaġġati bl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-pajjiżi msieħba msemmija fl-Anness II.

L-approprjazzjonijiet ipprogrammati biex jintużaw skont ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 ma għandhomx jintużaw għal dan l-iskop.‘.

"

[Emenda 1CP]

(15)  fl-Anness, it-titolu għandu jiġi sostitwit b' dan li ġej:"

‘ANNESS I – Lista ta' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli koperti minn dan ir-Regolament

"

(16)  Għandu jiżdied Anness II ġdid, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010.
(2) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.
(3) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(4) ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41.


ANNESS
"

‘ANNESS II

Lista ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw koperti minn dan ir-Regolament

L-Amerika Latina

1.  L-Arġentina

2.  Il-Bolivja

3.  Il-Brażil

4.  Iċ-Ċilì

5.  Il-Kolumbja

6.  Il-Kosta Rika

7.  Kuba

8.  L-Ekwador

9.  El Salvador

10.  Il-Gwatemala

11.  Il-Ħonduras

12.  Il-Messiku

13.  In-Nikaragwa

14.  Il-Panama

15.  Il-Paragwaj

16.  Il-Perù

17.  L-Urugwaj

18.  Il-Veneżwela

L-Asja

19.  L-Afganistan

20.  Il-Bangladexx

21.  Il-Butan

22.  Il-Kambodja

23.  Iċ-Ċina

24.  L-Indja

25.  L-Indoneżja

26.  Ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

27.  Il-Laos

28.  Il-Malasja

29.  Il-Maldive

30.  Il-Mongolja

31.  Il-Mjanmar/Burma

32.  In-Nepal

33.  Il-Pakistan

34.  Il-Filippini

35.  Is-Sri Lanka

36.  It-Tajlandja

37.  Il-Vjetnam

L-Asja Ċentrali

38.  Il-Kazakistan

39.  Ir-Repubblika Kirgiża

40.  It-Taġikistan

41.  It-Turkmenistan

42.  L-Uzbekistan

Il-Lvant Nofsani

43.  L-Iran

44.  L-Iraq

45.  Il-Jemen

L-Afrika t'Isfel

46.  L-Afrika t'Isfel‘

"
Avviż legali - Politika tal-privatezza