Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru No 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (COM(2010)0102 – C7-0079/2010 – 2010/0059(COD))
(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0102),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), kif ukoll l-Artikolu 209(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea , skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0079/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet immotivati indirizzati lill-President mill-parlamenti nazzjonali dwar il-konformità tal-abbozz ta' att mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0285/2010),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Iqis li l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, billi tnaqqas drastikament il-marġni taħt il-limitu massimu tal-Intestatura 4 tal-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) 2007-2013, ma tħallix biżżejjed wisa' għall-manuvrar biex tkun affaċċjata kriżi li tkun qed tiżviluppa u biex ikun hemm reazzjoni xierqa għaliha;
3. Iqis li, minħabba l-kwistjoni li ilha teżisti rigward il-kummerċ tal-banana, il-miżuri proposti setgħu ġew integrati fl-MFF fi stadju aktar bikri;
4. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li kull strument ġdid m'għandux ikun iffinanzjat permezz tar-riallokazzjoni, billi din tipperikola l-prijoritajiet eżistenti;
5. Ifakkar li l-għan tal-Istrument ta' Flessibbiltà, imsemmi fil-punt 27 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(1), huwa l-finanzjament ta' “nefqa identifikata b'mod ċar li ma tistax tkun iffinanzjata fil-limiti tal-limiti massimi”, u jqis li l-miżuri marbuta mal-kummerċ tal-banana huma miżuri ta' akkumpanjament li jaqgħu f'dik il-kategorija;
6. Iqis għalhekk li l-proposta mhijiex kompatibbli mal-limitu massimu tal-Intestatura 4 tal-MFF, u jitlob li din tkun riveduta bil-mezzi kollha stabbiliti fil-punti 21 sa 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali, jew b'mezzi oħra bħal dawk inklużi fil-punti 25 u 27 tiegħu;
7. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Ottubru 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz ta' att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja(1),
Billi:
(1)Il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-iżvilupp għandha l-għan li tnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar teqred il-faqar.
(2) L-Unjoni, bħala parti kontraenti tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO), hija impenjata li tissimplifika l-kummerċ fi strateġiji għall-iżvilupp u biex tippromwovi l-kummerċ internazzjonali sabiex isir progress fl-iżvilupp u fit-tnaqqis, u fuq it-tul ta' żmien fil-qerda, tal-faqar madwar id-dinja kollha.
(3) L-Unjoni ssostni l-Grupp ta' Stati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) fit-triq tagħhom lejn tnaqqis fil-livell ta' faqar u żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, u tagħraf l-importanza tas-setturi tagħhom tal-komoditajiet.
(4) L-Unjoni hija impenjata li ssostni l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija bl-għan li jkun hemm żvilupp sostenibbli. Il-pajjiżi tal-AKP prinċipali li jesportaw il-banana jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' sfidi fil-kuntest ta' arranġamenti tal-kummerċ li qiegħdin jinbidlu, notevolment il-liberalizzazzjoni tat-tariffa tan-Nazzjon l-Aktar Preferut (NAP) fil-qafas tal-WTO u tal-ftehimiet bilaterali jew reġjonali li ġew konklużi jew fil-proċess li jiġu konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina. Għalhekk programm AKP dwar il-Miżuri ta' Akkumpanjament marbutin mal-Banana għandu jiżdied mar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(2).
(5) Il-miżuri ta' assistenza finanzjarja li għandhom jiġu adottati taħt dan il-programm għandhom ikunu mmirati biex itejbu l-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fiż-żoni li jkabbru l-banana u fil-ktajjen tal-valur tal-banana, speċifikament tal-bdiewa ż-żgħar u tal-entitajiet iż-żgħar, kif ukoll li jkunu konformi mal-istandards tax-xogħol u mal-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u mal-istandards ambjentali, notevolment ma' dawk li għandhom x'jaqsmu mal-użu tal-pestiċidi u mal-espożizzjoni għalihom, billi jappoġġaw l-adattament u jinkludu, meta jkun relevanti, l-organizzazzjoni mill-ġdid taż-żoni li jiddependu fuq l-esportazzjoni tal-banana permezz ta' sostenn mill-baġit immirat lejn setturi speċifiċi jew intervenzjonijiet immirati lejn proġetti partikolari. Il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex jipprovdu politika soċjali dwar il-kapaċità ta' rkupru, diversifikazzjoni ekonomika jew investiment għat-titjib tal-kompetittività, fejn dan ikun vijabbli, filwaqt li jitqiesu r-riżultati u l-esperjenzi miksuba permezz tas-Sistema Speċjali ta' Assistenza għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjżi tal-AKP stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2686/94(3) u l-Qafas Speċjali ta' Assistenza (QSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjiżi tal-AKP stabbilit skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 856/1999(4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1609/1999(5). L-Unjoni tagħraf l-importanza tal-promozzjoni ta' tqassim aktar ekwu tad-dħul mill-banana.
(6) Il-programm għandu jakkumpanja l-proċess ta' adattament fil-pajjiżi tal-AKP li esportaw volumi sinifikanti ta' banana lill-Unjoni f'dawn l-aħħar snin u li se jiġu affettwati mil-liberalizzazzjoni fil-qafas tal-WTO(6)jew mill-ftehimiet bilaterali jew reġjonali konklużi jew li qed jiġu konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina. Il-programm jibni fuq il-Qafas Speċjali ta' Assistenza (QSA) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana mill-pajjiżi tal-ACP. Il-programm huwa konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fil-qafas tal-WTO u jiffoka fuq ir-ristrutturazzjoni u t-titjib tal-kompetittivitá u b'hekk huwa ta' xorta temporanja, b'tul ta' erba' snin (2010-2013).
(7)Il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Marzu 2010 bl-isem “Rapport Biennali dwar il-Qafas Speċjali ta' Assistenza għall-Fornituri Tradizzjonali tal-Banana mill-pajjiżi tal-AKP” jindikaw li l-programmi ta' assistenza li saru fl-imgħoddi taw kontribut sostanzjali fil-kisba ta' titjib fil-kapaċità għal diversifkazzjoni ekonomika ta' suċċess, minkejja illi l-impatt sħiħ għadu ma jistax ikun ikkwantifikat u s-sostenibilità tal-esportazzjonijiet tal-banana tal-AKP għadha fraġli.
(8)Il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-programm tal-QSA imma ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri ta' akkumpanjament fis-settur tal-banana.
(9)Il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinament kif suppost ta' dan il-programm mal-programmi indikattivi reġjonali u nazzjonali li joperaw fil-pajjiżi benefiċjarji, b'mod partikulari fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ekonomiċi, agrikulturali, soċjali u ambjentali.
(10)Kważi 2% tal-kummerċ dinji tal-banana ġie ċċertifikat mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-kummerċ ekwitabbli. Il-prezzijiet minimi tal-kummerċ ekwitabbli ġew iffissati fuq il-bażi tal-kalkolu tal-“ispejjeż sostenibbli tal-produzzjoni” stabbiliti wara konsultazzjoni mal-partijiet involuti bil-għan li jiġu internalizzati l-ispejjeż biex isiru konformi ma' standards soċjali u ambjentali diċenti u biex isir profitt raġonevoli li bis-saħħa tiegħu l-produtturi jkunu jistgħu jinvestu fl-istabilità ta' xogħolhom fuq tul ta' żmien twil.
(11)Biex jiġi evitat l-isfruttar tal-ħaddiema lokali, il-katina tal-produzzjoni tas-settur tal-banana għandha ssegwi distribuzzjoni ekwitabbli tad-dħul iġġenerat mis-settur.
(12)Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f'dak li għandu x'jaqsam mad-Dokumenti ta' Strateġija Ġeografiċi, il-Programmi Indikattivi Multiannwali u d-Dokumenti ta' Strateġija għall-programmi tematiċi u l-miżuri ta' akkumpanjament, billi dawn jikkumplimentaw ir-Regolament (KE) 1905/2006 u għandhom ambitu ġenerali. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti.
(13) Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 għandu għaldaqstant ikun emendat skont dan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 huwa b'dan emendat kif ġej:
(1) L-Artikolu 4 għandu jinbidel b' dan li ġej:"
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-assistenza mill-Unjoni
B'mod konsistenti mal-fini, l-ambitu u l-għanijiet globali u mal-priċipji ġenerali ta' dan ir-Regolament, l-assistenza tal-Unjoni għandha tiġi implimentata permezz tal-programmi ġeografiċi u tematiċi stipulati fl-Artikoli 5 sa 16 u fil-programmi stipulati fl-Artikolu 17 u 17a.
"
(2) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:"
Artikolu 17a
Il-pajjiżi prinċipali tal-AKP li qegħdin ifornu l-banana
1. Pajjiżi tal-AKP li jfornu l-banana elenkati fl-Anness IIIa għandhom jibbenefikaw mill-miżuri ta' akkumpanjament marbutin mal-banana. L-għajnuna mill-Unjoni ▌għandha tkun immirata biex issostni l-proċess ta' aġġustament tagħhom wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-banana tal-UE fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ. L-għajnuna mill-Unjoni għandha b'mod partikolari tintuża fil-ġlieda kontra l-faqar billi ttejjeb l-istandards u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-bdiewa u tal-persuni kkonċernati u tal-entitajiet iż-żgħar rilevanti, inkluż bil-konformità mal-istandards tax-xogħol u tas-sikurezza kif ukoll bil-konformità mal-istandards ambjentali, inkluż l-użu tal-pestiċidi u l-esposizzjoni għalihom. L-assistenza mill-Unjoni għandha tqis il-politika u l-istrateġiji ta' adattament tal-pajjiżi, kif ukoll tal-ambjent reġjonali tagħhom (f'termini tal-qrubija lejn l-ibgħad reġjuni tal-UE u l-pajjiżi u t-territorji barranin), u għandha tagħti attenzjoni speċifika lill-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin:
(a)
it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur tal-esportazzjoni tal-banana, fejn dan huwa sostenibbli, b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tal-partijiet interessati differenti fil-katina;
(b)
il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni ekonomika fiż-żoni dipendenti mill- banana, meta strateġija bħal din tkun vijabbli;
(c)
li jiġu indirizzati impatti usa' ġġenerati mill-proċess ta' adattament, possibbilment relatat, iżda mhux ristrett, mal-impjieg u s-servizzi soċjali, mal-użu tal-art u r-restawr ambjentali, u l-istabbiltà makro-ekonomika.
2. Fi ħdan l-ammont imsemmi fl-Anness IV, il-Kummissjoni għandha tfassal l-ammont massimu disponibbli għal kull pajjiż ▌tal-AKP li jforni l-banana skont il-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-indikaturi oġġettivi u maħsuba li ġejjin:
(a)
l-ewwel nett, il-kummerċ tal-banana mal-Unjoni;
(b)
it-tieni nett, l-importanza tal-esportazzjonijiet tal-banana għall-ekonomija tal-pajjiż tal-AKP ikkonċernat, flimkien mal-livell ta' żvilupp tal-pajjiż.
Il-kejl tal-kriterji ta' allokazzjoni għandu jkun ibbażat fuq data rappreżentattiva ta' qabel l-2010 u li tkopri perjodu mhux itwal minn ħames snin, u fuq studju tal-Kummissjoni li jevalwa l-impatt fuq il-pajjiżi tal-AKP tal-ftehim milħuq fil-qafas tad-WHO u tal-ftehimiet bilaterali jew reġjonali konklużi, jew fil-proċess li jiġu konklużi, bejn l-Unjoni u pajjiżi tal-Amerika Latina, li jkunu esportaturi ewlenin tal-banana.
3. Il-Kummissjoni għandha todotta strateġiji ta' sostenn multiannwali permezz ta' analoġija għall-Artikolu 19, b'konformità mal-Artikolu 21. Għandha tiżgura li tali strateġiji jikkumplimentaw id-dokumenti ġeografiċi strateġiċi tal-pajjiżi kkonċernati, u n-natura temporanja ta' dawn il-miżuri ta' akkumpanjament marbutin mal-esportazzjoni tal-banana.
L-istrateġiji ta' sostenn multiannwali għall-miżuri ta' akkumpanjament fis-settur tal-banana għandhom jinkludu:
(
a)profil ambjentali aġġornat li jagħti attenzjoni xierqa lis-settur tal-banana tal-pajjiż, inter alia ffukat fuq il-pestiċidi;
(b)
tagħrif dwar il-kisbiet tal-programmi ta' assistenza li saru fl-imgħoddi favur is-settur tal-banana;
(
c)indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-iżburżar, meta jintgħażel l-appoġġ baġitarju bħala l-forma ta' finanzjament;
(d)
ir-riżultati mistennija tal-għajnuna;
(e)
kalendarju tal-attivitajiet ta' appoġġ u tal-iżburżar mistenni għal kull pajjiż benefiċjarju;
(f)
il-modi kif jista' jinkiseb u jiġi kkontrollat il-progress fl-ilħuq tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO miftiehma fuq livell internazzjonali u l-konvenzjonijiet xierqa fil-qasam tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll mal-istandards ambjentali rilevanti ewlenin miftiehma fuq livell internazzjonali.
Tmintax-il xahar qabel l-iskadenza, għandha ssir valutazzjoni tal-programm u tal-progress tal-pajjiżi li għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar l-azzjonijiet eventwali li għandhom jiġu previsti u x-xorta tagħhom.
"
(3) L-Artikolu 21 għandu jinbidel b' dan li ġej:"
Artikolu 21
L-adozzjoni ta' dokumenti ta' strateġija ġeografika u tal-programmi indikattivi multiannwali
Id-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi multiannwali msemmija fl-Artikoli 19 u 20, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom imsemmija fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 20(1), kif ukoll miżuri ta' akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 17 u 17a rispettivament, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti delegati adottati skont l-Artikolu 35 u skont il-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikoli 35a u 35b.
"
(4)L-Artikolu 22(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
3.Il-programmi ta' azzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni filwaqt li jitqiesu l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
"
(5)Fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:"
3.Fejn l-ispiża ta' dawn il-miżuri taqbeż EUR 10 miljuni, il-Kummissjoni għandha tadottahom filwaqt li tqis l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għal miżuri speċjali taħt EUR 10 miljuni, il-Kummissjoni għandha tibgħat il-miżuri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal informazzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.
4.Emendi għall-miżuri speċjali, bħal dawk li jwettqu adattamenti tekniċi, li jestendu l-perjodu ta' implimentazzjoni, li jassenjaw mill-ġdid il-fondi fil-baġit ta' tbassir, jew li jżidu jew inaqqsu d-daqs tal-baġit b'ammont li ma jisboqx l-20 % tal-baġit inizjali, sakemm dawn l-emendi ma jkollhomx effett fuq l-objettivi inizjali stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhom jiġu kkomunikati fi żmien xahar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
"
(6)L-Artikolu 25(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
2.Fil-prinċipju, l-għajnuna tal-Unjoni m'għandhiex tintuża għall-ħlas ta' taxxi, dazji jew ħlasijiet fil-pajjiżi benefiċjarji.
"
(7) L-Artikolu 29għandu jinbidel b'dan li ġej:"
1. L-impenji baġitarji għandhom isiru fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikoli 17a(3), 22(1), 23(1) u 26(1).
"
(8) Fl-Artikolu 31(1), it-tielet subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew ta' għotja ffinanzjati minn programm tematiku kif definit fl-Artikoli 11 sa 16, u l-programmi stabbiliti fl-Artikoli 17 u 17a, għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' pajjiż li qiegħed jiżviluppa jew għall-persuni legali li huma stabbiliti fih, kif speċifikat mill-OECD/DAC u fl-Anness II, flimkien ma' persuni fiżiċi jew legali eliġibbli permezz tal-programm tematiku jew il-programmi stipulati fl-Artikoli 17 u 17a. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna l-Anness II f'konformità mar-reviżjonijiet regolari tal-lista tar-riċevituri ta' għajnuna tal-OECD/DAC, u għandha tgħarraf lill-Kunsill b'dan.
"
(9)L-Artikolu 33(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:"
2.Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapporti ta' evalwazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni. Ir-riżultati għandhom jitqiesu fit-tfassil ta' programmi u fl-allokazzjoni ta' riżorsi.
"
(10)l-Artikolu 35 għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Artikolu 35
Eżerċizzju tad-delega
1.Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 17(2) u fl-Artikolu 17a u l-Artikolu 21 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2.Hekk kif tadotta att ta' delega, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
3.Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 35a u 35b.
Artikolu 35a
Revoka tad-delega
1.Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 17(2), fl-Artikolu 17a u fl-Artikolu 21 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
2.L-istituzzjoni li tibda proċedura interna sabiex tiddeċiedi jekk tirrevokax id-delega tas-setgħat għandha tagħmel ħilitha biex tgħarraf lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni aħħarija, u tindika s-setgħat delegati li jistgħu ikunu suġġetti għal revoka u r-raġunjijiet possibbli għal revoka.
3.Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f'data aktar tard speċifikata fid-deċiżjoni. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' atti ddelegati li diġà huma fis-seħħ. Hija għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropa.
Artikolu 35b
Oġġezzjonijiet għall-atti delegati
1.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.
Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn.
2.Jekk, wara l-iskadenza ta' dan il-perjodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat f'il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea' u għandu jidħol fis-seħħ fid-data stipulat fih.
L-att ta' delega jista' jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.
3.Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għall-att iddelegat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tistipula r-raġunijiet għaliex tkun oġġezzjonat għall-atti ddelegati.
"
(11) Fl-Artikolu 38, il-paragrafi (1) u (2) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:"
1. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tul il-perjodu 2007-2013 huwa EUR 17 087 miljun.
2. L-ammonti indikattivi allokati għal kull programm imsemmi fl-Artikoli 5 sa 10 u 11 sa 16 u 17 u 17a huma stipulati fl-Anness IV. Dawn l-ammonti ġew stabbiliti għall-perjodu 2007-2013.
"
(12) Għandu jiddaħħal l-Anness IIIa, kif jidher fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;
(13) L-Anness IV għandu jinbidel bil-kontenut tal-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.