Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2915(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0572/2010

Dibattiti :

PV 21/10/2010 - 3
CRE 21/10/2010 - 3

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 7.9
CRE 21/10/2010 - 7.9

Testi adottati :

P7_TA(2010)0385

Testi adottati
PDF 215kWORD 47k
Il-Ħamis, 21 ta' Ottubru 2010 - Strasburgu
Riformi implimentati u żviluppi fir-Repubblika tal-Moldova
P7_TA(2010)0385RC-B7-0572/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar riformi implimentati u żviluppi fir-Repubblika tal-Moldova

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ffirmat nhar it-28 ta' Novembru 1994 bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-UE-Moldova ppubblikata fil-21 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll in-negozjati dwar il-liberalizzazzjoni tar-reġim tal-viżi bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni dwar ir-Repubblika tal-Moldova tat-12 ta' Mejju 2010 (COM(2010)0207),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà dwar il-Moldova/Transnistrja tas-17 ta' Mejju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra t-tmexxija tar-reġjun Transnistrijan tas-27 ta' Settembru 2010 u dwar ir-ratifika tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali mir-Repubblika tal-Moldova tal-14 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-elezzjonijiet parlamentari tad-29 ta' Lulju 2009 u r-riżultati tar-referendum dwar ir-riforma tal-kostituzzjoni fil-5 ta' Settembru 2010 u d-deċiżjoni biex isiru elezzjonijiet parlamentari bikrin fit-28 ta' Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova u dwar ir-reġjun tat-Transnistrja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija tal-Lvant ippreżentati f'Mejju 2009 rrikonoxxew l-aspirazzjonijiet Ewropej tar-Repubblika tal-Moldova u l-importanza tal-Moldova bħala pajjiż b'rabtiet fondi storiċi, kulturali u ekonomiċi mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

B.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li qed jiġi attwalment innegozjat bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova għandu jkabbar b'mod sinifikanti l-qafas istituzzjonali komuni UE-Repubblika tal-Moldova, jiffaċilita t-tfannid tar-relazzjonijiet fiż-żoni kollha, u jsaħħaħ l-assoċjazzjonijiet politiċi u l-integrazzjoni ekonomika, li jinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi,

C.  billi r-relazzjonijiet UE-Moldova mxew sostanzjalment “il quddiem fl-aħħar sena, fatt li ġie rifless kif suppost fir-Rapport ta' Progress mill-Kummissjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 2010 li sab li l-progress intlaħaq f'ħafna mill-oqsma settorjali koperti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

D.  billi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, it-twaqqif tas-Servizz ta' Azzjoni Esterna u l-ħatra tal-Viċi-President/ir-Rappreżentant Għoli jagħtu lill-Unjoni Ewropea impetus imġedded biex tieħu rwol aktar proattiv fit-trattament tal-kunflitti ffriżati fil-viċinat tagħha stess, inkluża l-kwistjoni ta' Transnistrja,

1.  Jilqa' l-progress li sar fl-aħħar sena mir-Repubblika tal-Moldova u jispera li l-proċess elettorali jista' jikkonsolida aktar l-istituzzjonijiet demokratiċi u r-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem fil-Moldova; jistenna li l-awtoritajiet tal-Moldova jaħdmu fuq ir-riformi bżonnjuża u jissodisfaw l-impenji tagħhom biex ir-Repubblika tal-Moldova tibqa' fi triqtha lejn l-integrazzjoni gradwali Ewropea;

2.  Jilqa' l-bidu tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova fit-12 ta' Jannar 2010 u jieħu nota b'sodisfazzjon tar-riżultati tajbin ħafna li l-Kummissjoni ħadet mir-Repubblika tal-Moldova f'dan il-proċess;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi ħalli tiżviluppa ta' malajr il-pjan ta' azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viżi fil-laqgħa tiegħu li jmiss fil-25 ta' Ottubru 2010, b'hekk tidħol fil-fażi għal kollox operattiva tad-djalogu dwar il-viżi bbażat fuq il-progress tar-Repubblika tal-Moldova wara taħditiet esploratorji dwar l-erba' blokok tad-djalogu dwar il-viżi;

4.  Jilqa' l-għoti ta' għajnuna makrofinanzjarja fil-forma ta' għotja ta' ammont massimu ta' EUR 90 miljun lir-Repubblika tal-Moldova bil-ħsieb li tappoġġja l-istabbilizzazzjoni ekonomika u ttaffi l-bilanċ tal-ħlasijiet u l-ħtiġijiet baġitarji, kif ġie identifikat fil-programm preżenti tal-FMI; jisħaq fuq il-bżonn għar-Repubblika tal-Moldova li żżid l-isforzi biex timplimenta b'mod effettiv riformi strutturali, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-klima tan-negozju u tal-investiment;

5.  Jirrikonoxxi t-titjib fl-ambjent tan-negozju u l-qafas regolatorju tal-attività intraprenditorjali bħala miżura ewlenija biex jitħeġġu l-investimenti, u jesprimi l-kunfidenza tiegħu li n-negozjati dwar iż-Żona tal-Kummerċ Ħieles mal-UE, bħala parti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, se jimxu ta' malajr “il quddiem;

6.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-“Ħbieb tal-Moldova”, li tinkludi ħafna Ministri tal-Affarijiet Barranin minn Stati Membri u l-Kummissarju tal-UE għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat Štefan Füle, li tfittex li tesprimi appoġġ tal-UE ċar għar-Repubblika tal-Moldova u solidarjetà magħha u hija sinjal ċar ta' impenn b'saħħtu biex il-pajjiż ikun appoġġjat fl-indirizzar tal-isfidi li jaffaċċja; jemmen li din l-inizjattiva se tgħin b'mod effettiv lir-Repubblika tal-Moldova biex timplimenta riformi interni u tressaq il-pajjiż eqreb lejn l-Unjoni Ewropea;

7.  Huwa tal-opinjoni li l-UE tista' tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-problema tat-Transnistrja billi jitrawwem il-bini tal-kunfidenza, b'mod partikolari bl-appoġġ tal-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti li jindirizzaw bżonnijiet komuni tal-popolazzjoni li taħdem mal-komunitajiet lokali u s-soċjetà ċivili u billi tingħata għajnuna biex tittaffa l-kriżi ekonomika fuq iż-żewġ naħat tax-Xmara Nistru;

8.  Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kwistjoni tat-Transnistrja tikkostitwixxi element kruċjali għall-promozzjoni tal-istabilità politika u l-prosperità ekonomika fir-Repubblika tal-Moldova u r-reġjun; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u jirrimarka li huwa meħtieġ rwol aktar b'saħħtu tal-UE biex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni tat-Transnistrja, billi d-dewmien ta' din il-kwistjoni m'għandhiex tfixkel l-integrazzjoni tal-Moldova mal-UE;

9.  Jilqa' l-laqgħat informali li saru fil-format 5+2 rigward l-isforzi għas-soluzzjoni tal-problema tat-Transnistrja sa minn Ġunju 2009 u jitlob lill-partijiet biex jirritornaw lejn negozjati formali f'dan il-format fl-aktar opportunità bikrija possibbli u jilqa' l-inizjattiva Meseberg dwar is-soluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrja, mibdija mill-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Russu Dmitri Medvedev u jemmen li forum tas-sigurtà fil-livell tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin jista' jikkontribwixxi biex tintlaħaq soluzzjoni sostenibbli tal-kunflitt flimkien mal-imsieħba tiegħu;

10.  Jenfasizza fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-kunfidenza tal-poplu fl-istituzzjonijiet tal-istat u fl-awtoritajiet ġuridiċi, speċjalment wara li ċerti uffiċjali minn korpi tal-infurzar tal-liġi indaħlu fil-vjolenza li seħħet matul l-avvenimenti ta' April 2009 u jistenna li dawk kollha li kienu nstabu responsabbli għall-atti tal-vjolenza jitressqu l-qorti;

11.  Iħeġġeġ lill-forzi politiċi demokratiċi kollha u lill-komunitajiet etnokulturali biex jevitaw konfrontazzjonijiet mhux neċessarji u jikkonċentraw fuq l-iżvilupp ta' viżjoni wiesgħa għar-Repubblika tal-Moldova bil-għan li l-pajjiż jiġi ddirezzjonat lejn l-għanijiet Ewropej;

12.  Jispera li l-elezzjonijiet li ġejjin li jridu jsiru fit-28 ta' Novembru 2010 se jsiru f'konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali u jfakkar lil kull min hu kkonċernat li l-kampanja ta' qabel l-elezzjoni trid tipprovdi opportunitajiet indaqs lill-forzi politiċi kollha; Jistenna li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-vot għaċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu barra mill-pajjiż u jgħid li l-awtoritajiet de facto fir-reġjun li jrid jinfired tat-Transnistrja m'għandhom ebda jedd li ma jħallux liċ-ċittadini Moldovani milli jieħdu sehem fil-proċess tal-votazzjoni;

13.  Jitlob lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova biex jieħu sehem fl-Assemblea Parlamentari Euronest skont l-Att Kostitwenti tal-Assemblea;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvernijiet u lill-Parlament tal-Moldova.

Avviż legali - Politika tal-privatezza