Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2026(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0277/2010

Testi mressqa :

A7-0277/2010

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2010 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0387

Testi adottati
PDF 276kWORD 113k
Il-Ħamis, 21 ta' Ottubru 2010 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina
P7_TA(2010)0387A7-0277/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Amerika Latina (2010/2026(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar it-tħejjijiet għas-sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Hong Kong(1), tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong(2), tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: il-politiki tal-kummerċ imfassla biex iżidu kemm jista' jkun il-kontribuzzjoni tal-kummerċ sabiex jitnaqqas il-faqar(3), tas-27 ta' April 2006 dwar sħubija aktar b'saħħitha bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(4), tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni Interreġjonali(5), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ(6), tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini(7), tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-kummerċ u l-bidla fil-klima(8), tal-24 ta' April 2008 dwar il-Ħames Samit bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew f'Lima(9) u tal-24 ta' April 2008 dwar “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata”(10), tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-kummerċ ta' materja prima u ta' prodotti bażiċi(11), tal-25 ta' Marzu 2010 dwar l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp(12) u tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-istrateġija tal-UE għar-relazzjonijiet mal-Amerika Latina(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, u b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Diċembru 2007 dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni għar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerika Latina, tal-1 ta' Mejju 2008 dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tar-Rawnd ta' Doha, tat-8 ta' April 2009 dwar il-kummerċ u t-tibdil fil-klima u tal-14 ta' Mejju 2010 dwar ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet finali tas-sessjonijiet tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO adottati f'Ġinevra fit-18 ta' Frar 2003, f'Cancún fit-12 ta' Settembru 2003, fi Brussell fis-26 ta' Novembru 2004, f'Ħong Kong fil-15 ta' Diċembru 2005 u f'Ġinevra fit-2 Diċembru 2006 u fit-12 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-sitt Samits tal-Kapijiet ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina u l-Karibew li saru s'issa f'Rio de Janeiro (28 u 29 ta' Ġunju 1999), f'Madrid (17 u 18 ta' Mejju 2002), fi Guadalajara (28 u 29 ta' Mejju 2004), fi Vjenna (12 u 13 ta' Mejju 2006), f'Lima (16 u 17 ta' Mejju 2008) u f'Madrid (18 ta' Mejju 2010),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tal-Ħames Samit UE-Messiku (16 ta' Mejju 2010), tar-Raba' Samit UE-MERCOSUR (17 ta' Mejju 2010), tar-Raba' Samit UE-Ċili (17 ta' Mejju 2010), tar-Raba' Samit UE-CARIFORUM (17 ta' Mejju 2010), tar-Raba' Samit UE-Amerika Ċentrali (19 ta' Mejju 2010) u tas-Samit UE-Komunità Andina (19 ta' Mejju 2010),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ fil-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Venezwela u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fil-Banana bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika taċ-Ċili, min-naħa l-oħra, u l-Assoċjazzjoni UE-Ċili għall-Iżvilupp u l-Innovazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħħa, min-naħa l-waħda, u l-Istati Uniti tal-Messiku, min-naħa l-oħra, u s-Sħubija Strateġika bejn il-Messiku u l-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati dwar Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù dwar Ftehim ta' Kummerċ bejn Bosta Partijiet,

–  wara li kkunsidra t-tnedija mill-ġdid tan-negozjati UE-MERCOSUR bil-ħsieb li jsir Ftehim ta' Assoċjazzjoni ambizzjuż u bbilanċjat bejn iż-żewġ reġjuni, li jista' jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet u jkun ta' benefiċċju kbir għalihom kemm f'termini politiċi kif ukoll f'termini ekonomiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-ftehim dwar il-banana bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-impatt tiegħu fuq il-produtturi tal-banana tal-AKP u tal-UE li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE adottat fl-1 ta' April 2010,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-14-il Konferenza Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Grupp ta' Rio, li saret fi Praga mill-11 sal-14 ta' Mejju 2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2009 dwar “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija (COM(2009)0495),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' analiżi tat-2 ta' Ġunju 2010 li permezz tiegħu l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar id-direzzjoni ġejjiena għall-politika kummerċjali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-8 ta' Diċembru 2009 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006(14),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007(15),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO adottati f'Doha fl-14 ta' Novembru 2001 u f'Ħong Kong fit-18 ta' Diċembru 2005 u s-Sinteżi tal-President adottata f'Ġinevra fit-2 ta' Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Jannar 2005 tal-Bord Konsultattiv ippresedut minn Peter Sutherland dwar il-futur tad-WTO(16),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2009 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju u r-rapport tat-12 ta' Frar 2010 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Millennju, bit-titolu “Keeping the promise: a forward-looking review to promote an agreed action agenda to achieve the Millennium Development Goals by 2015”,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), u l-Protokoll ta' Kjoto għall-UNFCCC u dak li ħareġ mill-15-il Konferenza tal-Istati Kontraenti għall-UNFCCC f'Kopenħagen(17),

–  wara li kkunsidra s-16-il Konferenza tal-Istati Kontraenti għall-UNFCCC, li għandha ssir fil-Messiku,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjonijiet Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR),

–  wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikulari l-Artikoli 3 u 21 tiegħu, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet esterni tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-Patt Globali għall-Impjiegi tal-ILO adottati b'kunsens ġenerali fid-19 ta' Ġunju 2009 fil-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), adottata fl-1979 mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Stiglitz u d-Dokument Finali tal-Konferenza dwar il-Kriżi Finanzjarja u Ekonomika Dinjija u l-Impatt tagħha fuq l-Iżvilupp (24 - 26 ta' Ġunju 2009),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7-0277/2010),

A.  billi l-Amerika Latina u l-Unjoni Ewropea mhux biss għandhom valuri komuni u storja u kultura komuni, iżda jiffurmaw ukoll sħubija strateġika,

B.  billi matul l-aħħar tliet deċennji l-Amerika Latina ghaddiet minn process maġġuri ta' diversifikazzjoni fir-relazzjonijiet kummercjali internazzjonali taghha, filwaqt li tħabtet biex tnaqqas il-livell ta' dipendenza tagħha,

C.  billi l-Unjoni Ewropea saħħet ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħha mal-Amerika Latina, u saret it-tieni sieħba kummerċjali l-iktar importanti tagħha u l-iktar waħda importanti għall-MERCOSUR u ċ-Ċilì; billi, skont il-Eurostat, il-volumi tal-kummerċ irduppjaw bejn l-1999 u l-2008, fejn l-importazzjonijiet ta' merkanzija mill-Amerika Latina żdiedu għal EUR 96,14 biljun u l-esportazzjonijiet ta' merkanzija lejn ir-reġjun żdiedu għal EUR 76,81 biljun, filwaqt li kien hemm żieda kostanti fil-kummerċ tas-servizzi; billi, minħabba l-effett drammatiku tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, dawn iċ-ċifri waqgħu fl-2009 għal EUR 70,11 biljun (importazzjonijiet) u għal EUR 61,57 biljun (esportazzjonijiet), imma reġgħu bdew jogħlew fl-2010; billi l-pajjiżi Ewropej huma l-ikbar għajn ta' Investiment Barrani Dirett (IBD) fl-Amerika Latina,

D.  billi, minkejja li hija sinjura fir-riżorsi naturali, l-Amerika Latina ssib ruħha fost ir-reġjuni li ma kinux kapaċi jespandu s-sehem tagħhom mill-kummerċ internazzjonali u qiegħda taqa' lura bi gwadann għal ekonomiji iktar kompetittivi u dinamiċi fl-Asja,

E.  billi diversi pajjiżi tal-Amerika Latina ġew ikklassifikati fost it-tliet pajjiżi l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima fid-dinja, u filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt notevoli tal-proċessi tad-deżertifikazzjoni u tad-deforestazzjoni u ż-żieda f'fenomeni bħaċ-ċikluni u l-estinzjoni tal-ispeċijiet li b'mod qawwi jaffettwaw lill-Amerika Latina, kif ukoll eżempji konkreti, allarmanti u wisq sinifikanti tat-theddida globali kkawżata mit-tibdil fil-klima, bħalma huma l-istat tal-foresta tropikali tal-Amażonja u r-riskju kkawżat mill-glaċieri Andini,

F.  billi, skont l-ECLAC, huwa possibbli li jinkisbu suċċessi importanti fit-tnaqqis tal-faqar, meta r-rata tal-faqar fl-Amerika Latina naqset minn 44,4% fl-2003 għal 33% fl-2010, filwaqt li l-faqar u l-migrazzjoni kulma jmur qed jinvolvu l-aktar is-sess femminili, u billi, skont l-ECLAC u l-UNICEF, kważi 63% tat-tfal u l-adolexxenti fl-Amerika Latina jbatu mill-faqar,

G.  billi d-disparità fil-livelli tal-iżvilupp tispjega għalfejn il-kummerċ bejn ċerti pajjiżi tal-UE u r-reġjun tal-Amerika Latina u tal-Karibew (ALK) huwa asimmetriku f'dawk li huma t-tipi ta' prodotti li jiġu esportati; billi l-iskambji kummerċjali bejn iż-żewġ reġjuni huma kkonċentrati ħafna u, għalkemm iktar minn irduppjaw mill-1990 “l hawn, qed jiżviluppaw b'rata inqas mgħaġġla minn dawk ta' bejn iż-żewġ reġjuni u nħawi oħra tad-dinja,

H.  billi s-Samit UE-ALK li sar f'Lima fl-2008 rriżulta fid-definizzjoni tal-assi ewlenin tas-sħubija strateġika bireġjonali, bil-għan li jinħoloq netwerk ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u d-diversi gruppi ta' integrazzjoni sottoreġjonali; billi s-Samit UE-ALK li sar f'Madrid f'Mejju 2010 issinjala pass importanti “l quddiem b'dan l-approċċ u wassal biex in-negozjati kummerċjali UE-LAK kollha li kienu ilhom iffriżati għal dawn l-aħħar ftit snin jinfetħu mill-ġdid,

I.  billi l-ħolqien ta' netwerk ta' ftehimiet komprensivi li diġà jinsabu fis-seħħ, iffinalizzati jew għadhom qed jiġu nnegozjati mad-diversi gruppi tal-pajjiżi Latinamerikani huwa maħsub biex jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti, filwaqt li jitħalla wisa' għall-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali li jkunu qed joperaw b'ritmi differenti,

J.  billi l-PGD per capita fir-reġjun ivarja minn USD 1211 f'Ħaiti u USD 2635 fin-Nikaragwa, għal USD 11225 fil-Brażil jew madwar USD 15000 fl-Arġentina, fiċ-Ċili u fil-Messiku,

K.  billi, minkejja progress sinifikanti fil-ġestjoni tal-finanzi statali, il-piż tad-dejn, li spiss jintiret minn epoka preċedenti, huwa wieħed mill-ostakoli l-aktar serji għall-investimenti relatati mal-kummerċ, għall-iżvilupp u għal finanzi tal-istat b'saħħithom f'għadd ta' pajjiżi Latinamerikani,

L.  billi fl-Amerika Latina hemm xewqa ġenerali li tiżdied l-importanza ekonomika tar-reġjun fl-ekonomija globali, u billi l-Amerika Latina naqqset id-dipendenza ekonomika tagħha billi ddiversifikat b'mod attiv ir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha; billi l-Ewropa għandha taġixxi b'mod għaqli bil-għan li ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala sieħba kummerċjali importanti ħafna għal dan il-għan, u billi l-Ewropa u l-Amerika Latina għadhom impenjati biex ikomplu jsaħħu s-sħubija strateġika tagħhom imsejsa fuq l-istess prinċipji, valuri u interessi li jħaddnu,

M.  billi l-politika kummerċjali l-ġdida tal-UE adattata għall-istrateġija Ewropa 2020 għandha tqis is-sitwazzjoni partikulari tar-reġjun Latinamerikan,

N.  billi l-esportazzjoni ta' prodotti intelliġenti u ta' kwalità għolja promossa fl-istrateġija Ewropa 2020 tirrikjedi klijenti li kapaċi jħallsu; billi, fl-interessi taż-żewġ naħat, il-ftehimiet bejn l-Amerika Latina u l-UE jridu jkomplu jiksbu benefiċċji tanġibbli għas-soċjetajiet rispettivi tagħhom,

O.  billi fl-2004 n-negozjati bil-ħsieb li tinħoloq żona ta' kummerċ ħieles ta' 750 miljun konsumatur waqfu għalkollox minħabba tilwima li kienet tikkonċerna primarjament l-aċċess tal-esportaturi tal-Mercosur għas-swieq agrikoli Ewropej,

1.  Jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona jiddefinixxi l-politika kummerċjali tal-UE bħala parti integrali u rilevanti mill-azzjoni esterna ġenerali tal-Unjoni u li l-politika kummerċjali tista' twettaq rwol deċiżiv u pożittiv fil-ħolqien tal-ġid, fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi bejn il-popli u l-pajjiżi, fl-iżgurar tal-paċi u fl-indirizzar tal-objettivi tal-iżvilupp, dawk ambjentali u soċjali, u li dawn il-politiki jridu jikkumplementaw lil xulxin b'mod reċiproku sabiex jintlaħqu l-objettivi spjegati fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; iqis li l-politika kummerċjali Ewropea moderna tista' twettaq rwol importanti biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU u biex jitwettqu l-impenji internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-ikel u is-sostenibilità ambjentali;

2.  Jilqa' bi pjaċir il-fatt li r-relazzjonijiet kummerċjali mas-sħab fl-Amerika Latina saru prijorità għall-Unjoni Ewropea;

3.  Jirrimarka li l-politika kummerċjali hija għodda importanti biex jintlaħaq l-objettiv ta' sħubija strateġika bireġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' żona ta' sħubija interreġjonali Ewro-Latinamerikana bbażata fuq mudell ta' reġjonaliżmu kompatibbli mad-WTO;

4.  Jinnota li l-għan ta' integrazzjoni aktar mill-qrib tal-isferi ekonomiċi Ewropej u dawk Latinamerikani huwa li tinħoloq sitwazzjoni fejn ir-rebħ isir fuq iż-żewġ naħat; jenfasizza li relazzjonijiet kummerċjali intensifikati u ġusti għandhom joħolqu iktar impjiegi u mpiegi ta' kwalità aħjar fiż-żewġ reġjunijiet u għandhom jappoġġaw l-għan ta' ekonomiji iktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u iktar ħodor; jinnota, madankollu, li żieda fil-kummerċ ma għandhiex twassal għad-deforestazzjoni u għal aktar emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa b'mod attiv l-iżvilupp ta' skemi ta' kummerċ ġust u l-kummerċ ta' riżorsi mmaniġġjati b'mod sostenibbli;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li d-Dikjarazzjoni ta' Madrid tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-prinċipju tad-dritt sovran tal-Istati li jimmaniġġjaw u jirregolaw ir-riżorsi naturali tagħhom, filwaqt li tenfasizza li għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-kriterji tas-sostenibilità;

7.  Jisħaq fuq il-fatt li l-pajjiżi kollha għandhom id-dritt li jistabbilixxu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiddefendu s-sigurtà tal-ikel tagħhom u jiżguraw is-sopravivenza u l-iżvilupp tal-produtturi tal-ikel iż-żgħar u ta' daqs medju;

8.  Jemmen li, sabiex jisiltu benefiċċju akbar mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom u jqassmu b'mod xieraq fost il-popli tagħhom dak li jiġi ggwadanjat mill-kummerċ, il-gvernijiet fiż-żewġ reġjuni għandhom jimmobilizzaw dak il-gwadann bil-għan li jtejbu l-benesseri soċjali u jeħtieġ li jakkumpanjaw il-politika kummerċjali mal-adozzjoni ta' riformi interni u strutturali xierqa, b'mod partikolari fl-oqsma soċjali u fiskali, filwaqt li jippromovu r-responsabilità tar-riformi kummerċjali u jkomplu jespandu u jseddqu l-kapaċità istituzzjonali relatata mal-kummerċ;

9.  Jenfasizza li huwa neċessarju li tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' politiki kumplementari li jkunu speċifiċi għall-pajjiż u biex jiżdiedu l-opportunitajiet ta' skambji kummerċjali fost il-partijiet interessati f'konformità mal-għanijiet speċifiċi tal-iżvilupp; jemmen li huwa kruċjali li tiġi mobilizzata l-Għajnuna għall-Kummerċ u li l-intensifikazzjoni kummerċjali tintuża biex jiġi promoss l-iżvilupp;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi pożittivi f'dawk il-pajjiżi tal-Amerika Latina fejn il-politiki l-ġodda tal-kummerċ u r-riżorsi akkumpanjati minn riformi interni taw kontribut favur it-tnaqqis tal-faqar u tal-inugwaljanza, kif hemm iddokumentat mit-titjib fil-koeffiċjenti Gini tagħhom, u jqis lil dawn l-iżviluppi bħala eżempji tal-kundizzjonijiet li taħthom il-politika kummerċjali jista' jkollha effetti distributtivi progressivi;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-Amerika Latina qed jiġu esplorati suriet ġodda u ambizzjużi ta' kooperazzjoni ekonomika li huma konnessi ma' politiki soċjoekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja approċċi bħal dawn għall-integrazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u biex tevita klawżoli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE li jkunu jdgħajfu l-effetti pożittivi tal-approċċi rispettivi ta' integrazzjoni;

12.  Jenfasizza li r-riżorsi u l-assistenza teknika għandhom ikunu mobilizzati biex jiġu identifikati u ffinanzjati programmi li jkunu jipprovdu opportunitajiet ta' produzzjoni lokali u reġjonali, sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà tal-ikel u l-aċċess sostenibbli għas-swieq lill-komunitajiet esklużi li jinsabu fil-qiegħ tal-piramida soċjoekonomika u lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

13.  Iqis li l-assistenza relatata mal-kummerċ għandha tgħin lill-produtturi jnaqqsu l-ispejjeż tat-transazzjonijiet involuti biex jikkonformaw ma' standards regolatorji u tal-kwalità, u li l-programmi għandhom jiġu żviluppati sabiex jgħinu lill-impriżi fl-ispezzjonar, fl-ittestjar u fiċ-ċertifikazzjoni uffiċjali;

14.  Jenfasizza l-importanza li jiġu applikati standards ambjentali, tat-traċċabilità u tas-sigurtà tal-ikel fir-rigward ta' prodotti agrikoli impurtati fil-kuntest ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Latina;

15.  Iqis li hija ħaġa kruċjali li l-Amerika Latina tkompli tiddiversifika l-kummerċ tagħha, li huwa bbażat prinċipalment fuq il-materja prima, u li tkompli timxi “l quddiem lejn kummerċ sostenibbli tal-prodotti u s-servizzi b'valur miżjud akbar, bil-għan li tikkompeti fuq livell dinji; iqis li t-trasport globali marbut mal-ktajjen ta' provvista u l-qsim internazzjonali tax-xogħol attwali għandu jqis il-preokkupazzjonijiet ambjentali;

16.  Jitlob għal kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-pajjiżi Latinamerikani sabiex, flimkien jagħmlu sforz biex jiġi konkluż malajr Ftehim ta' Doha tad-WTO ġust, ambizzjuż u komprensiv f'konformità mal-impenji li saru fid-Dikjarazzjoni ta' Madrid; jenfasizza li sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli li tkun miftuħa u ġusta se tikkontribwixxi għall-irkupru tal-ekonomiji dinjija mill-kriżi ekonomika u għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-iżvilupp, filwaqt li jiġi applikat tnaqqis progressiv u bbilanċjat tal-barrieri tariffarji u mhux tariffarji, fejn ikun xieraq u f'konformità mal-prinċipju tat-trattament speċjali u divrenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tikkontribwixxi b'mod effettiv għat-tnaqqis tal-faqar;

17.  Jiddeplora l-miżuri protezzjonisti li ttieħdu matul il-kriżi finanzjarja minn xi pajjiżi Latinamerikani, speċjalment l-Arġentina; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza regolarment il-kwistjoni tal-aċċess għas-suq mal-pajjiżi fl-Amerika Latina;

18.  Jenfasizza li l-ilħuq tat-tmien MDGs tan-NU għandha titqies bħala kompitu kruċjali fin-negozjati ta' kummerċ multilaterali u bilaterali li għaddejjin bħalissa; jisħaq li ż-żamma tal-wegħdiet imtennija fid-Dikjarazzjoni ta' Madrid dwar l-ilħuq tal-MDGs u l-eradikazzjoni tal-faqar globali se teħtieġ ambjent kummerċjali li fih il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Amerika Latina jkollhom aċċess reali għas-swieq tal-pajjiżi żviluppati jkunu jistgħu jsostnu u jiżviluppaw l-industriji kompetittivi tal-ipproċessar tal-ikel u tal-mainfattura tagħhom stess – ambjent li fih jiġu implimentati prattiki kummerċjali aktar ekwi u fejn regoli b'saħħithom u infurzati jkunu japplikaw għall-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet soċjali;

19.  Iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tipprova tagħmel offerta aktar attraenti bil-għan li taqdi l-interessi ta' żvilupp ekonomiku tas-sħab tagħna, sabiex tiżgura l-preżenza tagħha tagħha fir-reġjun, kif inhuma hemm ukoll l-Istati Uniti u ċ-Ċina; jemmen li dan għandu jinkludi offerti kumplementari, pereżempju fir-rigward tal-bini tal-kapaċitajiet u t-trasferimenti tat-teknoloġija; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' trattament li juri rispett lejn is-sħab tagħna u rikonoxximent tal-ħtiġijiet asimmetriċi;

20.  Itenni l-importanza tal-inklużjoni tal-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards ambjentali u soċjali fil-ftehimiet kummerċjali kollha konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi, inklużi l-pajjiżi Latinamerikani, sabiex l-azzjoni esterna tkun koerenti, kemm billi tirrifletti l-interessi ekonomiċi tal-UE u kemm billi tippromwovi l-valuri fundamentali tagħha;

21.  Jenfasizza li l-iżviluppi pożittivi tas-suq tul il-katina tal-valuri kollha kemm hi għandhom iwasslu għal livelli xierqa ta' dħul u li l-marġni tal-profitti għandhom ikunu ta' benefiċċju għall-parteċipanti kollha involuti fi ħdan il-katina tal-valuri kollha kemm hi;

22.  Iqis li huwa neċessarju li s-sħubija kummerċjali tagħna tingħata dimensjoni verament Ewropea, billi jiżdiedu l-iskambji bejn il-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-pajjiżi kollha, inklużi l-pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; iqis li huwa neċessarju li fl-iskambji tagħna tiġi integrata firxa usa' ta' attivitajiet ekonomiċi;

23.  Jenfasizza r-rwol kostruttiv li l-kumpaniji bbażati fl-UE li joperaw fl-Amerika Latina għandu jkollhom billi japplikaw standards għolja f'dak li jirrigwarda l-ambjent, il-ħarsien soċjali u l-ġestjoni tal-kwalità u billi joffru pagi diċenti u sigurtà tax-xogħol;

24.  Jinsab konxju mill-fatt li fil-passat seħħew xi każijiet ta' kondotta ħażina min-naħa ta' kumpaniji bbażati fl-UE li joperaw fl-Amerika Latina, li kienu jinvolvu degradazzjoni ekoloġika, każijiet ta' sfruttament tax-xogħol, kif ukoll vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li l-UE bħala entità sħiħa u l-kumpaniji bbażati fl-UE li joperaw fl-Amerika Latina għandhom juru mġiba eżemplari fir-rigward ta' kwistjonijiet ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-impjiegi fi ħdan qafas usa' ta' trasparenza u rispett għad-drittijiet tal-bniedem li jiżgura l-ħarsien ta' dawk kollha involuti; jenfasizza li l-impriżi multinazzjonali Ewropej huma responsabbli bil-kbir għall-immaġni tal-UE fir-reġjun u għandhom jippromwovu l-valuri tagħha, filwaqt li josservaw il-prinċipji ta' responsabilità soċjali korporattiva;

25.  Jagħraf li l-konklużjoni tal-ftehimiet tad-WTO dwar il-kummerċ fil-banana ġabet fi tmiemha tilwima li kienet ilha għaddejja ħafna mal-fornituri tal-banana tal-Amerika Latina utal-pajjiżi sħab tal-AKP, tista' tiffaċilita l-progress fin-negozjati tar-Rawnd ta' Doha u kkontribwiet għall-konklużjoni tan-negozjati dwar id-diversi ftehimiet mal-Amerika Ċentrali u l-Kolombja u l-Perù; jitlob, madankollu, li jitqiesu l-impenji li saru lis-sħab tal-AKP u l-interessi tal-produtturi tal-UE; jitlob, bil-għan li jiġu evitati aktar tilwimiet, li jiġi ggarantit trattament ġust lis-sħab kummerċjali kollha fl-Amerika Latina, inklużi dawk li ma kkonkludewx xi ftehim kummerċjali mal-UE;

26.  Jirrimarka li l-ftehimiet adottati fi ħdan id-WTO u l-ftehimiet bilaterali li għadhom qed jiġu nnegozjati ma' ċerti pajjiżi Latinamerikani għandhom konsegwenzi għall-ekonomiji vulnerabbli tar-reġjuni l-aktar imbiegħda minħabba s-similaritajiet bejn is-setturi agrikoli tagħhom u dawk li jinsabu fuq il-kontinent Latinamerikan; jappoġġa għalhekk l-approċċ li taħtu, fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Amerika Latina, is-setturi strateġiċi u tradizzjonali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda huma ppriservati u huma s-suġġett kemm ta' kumpens xieraq u kemm ta' attenzjoni partikolari bil-għan li ma jiġux imdgħajfa l-obbligi li l-UE adottat lejn dawn ir-reġjuni fl-istrateġija Ewropea tagħha għar-reġjuni l-aktar imbiegħda fl-2009;

27.  Jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni kollha jridu jqisu l-interessi tan-nies ikkonċernati u jridu jkunu soġġetti għar-ratifika mill-parlamenti fir-rigwar tal-pilastri tagħhom kollha, jiġifieri d-djalogu politiku, il-kooperazzjoni u l-kummerċ;

28.  Jinnota l-konklużjoni pożittiva tan-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali li, bħala l-ewwel eżempju ta' ftehim bejn reġjun u ieħor, għandu jikkontribwixxi, b'politiki xierqa li jakkumpanjawh, għat-tisħiħ mhux biss tal-ġħana iżda wkoll tal-integrazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Panama li tibda l-proċess ta' adeżjoni fis-Sottosistema ta' Integrazzjoni Ekonomika tal-Amerika Ċentrali;

29.  Jirrimarka li n-negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ bejn Bosta Partijiet bejn l-UE u l-Kolombja u l-Perù laħqu konklużjoni pożittiva; jinnota li l-Bolivja ddeċidiet li tirtia t-talba li ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Andina dwar il-Ftehim ta' Kummerċ bejn Bosta Partijiet; jistieden għalhekk lill-partijiet relevanti biex jersqu lejn Ftehim ta' Assoċjazzjoni futur li jkun innegozjat mal-pajjiżi kollha tal-Komunità Andina;

30.  Jappoġġja l-fatt li reġgħu qed jitkomplew in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur – minħabba li Ftehim ta' Assoċjazzjoni ta' dan it-tip, li huwa tal-akbar importanza u jaffettwa 700 miljun ruħ, ikun, jekk jiġi konkluż malajr, l-aktar ftehim bireġjonali ambizzjuż fid-dinja - u għalhekk jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jkun involut mill-qrib fl-istadji kollha tan-negozjati; jinsab konxju li l-kwistjonijiet agrikoli x'aktarx li se jkunu waħda mis-suġġetti sensittivi fin-negozjati; jitlob li l-prodotti agrikoli importati fl-UE jitħallew jidħlu biss jekk dawk l-importazzjonijiet jilħqu l-istandards Ewropej dwar il-ħarsien tal-konsumatur, dak tal-annimali, dak tal-ambjent u l-istandards minimi soċjali; jenfasizza li fl-aħħar irid jintlaħaq eżitu bbilanċjat għaż-żewġ partijiet billi jiġi żgurat li n-negozjati jqisu għalkollox l-iżviluppi riċenti fl-ekonomija globali, l-isfidi ambjentali globali, bħalma hu t-tibdit tal-klima, u t-talbiet b'insistenza u l-preokkupazzjonijiet imressqa mill-Parlament;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fin-negozjati relatati mal-aġġornament meħtieġ tal-ftehimiet maċ-Ċili u mal-Messiku tinvolvi mill-qrib lill-Parlament;

32.  Jappoġġja b'mod qawwi l-approvazzjoni tal-Pjan Eżekuttiv Konġunt għas-Sħubija Strateġika bejn il-Messiku u l-UE u n-negozjati bil-ħsieb li jiġu mmodernizzati b'mod fundamentali r-relazzjonijiet kummerċjali sabiex jinħeles il-potenzjal sħiħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Messiku, li, minn meta daħal fis-seħħ sal-lum wassal għal żieda ta' 122% fil-flussi kummerċjali;

33.  Jappoġġja b'mod qawwi l-pjan direzzjonali u l-programm ta' ħidma għall-Assoċjazzjoni UE-Ċili għall-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (ADI) u ż-żieda li kienet ta' benefiċċju reċiproku fil-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi li kienet possibbli minħabba l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif muri mill-fatt li l-kummerċ bejn iċ-Ċili u l-UE iktar minn irdoppja mill-2003 “l hawn;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li ssir valutazzjoni minn qabel tal-impatt li jista' jkollu ftehim mal-Mercosur minħabba ż-żieda mistennija fil-volum tal-laħam esportat lejn l-Ewropa – 70% għaċ-ċanga u 25% għal-laħam tat-tjur – li huwa irħas minħabba l-istandards sanitarji, ambjentali u soċjali inqas stretti li jirregolaw il-produzzjoni tiegħu;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u s-sħab Latinamerikani tagħha jinvolvu s-soċjetà ċivili fil-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards tax-xogħol, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent inklużi fil-ftehimiet kummerċjali u jippromwovu d-djalogu regolari mas-soċjetà ċivili li jipprovdu għalih il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;

36.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-miżuri ristrettivi li ġew adottati dan l-aħħar mill-awtoritajiet Arġentinjani fir-rigward ta' prodotti tal-ikel importati minn pajjiżi terzi, inkluża l-Unjoni Ewropea; iqis li dawn il-miżuri jikkostitwixxu ostakolu mhux tariffarju reali li huwa inkompatibbli mal-obbligi tad-WTO; jisteiden, għalhekk, lill-awtoritajiet Arġentinjani jeliminaw dan il-piż illegali minn fuq il-prodotti tal-ikel, li jista' jibgħat sinjal ħażin u jirrappreżenta ostakolu serju għan-negozjati li għadhom għaddejjin bejn l-UE u l-MERCOSUR;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex lin-negozjati kummerċjali tagħmilhom aktar trasparenti billi tagħti aċċess bikri għal dokumenti ewlenin u abbozzi ta' ftehimiet lis-sħab soċjali kollha f'setturi li jkunu potenzjalment affettwati mill-eżitu tal-ftehimiet kummerċjali, filwaqt li tapplika proċeduri standard fir-rigward ta' dokumenti li jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' kunfidenzjalità, u tistabbilixxi proċess kontinwu u formalizzat ta' konsultazzjoni magħhom;

38.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti li qiegħda twettaq l-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR);

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ kontinenti biex jiġi żviluppat netwerk ferrovjarju Latinamerikan ġdid;

40.  Jieħu nota tad-deċiżjoni li titwaqqaf il-Komunità tal-Istati Latinamerikani u Karibej (CELAC); jirrimarka li l-integrazzjoni reġjonali hija proċess li huwa essenzjali sabiex l-Amerika Latina tiġi megħjuna taġġusta għall-isfidi globali l-ġodda;

41.  Jemmen li l-oqfsa tal-kummerċ, l-enerġija u t-tibdil fil-klima għandhom ikunu ta' appoġġ reċiproku;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja s-sħab fl-Amerika Latina biex jistabbilixxu faċilitajiet ta' produzzjoni ta' valur miżjud kompetittivi; jipproponi l-istabbiliment ta' akkademji kummerċjali reġjonali kemm fir-reġjuni tal-Amerika Latina kif ukoll fl-Istati Membri kollha tal-UE, immirati lejn il-bini tal-kapaċitajiet fost l-SMEs billi jipprovdu sessjonijiet ta' taħriġ dwar il-prekundizzjonijiet għall-kummerċ ta' prodotti agrikoli, merkanzija u servizzi mar-reġjun sieħeb;

43.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Amerika Latina biex jagħmlu sforzi sinċieri biex jiġġieldu t-tibdil tal-klima u, b'mod partikolari, biex iwaqqfu d-deforestazzjoni;

44.  Jinkoraġġixxi l-appoġġ min-naħa tal-UE għal fieri kummerċjali UE-Latinamerikani fid-diversi pajjiżi tal-UE u tal-Amerika Latina, biex tingħata l-opportunità għal kuntatti u ftehimiet ta' sħubija, b'mod partikolari fost l-SMEs;

45.  Iqis li r-riforma li jmiss tas-sistema ta' preferenzi ġeneralizzata (SPĠ) trid tagħmilha iktar effiċjenti u stabbli sabiex ikun żgurat li l-produtturi tal-Amerika Latina se jaħsdu l-benefiċċji potenzjali ta' din l-iskema preferenzjali; iqis li n-negozjati għal ftehimiet ta' kummerċ ma' pajjiżi li diġà qed jibbenefikaw mill-iskema SPĠ+ għandhom jippermettu ċertu grad ta' asimmetrija li jkun iqis ħafna l-livell ta' preferenzi li jkun qed jitgawda taħt l-iskema SPĠ+;jirrimarka li l-pajjiżi kollha huma ħielsa li ma jidħlux fin-negozjati u jistgħu għalhekk ikomplu jibbenefikaw mill-iskema SPĠ+ kemm-il darba jkomplu jissodisfaw il-kondizzjonijiet relevanti;

46.  Jinnota l-ħolqien min-naħa tal-UE ta' Faċilità ta' Investiment ġdida għall-Amerika Latina, li l-għan ewlieni tagħha għandu jkun li sservi bħala ingranaġġ biex timmobilizza finanzjament addizzjonali biex fl-Amerika Latina jiġi ddiversifikat l-investiment li hu intiż biex irawwem progress fl-oqsma prijoritarji, bħalma huma sistemi sodi ta' trasport u mobilità pubbliċi, l-iffrankar tal-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli, l-edukazzjoni u r-riċerka;

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li tiġi stabbilita Fondazzjoni UE-ALK, li se tippromwovi l-kummerċ u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sħubija bireġjonali, filwaqt li toħloq l-għarfien dwarha u tirrealizza l-potenzjal kollu tagħha;

48.  Jemmen li t-test tal-kapitoli dwar il-protezzjoni tal-investiment fil-ftehimiet kummerċjali jrid jgħin biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-investimenti magħmula, mingħajr ma tiġi affettwata l-kapaċità ta' reazzjoni tal-gvernijiet għad-domandi ambjentali, tas-saħħa u soċjali tal-popolazzjonijiet tagħhom;

49.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-verifika tad-dejn estern tal-Ekwador li qed issir minn kummissjoni internazzjonali u jinkoraġġixxi pajjiżi oħra biex jimpenjaw ruħhom u jibdew iwettqu proċessi simili; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaċċelleraw is-soluzzjoni tal-problema tad-djun esterni ta' xi pajjiżi fl-Amerika Latina u l-Karibew, kemm fuq bażi bilaterali kif ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali;

50.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-kunċett il-ġdid li l-ħarsien ambjentali jiġi appoġġjat billi jingħata kumpens għat-telf potenzjali fid-dħul kummerċjali u tikkofinanzja l-ħolqien tal-Fond tat-Trust Yasuni-ITT taħt l-awspiċi tal-UNDP, kif propost mill-gvern Ekwadorjan, li huwa maħsub biex jikkumpensa l-poplu Ekwadorjan talli qed joqgħod lura milli jwettaq operazzjonijiet ta' estrazzjoni taż-żejt miż-żoni li jinsabu fil-Park Nazzjonali Yasuni;

51.  Itenni li l-UE għandha tappoġġa b'mod attiv u konkret lil dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jużaw l-hekk imsejħa flessibilitajiet mibnija fil-Ftehim TRIPS sabiex ikunu kapaċi jipprovdu mediċini bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu mill-but ta' kulħadd taħt il-programmi tas-saħħa pubblika domestiċi tagħhom;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport fl-istrateġija kummerċjali lġdida tagħha għall-UE, b'mod partikolari safejn għandu x'jaqsam il-kummerċ ġejjieni bejn l-UE u l-ALK;

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.
(2) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(3) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
(4) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.
(5) ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.
(6) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 291.
(7) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 591.
(8) ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 193.
(9) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 64.
(10) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 77.
(11) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 5.
(12) Testi adottati P7_TA(2010)0089.
(13) Testi adottati P7_TA(2010)0141.
(14) ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 126.
(15) ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.
(16) “The Future of the WTO - Addressing Institutional Challenges in the New Millennium”, Report by the Consultative Board to the Director-General, Supachai Panitchpakdi (WTO, January 2005).
(17) UNFCCC Draft decision -/CP.15, Copenhagen Accord, FCCC/CP/2009/L.7.

Avviż legali - Politika tal-privatezza