Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/021 IE/SR Technics mill-Irlanda) COM(2010)0489 – C7-0280/2010 – 2010/2214(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0489 – C7-0280/2010),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), (ir-Regolament EGF),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0297/2010),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex tgħinhom jerġgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-ambitu tal-EGF ġie mwessa' għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 rigward l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat l-EGF,
D. billi l-Irlanda talbet assistenza fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw 850 sensja fl-intrapriża SR Technics Ireland Ltd li topera fis-settur tat-trasport bl-ajru fir-reġjun tan- NUTS III Dublin,
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar l-EGF,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-EGF;
2. Ifakkar fl-impenn li għandhom l-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-EGF, jipprovdu appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu sofrew sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li l-EGF jista' jwettaq fir-reintegrazzjoni tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;
3. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament EGF, għandu jkun żgurat li l-EGF jappoġġa r-reintegrazzjoni individwali tal-ħaddiema ssensjati fix-xogħol; itenni li għajnuna mill-EGF m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
4. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-EGF tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta' din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-EGF, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Fond Soċjali Ewropew li ma jkunx intużaw, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-EGF inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;
6. Jinnota madankollu li, bil-għan li l-EGF jiġi mmobilizzat għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet se jiġu ttrasferiti minn linja baġitarja ddedikata għall-appoġġ lill-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih minħabba n-nuqqasijiet severi tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b'mod sinifikanti l-bżonn ta' appoġġ bħal dan;
7. Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-EGF għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta' strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta' rieżami ta' nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon il-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li jippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, janalizza l-kriterji ta' eliġibilità u jispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hu konformi mat-talbiet tal-Parlament;
9. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2009/021 IE/SR Technics mill-Irlanda)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li spiċċaw issensjati b'konsegwenza ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-EGF twessa' għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) L-Irlanda ressqet applikazzjoni fid-9 ta' Ottubru 2009 għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-SR Technics u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-18 ta' Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, ressqet proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 7 445 863.
(5) L-EFG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet imressqa mill-Irlanda.
JIDDEĊIEDU:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 7 445 863 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u f'approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f`“Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.