Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krzysztof Lisek (2009/2244(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Krzysztof Lisek, imressqa mill-awtoritajiet Ġudizzjarji tal-Polonja fil-5 ta' November 2009 u mħabbra fis-sessjoni plenarja tal-14 ta' Diċembru 2009,
– wara li sema' lil Krzysztof Lisek bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej anness mat-Trattati,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-regoli tal-Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0301/2010),
A. billi nfetħu proċeduri kriminali mill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki kontra l-Membru tal-Parlament Ewropew Krzysztof Lisek, li qed jiġi akkużat b'reati kriminali skont l-Artikolu 296(1) u (3) tal-Kodiċi Penali tas-6 ta' Ġunju 1997 pubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-1997, Nru 88, Punt 553, kif emendat; l-Artikolu 586 tal-Kodiċi tal-Kumpaniji Kummerċjali tal-15 Settembru 2000 ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2000, Nru 94, Punt 1037, kif emendat; l-Artikolu 77 (1) u (2) tal-Att dwar il-Kontabilità tad-29 ta' Settembru 1994 (test ikkonsolidat ippubblikat fil-Ġurnal tal-Liġijiet tal-2002, Nru 76, Punt 694), kif emendat,
B. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, matul is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu jgawdu fit-territorju tal-Istat rispettiv tagħhom mill-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta' pajjiżhom; billi Membru ma jistax jitlob immunità meta jinqabad jikkommetti reat fil-fatt; billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,
C. billi l-akkużi kontra s-Sur Lisek ma għandhomx x'jaqsmu mal-fehmiet espressi jew mal-voti mogħtija waqt il-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,
D. billi, skont l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, membru tal-Parlament nazzjonali (Sejm) ma jistax ikun soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr il-kunsens tal-Parlament,
E. billi l-Artikolu 105 jkompli billi jipprovdi li membru tal-parlament nazzjonali ma għandux jinżamm responsabbli għal attivitajiet li jsiru skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tad-deputat, la matul it-terminu tiegħu u lanqas wara l-iskadenza tiegħu,
F. billi s-Sur Lisek huwa essenzjalment akkużat b'reati li ma għandhomx x'jaqsmu mal-attivitajiet tiegħu ta' ġestjoni u ta' kontabilità bħala president tal-bord tal-Polish Youth Card Association u tal-Kampus Sp. li kien għamel qabel ma nħatar Membru tal-Parlament Ewropew; u billi r-reati li qiegħed jiġi akkużat bihom is-Sur Lisek ma għandhom x'jaqsmu xejn mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew,
G. billi ma tressqet l-ebda evidenza konvinċenti għall-eżistenza ta' xi fumus persecutionis,
H. billi huwa għalhekk xieraq li titneħħa l-immunità tiegħu;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Krzysztof Lisek ;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-Kumitat responsabbli tiegħu lir-Repubblika tal-Polonja.