Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2898(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0608/2010

Dibattiti :

PV 10/11/2010 - 14
CRE 10/11/2010 - 14

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2010 - 8.6
CRE 11/11/2010 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0396

Testi adottati
PDF 344kWORD 95k
Il-Ħamis, 11 ta' Novembru 2010 - Brussell
Samit li jmiss bejn UE-Stati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku
P7_TA(2010)0396RC-B7-0608/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku(2),

–  wara li kkunsidra dak li rriżulta mis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-3 ta' Novembru 2009 f'Washington,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress adottat fir-raba' laqgħa tas-27 ta' Ottubru 2009, id-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-Laqgħa ta' Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) u l-laqgħat li saru fi New York mill-4 sad-9 ta' Diċembru 2009 u f'Madrid mill-4 sas-6 ta' Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar “It-titjib tal-kooperazzjoni trans-Atlantika fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà” tat-28 ta' Ottubru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-3 ta' Ġunju 2010,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Samits tal-G20 f'Toronto bejn is-26 u s-27 ta' Ġunju 2010 u f'Seoul mill-21 sat-23 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa Plenarja ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju tal-20-22 ta' Settembru 2010 u l-konklużjonijiet tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjoni trans-Atlantika hija unika u wiesgħa fl-ambitu, inkluż impenn reċiproku għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa; filwaqt li jinnota, fid-dawl tal-interessi u l-valuri komuni tagħhom, il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Uniti jisimgħu lil xulxin, u li l-Parlament Ewropew ikun lest jisma' lill-President u l-Kungress tal-Istati Uniti,

B.  billi l-UE u l-Istati Uniti jaħdmu flimkien madwar id-dinja biex imexxu “l quddiem aġenda komuni bbażata fuq storja, kultura, interessi u valuri komuni, u billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti għandu jkollhom rwol kruċjali biex jiġi żgurat li l-kwistjonijiet globali u l-isfidi l-ġodda jiġu ttrattati fil-qafas tal-liġi internazzjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali eżisteni, b'mod partikolari n-NU, l-OSCE u n-NATO,

C.  billi ż-żewġ imsieħba trans-Atlantiċi flimkien jammontaw għal nofs l-ekonomija globali, fejn l-isħubija tagħhom ta' USD 4.28 triljun hija l-akbar, l-aktar integrata, u l-itwal relazzjoni ekonomika fid-dinja u mutur ewlieni tal-prosperità ekonomika globali; billi l-qawwa u l-impenn għar-relazzjoni trans-Atlantika huma ta' rilevanza saħansitra akbar minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali kurrenti; billi politika monetarja koordinata għandha tingħata prijorita għola hija parti neċċessajra tar-responsabbilita'fis-sħubija transatlantikca globali u iż-żewġ sieħba għandhom jingħaqdu biex jevitaw distorzjonijiet fir-rati tal-kambju,

D.  billi ż-żewġ imsieħba huma impenjati li jikkooperaw sabiex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomiji tagħhom, u billi l-Parlament Ewropew ikompli jitkellem favur it-tlestija sal-2015 ta' suq trans-Atlantiku, ibbażat fuq il-prinċipju ta' ekonomija tas-suq soċjali, li l-kisba tiegħu – flimkien mal-finalizzazzjoni tas-suq uniku tal-UE – se tkun element ewlieni fit-tnedija mill-ġdid tat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku globali,

E.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkontribwew l-inqas għall-impatt tat-tibdil fil-klima, dovuti għall-attività tal-bniedem, iżda qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi l-aktar qawwija tiegħhu; u billi l-esternalitajiet negattivi tat-tibdil fil-klima qed jipperikolaw l-investiment internazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar, biex b'hekk qed tiġi mhedda l-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju (MDGs); jinnota wkoll il-bżonn għal djalogu kontinwu dwar l-inizjattiva għal sħubija trans-Atlantika għall-iżvilupp,

Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

1.  Jinsisti dwar l-importanza li l-UE u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti jintensifikaw id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni strateġiċi tagħhom meta jkunu qed jittrattaw l-isfidi globali u l-kunflitti reġjonali;

2.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jippromwovu r-rispett għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja bħala element prinċipali tal-politika tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni intensiva fid-diplomazija kontra u matul il-kriżijiet; jistieden għal darb'oħra lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tirratifika u taqbel mal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jirrepeti l-appell tiegħu favur it-tneħħija universali tal-piena tal-mewt;

3.  Iqis li huwa essenzjali li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, iż-żewġ imsieħba jieħdu r-rwol prinċipali dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti ħalli jkun hemm qbil dwar l-affarijiet konkreti li jistgħu jsiru biex finalment jintlaħaq ftehim internazzjonali waqt il-Konferenza dwar il-Tibdil fil-Klima tan-NU (COP-16) f'Cancun, fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika u li tinkludi assistenza internazzjonali adegwata bl-iffinanzjar tat-trażżin u l-adattament tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid li ħadet l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti lejn l-Iżrael u jitlob għal sħubija Ewro-Amerikana msaħħa mill-ġdid vis-à-vis l-kunflitt Iżraeli-Palestinjan; jilqa“, f'dan il-kuntest, it-tnedija ta' negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana, imħabbra f'Washington fit-2 ta' Settembru 2010; jinnota li huma meħtieġa negozjati addizzjonali li jwasslu, fi żmien miftiehem, għal soluzzjoni b'żewġ stati, bis-sitwazzjoni fejn l-Istat tal-Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli, jeżistu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jenfasizza li paċi komprensiva, li hi ta' interess fundamentali għall-partijiet fir-reġjun u għall-UE, għandha tinkiseb fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, il-prinċipji ta' Madrid, inkluża l-art għall-paċi, il-Pjan Direzzjonali u l-ftehimiet li kien hemm qbil preċedenti dwarhom mill-partijiet, u jenfasizza li l-impenn attiv tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani fil-proċess ta' paċi huwa meħtieġ, waqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u l-kooperazzjoni kontinwa mas-sħab Għarab; iħeġġeġ lill-Gvern Iżraeljan iġedded il-moratorju dwar il-bini ta' rħula żgħar; jitlob għal impenn Ewropew aktar attiv fil-konfront tas-Sirja u tal-Libanu;

6.  Jenfasizza li l-inċertezzi dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan qed jipperikolaw is-sistema tan-nonproliferazzjoni u l-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jesprimi d-diżappunt tiegħu għaċ-ċaħda kontinwa min-naħa tal-Iran li jikkoopera għalkollox mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) billi jostakola x-xogħol tal-IAEA, billi jiċħad l-aċċess għall-faċilitajiet nukleari ewlenin u jagħmel veto kontra l-ħatra ta' spetturi; jistieden lit-tmexxija Iranjana tiżgura li l-Iran jissodisfa l-obbligi tiegħu skont it-Trattat ta' Nonproliferazzjoni; jistieden lil Teheran jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali dwar il-Ftehim ta' Salvagwardji u jistieden lill-Istati Uniti u l-UE jikkoordinaw il-politiki barranin tagħhom sabiex jinkiseb dan l-objettiv;

7.  Jitlob għal kooperazzjoni mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-Afganistan u l-Pakistan bl-għan li jsir kontribut għall-paċi, għall-istabilità, għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-iżvilupp fir-reġjun; jenfasizza l-importanza li pajjiżi tal-viċinat u atturi ewlenija oħra fir-reġjun jipparteċipaw f'dan il-proċess, li jista' jikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-istabbilizzazzjoni reġjonali;

8.  Għalkemm konxju li l-ħruġ mhux awtorizzat ta' dokumenti militari klassifikati jista' jġib persunal militari fil-periklu, huwa mħasseb ħafna dwar l-allegazzjonijiet serji li saru dan l-aħħar li t-tortura qed tiġi ttollerata fl-Iraq; jitlob li din il-kwistjoni titqajjem fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti bil-għan li tinfetaħ inkjesta trans-Atlantika indipendenti;

9.  Iħeġġeġ bil-qawwa lir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (DPRK) biex twettaq l-impenji tagħha fil-kuntest tat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet, inkluż l-abbandun totali u verifikabbli tal-armi nukleari u tal-programmi nukleari eżistenti kollha; jistieden lid-DPRK tissodisfa l-obbligi rilevanti tagħha tan-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għat-Taħdidiet bejn Sitt Partijiet u jibqa' determinat li jikseb riżoluzzjoni sodisfaċenti u komprensiva tal-kwistjonijiet involuti permezz ta' mezzi diplomatiċi;

10.  Jilqa' l-eżitu tas-Samit dwar is-Sigurtà Nukleari ta'April 2010, li enfasizza l-importanza dinjija li jiġi evitat it-terroriżmu nukleari u li f'erba' snin jitqiegħed fiż-żgur il-materjal nukleari vulnerabbli kollu u li jintlaħaq qbil dwar pjan ta' ħidma biex il-ftehimiet u l-programmi eżistenti dwar is-sigurtà nukleari jittejbu u jiġu universalizzati; isostni l-inizjattivi li ttieħdu minn pajjiżi individwali biex titjieb is-sigurtà nazzjonali u jħeġġeġ lil stati oħra biex jingħaqdu f'dan il-proċess;

11.  Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-pedament tas-sigurtà trans-Atlantika u jitlob għal kooperazzjoni strateġika bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri tal-UE sabiex jindirizzaw sfidi tas-sigurtà globali; jinnota x-xogħol li sar biex jintlaħaq ftehim dwar Kunċett Strateġiku ġdid; iqis li żviluppi rilevanti f'din l-istruttura ta' sigurtà usa' għandhom jiġu indirizzati wkoll fi djalogu mar-Russja u mal-membri tal-OSCE li mhumiex fl-UE; jenfasizza l-importanza tas-CSDP u l-valur ta' kapaċità Ewropea mtejba ta' difiża għat-tisħiħ tas-sigurtà trans-Atlantika;

12.  Jinnota l-għadd dejjem ikbar ta' sfidi diversi li qed jitfaċċaw, li huma komuni kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti; iħeġġeġ lis-sħab biex jibdew proċess konġunt globali li taħtu l-miżuri ta' politika trans-Atlantiċi kollha jiġu evalwati u żviluppati sabiex tinħoloq strateġija unika koerenti u wiesgħa, li tindirizza dawn il-kwistjonijiet b'mod effikaċi;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' referendum ġust u demokratiku dwar l-indipendenza tas-Sudan ta' Isfel għall-istabilità tar-reġjun; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Uniti biex jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet Sudaniżi biex jiżguraw li r-referendum ta' Jannar 2011 dwar il-ġejjieni tas-Sudan ikun paċifiku, ġust u trasparenti;

14.  Jilqa' l-iffirmar tat-Trattat START il-ġdid fit-8 ta' April 2010, fi Praga, mill-President Amerikan Barack Obama u l-President Russu Dmitry Medvedev u jistenna bil-ħerqa r-ratifika tiegħu miż-żewġ partijiet;

15.  Jirrikonoxxi l-interessi kummerċjali u politiċi doppji tal-UE u l-Istati Uniti fl-Amerika Latina, fejn l-UE għandha sħubijiet strateġiċi mal-Messiku u l-Brażil u FTAs maċ-Ċili u l-Messiku kif ukoll fejn qed tinnegozja ftehim simili mal-Kolombja;

Laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) u r-rinfurzar tat-TEC

16.  Hu konvint li t-TEC jikkostitwixxi l-mekkaniżmu l-iktar xieraq għall-ġestjoni tar-relazzjoni ekonomika trans-Atlantika; iħeġġeġ lis-sħab jużaw il-potenzjal sħiħ tat-TEC biex jegħlbu l-ostakoli eżistenti li qed ixekklu l-integrazzjoni ekonomika u biex jiksbu suq trans-Atlantiku sal-2015, ibbażat fuq il-prinċipju ta' ekonomija tas-suq soċjali, ħaġa li se tkun reazzjoni pożittivi għall-kriżijiet ekonomiċi u soċjali kurrenti;

17.  Iħeġġeġ lit-TEC jkun aktar strateġiku biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet ta' dawk kollha interessati; itenni s-sejħa tiegħu għal distribuzzjoni f'waqtha tal-iskedi tal-laqgħat, tal-aġendi, tal-pjanijiet direzzjonali u tar-rapporti tal-progress tat-TEC, li għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet interessati sew qabel ma jsiru l-laqgħat u li mbagħad għandhom isiru pubbliċi, sabiex tiżdied it-trasparenza;

18.  Jilqa' l-fatt li t-TEC jingħata pariri mingħand għadd ta' partijiet interessati, inklużi rappreżentanti tan-negozji, u jappella mill-ġdid li jingħata rwol komparabbli lir-rappreżentanti tal-moviment tat-trejdjunjins fuq kull naħa tal-Atlantiku, sabiex id-dimensjoni soċjali tiġi inkluża bis-sħiħ; jitlob li l-kapijiet tad-Djalogu Trans-Atlantiku dwar ix-Xogħol, u tad-Djalogu Trans-Atlantiku għall-Enerġija jiġu inklużi fil-Grupp ta' Konsulenti;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-laqgħa tat-TEC li ġejja, taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għall-għarfien reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għall-prodotti suġġetti għal testijiet obbligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għat-tagħmir tat-teknoloġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni u għat-tagħmir elettriku, sabiex tinsisti fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-unitajiet ta' kejl legali, b'mod partikulari biex jiġi aċċettat l-użu ta' tikketti li jużaw biss is-sistema metrika fuq il-prodotti tal-UE fl-Istati Uniti, tesplora l-istandardizzazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, biex tistabbilixxi laqgħat ta' diskussjoni dwar standards, filwaqt li tiffoka fuq soluzzjonijiet innovattivi, u biex tikkoordina internazzjonalment; jemmen li Sħubija ta' Azzjoni dwar l-Innovazzjoni għandha tmur lil hinn minn rinfurzar IP u għandha tindirizza djalogu strateġiku dwar il-politika tal-kompetizzjoni, it-trasferiment tat-tat-teknoloġija u l-konverġenza tal-istandards;

20.  Iqis li hu tal-akbar importanza li jkun hemm involviment fi djalogu fit-TEC dwar ikel ġdid u l-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-produzzjoni tal-ikel; jenfasizza l-preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-klonazzjoni fit-trobbija tal-annimali;

21.  Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mat-TEC dwar kull kwistjoni li taffettwa lill-ambjent regolatorju għall-industriji, speċjalment l-SMEs, u biex jiġi segwit l-approċċ li ħa l-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” tal-UE – billi taħseb l-ewwel fiż-żgħir – meta wieħed ikun qed jikkunsidra leġiżlazzjoni b'impatt trans-Atlantiku;

22.  Jilqa' l-iffirmar, f'Ġunju tal-2010, tat-tieni stadju “Open Skies” tal-ftehim ta' avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti bħala sisien ta' kooperazzjoni effikaċi, u l-konklużjoni tal-ftehim tal-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) l-aktar riċenti tat-8 ta' Ottubru 2010 bħala pass importanti “l quddiem fir-rigward tas-suq tal-ajru trans-Atlantiku; jistieden, madanakollu, lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u lill-Kummssjoni, biex jaħdmu għal aktar libertà fl-investiment u s-sjieda ta' trasportaturi tal-ajru li jaqsmu minn fuq l-Atlantiku irrispettivament miċ-ċittadinanza barranija;

23.  Jinnota li l-UE u l-Istati Uniti, bħala l-akbar produtturi, esportaturi u importaturi ta' prodotti agrikoli fid-dinja, jaffaċċjaw sfidi simili u għandhom rwol importanti li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel fid-dinja; jitlob għal aktar kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti dwar il-proċess ta' riforma parallel tal-politiki rispettivi tagħhom dwar l-agrikoltura;

24.  Jenfasizza l-importanza li t-TEC jintuża wkoll bħala qafas għal kooperazzjoni makroekonomika bejn is-sħab, fid-dawl tal-kooperazzjoni straordinarja matul il-kriżi, u jħeġġeġ l-istituzzjonijiet monetarji kompetenti biex isaħħu l-koordinazzjoni tagħhom, speċjalment fil-qasam tas-sorveljanza u l-prevenzjoni tar-riskju sistemiku; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li kellhom l-UE u l-Istati Uniti fl-istituzzjonijiet finanzjarji dinjija, inklużi l-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali;

Rwol tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) fil-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC)

25.  Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu lill-mexxeja tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-kopresidenti tat-TEC, biex iqisu r-rwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess tat-TEC; iħeġġiġhom biex jinvolvu lir-rappreżentanti tat-TLD b'mod sħiħ u dirett fit-TEC, peress li l-leġiżlaturi jaqsmu ir-responsabilità għall-applikazzjoni u s-sorveljanza ta' ħafna deċiżjonijiet tat-TEC mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom;

26.  Jemmen li hu essenzjali li jkun żgurat li l-membri ewlenin tal-Kungress u tal-Parlament Ewropew jiddaħħlu fid-Djalogu tal-Leġiżlaturi u fil-proċess tat-TEC, sabiex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni ma jkollhiex konsegwenzi imprevisti għall-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiku; jittama li t-TLD attwali jista' gradwalment jittejjeb għal assemblea interparlamentari trans-Atlantika, wara r-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-26 ta' Marzu 2009;

Kummerċ bilaterali u internazzjonali

27.  Jinsab deċiż biex ikompli jistieden lill-leġiżlatura tal-Istati Uniti – u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel l-istess fi ħdan it-TEC – biex terġa' tikkunsidra l-obbligu tal-iskennjar tal-100% tal-kontejners, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa kooperazzjoni mal-Istati Uniti, ibbażata fuq l-immaniġġjar tar-riskju, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programmi ta' Sħubija Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, bi qbil mal-Qafas ta' Standards SAFE tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali;

28.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li r-Rawnd ta' Żvilupp ta' Doha jitlesta kemm jista' jkun malajr; jitlob għal approċċ komuni, li jinvolvi ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-indja u l-Brażil, għall-iżvilupp ta' regoli u negozjati multilaterali tal-kummerċ;

29.  Huwa konvint li t-TEC jista' jkollu rwol importanti fil-promozzjoni ta' approċċ komuni mill-UE u l-Istati Uniti fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma' pajjiżi terzi, u fl-istess jindirizza kwistjonijiet ta' aċċess għas-suq;

Żvilupp

30.  Ifakkar li l-impenji internazzjonali li ttieħdu fir-rigward tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u li ħafna minnhom waqgħu lura, se jinkisbu biss jekk il-pajjiżi industrijalizzati jżommu l-impenji tagħhom u jikkontribwixxu 0,7% tal-PDG tagħhom għal għajnuna fl-iżvilupp ta' pajjiżi barranin sal-2015; jistieden, għalhekk, lill-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll lil donaturi internazzjonali oħra biex jirrispettaw l-impenji tagħhom u jieħdu miżuri biex jitħaffef il-progress ħalli jintlaħqu l-miri tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sal-2015;

Kriżi ekonomika u finanzjarja

31.  Ifakkar li l-Ftehim ta' Basel II, u r-reviżjoni li jmiss tiegħu, huwa intenzjonat li jkun standard globali, u jħeġġeġ lill-Istati Uniti biex jimplimenta malajr Basel II; huwa għalhekk imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-limitazzjonijiet stabbiliti f'varji liġijiet nazzjonali adottati b'risposta għall-kriżi (b'mod partikolari l-Att ta' Riforma ta' Wall Street u tal-Ħarsien tal-Konsumaturi, li jillimita r-rikonoxximent tal-klassikazzjonijiet esterni) iwasslu għal frammentazzjoni gravi tal-applikazzjoni ta' dan l-istandard globali; jinnota wkoll li regoli tal-kontabilità globali konsistenti huma essenzjali għal kundizzjonijiet indaqs u jistieden lill-Istati Uniti biex tadotta l-Standards Internazzjonali għall-Irrappurtar Finanzjarju (IFRS);

32.  Jinnota li l-kriżi kienet l-agħar reċessjoni globali minn żmien id-Depressjoni l-Kbira, u li b'reazzjoni l-gvernijiet minn madwar id-dinja, speċjalment tal-UE u l-Istati Uniti, ikkooperaw b'mod li qatt ma deher qabel biex jirriformaw is-swieq u l-istituzzjonijiet finanzjarji; iħeġġeġ lid-Djalogu Regolatorju dwar is-Swieq Finanzjarji (FMRD) bejn l-UE u l-Istati Uniti, fir-rwol tiegħu li jikkoordina l-istrateġiji bejn r-regolaturi, biex jidentifika distakki u jaħdem biex titjieb il-konverġenza;

33.  Iqis li l-istrutturi ta' governanza ekonomika u finanzjarja li kienu fis-seħħ fil-bidu tal-kriżi, kemm jekk fuq livell globali, fl-Istati Uniti jew fl-Unjoni Ewropea, ma għaddewx biżżejjed stabilità lis-sistema finanzjarja globali; jemmen li fid-dawl ta' interdipendenza dejjem ikbar tas-suq ekonomika u finanzjarju, il-kooperazzjoni dwar il-politiki makroekonomiċi u s-sorveljanza tal-ekonomiji ewlenin jeħtieġ li tissaħħaħ; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-UE għandha tindirizza l-kwistjoni tar-rappreżentanza tagħha fl-IMF;

34.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex jaħdmu maċ-Ċina biex tissolva l-kontroversja globali dwar ir-rati tal-kambju barranin mingħajr l-implimentazzjoni ta' miżuri protezzjonisti jew ta' ritaljazzjoni; iqis li l-Istati Membri tal-UE huma suġġetti għal pressjonijiet tas-suq differenti meta mqabbla mal-Istati Uniti, speċjalment fir-rigward ta' bonds sovrani u l-eżistenza ta' unjoni monetarja; jitlob lill-Istati Uniti biex fl-implimentazzjoni tal-tevita politika monetarja domestika tagħha ma' tħarrax il-problema tal- ta' inflazjoni u svalutar tad-dollaru, billi dan ikun ta' ħsara kbira għall-bilanċ globali ta' rati tal-kambju;

35.  Jinnota li kemm il-Frank-Dodd Bill u l-programm ta' riforma regolatorja fl-UE huwa konsistenti mal-inizjattivi tal-G20, u jqis li huwa importanti li din il-kooperazzjoni titkompla matul il-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni; jinnota li dan huwa partikolarment evidenti fil-leġiżlazzjoni dwar is-swieq tal-prodotti derivati OTC; jenfasizza li ħafna mid-diverġenzi huma kkawżati minn differenzi fin-natura tal-leġiżlaturi u r-rwol tas-sorveljanti fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

Enerġija, ambjent, trasport, industrija, riċerka u xjenza

36.  Jilqa' l-ħolqien tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jipprovdi qafas ġdid għall-approfondiment tad-djalogu trans-Atlantiku dwar kwistjonijiet strateġiċi marbuta mal-enerġija, bħas-sigurtà tal-provvista jew tal-politiki biex nersqu lejn sorsi ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni xjentifika kostanti dwar teknoloġiji tal-enerġija; jilqa' l-bidu ta' Ftehim ġdid tal-Energy Star bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-koordinazzjoni ta' programmi ta' tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija;

37.  Iħeġġeġ lit-TEC biex jiżviluppa kooperazzjoni lejn strateġija komuni dwar l-enerġija esterna u l-materja prima li tappoġġa d-diversifikazzjoni ta' sorsi, ir-rotot ta' provvista u l-infrastruttura u tippromwovi ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; iħeġġeġ lit-TEC, barra minn hekk, biex jgħin ifittex kriterji ta' sostenibilità konverġenti għat-taħlita tal-enerġija, u tiżdied ir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż fil-qasam tal-bijokarburanti; iqis li politika xierqa dwar il-materja prima u l-elementi rari hija essenzjali għat-tnaqqis fid-dependenza minn materjali bħal dawn;

38.  Jinnota li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali li għaliha ma hemmx soluzzjoni politika u teknoloġika unika, iżda li l-ġabra flimkien tal-opportunitajiet eżistenti u ż-żieda sostanzjali fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qed jiżviluppaw tikkontribwixxi għas-sejba ta' soluzzjoni għall-problema tar-riżorsi u t-tqassim, u tħejji t-triq għat-tielet rivoluzzjoni industrijali;

39.  Iħeġġeġ lill-Presidenza tal-UE biex tfittex impenn ambizzjuż min-naħa tal-Istati Uniti fis-Samit ta' Cancun li jmiss u kooperazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti fil-promozzjoni ta' rabtiet bejn is-Sistema għall-Kummerċ tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE u l-iskemi ta' kummerċ reġjonali jew federali fl-Istati Uniti; jinnota f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu żgurati standards u livelli ta' referenza komuni fis-swieq tal-ETS emerġenti kollha sabiex ostakoli regolatorji mhux meħtieġa f'dan is-suq emerġenti jkunu evitati;

40.  Jistieden lill-Istati Uniti biex tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehima fl-ewwel stadju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u tal-ftehima dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; ifakkar kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti li jekk ma jirnexxilhomx jikkonkludu t-tieni stadju tal-ftehima, dan jista' jwassal biex xi Stati Membri jikkanċellaw il-ftehima fl-ewwel stadju;

41.  Iħeġġeġ lit-TEC biex jistimula l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riċerka biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal-Ftehim tax-Xjenza u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti li ġie estiż reċentement, primarjament bl-estensjoni tal-approċċ ta' sejħiet koordinati għal proposti fl-oqsma ta' interess strateġiku reċiproku u bl-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni fir-riċerka tal-enerġija;

Proprjetà intellettwali u protezzjoni tal-konsumatur

42.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni trans-Atlantika mill-qrib fir-rigward tal-aġenda diġitali bħas-suq diġitali, il-libertà tal-Internet fid-dinja, in-newtralità tal-internet, id-dritt għall-privatezza, l-istandards komuni, it-trasparenza u l-istat tad-dritt fir-rigward tal-ACTA;

43.  Iqis li huwa essenzjali li tiġi żviluppata strateġija ta' azzjoni konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bil-għan li tiġi miġġielda ż-żieda fil-kummerċ globali ta' prodotti foloz u kkupjati; jitlob għall-ħolqien ta' task force trans-Atlantiku biex jiġġieled l-iffalsifikar bħala sinjal bżonnjuż ta' determinazzjoni politika li tiġġieled l-attivitajiet illegali li jnaqqsu mill-kompetittività tal-industriji innovattivi u kreattivi, filwaqt li jiġu rrispettati l-libertajiet ċivili, il-libertà tal-espressjoni, tal-privatezza u tal-ipproċessar kif dovut;

Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, il-politika dwar il-viża

44.  Jinsisti li l-UE trid tinnegozja bħala entità waħdanija għall-ammissjoni għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża, biex tiżgura li erba' Stati Membri – il-Bulgarija, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija – li jinsabu barra mill-programm għall-eżenzjoni mill-viża, ma jikkonkludux ftehimiet bilaterali mal-Istati Uniti biex jakkwistaw l-istatus għall-eżenzjoni mill-viża; itenni li l-Kummissjoni trid tkompli tqajjem mal-Istati Uniti fil-livell politiku u tekniku l-kwistjoni tal-importanza mogħtija mill-UE għall-ammissjoni tal-erba' Stati Membri li fadal għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża kemm jista' jkun malajr;

45.  jenfasizza l-ispirtu ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti kontra t-terroriżmu dinji u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti jkomplu jikkooperaw sabiex ikomplu jikkumbattu t-theddid mġedda mit-terroriżmu; itenni d-determinazzjoni tiegħu f'dan il-qasam u fit-twemmin sod tiegħu għall-bżonn li miżuri tas-sigurtà ma jheddux il-protezzjoni tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali u l-akbar rispett għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin mingħajr liema l-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

46.  Jilqa' l-fatt li l-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-trasferimenti ta' data bankarja jirrefletti r-rieda tal-Istati Uniti li tirrispondi pożittivament għat-talbiet marbuta mal-protezzjoni tad-data mressqa mill-Parlament Ewropew fir-rapport SWIFT;

47.  Jistieden lill-Kunsill jaqbel malajr dwar mandat ta' negozjati ambizzjuż għal ftehim dwar il-protezzjoni tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lin-negozjatur tal-Unjoni biex imexxi n-negozjati “l quddiem sabiex jiżgura protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali; jappoġġa l-approċċ tal-Kummissjoni biex tali ftehim ta' qafas jkun japplika għall-ftehimiet kollha futuri u eżistenti tal-UE u tal-Istati Membri dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta' data personali mal-Istati Uniti, fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija;

48.  Jistieden kemm lill-Istati Uniti u l-UE biex jillimitaw il-ġbir tad-data u l-ipproċessar għall-minimu assolut ġenwinament meħtieġ biex jinkisbu għanijiet ta' sigurtà, sabiex jitnaqqas it-theddid għal-libertà u l-libertajiet ċivili, u jħeġġeġ li t-talbiet ta' trasferiment tad-data kif ukoll arranġamenti oħra tal-ġustizzja u l-intern jiġu ġeneralment trattati fil-qafas multilaterali bejn l-UE u l-Istati Uniti iktar milli b'mod bilaterali ma' Stat Membru individwali;

49.  Jenfasizza t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejjaħ Att ta' Promozzjoni tal-Ivjaġġar u l-effett diskriminatorju tiegħu peress li japplika biss għal vjaġġaturi taħt il-programm għall-eżenzjoni mill-viża, kif ukoll dwar il-protezzjoni tad-data peress li l-ħlasijiet jistgħu jsiru biss ma' waħda mill-erba' karti ta' kreditu kbar, li l-kumpaniji tagħhom huma kollha bbażati fl-Istati Uniti; jitlob li l-kwistjoni tas-Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA) titqajjem fil-Laqgħa Ministerjali JHA bejn l-UE u l-Istati Uniti f'Diċembru;

50.  Fid-dawl ta' żviluppi reċenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku li joħolqu sfidi għal soċjetajiet armonjużi u diversi, jitlob għal djalogu miftuħ bejn il-gvernijiet u s-soċjetajiet tagħna dwar kif nistgħu nistinkaw kollha kemm aħna sabiex niksbu tolleranza akbar u rispett għad-diversità fil-komunitajiet rispettivi fil-kuntest tar-rispett universali minn kulħadd għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

o
o   o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.

(1) Testi adottati, P6_TA(2009)0193.
(2) Testi adottati, P7_TA(2009)0058.

Avviż legali - Politika tal-privatezza