Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2027(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0268/2010

Testi mressqa :

A7-0268/2010

Dibattiti :

PV 10/11/2010 - 22
CRE 10/11/2010 - 22

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2010 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0400

Testi adottati
PDF 452kWORD 171k
Il-Ħamis, 11 ta' Novembru 2010 - Brussell
L-Isfida Demografika u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet
P7_TA(2010)0400A7-0268/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2010/2027(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 1997 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni Ewropea (1995)(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 1998 dwar ir-rapport demografiku tal-Kummissjoni tal-1997(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000 dwar il-Komunikazjoni tal-Kummisjoni “Lejn Ewropa għall-etajiet kollha – tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali”(3),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni “Quddiem it-tibdiliet demografiċi: solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet” (COM(2005)0094),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar Mudell Soċjali Ewropew għall-Futur(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-progress li sar lejn opportunitajiet indaqs u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE)(6),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa(7),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE(8),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali(9),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta' sfida f'opportunità” (COM(2006)0571),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” (COM(2007)0244),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2007 “Il-familja u l-bidla demografika”(10), u l-proposta ewlenija tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiffirmaw patt Ewropew għall-familja,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Europe's demographic future: facts and figures” (SEC(2007)0638),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet ta' Cedefop: “Innovative learning measures for older workers”(11), “Working and ageing. Emerging theories and empirical perspectives”(12), “Modernising vocational education and training. Fourth report on vocational education and training research in Europe: Synthesis report”(13), u “Skills supply and demand in Europe. Medium-term forecast up to 2020”(14),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Demografiku tal-Kummissjoni tal-2008: Meeting Social Needs in an Ageing Society (SEC (2008) 2911),

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt ippreparat mill-Kummissjoni u l-Kumitat għall-Politika Ekonomika (Grupp ta' Ħidma dwar it-Tixjiħ) dwar “Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009): projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji għas-27 Stat Membru tal-UE” (2008-2060),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 25 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li espliċitament jiddefinixxu d-drittijiet tal-anzjani li jgħixu ħajja indipendenti u jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u kulturali u jkollhom aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u s-servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni fix-xjuħija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li espliċitament tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0268/2010),

A.  billi huwa konvint li soċjetà umana hija neċessarjament ibbażata fuq il-priċipju tal-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet,

B.  billi d-dimensjoni speċifika għall-ġeneru li tirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet għandha tiġi kkunsidrata,

C.  billi għad fadal ħafna xi jsir biex tintemm id-diskriminazzjoni inġusta u mifruxa ħafna li spiss jesperjenzaw l-anzjani sempliċiment minħabba l-età tagħhom, kemm fis-suq tax-xogħol u kif ukoll fl-aċċess għall-merkanzija, il-faċilitajiet u s-servizzi,

D.  billi hemm rabtiet qawwija bejn id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kontra l-anzjani u l-esklużjoni soċjali u l-faqar fost il-persuni aktar avvanzati fl-età,

E.  billi ħafna anzjani jsofru wkoll minn diżabilità u għalhekk jistgħu jkunu suġġetti għal diskriminazzjoni multipla,

F.  billi l-bidla demografika kellha impatt qawwi fuq il-ħajja personali u tax-xogħol, speċjalment fil-każ tan-nisa, filwaqt li servizzi insuffiċjenti, pagamenti inadegwati ta' benesseri soċjali, in-natura diffiċli tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol proprju u li tieħu ż-żmien, il-perjodi twal f'impjieg inċert u temporanju u n-nuqqas ta' appoġġ għall-koppji żgħażagħ huma fost ir-raġunijiet li għalihom iż-żgħażagħ iħallu tard biex jiffurmaw familja u jkollhom it-tfal,

G.  billi, jekk l-ekonomija u s-soċjetà għandhom jilħqu l-iskopijiet tagħhom, jeħtieġu l-esperjenza tal-ħajja, l-integrazzjoni u r-rikkezza ta' ideat mill-ġenerazzjonijiet kollha,

H.  billi, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-bidliet demografiċi jistgħu jwasslu għal bidliet fundamentali fil-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida tal-età; billi, pereżempju, l-għadd ta' żgħażagħ bejn 0 u 14-il sena minn 100 miljun (indiċi tal-1975) jinżel għal 66 miljun fl-2050, il-popolazzjoni li għandha l-età tax-xogħol tilħaq il-quċċata ta' madwar 331 miljun lejn l-2010, u mbagħad tonqos b'mod kostanti (għal madwar 268 miljun fl-2050), filwaqt li t-tul tal-ħajja mistenni jiżdied b'6 snin għall-irġiel u b'5 snin għan-nisa bejn l-2004 u l-2050, u l-għadd ta' persuni “l fuq minn 80 sena minn 4.1% fl-2005 jitla” għal 11.4% fl-2050,

I.  billi, skont il-miri ambizzjużi tar-rata ta' imjiegi fl-Istrateġija UE 2020, ir-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel bejn 20 u 64 sena għandha tiżdied għal 75% sal-2020, filwaqt li simultanjament tiġi ffaċċjata sfida demografika,

J.  billi t-tibdil demografiku jista' jiġi mmaniġġat u jkun sostenibbli jekk ikun antiċipat b'mod xieraq u jekk jittieħed bis-serjetà minn kulħadd; billi l-kwistjoni demografika għandha tiġi indirizzata b'sens ta' skop strateġiku mifrux fuq żmien twil, u azzjoni meħuda biex tiġi trattata d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età,

K.  billi fi żminijiet ta' tibdil demografiku r-rwol tal-ġenituri huwa partikolarment sinifikattiv, peress li huma meħtieġa kemm bħala ħaddiema u biex ikopru r-rwol ta' ommijiet u missirijiet, filwaqt li r-riskju li dan il-piż doppju jaqa' fuq in-nisa għandu jiġi evitat,

L.  billi bħalissa qed niffaċċaw kriżi doppja, li tinkludi rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll dubji kbar dwar l-iffinanzjar ta' skemi ta' pensjoni, u billi dawn iż-żewġ fenomeni għandhom jiġu ttrattati flimkien, billi naħdmu lejn it-tisħiħ tad-drittijiet soċjali, u aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħolqien tal-ġid u fl-irkupru ekonomiku; billi, kif fakkar il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR 97/2009), fis-soċjetà tagħna li qed tixjieħ iż-żgħażagħ għandhom jitqiesu bħala riżorsa prezzjuża u essenzjali għas-soċjetà, li tista' u għandha tiġi użata biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali u ekonomiċi,

M.  billi l-Istati Membri għandhom l-istrumenti ewlenin għall-promozzjoni tal-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet (is-sistemi tal-pensjonijiet, il-baġit, il-gratitudini u l-provvista tas-servizz tas-saħħa u r-riabilitazzjoni komplessa) u li jtemmu d-diskriminazzjoni inġusta, iżda l-UE tista' tieħu inizjattivi importanti bbażati fuq il-monitoraġġ, l-iskambju tal-aħjar prattika u l-programmi ta' azzjoni, ukoll permezz tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u bl-adozzjoni ta' proposti leġiżlattivi antidiskriminatorji ġodda importanti, li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fl-aċċess għall-merkanzija, il-faċilitajiet u s-servizzi,

N.  billi l-proporzjon ta' persuni li għandhom aktar minn 60 sena fl-Unjoni Ewropea se jiżdied bħal qatt qabel, u l-akbar żieda tiġi rreġistrata bejn l-2015 u l-2035, meta 2 miljun persuna kull sena se jiżdiedu ma' dan il grupp tal-popolazzjoni,

O.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ddgħajjef is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; billi din id-diskriminazzjoni hija pprojbita mit-Trattat, iżda għadha mifruxa, u trażżan bil-qawwi l-aċċess tal-aktar ħaddiema anzjani u dawk l-aktar żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali u għal ċerti servizzi,

Prinċipji u għanijiet

1.  Iqis il-ġustizzja u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet bħala sinonimi u jiddefinixxi l-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet bħala t-tqassim ugwali u raġunevoli tal-ġid u l-piżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet u jikkunsidra s-solidarjetà b'mod ġenerali bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-kooperazzjoni Ewropea;

2.  Huwa tal-fehma li kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet li tiffunzjona hija bbażata fuq il-valuri fundamentali tal-libertà, id-drittijiet, is-solidarjetà, il-ġustizzja u l-appoġġ mingħajr interess ta' gwadann tal-ġenerazzjonijiet ta' wara, u għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku, responsabilità maqsuma u dispożizzjoni tajba li wieħed jaċċetta d-drittijiet fundamentali li l-persuni ħaqqhom bħala bnedmin u bħala ċittadini tal-UE u li jieħdu ħsieb xulxin, kif ukoll permezz ta' ppjanar individwali għall-ġejjieni, inkluż impenn akbar lejn mġiba bbażata fuq il-prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa;

3.  Iqis li l-prospett ta' tnaqqis demografiku, sal-2050, jista' jġib miegħu inqas pressjoni fuq l-ambjent u jipprovdi opportunità għall-iżvilupp sostenibbli li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ politiki proattivi sabiex bħala konsegwenza jadatta l-ġestjoni tal-art, id-djar, it-trasport u kull tip ieħor ta' infrastruttura;

4.  Jirrikonoxxi li l-bniedem fortunatament dejjem qed jgħix aktar fit-tul u għalhekk jibqa' iżjed attiv u jieħu sehem fil-ħajja soċjali b'mod aktar determinat u impenjat; jemmen li ż-żieda fil-għomor huwa pass pożittiv li ma għandux jirriżulta fi tnaqqis tad-drittijiet tal-ħaddiema; jirrikonoxxi wkoll li r-rati tat-twelid fl-Istati Membri għal għexieren ta' snin baqgħu baxxi u jekk dan ma jiġix indirizzat fil-ħin jista' jwassal għal piżijiet kbar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u għal kunflitti fid-distribuzzjoni tal-piżijiet; jinnota li dawn l-isfidi jistgħu jkunu l-forza li tagħti spinta favur il-qsim tal-piżijiet u favur sistemi ta' sigurtà soċjali aktar inklussivi u ta' kwalità ogħla;

5.  Huwa tal-fehma li politika għall-ġustizzja bejn il-ġenerazzjoniet għandha timmira lejn il-ħolqien tal-bażijiet meħtieġa, id-drittijiet u l-għodda biex jitmexxa djalogu miftuħ u sinċier bejn il-ġenerazzjonijiet, bil-ħsieb li jwassal għal sitwazzjonijiet ta' benefiċċju għal kulħadd u għaldaqstant għal miżuri li jwasslu għal qsim ġust bejn il-ġenerazzjonijiet;

6.  Iqis importanti li jiġi ċċarat li l-anzjani b'diżabilità jew mingħajr diżabilità u l-ħaddiema li javviċinaw l-età tal-irtirar mix-xogħol ma jkunux piż fuq l-ekonomija u s-soċjetà u ma jikkostitwixxux ostaklu għall-modernizzazzjoni fil-proċessi tax-xogħol, iżda pjuttost, permezz tal-esperjenza tagħhom, is-suċċessi tagħhom, l-għarfien tagħhom u l-lealtà akbar tagħhom lejn il-post tax-xogħol, ikunu vantaġġ affidabbli u valur miżhud sinifikattiv; iqis importanti l-ġlieda kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha u fil-gruppi kollha tas-soċjetà, u l-ħidma favur soċjetà fejn persuni aktar avvanzati fl-età jiġu trattati ndaqs bħala bnedmin bi drittijiet fundamentali; jinnota li l-politika tal-UE rigward l-anzjani hija bbażata fuq il-prinċipju ta' “soċjetà għal kulħadd” u li l-miżuri kollha tal-politika previsti għandhom isaħħu din l-idea b'kull mod; huwa konvint li persuni ta' etajiet differenti fl-Istati Membri kollha għandu jkollhom kull opportunità biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà, irrispettivament mill-età tagħhom; jinnota li ż-żgħażagħ huma l-ġejjieni, li jfisser li dawk li jfasslu l-politika għandhom iqisu l-modernizzazzjoni tas-soċjetà u l-parteċipazzjoni minn kulħadd;

7.  Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-perspettiva tal-ġeneru meta jitqiesu l-isfida u s-solidarjetà demografika, għax ir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri jsawru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja mit-twelid sa età avvanzata, filwaqt li jinfluwenzaw l-aċċess għar-riżorsi u l-opportunitajiet u l-bini ta' strateġiji f'kull stadju;

8.  Jenfasizza li l-ekonomiji Ewropej li qed jiffaċċaw l-isfidi demografiċi jeħtieġu kumpaniji kompetittivi li huma l-frott ta' piżijiet fiskali u burokratiċi baxxi u settur pubbliku riformat; iqis li settur privat kompetittiv u innovattiv huwa element ewlieni fil-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' xogħol għall-ġenerazzjonijiet kollha;

9.  Iqis li, peress li s-soċjetà ċivili, il-knejjes, u l-għaqdiet tal-karità għandhom tradizzjoni twila u kontinwa ta' impenn soċjali u azzjoni għall-iżvilupp, kemm għall-familji u kemm għal kull kategorija ta' ċittadini fil-bżonn, l-involviment tagħhom fl-ippjanar u t-twettiq ta' miżuri ta' dan it-tip se jgħin biex jissaħħu l-politiki li jiffokaw fuq is-solidarjetà soċjali u interġenerazzjonali, u b'hekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ngħixuh fil-prattika;

10.  Jinnota li bħala riżultat tal-bidla demografika hemm għadd sinifikanti ta' voluntiera anzjani potenzjali li huwa riżorsa kbira li għadha mhix sfruttata fil-komunitajiet tagħna; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi opportunitajiet għall-voluntiera anzjani u biex tħejji “Programm ta' Azzjoni għall-Anzjani” għall-għadd dejjem jiżdied ta' ċittadini anzjani b'esperjenza kbira li huma lesti jaġixxu bħala voluntiera, programm li għandu jiġi implimentat b'mod parallel mal-Programm ta' Azzjoni għaż-Żgħażagħ u li jikkumplimentah, u barra minn hekk biex tippromwovi programmi speċifiċi għall-volontarjat interġenerazzjonali u għall-mentoring;

Inizjattiva trasparenza

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintroduċu baġits għall-ġenerazzjonijiet bħala strumenti ta' informazzjoni u żvilupp ulterjuri tal-Indikaturi tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDIs) tal-Eurostat fl-Istati Membri kollha u fil-livell tal-UE, biex jitfasslu mudelli u previżjonijiet affidabbli tal-kurrenti tal-ispejjeż, u l-punt sa fejn kull ġenerazzjoni se tibbenefika jew titgħabba bil-piż;

12.  Jiffavorixxi valutazzjoni tal-impatt (eżami tal-ġenerazzjonijiet), li b'mod obbligatorju tagħti stampa ċara fil-livell Ewropew u nazzjonali tal-effetti tal-liġijiet fuq il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, u tagħmel possibbli evalwazzjoni tal-ispejjeż fil-konfront tal-profitt miksub fuq medda ta' żmien;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod separat, tippreżenta x-xejriet attwali fir-rata ta' dipendenza, it-tnaqqis drammatiku tal-fertilità u d-diffikultà ta' aċċess għal inseminazzjoni artifiċjali għaċ-ċittadini tal-Istati Membri minħabba l-prezz għoli tagħha (kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq tax-xogħol), u l-konsegwenzi finanzjarji ta' dawn il-proċeduri, sabiex tgħin lill-ġenerazzjonijiet eżistenti jippjanaw l-istrateġija tal-ħajja tagħhom;

14.  Jitlob lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jimmonitorja u janalizza r-relazzjonijiet fost il-ġenerazzjonijiet, ibbażati fuq indikaturi skont il-ġeneru u l-faxxa ta' età.

Politika tal-edukazzjoni u x-xogħol

15.  Huwa konvint li aċċess miftuħ u ġust għat-taħriġ u x-xogħol għall-gruppi kollha tal-etajiet għandu jkun fattur ewlieni għat-tfassil-tal-politika favur il-ġustizzja interġenerazzjonali, u li dan jikkostitwixxi l-bażi għall-prosperità, l-indipendenza u s-sostenibilità;

16.  Jemmen, filwaqt li jqis li s-soċjetà qed tixjieħ fl-Ewropa, li għandhom isiru sforzi attivi biex in-nies jiġu integrati fis-suq tax-xogħol u jinżammu hemm, bla distinzjoni rigward il-kategroija tal-età, inkluż għall-iktar anzjani; iqis li huwa essenzjali li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li n-nies jingħataw sens ta' sigurtà suffiċjenti u li tinżamm il-motivazzjoni biex jaħdmu biex jaqilgħu paga; jemmen li, biex jogħlew il-livelli tal-ħiliet, il-gruppi kollha tas-soċjetà għandhom ikunu ggarantiti edukazzjoni bażika tal-ogħla kwalità possibbli u opportunitajiet aħjar għat-tagħlim tul il-ħajja milli qatt kellhom qabel;

17.  Iqis li politika tal-impjiegi li tqis is-sitwazzjoni ta' ħaddiema anzjani timplika riflessjoni fuq modi ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol fil-kumpaniji, l-iffaċilitar ta' żvilupp li progressivament iwassal għall-irtirar permezz ta' formoli flessibbli, it-tnaqqis tat-tensjoni, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-promozzjoni ta' prattiki antidiskriminatorji fir-rigward tar-reklutaġġ u t-taħriġ vokazzjonali;

18.  Jenfasizza li l-bidla demografika twassal biex l-Unjoni Ewropea tiffaċċja l-isfida tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, li jeħtieġ politika proattiva li timmira għal impjieg sħiħ;

19.  Jirrikonoxxi li x-xogħol m'huwiex biss għal skop ta' gwadan u li kemm iż-żgħażagħ u l-anzjani jikkontribwixxu sostanzjalment biex isawru soċjetà umana u jtejbu l-istabilità tas-servizzi u l-impjiegi permezz ta' ħidma fil-familji u fis-soċjetà, u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jissimplifkaw u jirrikonoxxu l-ħidma volontarja, il-bini ta' komunitajiet lokali u l-assistenza fil-komunità u fil-familji kif ukoll jirrisolvu l-kwistjonijiet ta' responsabilità legali f'dan ir-rigward mingħajr dewmien;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jirrikonoxxu l-ħidma inviżibbli u informali fil-qasam tas-solidarjetà interġenerazzjonali mwettqa mill-membri tal-familja (b'mod predominanti min-nisa) ta' kull età biex jieħdu ħsieb membri anzjani u żgħażagħ li għandhom bżonn assistenza fil-livell legali, soċjali u ekonomiku (partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-istatus professjonali, il-qligħ u l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa) kif deskritt fir-Rapport adottat mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fit-8 ta' Diċembru 2008;

21.  Jemmen bis-sħiħ li d-diskriminazzjoni inġusta fuq il-bażi tal-età fil-post tax-xogħol hija mifruxa sew u li għandu jsir sforz akbar biex din tiġi miġġielda, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/78/KE (id-Direttiva Ewropea dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi) fl-Istati Membri kollha u permezz ta' miżuri oħra mhux leġiżlattivi li jiżguraw li l-anzjani jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għal appoġġ u parir legali jekk meħtieġ;

22.  Jirrikonoxxi li n-nisa ikbar fl-età fis-suq tax-xogħol spiss isofru diskriminazzjoni diretta jew indiretta u diskriminazzjoni multipla: sitwazzjoni li għandha tiġi indirizzata b'mod adegwat;

23.  Jinnota li sabiex ikun jista' jkollhom aċċess għall-impjieg, l-anzjani għandhom l-ewwelnett ikunu kapaċi jaslu sal-post tax-xogħol tagħhom u għalhekk jemmen li huwa importanti li tiġi adottata u implimentata malajr kemm jista' jkun il-proposta ta' direttiva kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età rigward l-aċċess għall-prodotti, il-faċilitajiet u servizzi ssir illegali;

24.  Jemmen li huwa ħażin li ħaddiema anzjani jiġu mġiegħla jieqfu mix-xogħol kontra qalbhom minħabba deċiżjoni arbitrarja dwar l-età tal-irtirar obbligatorja; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu mill-ġdid lejn il-possibilità li jneħħu l-età tal-irtirar obbligatorju li twaqqaf lin-nies li jixtiequ li jkomplu jaħdmu milli jagħmlu dan, filwaqt li tinżamm l-età tal-irtirar sabiex dawk in-nies li jixtiequ jirtiraw ikunu jistgħu jagħmlu dan u jirċievu l-pensjoni u l-allowances tagħhom;

25.  Jinnota li interventi unilaterali biex tonqos l-età medja ta' gruppi ta' persunal ma jwasslux għal iżjed innovazzjonijiet, kif spiss jingħad, iżda fir-realtà huma mod kif jitnaqqsu l-ispejjeż billi jitkeċċew il-ħaddiema bl-esperjenza u għalhekk li jitħallsu ħafna, u jfissru telf ta' esperjenza, għerf u ħiliet, b'mod partikolari fejn it-tħarriġ tal-anzjani huwa kkumpensat aħjar billi dawn jibqgħu għal-żmien itwal fl-istess impjieg;

26.  Iqis li kwalunkwe miżura li tikkonċerna l-età tal-irtirar għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-persuni kkonċernati; jikkunsidra l-ħtieġa ta' miżuri aktar flessibbli rigward l-irtirar, li jirrispettaw il-ħtiġijiet tal-individwi fil-forza tax-xogħol li qed tixjieħ u jwieġbu għad-domanda tas-suq tax-xogħol. jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp u t-titjib tas-sistemi tas-sigurtà soċjali biex iwieġbu għal dawn il-ħtiġijiet;

27.  Jiddispjaċih li l-perkorsi tal-karriera ta' xi persuni qed isiru dejjem aktar inkoerenti u insikuri bħala riżultat ta' xogħol temporanju u ż-żieda fil-kuntratti fuq żmien qasir, f'uħud mill-Istati Membri, mingħajr salarji deċenti u drittijiet tas-sigurtà soċjali, kif ukoll ix-xogħol mhux dikjarat, prekarju, l-impjieg marġinali u l-qgħad, u li l-persuni anzjani ma tantx għandhom aċċess għall-parti l-kbira tal-impjiegi; jirrikonoxxi li perjodi ta' xogħol, ta' taħriġ, ta' kura jew ta' volontarjat huma komplementari u jipprovdu esperjenza siewja f'kull età; jinnota li din iż-żieda fl-impjiegi prekarji għandha wkoll impatt fuq is-sigurtà finanzjarja tal-ġenerazzjoni attwali u għalhekk se timponi piż akbar fuq il-ġenerazzjonijiet sussegwenti; jinnota, madankollu, li ħafna forom ta' xogħol indipendenti, dawk impjegati għal rashom, xogħol flessibbli, xogħol part-time u tipi differenti ta' xogħol temporanju jista' jkollhom rwol assolutament kruċjali biex jgħinu lil ħafna nies anzjani biex iżidu d-dħul tagħhom jew biex jiżguraw dħul, per eżempju jekk dawn ikollhom ir-responsabilità li jieħdu ħsieb qraba jew ħbieb tagħhom;

28.  Huwa konvint li l-Flexicurity jista' jikkontribwixxi għal swieq tax-xogħol aktar miftuħa, reattivi u inklussivi u jista' jissimplifika t-tranżizzjoni bejn l-istadji differenti tal-ħajja tax-xogħol, partikolarment jekk ikun ibbażat fuq is-solidarjetà u l-qsim tar-responsabilità bejn il-ġenerazzjonijiet u jekk iqis il-preokkupazzjonijiet u l-bżonnijiet tal-gruppi kollha tal-etajiet varji u tad-dħul; jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li mekkaniżmi regolati tajjeb jipprovdu taħriġ xieraq, monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ħajja tal-familja; jinnota li l-Flexisecurity tinvolvi wkoll strateġiji komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja u sistemi ta' sigurtà soċjali aġġornati, xierqa u sostenibbli;

29.  Jenfasizza li s-sigurtà rigward il-karriera u t-taħriġ għandha tkun kompletament garantita; kulħadd għandu jkun jista' jkollu ħajja attiva sħiħa, mingħajr interruzzjoni ta' ħidma, matul il-ħajja, li tagħti d-dritt għal pensjoni bir-rata sħiħa;

30.  Jenfasizza li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun fiċ-ċentru ta' kull miżura dwar l-edukazzjoni u jirrappreżenta għan li għandu jintlaħaq mill-ġenerazzjonijiet kollha, l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri bħala konsegwenza biex japprovaw skemi ta' taħriġ vokazzjonali, speċjalment jekk dawn jinkludu perjodu ta' taħriġ prattiku, kultant fil-forma ta' apprendistat;

31.  Jistieden lill-UE biex issegwi politika effettiva biex tiżgura li ħaddiema anzjani jkunu jistgħu jibqgħu disponibbli għax-xogħol u ma jkunux suġġetti għad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età;

32.  Jitlob għall-promozzjoni ta' kultura li tipprovdi għall-ġestjoni tat-tixjiħ fil-kumpaniji, kemm rigward l-impjieg ta' żgħażagħ u t-tluq ta' ħaddiema anzjani, u li jitfasslu d-dettalji tagħha, notevolment permezz ta' possibilitajiet għall-irtirar f'fażijiet, filwaqt li jitqiesu d-diffikultà tal-impjiegi okkupati u tal-kundizzjonijiet f'termini ta' xogħol, saħħa u sigurtà;

33.  Huwa konvint li l-ġestjoni ottimali tar-riżorsi umani permezz ta' taħriġ inizjali u tul il-ħajja hija r-responsabilità tal-partijiet ekonomiċi interessati, inklużi l-oqsma professjonali, li għandhom jantiċipaw il-ħtiġijiet tagħhom rigward l-impjieg u t-taħriġ;

34.  Jinnota li, sabiex ikun tal-ikbar benefiċċju possibbli lill-impjegati, it-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun jista' jiġi attestat permezz ta' diplomi u ċertifikati; ifakkar fil-ħtieġa li l-validazzjoni tal-kisbiet ta' qabel issir il-prattika normali;

35.  Jipproponi l-monitoraġġ sistematiku u r-rappreżentanza statistika tal-parteċipazzjoni ta' ħaddiema anzjani fl-istrutturi ta' tagħlim matul il-ħajja;

36.  Jipproponi li jiġu pprovduti inċentivi addizzjonali għall-ħaddiema u persuni qiegħda aktar anzjani sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja sabiex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom jew biex jiżguraw ir-ritorn tagħhom b'suċċess fis-suq tax-xogħol;

37.  Jitlob li jkun hemm involviment akbar tan-nisa minn kull grupp ta' età fil-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja;

38.  Jinnota li, bħala riżultat tat-tibdil demografiku, huwa stmat li sal-2030 il-proporzjon bejn il-persuni attivi u inattivi se jkun 2:1; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rwol futur ta' dawk li jieħdu ħsieb il-familja billi jiżviluppaw inizjattivi tal-politika li jgħinu sabiex in-nisa u l-irġiel jiksbu bilanċ bejn ir-responsabilitajiet professjonali u dawk tal-kura tal-familja;

39.  Jenfasizza li t-tibdil demografiku ma għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni biex jiżżarmaw id-drittijiet u s-servizzi soċjali b'mod ġenerali, iżda li dan huwa, għall-kuntrarju, sfida għas-soċjetà tal-lum, u li dawn id-drittijiet u s-servizzi għandhom jiġu bbilanċjati fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet kemm attivi u kemm mhux attivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni soċjali bil-ħsieb li jagħmluha aktar flessibbli, aktar aċċessibbli u aktar komprensibbli għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati;

40.  Iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta' inizjattivi ġodda li jippromwovu tixjiħ attiv, fis-saħħa u fid-dinjità permezz ta' strumenti u programmi eżistenti tal-UE;

Inizjattiva Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ

41.  Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jirrappreżenta wieħed mill-problemi l-aktar urġenti għaliex iwassal għat-tiċħid ta' opportunità, l-esklużjoni soċjali, żieda fl-ispiża soċjali u t-telf ta' riżorsi umani prezzjużi, fatturi li jikkostitwixxu kollha kemm huma raġuni soċjali importanti għat-tnaqqis fir-rata tat-twelid u li jżidu t-tendenza spirali ta' nuqqas ta' ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqsu d-distakki fiż-żmien li jirriżultaw meta żgħażagħ imorru minn istituzzjoni edukattiva għal oħra jew qabel ma jiġu impjegati wara l-lawrja; u jinnota li huwa importanti ħafna li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, li jiġu pprovduti bil-possibilità li jiksbu impjieg xieraq u li tiġi appoġġata l-kapaċità imprenditorjali taż-żgħażagħ;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa għaż-żgħażagħ li jkollhom prospetti fit-tul, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex jippromwovu l-mobilità taż-żgħażagħ waqt l-edukazzjoni u waqt li jkunu qed jagħmlu apprendistati ta' kwalità; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħolqu aktar opportunitajiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà, li jsiru investimenti favur iż-żgħażagħ u biex jitħeġġu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ b'mod li l-ġenerazzjoni li jmiss tgawdi mid-drittijiet sħaħ tagħha u żżomm id-dinjità tagħha;

43.  Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u b'mod speċjali d-disparità fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, huma ostakolu għall-kisba tal-koeżjoni territorjali;

44.  Jenfasizza li l-tendenza demografika se twassal għal nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati, li fil-biċċa l-kbira tista' tiġi kkumpensata permezz ta' ħaddiema nisa kkwalifikati; għal dan il-għan, il-gvernijiet u min iħaddem għandhom ibiddlu l-attitudni tagħhom u jieħdu miżuri biex jadattaw il-kundizzjonijiet ġenerali u l-kundizzjonijiet ta' impjieg għall-bżonnijiet tan-nisa;

45.  Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bidu tal-karriera taż-żgħażagħ u għall-isforzi kollha possibbli biex jitħeġġeġ id-dħul tagħhom b'suċċess fis-suq tax-xogħol, għaliex bidu bla suċċess fil-ħajja tax-xogħol ta' persuna żagħżugħa jista' jkollu impatt fuq il-bqija tal-ħajja u tal-attivitajiet tagħha fis-suq tax-xogħol;

46.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom b'mod speċjali u jfasslu miżuri konkreti, inkluża Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, li tagħti liż-żgħażagħ, wara perjodu bla xogħol ta' erba' xhur, impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew kombinazzjoni ta' xogħol u taħriġ, bil-kundizzjoni li dawk ikkonċernati jagħmlu l-almu tagħhom biex isaħħu l-proċess ta' integrazzjoni tagħhom;

47.  Jemmen li ż-żgħażagħ qiegħda għandhom jingħataw il-pariri, l-orjentazzjoni u l-għajnuna li jeħtieġu sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol (jew biex isibu xogħol għall-ewwel darba), u l-istess għal studenti jew studenti futuri, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu karriera fl-għarfien sħiħ tal-opportunitajiet ta' xogħol potenzjali;

Inizjattiva Patt Ewropew Fifty-plus

48.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li jilħqu l-għanijiet li ġejjin, bħala estensjoni tal-Istrateġija UE 2020:

   (i) il-kisba tal-impjieg sħiħ fost dawk “il fuq mill-50 sena, sal-età legali tal-irtirar u l-kisba ta' minimu ta' 55% tal-qgħad;
   (ii) tneħħija ta' inċentivi, b'mod partikulari għal pensjoni antiċipata, li jagħmlu l-ħsara lis-sistemi tas-sigurtà soċjali, jikkontribwixxu għal tqassim inugwali tal-piż u għalhekk mhumiex sostenibbli;
   (iii) il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età,
   (iv) l-iffissar ta' miri speċifiċi għall-pajjiż għall-aċċess għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema anzjani, imqassma skont l-età u s-sess, biex b'hekk jogħla l-proporzjon ta' persuni tal-ġenerazzjonijiet kollha f'taħriġ inizjali u avvanzat; u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għat-taħriġ għall-ħaddiema anzjani bil-ħolqien ta' inċentivi/bonuses minn min iħaddem għall-ħaddiema akbar fl-età li jiddeċiedu li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom wara li jagħlqu l-50 sena;
   (v) il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' età fuq il-post tax-xogħol u tat-taħriġ, u l-iżvilupp ta' inċentivi għall-ħaddiema ta' ”l fuq minn 60 sena li jibqgħu disponibbli għax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-ġenerazzjonijiet ta' warajhom; ħaġa li titlob mill-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni xierqa mfassla biex tippromwovi r-reklutaġġ ta' tali persuni mill-kumpaniji;
   (vi) l-appoġġ għall-integrazzjoni (mill-ġdid), fuq il-bażi tar-riabilitazzjoni kumplessa u li tqis b'mod ugwali l-kunċett ġdid tal-ambjent fiżiku u bijoloġiku ta' persuni anzjani b'diżabilità, minflok ma tikklassifikahom bħala “invalidi”;

Inizjattiva AGE-Management

49.  Huwa tal-fehma li l-kapaċità ta' impjieg f'età avvanzata tiddependi minn inizjattivi fis-setturi tas-saħħa, il-livell tad-dħul u l-kontribuzzjonijiet fi flus u f'materja fil-konfront tal-pensjoni u benefiċċji oħra tal-irtirar, it-taħriġ ulterjuri, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-awtonomija u l-għażliet individwali tal-ħaddiema, titjib fil-bilanċ bejn il-ħajja familjari u dik professjonali, is-soddisfazzjon tax-xogħol u l-imġiba maniġerjali, kif ukoll garanzija ta' akkomodazzjoni raġonevoli, − f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE − u li tali inizjattivi għandhom jiġu mfassla b'kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali, fejn applikabbli, għall-impjegati kollha u mħeġġa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

50.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-kumpaniji biex jintroduċu strateġiji ta' ġestjoni li jinkorporaw il-kwistjoni tal-età biex iżidu l-kompetittività tagħhom billi jibbenefikaw mill-esperjenza u l-kwalitajiet partikulari ta' ħaddiema anzjani.

51.  Jissuġġerixxi lis-sħab soċjali, lil min iħaddem u lill-Istati Membri biex jiżguraw li ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena jkollhom l-opportunità li jirċievu promozzjonijiet sat-tmiem tal-karriera tagħhom;

Inizjattiva tandem bejn il-ġenerazzjonijiet

52.  Jitlob għal inizjattivi konkreti biex fid-dinja tax-xogħol jiġu inkuraġġiti gruppi magħmula minn etajiet varji, iħeġġeġ biex dawn l-impriżi jkunu appoġġati u biex l-aħjar proġetti jiġu ppremjati filwaqt li juri kif it-taħlit tal-ġenerazzjonijiet iżid il-kompetittività u jippermetti tkabbir iktar armonjuż;

53.  Jipproponi li tittieħed azzjoni konkreta sabiex tinħoloq kultura imprenditorjali ġdida dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani, sabiex ikun hemm tendenza favur l-impjieg ta' ħaddiema anzjani u tiġi stabbilita rabta bejn dan l-approċċ u r-Responsabilità Soċjali tal-Kumpaniji;

54.  Huwa konvint li l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-effiċjenza tal-aġenziji pubbliċi għall-impjieg għall-anzjani qiegħda, inklużi għażliet ta' xogħol soċjali u ta' karità;

Inizjattiva “Garanzija għal pensjoni deċenti”

55.  Huwa konvint li l-irtirar huwa dritt li kull impjegat jista' jitlob mill-età ta' rtirar legali stabbilita minn kull Stat Membru, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u b'konformità mal-prattiki nazzjonali, iqis li, jekk jiddeċiedu li ma jestendux il-ħajja tax-xogħol tagħhom “il fuq mill-età tal-irtirar nazzjonali, dan ma għandux jeffettwa d-drittijiet tagħhom tal-pensjoni jew drittijiet soċjali oħra;

56.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid mingħajr preġudizzji l-limitazzjonijiet ta' età għal ċerti impjiegi u għall-eliġibilità għall-fondi u l-konklużjoni ta' kuntratti tal-assikurazzjoni, sa mhux aktar tard mill-2012, u biex jeliminaw tali limitazzjonijiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw id-diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu għall-anzjani;

Inizjattiva “Tixjiħ attiv”

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-attivitajiet relatati mat-tixjiħ fis-saħħa u biex tippreżenta pjan ta' azzjoni fl-2011 biex:

   issaħħaħ id-dinjità, is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-awtonomija tal-anzjani,
   tippermettilhom aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa indipendentement mid-dħul,
   tenfasizza b'mod partikolari r-riskji għas-saħħa għall-persuni li jieqfu jaħdmu f'daqqa waħda, u
   tenfasizza l-prevenzjoni ta' problemi tas-saħħa, li titlob mill-Istati Membri li jappoġġaw stili ta' ħajja favur is-saħħa u li jieħdu miżuri xierqa biex inaqqsu t-tipjip, l-abbuż mill-alkoħol u riskji oħra ewlenin għas-saħħa;

58.  Jilqa' l-fatt li numru kbir ta' organizzazzjonijiet voluntiera ddikjaraw id-29 ta' April jum ta' “Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” u jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal proposta li tiddikjara l-2012 is-“Sena Ewropea tat-Tixiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet”, li jenfasizza l-kontribut li l-persuni anzjani jagħtu lis-soċjetà u joffri opportunitajiet biex iż-żgħażagħ u l-anzjani jaħdmu flimkien;

59.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu t-tixjiħ attiv waħda mill-prijoritajiet tagħhom għas-snin li ġejjin; jinnota li dan jinkludi partikolarment il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta' qafas adegwati biex jiġi mobilizzat il-potenzjal tal-persuni anzjani u l-iżvilupp ta' approċċi innovativi għall-azzjonijiet, kif ukoll taħriġ xieraq għall-istaff tas-servizzi tal-għajnuna;

60.  Iqis li t-tixjiħ attiv għandu jitqies fil-kuntest usa' tal-kapaċità tal-impjieg sostenibbli tal-irġiel u n-nisa matul il-ħajja attiva kollha u, biex ħaddiema anzjani jitħeġġu biex jibqgħu jaħdmu, jeħtieġ li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex titħares is-saħħa u s-sigurtà tagħhom jew li l-postijiet tax-xogħol jiġu adattati għas-saħħa u l-ħtiġijiet tagħhom, jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u s-sess, jiġu aġġornati l-ħiliet tagħhom permezz tal-provvista ta' opportunitajiet xierqa għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u, fejn applikabbli, għandha terġa' tiġi eżaminata s-sistema tat-taxxa u l-benefiċċji soċjali sabiex l-anzjani verament ikollhom inċentiv biex jibqgħu jaħdmu għal perjodi itwal;

61.  iqis li l-Istati Membri u l-KE għandhom jużaw il-possibilitajiet kollha offruti mill-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, l-Istrateġija għall-Impjiegi u strumenti u programmi Komunitarji oħra, inkluż l-appoġġ finanzjarju mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, biex jippromwovu t-tixjiħ attiv;

62.  Iqis li l-Istati Membri u l-KE għandhom jużaw il-kumitati ta' konsulenza u tal-politika eżistenti, inkluż il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Grupp ta' Esperti dwar Kwistjonijiet Demografiċi, b'mod li l-kwistjoni tat-tixjiħ attiv tibqa' fost il-prijoritajiet tal-aġenda tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri.

63.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri fil-pront biex jiżguraw pensjonijiet deċenti għal kulħadd, u li fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jkunu taħt il-linja tal-faqar;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara studju dwar l-effettività u l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol, fir-rigward tas-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-promozzjoni tal-produttività u t-tkabbir u l-miżuri biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali;

Politiki ta' rikonċiljazzjoni

65.  Jenfasizza li sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat fuq in-nisa minħabba ż-żieda fid-domanda għall-kura f'soċjetà li qed tixjieħ, irridu inkunu kapaċi nirrikonċiljaw ix-xogħol u l-kura kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa fl-Istati Membri kollha u niżguraw li jitqassmu b'mod bilanċjat bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza li dan jimplika wkoll il-provvista ta' kura ta' kwalità għolja u bi prezzijiet aċċessibbli, titjib tal-offerti rigward il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni, il-liv tal-ġenituri u l-promozzjoni ta' xogħol part-time għall-irġiel;

66.  Jenfasizza l-fatt li l-anzjani spiss ikollhom rwol importanti fil-familja billi jieħdu ħsieb it-tfal, iżommuhom matul il-vaganzi tal-iskola u wara l-ħin tal-iskola, u dan huwa prezzjuż ħafna fih innifsu u jirrappreżenta valur ekonomiku sinifikanti.

67.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' azzjoni għat-titjib tal-arranġamenti li jirregolaw mhux biss il-liv tal-maternità imma wkoll il-liv tal-paternità u l-liv tal-ġenituri għall-missirijiet li jaħdmu;

68.  Jinnota l-ħtieġa li jkunu stabbiliti madwar l-UE miżuri għaż-żieda fir-rati tat-twelid, li mingħajrhom ma tkunx tista' tiġi indirizzata l-problema tat-tixjiħ fl-Ewropa;

69.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidħlu għal impenji permanenti favur il-familja, inkluż id-dritt għal allowances addizzjonali għall-ġenituri, speċjalment miżuri addizzjonali għall-appoġġ ta' ommijiet singoli, u konċessjonijiet fiskali u soċjali għall-creches u għall-organizzazzjonijiert volontarji, kooperattivi u tal-karità; barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qafas tal-Alleanza Ewropea għall-familji u pjattaformi u organizzazzjonijiet relevanti oħra; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta' inċentivi li jgħinu lill-ħaddiema jieħdu liv full-time jew part-time għat-tfal tagħhom u jsibu d-drittijiet miksuba tagħhom intatti meta jirritornaw lura fil-kumpanija;

70.  Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-piż fuq dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani jew il-persuni b'diżabilità u biex jistabbilixxu sistemi integrati ta' kura, sabiex dawk li jikkuraw l-anzjani jkunu jistgħu joħorġu jaħdmu;

71.  Huwa favur id-dritt ta' xogħol part-time, postijiet tax-xogħol b'ħinijiet flessibbli, ħinijiet tax-xogħol adattati għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema, u arranġamenti xierqa rigward il-maternità, it-tqala, il-liv tal-ġenituri, il-benefiċċji tat-tfal, il-qsim tal-impjiegi u x-xogħol mid-dar, filwaqt li jinżammu livelli għolja tas-sigurtà soċjali bħala miżuri li jikkontribwixxu għall-kompatibilità bejn ir-responsabilitajiet ta' kura u x-xogħol;

72.  Iqis li hu essenzjali li tkun inkoraġġita s-solidarjetà interġenerazzjonali, speċjalment fil-kuntest tad-dimensjoni tas-sessi, permezz ta' politiki fiskali mmirati, miżuri biex jinkoraġġixxu l-attività fix-xjuħija, politika ta' akkomodazzjoni, u l-ħolqien ta' netwerks integrati ta' servizzi għat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità u dipendenti, bil-ħsieb li jħallu impatt favorevoli fuq l-ekwilibriju bejn ix-xogħol u l-ħajja;

73.  Jenfasizza l-fatt li r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-familja hija possibbli biss jekk xogħol ta' kura mingħajr ħlas jinqasam b'mod aktar ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u jekk jiġu pprovduti servizzi li jieħdu ħsieb il-familja, li jkunu ta' kwalità tajba, aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw servizzi aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli, flessibbli u ta' kwalità għolja, u b'mod partikolari, aċċess għall-faċilitajiet tal-kura tat-tfal billi jiżguraw l-għoti ta' 50% ta' kura meħtieġa għat-tfal bejn 0 u 3 snin u 100% tal-kura għal tfal bejn 3 u 6 snin, u aċċess aħjar għall-kura għal dipendenti oħra, u arranġamenti adegwati ta' liv kemm għall-ommijiet u għall-missirijiet;

74.  Jinnota li bosta anzjani jista' jkollhom familja żgħira jew ma jkollhom l-ebda familja biex jistrieħu fuqha u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu iżjed biex jippruvaw jaqsmu bejniethom l-aħjar prattika f'termini ta' politiki, biex jiżguraw li l-anzjani jistgħu jkunu indipendenti l-aktar żmien possibbli u li jekk ikunu meħtieġa servizzi ta' appoġġ dawn ikunu disponibbli u personalizzati għall-individwu;

75.  Jinnota li jekk il-kundizzjonijiet għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjari u privata jkunu nieqsa mis-suq tax-xogħol, ma jkun hemm l-ebda inkoraġġiment biex is-servizzi varji jiġu mwessgħin, u r-rata ta' twelid tinżel, bil-konsegwenza li l-problema tat-tixjiħ tas-soċjetà Ewropea tkompli tiggrava;

76.  Jistieden lill-intrapriżi u l-gvernijiet biex jistabbilixxu faċilitajiet ta' konsulenza u ta' appoġġ ta' kwalità għolja għall-membri tal-familja li jipprovdu jew jikkuraw qraba aktar anzjani, u biex jagħmluha possibbli għalihom li l-kura li jipprovdu tiġi kkalkolata bħala kontribuzzjoni għad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni u biex jirċievu kumpens finanzjarju adegwat; iqis li l-kura pprovduta mill-membri tal-familja ma għandhiex tiġi abbużata bħala mod kif jiġġemmgħu l-flus;

Politika ekonomika u politika tat-tkabbir

77.  Huwa tal-fehma li l-penetrazzjoni fi swieq ġodda fl-ekonomija relatata mal-anzjani toffri opportunità kbira biex titjieb il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni u għal iżjed tkabbir u impjiegi u biex jiżdied il-volontarjat; jemmen li bl-oppożizzjoni tagħhom għall-leġiżlazzjoni antidiskriminatorja proposta fuq il-bażi tal-età, ħafna organizzazzjonijiet kummerċjali komprensivi ma ntebħux b'din l-opportunità;

78.  Iqis li wieħed mill-mezzi għat-trattament tad-distakk diġitali – fenomenu li jolqot b'mod partikolari lin-nisa, l-aktar dawk anzjani, u li jwassal għall-esklużjoni professjonali u soċjali – jista' jkun li l-iskejjel jorganizzaw inizjattivi sperimentali ta' litteriżmu fl-IT.

79.  Jemmen li ftehim dwar leġiżlazzjoni antidiskriminatorja ġdida fl-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi joffri opportunità kbira għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, peress li l-ostakli li jiffaċċaw l-anzjani għal ċerti servizzi u prodotti jiżżarmaw; jitlob għat-tmiem ta' kull projbizzjoni ġenerali bla raġuni u inġusta dwar merkanzija u servizzi bbażata fuq l-età, li bosta anzjani jiffaċċaw meta pereżempju jippruvaw jixtru assigurazzjoni jew btala jew jikru karozzi;

80.  Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu l-kundizzjonijiet ta' qafas, b'mod partikolari biex jieħdu miżuri innovattivi u mingħajr ostakli, li jikkunsidraw il-kundizzjoniet reġjonali differenti;

81.  Jitlob għal azzjoni aktar viċin ir-realtà, pereżempju bil-ħolqien ta' kunsilli tal-impjieg “reġjonali” jew “territorjali” jew “lokali”, li jġibu flimkien dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u s-sħab soċjali;

82.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri drastiċi biex jiskuraġġixxu l-ekonomija moħbija u klandestina mħaddma minn forza tax-xogħol “irregolata”, li qed jeffettwaw ħażin is-suq tax-xogħol tal-UE, pjuttost milli jippromwovu miżuri li jimmiraw lejn il-protezzjoni tal-forza tax-xogħol interna tagħhom; jinnota li r-reazzjoni kontra x-xogħol mhux dikjarat permezz ta' miżuri/sanzjonijiet fil-konfront ta' min iħaddem u/jew intermedjarji fil-verità ma servix ta' deterrent;

83.  Jilob biex isiru sforzi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra x-xogħol illegali, partikolarment billi jiżdiedu r-riżorsi umani u oħrajn disponibbli għall-entitajiet ta' kontroll (servizzi ta' ispettorat tal-fabbriki, qrati tax-xogħol, eċċ.);

Politika tal-pensjonijiet u l-baġits

84.  Jitlob li tingħata attenzjoni għall-fatt li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jiffaċċaw sfidi kbar u li l-Istati Membri għandhom iwettqu riformi strurtturali ambizzjużi u jfittxu metodi ġodda ta' ffinanzjar sostenibbli tal-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet;

85.  Iqis li, minħabba l-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ b'pass mgħaġġel qed issir problema mad-dinja kollha, u dan ifisser sfidi għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-benesseri tal-Istati Membri li irridu nilqgħu għalihom fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni għandha tassumi rwol ta' koordinatriċi biex tfassal soluzzjonijiet rigward is-servizzi tas-saħħa u u tal-kura għall-anzjani u biex ixxerred l-aħjar prattika fl-Istati Membri;

86.  Jitlob li jsir iżjed biex jiġi żgurat li l-anzjani jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom rigward is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet u li din l-informazzjoni tiġi pprovduta f'format sempliċi u aċċessibbli;

87.  Jenfasizza li huwa dritt tal-bniedem li jgawdi għajxien deċenti u li persuni li ħadmu tul ħajjithom kollha m'għandhomx isiru vittmi tal-kriżi ekonomika;

88.  Jenfasizza li l-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa – bħalissa 17% fis-27 Stat tal-UE – trid tiġi indirizzata, peress li għandha konsegwenzi fil-forma ta' dħul inqas mit-twelid tal-ewwel tarbija u, finalment, ta' pensjonijiet aktar baxxi u rata ogħla tal-faqar fost in-nisa ta' età akbar;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi ta' benesseri soċjali fejn dawn għadhom jinkludu inugwaljanzi konsiderevoli bejn il-livelli tal-pensjoni tal-irġiel u n-nisa, u jintroduċu fatturi korrettivi li jikkunsidraw id-distakki fil-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw minn impjieg temporanju jew responsabilitajiet tal-omm;

90.  Jenfasizza l-bżonn li tiġi kkunsidrata l-prattika fl-Istati Membri kollha f'dan il-qasam tal-politika soċjali għaliex is-sistemi tal-pensjoni nazzjonali jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor;

91.  Jenfasizza li li t-tnaqqis mill-piż mistenni u li dejjem qed jiżdied fuq il-ġenerazzjonijiet futuri huwa prijorità fundamentali, meta titqies iż-żieda drammatika fil-proporzjon ta' persuni “l fuq minn 80 sena (persuni anzjani ħafna);

92.  Jinnota l-impatt tar-reċessjoni globali fuq il-finanzi pubbliċi u l-ekonomija aktar wiesgħa; barra minn hekk, iqis li l-fatt li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ u li r-rata tat-twelid qiegħda tonqos fl-Ewropa jirrappreżenta bidla demografika fundamentali li tkun teħtieġ riforma tas-sistema tal-għajnuna soċjali u ta' dik fiskali tal-Ewropa, fosthom is-sistemi tal-pensjoni, biex tingħata kura xierqa lill-ġenerazzjonijiet il-kbar filwaqt li ma jiżdiedx il-piż tad-dejn fuq il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar; jinkoraġġixxi riforma fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu s-sistemi tal-pensjoni aktar sostenibbli;

93.  Jinnota li l-kwistjonijiet diversi relatati mal-bidla demografika fis-soċjetà jidħlu esklużivament fil-kompetenza tal-Istati Membri u li ma hemm l-ebda kompetenza ġenerali tal-Komunità biex jiġu stabbiliti regoli Ewropej li jindirizzaw il-bidla demografika; jagħraf il-ħtieġa li kull Stat Membru jieħu azzjoni biex jiżgura li l-finanzi pubbliċi tiegħu jkunu sostenibbli u jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod adegwat il-bidla demografika;

94.  Jinnota li fis-snin reċenti ntużaw diversi modi ta' kontabilità interġenerazzjonali, li pproġettaw l-iżvilupp tad-dejn pubbliku fid-deċennji li ġejjin u l-ispejjeż impliċiti għall-ġenerazzjonijiet futuri, li jenfasizzaw l-indikaturi tad-distakk fis-sostenibilità, pereżempju l-bilanċ primarju meħtieġ, li jirrappreżenta l-bilanċ baġitarju strutturali meħtieġ sabiex tkun żgurata s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kontabilità interġenerazzjonali kontinwa li tinkludi estimi dwar il-piżijiet futuri tad-dejn u d-distakki fis-sostenibilità fil-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u tippubblika r-riżultati biex ikunu disponibbli b'mod li jkunu faċilment aċċessibbli u komprensibbli;

96.  Jinnota li l-projezzjonijiet attwali tad-dejn huma allarmanti u se jakkumulaw piżijiet enormi ta' dejn fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, u jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jnaqqsu l-iżbilanċi strutturali primarji tagħhom u jersqu lejn proporzjon sostenibbli tad-dejn;

97.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jippreżentaw miżuri biex iżidu l-produttività ġenerali u speċjalment il-produttività fil-provvista tas-servizzi tal-għajnuna soċjali, inklużi s-servizzi tas-saħħa u l-kura għall-anzjani;

98.  Jinnota li jekk is-snin tal-għomor miżjuda mistennija jkunu snin ta' saħħa u mhux ta' mard, id-distakk fis-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi ikun anqas b'1.5% tal-PGD, skont ċerti kalkoli, u għalhekk, iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-problemi tas-saħħa jiġu evitati u li jiġu trattati f'età aktar bikrija;

99.  Hu mħasseb dwar il-fatt li ħafna Stati Membri ma rnexxilhomx jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, li tenfasizza r-riskji fit-tul għal kull Stat Membru;

100.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz ta' ħinijiet flessibbli tax-xogħol, promozzjoni tax-xogħol part-time u xogħol mid-dar;

101.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jgħinu lill-familji kollha fis-sistemi fiskali u ta' benefiċċji tagħhom u jippromwovu l-provvista tas-servizzi tal-kura tat-tfal għall-familji bi tfal żgħar;

102.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu d-diżinċentivi, partikolarment fir-rigward tat-taxxa u l-pensjonijiet, għall-anzjani biex ikomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar, u jinkoraġġixxi mekkaniżmi u inċentivi effikaċi ta' għajnuna, billi l-impatt tat-tixjiħ jiddependi mir-rata tal-impjiegi u mill-ammont medju ta' sigħat ta' xogħol;

103.  Hu tal-fehma li, kif juru x-xejriet demografiċi, hemm potenzjal kbir għall-iżvilupp ta' impjiegi sostenibbli u deċenti fil-qasam tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa.

Politiki tal-migrazzjoni

104.  Huwa tal-fehma li l-migrazzjoni flimkien mal-integrazzjoni b'suċċess, inkluża l-integrazzjoni ekonomika, tista' tkun wieħed mill-modi biex inlaħħqu mat-tibdil demografiku u li għad hemm wisq nies bi sfond ta' immigrazzjoni li għadhom iħossuhom li ma jappartjenux għall-Istati Membri fejn jgħixu, parzjalment minħabba d-diskriminazzjoni li jiffaċċaw;

105.  Huwa konvint li huwa essenzjali li jsir dibattu miftuħ u sinċier sabiex jiġu diskussi l-politiki differenti tal-immigrazzjoni, il-kundizzjonijiet ta' dħul tal-immigrati u l-perspettivi ekonomiċi tagħhom, il-problemi tal-immigrazzjoni illegali, ir-rata tikber ta' persuni qiegħda fost l-immigrati minħabba l-kriżi ekomomika attwali, il-miżuri effettivi biex tiġi evitata l-iżolazzjoni soċjali u kulturali tal-personi ġodda li jaslu fil-pajjiż;

106.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-anzjani għandhom mobilità soċjali u adattabilità għall-ambjenti ġodda aktar baxxi, għalkemm għandhom ħiliet ta' integrazzjoni aħjar;

107.  Huwa konvint li s-sens ta' identifikazzjoni bi qbil ma' tradizzjonijiet demokratiċi u valuri kostituzzjonali fundamentali, il-parteċipazzjoni bbażata fuq opportunitajiet ugwali u r-responsabilità huma prerekwiżiti biex l-integrazzjoni tkun suċċess, li din tista' tirnexxi biss meta l-immigranti jkunu disposti li jadattaw ruħhom u l-popolazzjoni lokali tkun lesta tilqagħhom, u li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tkun ikkompletata minn solidarjetà bejn il-kulturi, li jimplika t-tneħħija tal-preġudizzji dwar kulturi differenti;

108.  Jemmen li l-ħolqien ta' ambjent fost il-popolazzjoni tal-pajjiż ospitanti fejn jaċċettaw l-immigranti jiddependi direttament minn informazzjoni xierqa u komprensiva u l-ħolqien ta' kultura kontra l-ksenofobija;

109.  Huwa konvint li t-tixjiħ attiv għandu jimplika parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u l-inklużjoni fil-proċessi demokratiċi parteċipatorji tad-teħid ta' deċiżjonijiet;

Politiki tas-saħħa u l-kura

110.  Ifakkar li t-tibdil demografiku jippreżenta disparitajiet reġjonali qawwija u jiddetermina proċessi ta' emigrazzjoni minn reġjuni rurali u periferiċi, u għalhekk għandhom jiġu żviluppati kunċetti għal trasformazzjoni tal-istrutturi ta' assistenza soċjali u medika, għandhom ikunu disponibbli fondi ta' għajnuna, u għandhom jiġu skambjati b'mod intensiv l-aħjar prattiki u dawk li jappoġġaw l-iżvilupp u s-servizzi bbażati fuq informazzjoni moderna u teknoloġiji tal-komunikazzjoni;

111.  Jikkunsidra li s-servizzi domiċiljari għall-anzjani jistgħu jiġu promossi u organizzati billi jiġu inkoraġġiti forom awtonomi u kooperattivi ta' attività, fuq il-bażi ta' ftehimiet mal-awtoritajiet lokali u l-introduzzjoni ta' vouchers dedikati għall-familji;

112.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, peress li l-popolazzjoni qed tixjieħ b'mod estensiv, biex jirsistu fuq kwalunkwe forma ta' kooperazzjoni bil-ħsieb li jfasslu sistemi ta' ffinanzjar sostenibbli sabiex jiżguraw li s-servizzi ta' kura neċessarji jkunu disponibbli;

113.  Jinnota li teżisti evidenza kunsiderevoli ta' diskriminazzjoni kontra l-anzjani fil-kura tas-saħħa; jinnota li l-pazjenti anzjani aktarx li inqas għandhom ċans mill-pazjenti iżgħar fl-età biex jirċievu t-trattament li jeħtieġu minħabba diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età biss; iqis li tali trattatment mediku u kura medika differenzjati jista' jkollhom effetti sinifikattivi fuq ir-riżultati tas-saħħa fost l-anzjani;

114.  Jinnota li t-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għandhom effett differenti fuq il-partijiet tal-punent u l-lvant tal-UE u li hija meħtieġa politika komuni li tiżgura tkabbir ibbilanċjat u żvilupp reġjonali sostenibbli;

115.  Jistieden lill-Istati Membri jgħinu r-reġjuni ta' emigrazzjoni netta billi jiggarantixxu livell għoli ta' servizzi ta' interess ġenerali (p.e. l-edukazzjoni, inkluża dik qabel l-iskola formali u l-kura tat-tfal, is-servizzi ta' appoġġ u tas-saħħa, is-servizzi postali) u l-aċċessibilità (p.e. tat-trasport pubbliku, l-infrastruttura tat-trasport u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni) u biex jissalvagwardaw il-parteċipazzjoni ekonomika u l-ħiliet (p.e. permezz ta' taħriġ, inklużi metodi ta' tagħlim tul il-ħajja u l-użu ta' u l-investiment fit-teknoloġiji); jitlob li l-qafas prattiku biex dawn il-kompiti jiġu mwettqa jiġi adattat għall-ħtiġijiet lokali u l-atturi lokali u biex titjieb l-adattabilità tagħhom; jiġbed attenzjoni partikolari lejn is-sitwazzjoni tal-gżejjer, iż-żoni tal-fruntiera, ir-reġjuni muntanjużi u żoni oħra mbiegħda miċ-ċentri popolati;

116.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu kas tal-migrazzjoni tax-xogħol regolata (immigrazzjoni minn pajjiżi terzi fl-UE);

117.  Jenfasizza li, irrispettivament mil-livell tad-dħul, l-età jew l-istatus soċjali jew il-grad tar-riskju għas-saħħa li jiffaċċaw, il-persuni għandhom jirċievu trattament mediku u kura bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja, u jekk dan għandu jinkiseb, għandha tiġi adottata leġiżlazzjoni antidiskriminatorja ġdida fl-UE kemm jista' jkun malajr, li tinkludi aċċess għas-servizzi tas-saħħa;

118.  Jilqa' l-proġett Predict iffinanzjat mill-UE (“Increasing the participation of the elderly in clinical trials”), li għandu l-għan li jiskopri għaliex id-diskriminazzjoni kontra l-anzjani fit-testijiet kliniċi tippersisti. huwa tal-fehma li l-anzjani għandhom ikunu pprovduti b'pinnoli li jkunu ġew ittestjati għall-effikaċja u s-sigurtà għall-grupp ta' età tagħhom;

119.  Jirrikonoxxi dak li nkiseb mill-Istati Membri fil-qasam tal-kura tal-anzjani, iżda jistedinhom jagħtu attenzjoni akbar milli taw sa issa għall-infurzar ta' u l-konformità ma' kriterji ta' kwalità fil-provvista ta' servizzi; jemmen li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom itejbu l-kooperazzjoni fir-rigward tas-sorveljanza u li, għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħolqien ta' netwerk ta' punti ta' kuntatt għall-kura nazzjonali, li jistgħu jintużaw kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fi ħdan l-UE biex tinkiseb informazzjoni dwar is-servizzi tal-kura disponibbli u l-kwalità tagħhom u biex isiru lmenti dwar il-kwalità tas-servizz;

120.  Jitlob għal Green Paper li għandha tinħareġ mill-Kummissjoni dwar l-abbuż kontra l-anzjani u dwar is-salvagwardja tal-anzjani fil-komunità u fid-djar tal-kura;

121.  Jitlob, permezz tal-metodu miftuħ ta' komunikazzjoni, għal skambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri dwar il-provvista ta' kura għall-anzjani fuq żmien twil u, b'mod partikolari, miżuri għas-salvagwardja tagħhom fil-komunità u fid-djar tal-kura u biex jiġu indirizzati l-abbużi fuq l-anzjani;

122.  Jirrikonoxxi li numru kbir ta' nisa migranti huma impenjati fil-kura tal-anzjani u jipproponi, fuq naħa waħda, li l-Istati Membri jintensifikaw il-kontrolli biex irażżnu l-fenomenu tax-xogħol mhux dikjarat f'dan is-settur partikolari u, fuq in-naħa l-oħra, miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta' dawn il-ħaddiema għall-korsijiet ta' taħriġ rilevanti, bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, sabiex jiżguraw kura ta' kwalità għolja;

123.  Jistieden l-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet li jiffaċċaw dawk li jieħdu ħsieb il-familji, inkluż id-dritt li jagħżlu huma jekk iridux jagħmlu dan ix-xogħol, l-għażla li jikkombinaw il-kura ma' impjieg bi ħlas, u l-aċċess għall-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet tal-anzjani, sabiex jiġi evitat il-faqar minħabba riżultat dirett ta' karriera fil-kura ta' persuni oħra;

124.  Jenfasizza l-importanza ta' sigurtà soċjali u drittijiet tal-pensjoni bbażati fuq l-individwu u li jirrikonoxxu xogħol ta' kura mingħajr ħlas;

125.  Huwa tal-opinjoni li teżisti l-ħtieġa li jiġi żviluppat kodiċi ta' kondotta fil-livell tal-UE li jiddefinixxi l-linji gwida u l-prestazzjonijiet minimi għall-provvista ta' assistenza fit-tul u li dan għandu jiġi adottat mill-PE u mill-Kunsill;

Involviment fis-soċjetà

126.  Huwa tal-fehma li kull individwu għandu jkollu l-opportunità li jkun impenjat fis-soċjetà; jenfasizza, madankollu, li l-impenn soċjali għandu dejjem jibqa' impenn volontarju;

127.  Jenfasizza li, fid-dawl tax-xejriet demografiċi, il-prinċipju ta' gwida ta' soċjetà ċivili attiva dejjem qed isir aktar rilevanti, u dan jitlob li r-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet fis-soċjetà jiġi vvalutat mill-ġdid;

128.  Huwa tal-opinjoni li l-provvista tal-kura teħtieġ livell għoli ta' ħila u grad eċċezzjonali ta' responsabilità min-naħa ta' min jikkura, li għandu jiġi rikonoxxut b'mod xieraq f'termini soċjali u finanzjarji; u jqis li dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li standars ta' kwalità jistgħu jinżammu fuq żmien twil u li numru suffiċjenti ta' carers imħarrġa tajjeb u mmotivati jkunu jistgħu jiġu reklutati;

o
o   o

129.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 115, 14.4.1997, p. 238.
(2) ĠU C 104, 6.4.1998, p. 222.
(3) ĠU C 232, 17.8.2001, p. 381.
(4) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 131.
(5) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 141.
(6) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 23.
(7) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 75.
(8) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.
(9) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.
(10) ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66.
(11) Cedefop, serje Panorama, 159. Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2008.
(12) Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2010.
(13) Cedefop, serje Reference. Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2009.
(14) Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2010.
(15) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

Avviż legali - Politika tal-privatezza