Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (2010/2079(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (COM(2010)0187),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ġunju 2009 dwar il-Kriterji ta' Aċċettabilità għall-Metodoloġiji tal-Kost Medju tal-Persunal (C(2009)4705),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta' Esperti “il-Valutazzjoni Ex Post tal-Programmi tas-Sitt Qafas (2002-2006)” (“ir-Rapport Rietschel”) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni sussegwenti (COM(2009)0210),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Mejju 2010 bit-titlu “Aktar kontrolli jew anqas?” Is-sejbien tal-aħjar bilanċ bejn in-nefqa amministrattiva tal-kontroll u r-riskju ta' żball' (COM(2010)0261),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “gwida dwar prijoritajiet futuri għar-riċerka u l-innovazzjoni bbażata fuq ir-riċerka Ewropea fl-istrateġija ta' Lisbona wara l-2010”, adottati fit-3 ta' Diċembru 2009, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività dwar “programmi simplifikati u aktar effiċjenti li jappoġġaw ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea”, adottati fis-26 ta' Mejju 2010,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Berlin dwar Aċċess Miftuħ għall-Għarfien fix-Xjenzi u fl-Istudji Umanistiċi,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0274/2010),
A. billi s-Seba' Programm Qafas (FP7) huwa l-akbar programm transnazzjonali tar-Riċerka u l-Iżvilupp fid-dinja u element kritiku fis-seħħ ta' Żona Ewropea tar-Riċerka u t-twettiq tal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020,
B. billi r-riċerka tagħti kontribut fundamentali għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għal enerġija ħadra u sostenibbli,
C. billi l-Programm Qafas jeħtieġ l-ogħla standards ta' eċċellenza, effikaċja u effiċjenza fir-riċerka biex jiġbed u jżomm l-aqwa xjenzati fl-Ewropa u jrawwem ekonomija tal-UE aktar informattiva u bbażata fuq l-għarfien li tkun tista' tikkompeti f'ekonomija globali,
D. billi l-koordinazzjoni bejn il-politiki ta' riċerka nazzjonali, reġjonali u Ewropej għadha limitata u dan joħloq ostakli kbar ħafna għall-kisba ta' soluzzjonijiet kosteffettivi,
E. billi l-ġestjoni attwali tas-Seba' Programm Qafas, minkejja t-titjib li sar fuq is-Sitt Programm Qafas, għadha kkaratterizzata minn burokrazija żejda, tolleranza baxxa tar-riskju, effiċjenza fqira u dewmien żejjed li jaġixxu bħala diżinċentiv ċar għall-parteċipazzjoni tal-komunità tar-riċerka, id-dinja akkademika, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, in-negozji u l-industrija (l-aktar l-atturi żgħar involuti fir-riċerka, fosthom l-SMEs),
F. billi l-partijiet interessati kollha qegħdin jitolbu aktar simplifikazzjoni u armonizzazzjoni tar-regoli u l-proċeduri, bis-simplifikazzjoni mhux bħala għan fih innifsu, iżda aktar bħala mezz biex tkun żgurata l-attrazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-fondi tal-UE għar-riċerka, u biex jitnaqqas il-ħin li r-riċerkaturi jkollhom jinvestu fil-proċess innifsu,
G. billi l-finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati jista' jillimita l-ambitu tal-proġetti ta' riċerka għal proġetti inqas riskjużi u orjentati lejn ir-riċerka tas-suq, xi ħaġa li tista' tfixkel l-UE milli tfittex l-eċċellenza fir-riċerka konfinali u l-innovazzjoni,
H. billi r-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ li jkunu distinti b'mod ċar bħala żewġ proċessi differenti (ir-riċerka ddawwar l-investiment f'għarfien u l-innovazzjoni ddawwar l-għarfien f'investiment),
I. billi l-proċess ta' simplifikazzjoni attwali ġie f'mument kruċjali, biex jipprovdi spinta għar-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tas-Seba' Programm Qafas u għat-tħejjijiet tat-Tmien Programm Qafas li jmiss,
J. billi d-disinn u l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Qafas attwali u l-Programmi Qafas tal-ġejjieni jridu jkunu bbażati fuq il-prinċipji tas-sempliċità, l-istabbiltà, it-trasparenza, iċ-ċertezza legali, il-konsistenza, l-eċċellenza u l-fiduċja,
1. Jappoġġa l-inizjattiva tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas għar-Riċerka, li tipprovdi miżuri serji u kreattivi biex jingħelbu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-parteċipanti fil-Programmi Qafas;
2. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja l-importanza tal-proċess ta' simplifikazzjoni, din hija biss waħda mir-riformi meħtieġa biex itejbu l-finanzjament tal-UE għar-riċerka;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stipulat, fil-każ ta' kull miżura ta' simplifikazzjoni individwali, jekk din tidħolx fis-seħħ fil-qafas legali attwali jew jekk ikunx hemm il-ħtieġa li jinbidlu r-regoli tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni jew ir-regoli speċifiċi li japplikaw għall-programmi tal-Programm Qafas;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għar-riforma attwali tar-Regolament Finanzjarju, bl-għanijiet li ġejjin: żieda tal-koerenza fil-qafas legali attwali; tnaqqis tad-dispożizzjonijiet, ċarezza, nuqqas ta' ambigwità u ġestjonabilità; għal dan il-għan, jitlob l-inkorporazzjoni tar-Regoli għall-Parteċipazzjoni fit-test tar-Regolament Finanzjarju;
5. Jenfasizza l-fatt li, flimkien mas-simplifikazzjonijiet li pproponiet il-Kummissjoni, hija għandha tfassal pjan dettaljat għall-iżvilupp tal-infrastruttura tar-riċerka fl-Istati Membri l-ġodda, sabiex jinħolqu opportunitajiet ugwali għall-Istati Membri kollha biex jaċċessaw il-fondi skont is-Seba' Programm Qafas u skont it-Tmien Programm Qafas li jmiss;
6. Jinnota li l-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-Programm Qafas għadha baxxa minħabba r-regoli kumplessi li jieħdu ħafna ħin u li jirregolaw il-parteċipazzjoni, l-ispejjeż għoljin tal-persunal u l-burokrazija żejda;
Bidla prammatika lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja
7. Jilqa' l-isforzi li kulma jmorru qegħdin jiżdiedu lejn is-simplifikazzjoni amministrattiva u finanzjarja tar-regoli tal-Programmi Qafas matul iċ-ċikli tal-ħajja tal-programmi u tal-proġetti (l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni) xi ħaġa li għandha tkun ta' benefiċċju kbir għall-partijiet interessati;
8. Jenfasizza li kwalunkwe proċess ta' simplifikazzjoni għandu jiddaħħal b'attenzjoni fis-Seba' Programm Qafas attwali biex tinżamm l-istabilità, il-konsistenza u ċ-ċertezza legali, sabiex tidħol fiduċja reċiproka bejn il-partijiet interessati kollha; f'dan ir-rigward jenfasizza li, billi l-interpretazzjoni uniformi tar-regoli eżistenti għandha tiġi segwita bħala kwistjoni ta' urġenza, m'għandhiex issir l-applikazzjoni tal-“linji gwida” li jirriżultaw mill-konklużjonijiet, għall-kuntratti li għadhom għaddejjin;
9. Jesprimi t-tħassib tiegħu li s-sistema attwali u l-prattika tal-ġestjoni tas-Seba' Programm Qafas huma orjentati żżejjed lejn il-kontroll, li jwassal għal ħela ta' riżorsi, parteċipazzjoni iktar baxxa u xenarji ta' riċerka anqas attraenti; jinnota bi tħassib li s-sistema attwali ta' ġestjoni ta' “tolleranza żero tar-riskju” tidher li taħrab aktar milli timmaniġġa r-riskji; għalhekk jitlob li ssir reviżjoni u/jew interpretazzjoni estiża tar-Regolament tal-Persunal tal-UE dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà personali, u jitlob ukoll il-preżentazzjoni ta' proposti konkreti fir-riforma attwali tar-Regolament Finanjzarju (pereżempju, assigurazzjoni jew sistema ta' qsim tar-riskju);
10. Iqis li l-monitoraġġ u l-kontroll finanzjarju li jsir mill-Kummissjoni u mill-OLAF għandu jkollu l-għan ewlieni li jħares il-fondi pubbliċi u jikkumbatti l-frodi, filwaqt li ssir distinzjoni ċara bejn il-frodi u l-iżbalji; f'dan ir-rigward iqis neċessarju li tiġi stabbilita definizzjoni aktar ċara tal-“iżbalji” fid-dokumenti legali vinkolanti kollha, inklużi l-mekkaniżmi biex jiġu stabbiliti l-iżbalji flok l-interpretazzjonijiet differenti; jitlob, għalhekk, għal analiżi bir-reqqa u komunikazzjoni tal-iżbalji kif ukoll għal azzjonijiet ta' rimedju fir-rigward tagħhom;
11. Hu tal-fehma li l-ġestjoni tal-finanzjament tar-riċerka Ewropea għandha tkun aktar ibbażata fuq il-fiduċja u tkun tolleranti fir-rigward tar-riskju tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha tal-proġetti, filwaqt li tiġi ggarantita r-responsabilità, b'regoli tal-UE flessibbli biex jiġu allinjati aħjar, fejn hu possibbli, ma' regolamenti nazzjonali differenti eżistenti u prattiki ta' kontabilità rikonoxxuti;
12. Jappoġġa bis-sħiħ l-adozzjoni ta' rata aktar għolja ta' riskji tollerabbli għall-iżbalji (TRE), xi ħaġa li tnaqqas kemm il-kumplessità kif ukoll il-verifiki ex-post, biex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn il-ġestjoni finanzjarja tajba u l-kontrolli xierqa; jenfasizza li huwa kruċjali li jiġi żgurat li r-regoli ta' parteċipazzjoni jiġu interpretati u applikati b'mod uniformi, u dan iwassal għal tnaqqis fir-rata tal-iżbalji;
13. Jitlob li l-benefiċjarji li jirċievu għotjiet mill-Programm Qafas ikunu informati dwar l-istrateġiji ta' verifika rilevanti tal-Kummissjoni; jirrakkomanda li dawn l-istrateġiji jixxerrdu permezz tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali u jkunu inklużi fil-Cordis;
14. Jaqbel ma', u jirrakkomanda, aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità normali għall-kostijiet eliġibbli tal-parteċipanti, ladarba jiġu definiti b'mod ċar u jintlaħaq ftehim dwarhom, l-aktar għall-metodoloġiji tal-kost medju tal-persunal, bil-kundizzjoni li dawn il-proċeduri jkunu skont ir-regoli nazzjonali u ċċertifikati minn awtoritajiet kompetenti, li jagħti biżżejjed flessibilità għal kull benefiċjarju biex jutilizza jew il-metodoloġija tal-kost attwali tal-persunal jew il-metodoloġija tal-kost medju tal-persunal;
15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi b'mod attiv it-talbiet tal-Parlament kif imqajma fid-deċiżjonijiet ta' kwittanza tiegħu għas-snin 2007 u 2008, b'mod partikulari biex isiru proposti konkreti għas-simplifikazzjoni tal-kalkolu tal-kost medju tal-persunal u biex dawn il-proposti jiġu applikati;
16. Iqis li fil-każ tal-korpi pubbliċi, id-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet annwali tal-organizzazzjoni u dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti maħruġa mill-Qorti tal-Awdituri nazzjonali u/jew mill-Awdituri Pubbliċi nazzjonali għandhom jiġu aċċettati mill-istituzzjonijiet Ewropej fil-verifika tal-metodololoġija kollha tal-kostijiet;
17. Jappoġġa aktar tnaqqis fil-kombinazzjonijiet tar-rati u tal-metodi ta' finanzjament għad-definizzjoni ta' kostijiet indiretti fost l-istrumenti differenti kollha u bejn l-attivitajiet (il-ġestjoni, ir-riċerka, id-dimostrazzjoni u d-disseminazzjoni) bla ma jitqiegħed fil-periklu l-livell attwali tar-rati ta' finanzjament; jirrikonoxxi, madankollu, li d-differenzjazzjoni attwali bejn l-universitajiet/iċ-ċentri ta' riċerka, l-industrija, l-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux qligħ u l-SMEs għandha tinżamm; jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-użu tal-kostijiet reali bħala metodu biex jiġu kkombinati r-rati ta' finanzjament u biex jiġu definiti l-kostijiet indiretti;
18. Huwa tal-fehma li s-somom ta' flus f'daqqa u r-rati fissi għandhom jintużaw fuq bażi volontarja u jiġu applikati biss fejn jixraq; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiċċara t-terminoloġija dwar l-użu tar-rati fissi u s-somom ta' flus f'daqqa;
19. Hu favur l-introduzzjoni tas-somom ta' flus f'daqqa biex ikopru “kostijiet diretti oħra”, sakemm tibqa' l-alternattiva tal-kostijiet reali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta b'mod rigoruż l-użu ta' somom ta' flus f'daqqa għall-kostijiet tal-persunal; jenfasizza li s-somom ta' flus f'daqqa huma l-aktar alternattiva effikaċi għal Pajjiżi Sħab fil-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Programmi Qafas;
20. Jirrikonoxxi li t-tnaqqis fid-daqs tal-konsorzji, meta jkun jista' jsir, jikkontribwixxi biex jissimplifika l-proċess, iqassar il-kalendarju tal-proġetti u jnaqqas il-kostijiet amministrattivi;
21. Jemmen li t-timijiet ta' daqs kbir għandhom ikunu ġustifikati permezz tan-natura multidixxiplinarja tal-ħidma li għandha titwettaq;
22. Jissuġġerixxi, pereżempju, proċedura ta' approvazzjoni taċita sabiex tiġi ffaċilitata l-modifika tal-ftehim tal-għotja, b'mod partikulari biex jitqiesu l-bidliet fil-kompożizzjoni tal-konsorzji jew fil-konfigurazzjoni amministrattiva u finanzjarja tagħhom;
23. Hu favur l-abolizzjoni sħiħa ta' mekkaniżmi li jirreġistraw il-ħin, bħall-karti tal-ħin (din l-abolizzjoni m'għandhiex tkun biss għall-użu ta' somom ta' flus f'daqqa);
24. Jilqa' t-tneħħija immedjata tal-obbligu tal-irkupru tal-ħlas tal-interessi fuq il-finanzjament minn qabel;
25. Jaqbel li l-użu ta' premjijiet għandu jiġi mħeġġeġ iżda mhux bħala sostitut għal finanzjament li jkun strutturat kif jixraq;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti r-rimborż tal-kostijiet imġarrba wara l-preżentazzjoni tal-proposta, jekk din tintgħażel, sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tas-sħab industrijali u b'mod partikulari tal-SMEs;
27. Jitlob interpretazzjoni simplifikata u kjarifika akbar dwar id-definizzjoni tal-kostijiet eliġibbli (bħat-taxxi u t-tariffi fuq il-kostijiet tal-persunal, il-lif għal raġunijiet ta' mard u l-lif tal-maternità), kif ukoll fuq il-kwistjoni dwar jekk il-VAT tistax tiġi rkuprata mill-kostijiet eliġibbli; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità li l-VAT titqies bħala partita ta' kost eliġibbli, fejn ma titnaqqasx; jitlob aktar kjarifiki dwar il-proċeduri marbuta mar-rati tal-kambju għas-sħab li jużaw munita differenti;
28. Jiddispjaċih li l-introduzzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-parteċipazzjoni (PIC) ma naqqsitx it-talbiet ripetuti għal informazzjoni legali u finanzjarja (u dokumenti ta' appoġġ) u li l-wasla ta' PIC matul il-proċess tal-applikazzjoni mhux dejjem tiġi segwita bi proċess ta' validazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-atturi rilevanti jtejbu l-PIC u jagħmlu l-użu tiegħu aktar effiċjenti;
29. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta regoli ta' proċedura għall-verifika li jkunu aktar preċiżi, konsistenti u trasparenti, inklużi regoli u prinċipji li jiżguraw li d-drittijiet tal-korp li ssirlu verifika jkunu rispettatti u li jinstemgħu il-partijiet involuti kollha, u biex tagħmel rapport dwar ir-relazzjoni bejn il-kostijiet u l-benefiċċji tal-verifiki;
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-“approċċ ta' verifika waħda” u taqleb għal verifika fil-ħin reali li ssir minn entità waħda, biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jikkoreġu l-iżbalji sistemiċi u jippreżentaw rapporti aħjar dwar il-kostijiet is-sena ta' wara; jemmen li approċċ ta' verifika waħda bħal dan għandu jkompli jiżgura li l-proġetti mitmuma ma jiġux ivverifikati aktar minn darba minn awdituri differenti, sabiex il-Kummissjoni toqgħod fuq l-opinjoni tal-ewwel awditur indipendenti li jinħatar u d-dokumenti jiġi provduti darba biss, isiru kemm isiru verifiki;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi ċertezza legali billi ma tapplikax definizzjoni aktar stretta tar-regoli għall-parteċipazzjoni b'mod retroattiv u billi ma titlobx lir-riċevituri biex jerġgħu jikkalkulaw rapporti finanzjarji li jkunu diġà ġew approvati mis-servizzi tal-Kummissjoni, u b'hekk tonqos il-ħtieġa ta' verifiki ex-post u korrezzjonijiet retroattivi; jistieden lill-Kummissjoni ssolvi malajr sitwazzjonijiet preċedenti li jinqalgħu mill-verifiki li għadhom għaddejjin, filwaqt li taġixxi b'għaqal u b'rispett tal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba; jirrakkomanda li t-tilwim rigward sitwazzjonijiet preċedenti bħal dawn jinħall permezz ta' ftehim bejn il-partijiet kollha, abbażi, pereżempju, ta' verifika oħra indipendenti u/jew bl-intervent ta' medjatur indipendenti ad hoc;
32. Jipproponi l-introduzzjoni ta' proċedura ta' reazzjoni li permezz tagħha, jekk il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda reazzjoni f'perjodu ta' żmien li jrid jiġi stabbilit fir-rigward tal-informazzjoni li tkun irċeviet, din l-informazzjoni titqies bħala validata mill-Kummissjoni;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rapport regolarment lill-Parlament dwar l-ispiża amministrattiva tas-Seba' Programm Qafas, inklużi l-ispejjeż tal-ġestjoni għall-Kummissjoni u għall-parteċipanti, kif ukoll dwar il-miżuri meħuda jew ippjanati biex jitnaqqas dan il-kost;
Bidla radikali lejn it-titjib fil-kwalità, l-aċċessibilità u t-trasparenza Ċaqliq lejn approċċ “b'bażi xjentifika”
34. Ifakkar lill-Kummissjoni li hu maħsub li l-benefiċjarji tal-programmi tal-UE jwettqu b'rieda tajba l-attivitajiet iffinanzjati u jagħmlu l-aħjar sforz tagħhom biex jinkisbu r-riżultati mistennija;
35. Għalhekk hu mħasseb dwar ix-xejra ġenerali tal-Kummissjoni attwali lejn finanzjament abbażi ta' riżultati (essenzjalment iġġustifikata mill-prinċipji ta' responsabbiltà soda) u huwa mħasseb ħafna dwar l-impatt li l-finanzjament abbażi ta' riżultati jista' jkollu fuq il-kwalità u n-natura tar-riċerka, minħabba r-restrizzjonijiet li jista' jkun hemm fuq ir-riċerka xjentifika u l-impatt negattiv fuq proġetti b'objettivi li ma jitkejlux jew b'objettiv li jitkejjel bl-użu ta' parametri oħra għajr dak tal-utilità immedjata; hu mħasseb ukoll dwar il-konklużjoni li jista' jkun hemm rigward aktar valutazzjoni ex-ante u ex-post tar-rendiment/ir-riżultati tal-proġetti u dwar l-identifikazzjoni tal-kriterji meħtieġa biex jiġu definiti;
36. Iqis bħala mhux adegwat, ħlief f'ċirkostanzi straordinarji u ġustifikati kif jixraq, l-użu ġenerali ta' somom ta' flus f'daqqa, bħal somom f'daqqa nnegozjati speċifikament għal proġetti jew somom f'daqqa miftiehma minn qabel għal kull proġett; hu favur, minflok, l-approċċ ta' “fiduċja kbira” imfassal preċiż għar-riċerka konfinali; jirrakkomanda t-tnedija ta' testijiet pilota tal-“finanzjament abbażi ta' riżultati” bil-ħlas ta' somom ta' flus f'daqqa speċifiċi għal proġetti, f'kuntrast mar-rendiment/ir-riżultati miftiehma għal proġetti ta' riċerka u ta' dimostrazzjoni f'żoni li joffru sfidi speċifiċi;
37. Hu favur, minflok, sistema ta' finanzjament “b'bażi xjentifika”, b'enfasi fuq kriterji xjentifiċi/tekniċi u b'evalwazzjoni orizzontali bbażata fuq l-eċċellenza, ir-rilevanza u l-impatt, b'kontroll finanzjarju simplifikat u effiċjenti, li tirrispetta d-dritt li jinstemgħu l-partijiet involuti kollha; hu tal-fehma li dan l-approċċ b'bażi xjentifika għandu jġib miegħu bidla mill-qiegħ min-naħa finanzjarja għan-naħa xjentifika/teknika rigward il-mekkaniżmi ta' kontroll; iqis li dan l-approċċ jippermetti lill-partijiet interessati jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq il-kompetenzi ewlenin tagħhom, fuq kwistjonijiet xjentifiċi/tekniċi u fuq il-bini tal-ERA;
L-użu aħjar tal-ħin
38. Jilqa' t-tendenza ġenerali lejn it-tqassir tal-medja taż-żmien sal-għotja u tal-ħin sal-ħlas iżda jesprimi xi riżervi dwar l-użu ġeneralizzat ta' sejħiet b'kamp ta' applikazzjoni aktar wiesa' u sejħiet b'dati ta' skadenza; jirrikonoxxi, madankollu, li sejħiet bħal dawn huma adatti għall-SMEs bħala mezz biex tonqos l-inċertezza dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament u biex tkompli titħeġġeġ il-parteċipazzjoni;
39. Jesprimi t-tħassib tiegħu li ż-żmien medju attwali mill-iskadenza tal-proposta sal-firma tal-kuntratt (iż-żmien sal-kuntratt) għadu twil wisq, b'diskrepanzi bejn is-servizzi differenti tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqassar iż-żmien sal-kuntratt għal massimu ta' 6 xhur u tistabbilixxi skadenzi xierqa għall-evalwazzjoni u għan-negozjar tal-kuntratt, ibbażati fuq sistema ta' parametri;
40. Jistieden lill-Kummissjoni testendi ż-żmien medju mill-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti sal-iskadenza biex tiġi ppreżentata l-applikazzjoni;
41. Għandu riżervi qawwija dwar l-effetti tat-tneħħija tar-rekwiżit legali għal opinjoni mill-kumitati tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fir-rigward ta' deċiżjonijiet dwar l-għażliet ta' proġetti individwali, b'mod speċjali dawk b'impatt fuq l-etika, is-sigurtà u d-difiża;
42. Jemmen li l-approċċ li jkollu l-għan li jiffavorixxi l-identifikazzjoni ta' prinċipji bażiċi komuni għandu jkun bla ħsara għall-ispeċifiċitajiet u l-għażliet etiċi nazzjonali fil-kwistjoni tar-riċerka;
43. Jappoġġa x-xejra ġenerali lejn proċedura ta' applikazzjoni f'“żewġ fażijiet”, b'mod partikolari f'każijiet fejn l-eċċess mistenni ta' applikazzjonijiet ikun għoli ħafna, sakemm l-evalwazzjoni ssir bir-reqqa fl-ewwel fażi (l-għanijiet, l-approċċ xjentifiku, il-kompetenzi tal-parteċipanti, il-valur miżjud tal-kollaborazzjoni xjentifika u l-baġit ġenerali); jenfasizza li dan iżid iċ-ċansijiet ta' suċċess fit-tieni fażi, sakemm ma jsirx bis-saħħa ta' perjodi itwal ta' żmien sal-kuntratt jew perjodi itwal ta' għotjiet; hu tal-fehma li dan l-approċċ inaqqas l-ispejjeż tal-applikazzjoni;
Il-bidla lejn approċċ “iffukat fuq l-utent” f'termini ta' aċċess
44. Jenfasizza li l-ġestjoni tal-Programmi Qafas trid tqiegħed il-benefiċjarji fiċ-ċentru tal-missjonijiet tagħha u tipprovdi aċċess aħjar għall-Programmi Qafas;
45. Jitlob li jsir titjib sostanzjali fiċ-ċarezza u l-aċċessibilità tad-dokumenti ta' gwida, li għandhom jinġabru f'manwal u jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-UE;
46. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri l-ġodda fi proġetti tal-Programm Qafas permezz ta' simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' applikazzjoni u dawk kuntrattwali li jirrappreżentaw xkiel sinifikanti għad-dħul fil-fażi tal-proposta, speċjalment għal dawk li jkunu qed japplikaw għall-ewwel darba;
47. Jirrakkomanda titjib fl-istabilità provduta lill-partijiet interessati billi, safejn hu possibbli, ikun hemm uffiċjal tal-proġetti wieħed uniku tal-Kummissjoni, li jagħti appoġġ personalizzat matul il-ħajja sħiħa ta' proġett bl-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli, kif ukoll approċċ ta' “wiċċ wieħed għall-klijent”, biex il-pariri dwar programmi multipli jingħataw minn punt wieħed ta' kuntatt;
48. Iqis li kull dokument ipprovdut mill-Kummissjoni u s-servizzi tagħha għandu jistabbilixxi b'mod ċar l-istatus legali tiegħu, filwaqt li jispeċifika kemm lil min huwa marbut bil-kontenut tiegħu kif ukoll b'liema mod huwa marbut;
49. Jappoġġa d-dħul ta' aktar strumenti ta' amministrazzjoni elettronika u tal-IT, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' portal għall-parteċipanti fir-riċerka u l-introduzzjoni tal-firem elettroniċi; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema onlajn integrata u faċli biex tintuża; jagħti l-appoġġ tiegħu biex l-informazzjoni elettronika kollha dwar il-ġestjoni tal-programmi ssir disponibbli (l-identifikazzjoni, l-applikazzjoni, in-negozjar u r-rapport); jagħti l-appoġġ tiegħu biex din is-sistema onlajn tkun disponibbli sa mill-ewwel jum tal-programm u tkun aċċessibbli fil-fażjiet kollha; hu tal-fehma li għandhom jitħeġġu l-konferenzi bil-video biex jieħdu post il-laqgħat wiċċ imb'wiċċ; jirrakkomanda li s-servizzi ta' amministrazzjoni elettronika jużaw protokolli u formati miftuħa meta jkunu qed jikkomunikaw biex tiġi żgurata t-trasparenza, l-aċċessibilità u l-interoperabilità;
50. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tniedi kampanja ta' informazzjoni biex jikber l-għarfien dwar l-istrumenti tat-teknoloġija tal-informazzjoni disponibbli bil-programm;
51. Jilqa' l-Inizjattiva Pilota Aċċess Miftuħ (Open Access Pilot) tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għar-riżultati tar-riċerka kemm permezz tas-sistema Cordis kif ukoll billi tħeġġeġ lix-xjenzjati jirreġistraw ir-riċerka tagħhom f'repożitorju;
52. Jenfasizza li l-aċċess tal-benefiċjarji għal proġetti fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni jeħtieġ kapaċità teknika kbira u għarfien tajjeb tal-proċeduri amministrattivi u finanzjarji u, għalhekk, dan l-aċċess huwa diffiċli immens għal applikanti żgħar bħall-SMEs u l-istituti ta' riċerka żgħar li jinstabu f'reġjuni periferiċi; ifakkar li daqs 90% tan-negozji fl-Ewropa huma SMEs u li hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa u totali tal-SMEs fl-użu tar-riżorsi tas-Seba' Programm Qafas;
53. Jenfasizza l-bżonn ta' aktar trasparenza fir-rigward tal-proċess tal-għażla tat-tema għal sejħiet li għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti;
54. Jirrakkomanda l-ħolqien ta' reviżjoni orizzontali aktar trasparenti, koerenti u armonizzata li tkun ibbażata fuq il-mertu;
Sinerġiji tal-programmi u l-istrumenti
55. Iħeġġeġ biex tonqos il-kumplessità tal-programmi tal-UE (pereżempju, l-FP, is-CIP, il-Fondi Strutturali) u l-istrumenti assoċjati (il-JTI, l-inizjattivi tal-Artikolu 187, il-PPP, il-proġetti tal-Artikolu 185, il-KIC, l-Era-NET, eċċ); jenfasizza li dan iwassal għall-isfruttament sħiħ tas-sinerġiji li joħorġu mill-azzjoni kkombinata tagħhom;
56. Jiddeplora l-multiplikazzjoni estrema tal-entitajiet ta' riċerka, tal-mudelli ta' koperazzjoni u tal-mekkaniżmi ta' ġestjoni, kif ukoll il-kumplessità li tirriżulta u li toħloq problemi ta' trasparenza fir-rigward tal-awtorità baġitarja u d-differenza fit-trattament tal-benefiċjarji;
57. Jirrakkomanda sett iżgħar ta' regoli u prinċipji komuni fir-rigward tal-finanzjament li jirregola l-finanzjament għar-Riċerka u l-Iżvilupp min-naħa tal-UE u jitlob għall-koerenza u l-armonizzazzjoni fl-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli u l-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li dan is-sett ta' regoli komuni jiġi applikat fil-Programm Qafas kollu u fl-istrumenti assoċjati kif ukoll fil-Kummissjoni, hi min hi l-entità jew l-aġenzija eżekuttiva inkarigata mill-implimentazzjoni;
58. Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jipprovdu gwida komuni fil-Kummissjoni, u li jibda t-taħriġ għall-uffiċjali tal-proġetti u għall-awdituri interni; iħeġġeġ il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' appell bħall-“medjatur tal-Programm Qafas” għall-parteċipanti fil-każijiet ta' interpretazzjoni inkoerenti u inkonsistenti tar-regoli u l-proċeduri; jemmen li d-deċiżjonijiet li jittieħdu minn dan il-medjatur għandhom ikunu finali u vinkolanti;
59. Hu tal-fehma li l-innovazzjoni tista' titrawwem bl-aħjar mod fil-livell reġjonali, minħabba l-viċinanza bejn l-universitajiet, l-organiżmi pubbliċi tar-riċerka, l-intrapriżi l-kbar, l-SMEs u l-awtoritajiet pubbliċi lokali, pereżempju fi ħdan gruppamenti żgħar; jinnota wkoll li t-trawwim tal-innovazzjoni fil-livell reġjonali jista' jgħin fit-tnaqqis tan-nuqqas ta' parità soċjali u reġjonali; jinkoraġġixxi, madankollu, il-livelli differenti (reġjonali, nazzjonali u Komunitarji) biex jikkoordinaw aħjar l-isforzi tagħhom fil-qafas ta' programmazzjoni fil-livell Ewropew tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' konnessjonijiet aħjar bejn l-akkademja u l-industrija;
Lezzjonijiet li għandhom jittieħdu għat-Tmien Programm Qafas li jmiss
60. Jemmen li reviżjoni mill-qiegħ tal-amministrazzjoni tal-Programm Qafas hija waħda mill-akbar prijoritajiet li għandhom jiġu indirizzati fit-tfassil tal-Programm Qafas li jmiss;
61. Iqis li r-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-implimentazzjoni ta' TRE speċifikament għar-riċerka għandu jkollha rwol ewlieni fir-ristrutturar tal-qafas ta' finanzjament għar-riċerka u biex isir aktar progress fis-simplifikazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka;
62. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja ta' kull strument individwali, f'kull programm, biex jinkisbu għanijiet ta' politika speċifiċi u jitlob biex titnaqqas id-diversità tal-istrumenti kull meta l-effikaċja jew il-kontribut distint ma jintwerewx b'mod ċar, filwaqt li tinżamm biżżejjed flessibilità biex takkomoda l-ispeċifiċitajiet tal-proġetti;
63. Jappoġġa sistema ta' finanzjament b'bażi xjentifika u diviżjoni bbilanċjata tajjeb bejn ir-riċerka minn fuq għal isfel immexxija mill-impatt u r-riċerka minn isfel għal fuq immexxija mix-xjenza bħala l-bażi għat-Tmien Programm Qafas;
64. Jemmen li t-Tmien Programm Qafas għandu jiffoka fuq ir-riċerka fil-fruntieri tal-għarfien filwaqt li jqis il-katina sħiħa tal-innovazzjoni permezz tar-riċerka konfinali, l-iżvilupp teknoloġiku, id-dimostrazzjoni, id-disseminazzjoni, il-valorizzazzjoni tar-riżultati u l-integrazzjoni mgħaġġla tar-riżultati tar-riċerka fis-swieq;
65. Jemmen li t-Tmien Programm Qafas għandu jħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi Ewropej billi jintroduċi skema ta' vawċers ta' riċerka bi flus għar-riċerka filwaqt li jsegwi r-riċerkaturi li jiċċaqilqu f'universitajiet fl-Istati Membri, jikkontribwixxi għaċ-ċentri ta' eċċellenza, għall-universitajiet indipendenti u għal aktar mobilità fost ir-riċerkaturi;
66. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika analiżi tal-livelli ta' parteċipazzjoni tal-Istati Membri differenti fis-Seba' Programm Qafas u tqis il-konklużjonijiet biex tiżgura żvilupp ibbilanċat tar-riċerka fl-Istati Membri fit-Tmien Programm Qafas;
67. Jemmen li fl-iffissar tal-prijoritajiet għat-Tmien Programm Qafas għandha tingħata kunsiderazzjoni fir-rigward ta' finanzjament alternattiv li ma jkunx ibbażat fuq l-għotjiet għall-innovazzjoni, inklużi l-impriżi bejn il-pubbliku u l-privat u l-investimenti b'self ta' kapital;
68. Jirrakkomanda t-titjib fl-internazzjonalizzazzjoni tat-Tmien Programm Qafas permezz tal-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi, fosthom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jiġu pprovduti b'regoli amministrattivi sempliċi u speċifiċi; jinkoraġġixxi, bi tħejjija għat-Tmien Programm Qafas li jmiss, l-iskambju tal-aqwa prattiki u standards mas-sħab internazzjonali l-oħrajn kollha;
69. Jappoġġa r-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan meta jkun meħtieġ finanzjament minn awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali;
70. Jilqa' t-twaqqif tas-sottogrupp tal-innovazzjoni tal-Kummissjoni, u d-diskussjonijiet tiegħu dwar kif jitkejlu l-effikaċja tal-politika ta' riċerka u żvilupp tal-UE u l-infiq relatat mal-proġetti ta' riċerka u żvilupp;
o o o
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.