Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2010 dwar il-kriżi fis-settur tal-bhejjem tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-futur tal-Politika Agrikola Komuni wara l-2013(1),
– wara l-kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar dħul ġust għall-bdiewa: Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar evalwazzjoni u bilanċ tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Benessri tal-Annimali 2006-2010(3),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-vijabilità ta' ħafna impriżi tat-trobbija tal-bhejjem tal-UE qiegħda tiġi mhedda serjament fil-preżent minn kombinazzjoni ta' fatturi, li jinkludu:
–
l-ispejjeż dejjem jogħlew tal-mezzi tal-produzzjoni, bħalma huma l-fjuwil u l-fertilizzanti,
–
l-ispiża għolja biex dak li jkun iżomm konformi mar-regolamenti tal-UE,
–
il-kompetizzjoni akbar mill-prodotti importati minn pajjiżi terzi,
–
dipendenza minn pajjiżi terzi għall-materjal tal-għalf,
–
iż-żieda qawwija riċenti fil-prezzijiet taċ-ċereali, dovuta partikolarment għal kondizzjonijiet klimatiċi imprevisti u l-impatt negattiv tal-ispekulazzjoni u l-volatilità tal-prezzijiet,
–
il-prezzijiet baxxi li qed jirċievu l-bdiewa għall-prodotti tal-laħam,
B. billi l-produtturi Ewropej iridu jikkonformaw mar-regolamenti l-aktar stretti fid-dinja f'dawk li huma s-sikurezza u l-kwalità tal-ikel, l-ambjent, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; billi biex jiġu rrispettati dawn l-istandards estremament għolja tiġi involuta żieda sinifikanti mal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Ewropej, li tħallihom fi żvantaġġ fil-kompetizzjoni fil-konfront tal-produtturi ta' pajjiżi terzi,
C. billi l-kriżi attwali fis-settur tal-bhejjem tista' twassal għal tnaqqis sinifikanti fil-produzzjoni tal-laħam fl-Unjoni Ewropea kollha, li jkollu konsegwenzi serji, mhux biss għall-prezzijiet imma anke għas-sigurtà tal-ikel fl-UE, u se jirriżulta f'dipendenza akbar fuq l-importazzjonijiet,
D. billi l-Unjoni Ewropea hija dipendenti ħafna fuq iż-żerriegħa tas-sojja u l-qamħirrum importati minn pajjiżi terzi, u billi kwalunkwe interruzzjoni tal-provvista ta' dawn il-prodotti minħabba l-preżenza żgħira ħafna ta' OMĠ mhux awtorizzati għandha impatt għali ħafna għall-industrija tal-għalf Ewropea u għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem (pereżempju, EUR 1 biljun jekk ix-xkiel idum sitt xhur),
E. billi l-prodotti importati minn pajjiżi terzi qed jiksbu ishma tas-suq fl-Unjoni Ewropea u qed ikomplu jqiegħdu aktar pressjoni fuq il-prezzijiet tas-suq għall-prodotti tal-bhejjem,
F. billi d-domanda dinjija għal-laħam u prodotti oħra tal-bhejjem se tikbed fl-għaxriet ta' snin li ġejjen, minħabba kombinazzjoni tal-fatt li l-popolazzjoni tad-dinja qiegħda tikber u l-fatt li s-setgħa tax-xiri fil-pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw qiegħda tiżdied, li jwassal biex dawn il-pajjiżi jadottaw dieta bħal dik tal-pajjiżi tal-punent,
G. billi l-investimenti ta' skala kbira li huma meħtieġa fis-settur tal-bhejjem jagħmluh partikolarment vulnerabbli għall-kriżijiet tas-swieq,
H. billi, f'ċerti Stati Membri ġodda huma ftit ħafna l-bdiewa fis-settur tal-bhejjem li bbenefikaw minn ħlasijiet diretti u għalhekk kellhom diffikultajiet akbar biex jikkonformaw mal-istandards Ewropej stretti li jirrikjedu investiment għoli,
I. billi s-settur tal-majjal u dak tat-tjur ma jirċievu l-ebda appoġġ dirett mill-PAK, m'għandhom l-ebda xibka ta' sikurezza biex ittaffi l-impatt tal-volatilità tas-swieq u jridu jikkonformaw mar-regolamenti tal-UE l-aktar stretti fir-rigward tal-ambjent u l-benessri tal-annimali,
J. billi d-distakk bejn il-prezzijiet imħallsin mill-konsumaturi u l-prezzijiet li jirċievu l-produtturi kiber notevolment,
K. billi l-produtturi primarji qed jingħafsu bejn proċessaturi u bejjiegħa bl-imnut multinazzjonali kbar, li jixtru l-prodott tagħhom, u kumpaniji tal-provvista multinazzjonali kbar, li jipprovdulhom il-mezzi tal-produzzjoni,
L. billi l-impriżi tat-trobbija tal-bhejjem żgħar fl-UE huma marbuta b'mod li ma jinħallx mal-ekonomiji tal-inħawi rurali tal-Ewropa u jġibu benefiċċji ambjentali sinifikanti, u billi ħafna minnhom jinsabu f'inħawi anqas vantaġġati u fejn m'hemm l-ebda alternattivi vijabbli ta' produzzjoni,
M. billi l-qagħda fis-suq taċ-ċanga hi marbuta mill-qrib mal-iżviluppi fis-settur tal-ħalib, peress li 60% tal-produzzjoni ta' laħam aħmar tal-UE tiġi mill-baqar tal-ħalib,
N. billi s-settur tal-ħalib tal-UE ilu jiffaċċja volatilità estrema tas-suq mill-2007, sitwazzjoni li kellha effetti detrimentali fuq id-dħul tal-bdiewa li jipproduċu l-ħalib u fuq l-abbiltà tagħhom li b'mod sostenibbli jipproduċu ikel ta' kwalità għall-konsumaturi Ewropej,
O. billi d-data tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-katina tal-provvista tal-ikel turi li hemm bżonn ta' aktar trasparenza u aktar tagħrif relatati mal-produzzjoni u l-iżviluppi tas-swieq,
1. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-PAK ta' wara l-2013 tkun iffinanzjata b'mod xieraq, bil-għan li tiġi ggarantita l-vijabilità tal-bdiewa kollha tal-UE, inklużi l-bdiewa li jrabbu l-bhejjem; jisħaq, f'dan il-kuntest, li trid tiġi ggarantita kompetizzjoni ġusta bejn il-bdiewa fl-Istati Membri;
2. Jistieden lil Kummissjoni biex b'urġenza ddaħħal mekkaniżmi effiċjenti u flessibbli tas-suq fis-settur tal-bhejjem u tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jiġi limitat, fis-settur agrikolu kollu kemm hu, l-impatt tal-volatilità tal-prezzijiet u l-ispekulazzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu tal-mekkaniżmi tas-suq disponibbli biex ittaffi l-kriżi li għaddejja bħalissa fis-settur tal-laħam tal-majjal u f'setturi oħra tal-bhejjem;
4. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrilaxxa 2,8 miljun tunnellata ċereali li bħalissa hemm maħżuna bħala intervent sa tmiem Novembru, permezz ta' proċess tat-tfigħ tal-offerti;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi għodod tas-suq li jiggarantixxu provvista xierqa ta' ċereali għall-għalf tal-annimali; jemmen li għandha tiġi applikata xibka ta' sikurezza fis-setturi taċ-ċereali kollha, bi prezz minimu ta' intervent għas-sistema tat-tfigħ tal-offerti;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tiġġieled kontra l-eċċessi tal-ispekulazzjoni fuq is-swieq Komunitarji kif ukoll fuq is-suq dinji, b'mod partikolari fil-qafas tad-Direttiva l-ġdida dwar l-Istrumenti Finanzjarji;
7. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi flessibbli tas-suq li jagħmluha possibbli għall-Unjoni li tirreaġixxi aktar malajr għal sitwazzjonijiet kritiċi fi ħdan l-organizzazzjoni komuni tas-suq (OKS) unika (Artikolu 186);
8. Jappoġġja, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-introduzzjoni ta' pjan fil-qasam tal-proteini għall-Unjoni Ewropea li jkun jippromwoxi l-kultivazzjoni ta' uċuħ proteiċi u leguminużi, li jistgħu jwettqu rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;
9. Jesprimi tħassib serju dwar il-konsolidazzjoni li seħħet dan l-aħħar fis-suq tal-fertilizzanti li wasslet għal sitwazzjoni f'ħafna swieq nazzjonali fejn effettivament hemm fornitur wieħed biss u m'hemm l-ebda kompetizzjoni; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jinvestigaw u jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jipprevjenu l-iffissar tal-prezzijiet u l-abbużi tal-pożizzjonijiet dominanti;
10. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura, fil-kuntest ta' konsolidazzjoni akbar, li fis-settur tal-mezzi tal-produzzjoni, inklużi l-fertilizzanti, ikun jeżisti suq ħieles, ladarba l-enerġiji u l-fertilizzanti huma essenzjali għall-produzzjoni agrikola u s-sigurtà tal-ikel;
11. Jitlob lill-Kummissjoni tqis, bħala parti mir-riforma li jmiss tal-PAK, il-vulnerabilità speċjali ta' ċerti setturi tal-bhejjem – pereżempju, il-produzzjoni taċ-ċanga mrobbija fuq il-ħaxix fil-mergħat – u l-kundizzjonijiet inġusti li taħthom qed jikkompetu ma' pajjiżi terzi;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra, bħala parti mir-riforma li jmiss tal-PAK, miżuri speċifiċi biex issir il-prevenzjoni ta' telfiet serji tal-appoġġ tal-UE għall-bdiewa li jrabbu l-bhejjem li jużaw metodi ta' produzzjoni sostenibbli;
13. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-miżuri biex jingħata appoġġ lis-settur tal-bhejjem fl-inħawi anqas vantaġġati;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tfittex b'mod attiv li tissimplifika u tnaqqas il-piż burokratiku impost fuq il-bdiewa fis-settur tal-bhejjem;
15. Iqis li hemm il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkun ipprovduta għodda biex tipprevedi x-xejriet tas-swieq dinjija;
16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-ispejjeż għolja tal-konformità mal- leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, speċjalment peress li dawn l-ispejjeż m'humiex riflessi fil-prezzijiet tal-bejgħ; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti importati minn pajjiżi terzi jikkonformaw mal-istandards tal-UE tal-benessri tal-annimali, bil-għan li tiġi pprevenuta l-kompetizzjoni inġusta; jisħaq li fis-snin li ġejjin is-settur tal-laħam tal-majjal u dak tat-tjur se jkollhom jikkonformaw ma' rekwiżiti jerġa' aktar stretti, mingħajr ebda appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ekonomiku tal-introduzzjoni ta' regoli ġodda dwar il-benessri tal-annimali, u jenfasizza li qabel ma tiġi abbozzata xi leġiżlazzjoni ġdida, ir-regoli eżistenti – kemm jekk ġenerali u kemm jekk speċifiċi – għandhom jiġu infurzati kif jixraq;
18. Jikkunsidra li l-produtturi primarji qed jiġu “magħfusa” bejn il-prezzijiet għoljin tal-mezzi tal-produzzjoni u l-prezzijiet baxxi għall-konsumatur, minħabba l-pożizzjonijiet b'saħħithom tal-proċessaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-kumpanijiet tal-mezzi tal-produzzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel, u għaldaqstant ma jistgħux jibbenefikaw kompletament minn prezzijiet ta' produzzjoni aktar għoljin;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi kollha tal-bhejjem, bil-għan li jkunu kapaċi jinnegozjaw prezzijiet aħjar għall-prodotti tagħhom filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni;
20. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-azzjonijiet li tieħu dwar il-kummerċ u l-agrikoltura ma jkunux f'konflitt bejniethom u tirrikonoxxi li hemm bżonn ta' sett bilanċjat ta' objettivi li jiżgura l-progress fil-kummerċ filwaqt li jipprovdi lis-settur tal-bhejjem Ewropew futur sostenibbli;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja kompletament l-interessi tal-produtturi Ewropej fin-negozjati kummerċjali bilaterali mal-Mercosur u ma' pajjiż terzi oħra, billi tevita kwalunkwe konċessjonijiet li jistgħu jqiegħdu l-produzzjoni tal-bhejjem tal-UE fir-riskju;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi ċertezza legali għall-importazzjonijiet tas-sojja u tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi bl-introduzzjoni ta' limitu prammatiku għall-preżenza aċċidentali ta' OMĠ li għadhom mhumiex awtorizzati fl-Unjoni Ewropea imma li qed jiġu kkunsidrati b'mod xjentifiku;
23. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-projbizzjoni attwali ta' għalf midħun mil-laħam u l-għadam għal annimali li ma jixtarrux u biex tevalwa l-possibilità li jitneħħew ir-restrizzjonijiet taħt kundizzjonijiet li jiżguraw livell għoli ta' sikurezza tal-ikel;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.