Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2010 dwar proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Olanda) (COM(2010)0518 – C7-0311/2010 – 2010/2227(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0518 – C7-0311/2010),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1)(Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006) u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2) (ir-Regolament FEAG),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0323/2010),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali globali u biex jgħinuhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-għan tal-FEAG twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika,
C. billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ġew issensjati għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEAG,
D. billi r-Renju tal-Olanda talab l-għajnuna fir-rigward ta' każijiet li jikkonċernaw 129 sensja f'9 intrapriżi li joperaw fit-Taqsima 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (stampar u riproduzzjoni tal-media rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta' Limburg;
E. billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament FEAG,
1. Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;
2. Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jassiguraw proċedura rapida u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEAG, jipprovdu appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien speċifiku biex jgħin lill-ħaddiema li batew minn sensji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza s-sehem li l-FEAG jista' jkollu fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja;
3. Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-FEAG, għandu jkun żgurat li l-FEAG jappoġġa r-reintegrazzjoni f'impjieg ta' ħaddiema individwali li ngħataw is-sensja; itenni li l-għajnuna mill-FEAG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehim kollettiv, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;
4. Jinnota li l-informazzjoni pprovduta fuq il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEAG tinkludi tagħrif dettaljat dwar il-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppreżentata evalwazzjoni komparattiva ta' din id-data anki fir-rapporti annwali tiegħu, inkluż evalwazzjoni tal-effetti li dawn is-servizzi temporanji u personalizzati għandhom fuq l-integrazzjoni mill-ġdid fuq medda twila ta' żmien fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema ssensjati;
5. Jilqa' l-fatt li, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEAG, ġie propost mill-Kummissjoni sors alternattiv ta' approprjazzjonijiet għall-ħlas tal-Fond Soċjali Ewropew li ma ntużawx, wara t-tfakkiriet frekwenti mill-Parlament Ewropew li l-FEAG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li linji baġitarji xierqa għat-trasferimenti għandhom għalhekk jiġu identifikati;
6. Jinnota li, sabiex jiġi mmobilizzat il-FEAG għal dan il-każ, l-approprjazzjonijiet għall-ħlas se jiġu trasferiti minn linja baġitarja maħsuba għall-appoġġ tal-SMEs u l-innovazzjoni; jiddispjaċih dwar in-nuqqasijiet kbar tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-programmi dwar il-kompetittività u l-innovazzjoni, partikolarment matul kriżi ekonomika li għandha żżid b'mod sinifikanti l-bżonn ta' appoġġ bħal dan;
7. Ifakkar li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEAG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u ta' strumenti varji oħra maħluqa mill-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 fi ħdan il-proċess ta' eżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali 2007-2013;
8. Jilqa' l-format il-ġdid tal-proposta tal-Kummissjoni, li tippreżenta fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha informazzjoni ċara u dettaljata dwar l-applikazzjoni, flimkien ma' analiżi tal-kriterji ta' eliġibilità u tispjega r-raġunijiet li wasslu għall-approvazzjoni tagħha, li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament;
9. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2009/028 NL/Limburg Diviżjoni 18 mill-Olanda)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina finanzjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda(1), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u sabiex jagħtihom għajnuna biex ikunu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.
(2) L-ambitu tal-FEAG twessa' għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali.
(3) Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEAG taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(4) Fit-30 ta' Diċembru 2009, ir-Renju tal-Olanda ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEAG, fir-rigward ta' sensji f'disa' intrapriżi li joperaw fit-Taqsima 18 tar-Reviżjoni 2 tan-NACE (l-istampar u r-riproduzzjoni ta' media rrekordjata) fir-reġjun NUTS II ta' Limburg (NL42) u ssupplimentaha b'tagħrif addizzjonali sas-6 ta' Mejju 2010. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni għalhekk ressqet proposta biex tuża l-ammont ta' EUR 549 946.
(5) Il-FEAG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni mressqa mill-Pajjiż l-Baxxi.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2010, għandha tiġi mobilizzata somma ta' EUR 549 946 f' approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas taħt l-intestatura tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.