Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2010/2764(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0616/2010

Testi mressqa :

B7-0616/2010

Dibattiti :

PV 24/11/2010 - 14
CRE 24/11/2010 - 14

Votazzjonijiet :

PV 25/11/2010 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0442

Testi adottati
PDF 375kWORD 124k
Il-Ħamis, 25 ta' Novembru 2010 - Strasburgu
Tħejjijiet għall-konferenza dwar il-klima f'Cancun (29 ta' Novembru - 10 ta' Diċembru 2010)
P7_TA(2010)0442B7-0616/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima li saret f'Cancun (COP16)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto għall-UNFCCC,

–  wara li kkunsidra l-15-il Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-UNFCCC u l-ħames Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP5) li saret f'Kopenħagen, id-Danimarka, mis-7 sat-18 ta' Diċembru 2009, u l-Ftehim ta' Kopenħagen,

–  wara li kkunsidra s-16-il Konferenza tal-Partijiet (COP16) għall-UNFCCC u s-sitt Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kjoto (COP/MOP6) li saret f'Cancun, il-Messiku, mid-29 ta' Novembru sal-10 ta' Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra l-pakketti tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni COM(2010)0265 tal-Kummissjoni li ppreżentat analiżi tal-alternattivi biex isir progress lil hinn mit-tnaqqis ta' 20 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-valutazzjoni tar-riskju ta' rilaxx tal-karbonju u l-Komunikazzjoni COM(2010)0086 tal-Kummissjoni dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra ġewwa l-Komunità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' Diċembru 2005 mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: “Il-Kunsens Ewropew”, u b'mod partikolari, il-punti 22, 38, 75, 76 u 105 tiegħu(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tas-17 ta' Novembru 2009 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2010 dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u l-kunċett ta' “Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp u iktar”(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li fasslet l-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju (MDGs) bħala għanijiet stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali biex jinqered il-faqar,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u partikolarment dawk tal-4 ta' Frar 2009 dwar “l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum - Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima(4)” u tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-eżitu tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima (COP15)(5),

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali .... mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel imressqa skont l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-evidenza xjentifika dwar it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu ma tħallix dubji, u dan il-fatt ifisser li huwa imperattiv li tittieħed azzjoni b'ħeffa, ikkoordinata u ambizzjuża fuq livell internazzjonali sabiex tiġi ttrattata din l-isfida globali,

B.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma dawk li l-inqas li kkontribwixxew għat-tibdil fil-klima iżda huma dawk li qed jiffaċċaw l-aktar konsegwenzi serji; u billi t-tibdil fil-klima qed ipoġġi fil-periklu l-investiment internazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar, u għaldaqstant qed jhedded il-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

C.  billi issa jenħtieġ li terġa' tiġġedded il-fiduċja fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima wara l-eżitu deludenti tal-konferenza dwar il-klima li saret f'Kopenħagen,

D.  billi l-pajjiżi żviluppati, emerġenti u dawk li għadhom qed jiżviluppaw, li jirrappreżentaw aktar minn 80% tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra, diġà għamlu wegħdiet li jnaqqsu l-emissjonijiet skont il-Ftehim ta' Kopenħagen,

E.  billi dawn l-impenji u l-wegħdiet mhumiex se jkunu biżżejjed biex jissodisfaw l-għan ġenerali li ż-żieda globali fit-temperatura medja annwali tal-wiċċ tal-art tiġi limitata għal 2°C (“l-objettiv ta' 2°C”),

F.  billi dawn il-wegħdiet ma sarux skont sistema li fiha hemm integrati miżuri legali għall-infurzar tal-konformità jew “kejl, rappurtaġġ jew verifika” suffiċjenti,

G.  billi jekk ma jintlaħaqx l-objettiv taż-2ºC il-prezz ambjentali u ekonomiku se jkun kbir; billi, fost l-oħrajn, sa 40% tal-ispeċijiet se jħabbtu wiċċhom mal-estinzjoni, miljuni ta' nies se jkollhom iħallu djarhom minħabba livelli ogħla tal-baħar u se jkun hemm kundizzjonijiet meteoroloġiċi estremi aktar spissi, l-għelejjel jonqsu, il-prezzijiet tal-ikel jiżdiedu u l-produzzjoni ekonomika globali tonqos b'tal-anqas 3%,

H.  billi rapport uffiċjali(6) eskluda lill-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) minn żbalji li setgħu jdgħajfu l-konklużjoni ewlenija fir-rapport tal-2007 dwar l-impatti possibbli reġjonali futuri tat-tibdil fil-klima,

I.  billi skont l-IPCC huwa stmat li 20% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra jirriżultaw mid-deforestazzjoni u forom oħra ta' tibdil tal-użu tal-art,

J.  billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE għandu jkun li tikkjarifika li tinħtieġ trasformazzjoni globali fit-teknoloġija u fil-kooperazzjoni teknoloġika biex ikun jista' jitħaffef il-pass tal-innovazzjoni u tiżdied l-iskala ta' dimostrazzjoni u ta' tħaddim b'mod li l-pajjiżi kollha jkollhom aċċess għal teknoloġiji sostenibbli bi prezzijiet aċċessibbli, li jiggarantixxu wkoll livell ta' għajxien ogħla għal parti akbar tal-popolazzjoni tad-dinja,

K.  filwaqt li jqis l-enfażi li s-sħab internazzjonali tal-UE fir-rigward tal-klima jagħmlu fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fuq id-diffikultajiet li jiġu stabbiliti objettivi internazzjonali ta' emissjonijiet, u l-vantaġġi ekonomiċi tal-objettivi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija,

Għan ġenerali tal-COP16 u l-pożizzjoni tal-UE

1.  Jistieden lill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet madwar id-dinja biex juru tmexxija politika u rieda reali waqt in-negozjati u jagħtu lil din il-kwistjoni l-ogħla prijorità; jiddeplora l-fatt li sal-lum ma kienx hemm aktar progress fit-tħejjijiet għal Cancun;

2.  Jenfasizza li f'Cancun għandu jintlaħaq qbil dwar it-teħid ta' passi konsiderevoli li jibdew iwittu t-triq għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali u globali ta' wara l-2012, li għandu jiġi ffirmat fl-Afrika t'Isfel fl-2011, li għandu jkun konformi mal-aħħar żviluppi fix-xjenza u konsistenti mal-objettiv ta' 2°C;

3.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex terġa' tieħu r-riedni fin-negozjati dwar il-klima u biex tikkontribwixxi b'mod attiv sabiex il-konferenza ta' Cancun dwar il-klima tkun aktar kostruttiva u trasparenti; għalhekk, iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex isolvu d-diverġenzi dwar l-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) u l-unitajiet ta' ammont assenjat (AAUs), biex jitkellmu b'leħen wieħed u livell għoli ta' ambizzjoni fin-negozjati tal-COP 16 u biex itejbu l-proċedura interna tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom ħalli jkunu jistgħu jirreaġixxu iżjed malajr dwar żviluppi matul in-negozjati, jaġixxu b'mod aktar strateġiku u jittrattaw iżjed fil-pront il-ħtiġijiet tal-pajjiżi terzi;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjoni u tal-għoti ta' informazzjoni dwar l-istat attwali tan-negozjati, speċjalment matul l-aħħar fażi tal-laqgħat ta' livell għoli tal-COP 16 u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tagħti lin-negozjatur ewlieni tagħha ċerta flessibilità biex ikun jista' jirreaġixxi għall-iżviluppi;

5.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tikkonferma, pubblikament u b'mod inekwivokabbli, l-impenn qawwi tagħha favur il-Protokoll ta' Kjoto u biex tilqa' b'sodisfazzjon, filwaqt li tippromwovi attivament u b'mod kostruttiv, it-tkomplija tal-ħidma fi ħdan il-binarji tan-negozjati AWG-PK u AWG-LCA li jintegraw il-linji gwida politiċi tal-Ftehim ta' Kopenħagen; jistieden, għalhekk, lill-Unjoni Ewropea biex tiddikjara fil-miftuħ, qabel il-Konferenza ta' Cancun, li lesta tkompli bit-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto (2013-2020) abbażi tal-objettiv korrispondenti tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi li jenħtieġ li jsir progress komparabbli fiż-żewġ binarji sabiex titwitta t-triq għal ftehim internazzjonali ta' wara l-2012 li jkun tassew jilħaq l-objettiv ta' 2°C;

6.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiddefinixxu u jimplimentaw il-prinċipju tal-“ġustizzja tal-klima”; huwa għalhekk favur klawżola ta' ekwità fin-negozjati internazzjonali tal-ġejjieni dwar il-klima; jinsisti li l-akbar inġustizzja sseħħ jekk id-dinja ma tkunx kapaċit tillimita t-tibdil fil-klima minħabba li fuq kollox se jkunu n-nies foqra fil-pajjiżi fqar li se jsofru;

7.  Minħabba li l-bidla fil-klima għandha impatt differenti fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw, jissuġġerixxi li l-azzjoni u l-iffinanzjar tal-klima għandha tkun kwistjoni ta' prijorità fuq il-pajjiżi li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u li ma għandhomx il-kapaċità li jaffaċjawh;

8.  Filwaqt li jenfasizza l-urġenza gravi fin-negozjati dwar il-klima, jisħaq fuq l-importanza li f'Cancun jittieħdu deċiżjonijiet konsiderevoli fir-rigward tal-finanzjament (l-iskala, is-sorsi u l-governanza) u speċjalment il-grad ta' addizzjonalità fil-finanzjament tal-adattament, il-forestrija, l-effiċjenza tar-riżorsi, it-trasferiment tat-teknoloġija (filwaqt li jitħarsu l-prinċipji eżistenti dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali), il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika u l-importanza li tiġi garantita trasparenza totali u impenn politiku qawwi fl-implimentazzjoni tal-finanzjament ta' attivazzjoni rapida (fast-start);

9.  F'dak li għandu x'jaqsam mal-protokoll ta' Kjoto, jenfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim dwar ir-regoli dwar LULUCF, il-mekkaniżmu flessibbli u l-kopertura ta' setturi u gassijiet ġodda;

10.  Jirrikonoxxi li d-drittijiet ta' emissjonijiet żejda (AAUs) u l-użu tal-art, tal-bidla fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF) jistgħu jaffettwaw l-integrità ambjentali tal-Protokoll ta' Kjoto jekk ma jiġux indirizzati kif xieraq, u għaldaqstant jistieden lill-Partijiet l-oħra sabiex jistudjaw possibilitajiet oħra;

11.  Jitlob li f'Cancun jintlaħaq ftehim dwar regoli rigorużi dwar l-LULUCF li jsaħħu l-livell ta' ambizzjoni tal-Partijiet għall-Anness I, li jkunu mfassla biex iwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet mill-forestrija u mill-użu tal-art, li jeħtieġu li l-Partijiet għall-Anness I jiġġustifikaw kwalunkwe żidiet fl-emissjonijiet mill-LULUCF, u li jkunu konsistenti mal-impenji eżistenti tal-Partijiet li jipproteġu u jtejbu l-bjar u d-depożiti naturali tal-gassijiet b'effett ta' serra;

12.  Iqis li l-attivitajiet ġejjiena tal-UE fir-rigward tad-“diplomazija klimatika” għandhom jiffokaw fuq impenn politiku b'saħħtu ma' pajjiżi terzi, fuq politiki li jibnu mekkaniżmi effikaċi għall-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima kemm fi ħdan l-UNFCCC u kemm lil hinn minnha, u fuq il-kooperazzjoni fil-klima ma' pajjiżi terzi li tagħti appoġġ prattiku lill-iżvilupp b'karbonju baxx li jadatta wkoll għat-tibdil fil-klima fid-dinja kollha;

13.  Jenfasizza li l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-applikazzjoni tal-approċċ ekosistemiku jikkostitwixxu l-istrateġiji l-aktar effikaċi u kost-effettivi għat-trażżin tat-tibdil klimatiku u għall-adattament għalih; jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li r-risponsi ta' mitigazzjoni u ta' adattament ma jistgħux ikunu purament teknoloġiċi;

Impenji ta' tnaqqis

14.  Itenni li, skont l-evidenza xjentifika ppreżentata mill-IPCC, l-objettiv ta' 2°C jeħtieġ li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jilħqu l-quċċata sa mhux aktar tard mill-2015 u jitnaqqsu b'mill-anqas 50 % apparagun mal-livelli tal-1990 sal-2050 u li wara dawn ikomplu jonqsu;

15.  Iħeġġeġ lill-imsieħba internazzjonali kollha, inklużi l-Istati Uniti u ċ-Ċina, biex ifasslu impenji aktar ambizzjużi favur it-tnaqqis ta' emissjonijiet li jkunu msejsa fuq il-prinċipju “responsabbiltà komuni iżda differenzjata”, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-objettiv ta' 2°C;

16.  Itenni l-ħtieġa li jiġi adottat objettiv intern għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra għall-Unjoni Ewropea ta' 30% għall-2020 apparagun mal-livelli tal-1990, fl-interess tat-tkabbir ekonomiku ġejjieni tal-Unjoni Ewropea;

17.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-analiżi tagħha li juru liema miżuri huma meħtieġa biex jinkiseb l-objettiv ta' tnaqqis ta' 30%; jappoġġa l-idea espressa fil-komunikazzjoni li, indipendentement mill-eżitu tan-negozjati internazzjonali, huwa fl-interess tal-UE li ssegwi objettiv ta' tnaqqis tal-emissjonjiet ta' aktar minn 20% minħabba li, fl-istess ħin, dan ikun jippromwovi l-impjiegi ħodor, it-tkabbir u s-sigurtà;

18.  Ifakkar li, minħabba t-tnaqqis fl-emissjonijiet b'riżultat tar-reċessjoni, l-ispiża annwali biex jinkiseb tnaqqis ta' 20% sal-2020 niżel b'terz minn EUR 70 biljun għal EUR 48 biljun, u li l-ispiża ta' tnaqqis ta' 30% issa hija stmata li tkun EUR 11-il biljun iktar mit-tnaqqis oriġinali ta' 20%, jiġifieri spiża addizzjonali ta' anqas minn 0.1% tal-valur tal-ekonomija tal-UE;

19.  Jirrikonoxxi li l-ilħuq tal-objettiv ta' 2ºC se jkun biss possibbli kemm-il darba anke l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dawk l-aktar avvanzati fosthom, jirnexxilhom jiksbu b'mod kollettiv devjazzjoni sostanzjali u kwantifikabbli mir-rata taż-żieda mbassra bħalissa fl-emissjonijiet, billi sal-2020 inaqqsuhom bi 15-30% apparagun mal-livelli mbassra kieku ma jkunx hemm miżuri, u li dan ikun jeħtieġ appoġġ għall-iżvilupp ta' kapaċitajiet finanzjarji, tekniċi u teknoloġiċi mill-pajjiżi żviluppati; jirrikonoxxi li sabiex jintlaħqu objettivi għal żieda aktar baxxa fit-temperatura, jeħtieġ li jkun hemm livelli ogħla ta' appoġġ;

20.  Jenfasizza li n-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw se jkunu dawk li l-aktar se jintlaqtu mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u għalhekk huwa fl-interess vitali tagħhom li jikkontribwixxu lejn il-konklużjoni b'suċċess ta' ftehim internazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji ambizzjużi ħafna li għamlu xi pajjiżi li qed jiżviluppaw bħall-Kosta Rika u l-Maldivi, u xi pajjiżi emerġenti, bħall-Messiku u l-Brażil, u jiddeplora l-fatt li xi pajjiżi emerġenti oħra għadhom ma segwewx dan l-eżempju;

21.  Jinnota li, peress li ż-żoni urbani jipproduċu 75% tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-bliet huma quddiem nett fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima; għaldaqstant ifaħħar l-impenn mogħti mill-bliet Ewropej li ffirmaw il-Patt tas-Sindki; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-bliet li jiġġieldu t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi l-isforzi li qed isiru f'ħafna bliet Ewropej fir-rigward tat-trasport u l-mobilità; jenfasizza l-bżonn li nkomplu fuq l-istess triq fit-tiftix għal alternattivi li jirrispettaw aktar l-ambjent li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni komuni; filwaqt li titwettaq il-koordinazzjoni meħtieġa tal-isforzi magħmula fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali ta' governanza;

Finanzjament

22.  Ifakkar li fil-Ftehim ta' Kopenħagen il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom li jipprovdu riżorsi ġodda u supplementari li tal-anqas jammontaw għal USD 30 biljun fil-perjodu 2010-2012 u għal USD 100 biljun kull sena sal-2020, b'enfasi speċjali fuq il-pajjiżi vulnerabbli u dawk l-anqas żviluppati; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tiffaċilita t-twaqqif ta' Fond Aħdar għall-Klima billi tforni USD 100 biljun kull sena mill-2020;

23.  Ifakkar li l-kontribuzzjoni kollettiva tal-UE għall-isforzi ta' mitigazzjoni u l-bżonnijiet ta' adattament tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun addizzjonali u ma għandhiex tkun anqas minn EUR 30 000 miljun fis-sena sal-2020, ċifra li tista' tiżdied jekk ikompli jinkiseb għarfien ġdid dwar il-gravità tat-tibdil fil-klima u l-iskala tal-ispejjeż tagħha;

24.  Iqis li l-implimentazzjoni f'waqtha tal-finanzjament b'attivazzjoni rapida hija fattur ewlieni fil-bini ta' atmosfera ta' fiduċja qabel u waqt il-konferenza ta' Cancun; jenfasizza l-ħtieġa li s-EUR 7.2 biljun imwiegħda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha jkunu ġodda u supplementari għall-baġits tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) b'allokazzjoni bbilanċjata bejn l-adattament u l-mitigazzjoni, u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, ikkoordinata mid-DĠ għall-Azzjoni dwar il-Klima tal-Kummissjoni, biex tiżgura li jkun hemm trasparenza sħiħa fit-tressiq tar-rapporti koordinati dwar l-implimentazzjoni kemm matul il-konferenza ta' Cancun u kemm warajha fuq bażi annwali;

25.  Jenfasizza li l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-finanzi għandhom jinkludu linja bażi ġusta u komuni li apparagun magħha l-kontribuzzjonijiet jiġu magħduda bħala ġodda u addizzjonali; jirrakkomanda li l-linja bażi għandha tkun impenn fit-tul li tipprovdi 0.7% tad-Dħul Nazzjonali Gross (GNI) bħala ODA jew objettivi nazzjonali korrispondenti oħra meta dawn ikunu ogħla;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jonoraw l-impenji li għamlu u jiggarantixxu li r-riżorsi għall-adattament u l-mitigazzjoni jkunu apparti l-objettiv tal-ODA ta' 0.7% u jispeċifikaw kemm minn dawn l-impenji se jiġu minn fondi pubbliċi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu mobilitati riżorsi kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali mill-għejun kollha possibbli biex jagħtu kontribut għall-ilħuq ta' dan il-għan;

27.  Jinsisti li fil-qasam tal-finanzjament tal-mitigazzjoni u tal-adattament permezz ta' mekkaniżmi ġodda, il-prinċipji stabbiliti tal-politika ta' żvilupp, bħall-governanza tajba u l-parteċipazzjoni demokratika fit-teħid tad-deċiżjonijiet, għandhom jiġu rispettati u implimentati. jinsisti, barra minn hekk, li l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jagħtu prova li l-flus jintefqu fuq il-proġetti li jkunu ġew iddikjarati u approvati;

28.  Ifakkar li, biex jitjieb it-twassil tar-riżorsi finanzjarji u l-investiment, in-negozjaturi tal-COP16 għandhom iqisu l-approprjazzjoni mill-popolazzjoni lokali, l-użu effikaċi tar-riżorsi u l-massimizzazzjoni tal-impatt, filwaqt li jiżguraw ukoll li l-fondi jmorru għall-aktar pajjiżi u komunitajiet vulnerabbli;

Monitoraġġ, rappurtar u verifika

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kopenħagen dwar is-superviżjoni, ir-rappurtar u l-verifika u rigward il-konsultazzjonijiet u l-analiżi internazzjonali, u jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex taħdem mal-Partijiet kollha fuq linji gwida li jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet, li għandhom jiġu adottati f'Cancun;

30.  Jirrikonoxxi li l-kejl tas-suċċess apparenti li kisbet l-UE sa issa fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 jonqos milli jqis kif jixraq it-trasferiment tal-produzzjoni industrijali lejn postijiet li jinsabu “l barra mill-fruntieri tagħha, jinnota li t-tnaqqis reali fl-emissjonijiet tas-CO2 li jirriżultaw mill-konsum fl-UE jista” jkun konsiderevolment iżgħar miċ-ċifra suġġerita issa, u jemmen li din id-disparità għandha titqies kemm fl-iżvilupp ta' politika ġejjiena tal-UE u kemm fin-negozjati internazzjonali;

Kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u adattament

31.  Jenfasizza r-responsabilità storika li jġorru l-pajjiżi żviluppati fir-rigward tat-tibdil irriversibbli fil-klima, u jfakkar fl-obbligu li tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-pajjiżi l-inqas żviluppati biex ikunu jistgħu jadattaw għal dan it-tibdil, anke billi jipprovdu appoġġ finanzjarju għall-Programmi Nazzjonali ta' Azzjoni għall-Adattament (NAPAs) bħala strumenti importanti fl-adattament għat-tibdil fil-klima, li jippromwovu r-responsabilizzazzjoni;

32.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' adattament proattiv għall-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fir-reġjuni tad-dinja l-aktar milquta minn klima li qed tinbidel u b'mod speċjali biex jiġu protetti l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetajiet, għalhekk jitlob li jintlaħaq ftehim f'Cancun li jkun jinkludi impenji politiċi u finanzjarji qawwija li jgħinu lil dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jibnu l-kapaċitajiet;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda f'Kopenħagen dwar it-twaqqif ta' “Mekkaniżmu Teknoloġiku”; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu s-sħubiji tal-klima li għandhom bħalissa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex jidħlu fi sħubiji ġodda fejn dawn għadhom ma jeżistux, u jipprovdu appoġġ finanzjarju ikbar għall-iżvilupp u t-trasferiment teknoloġiku, għal ftehimiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u għall-bini tal-kapaċità istituzzjonali;

34.  Jenfasizza li l-prospettiva tal-iżvilupp hija ta' importanza vitali għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u għal dawk emerġenti; jirrikonoxxi li dan l-objettiv għandu jkollu rwol aktar prominenti fin-negozjati u jtenni l-impenn tal-UE li tappoġġa lill-pajjiżi inqas żviluppati fi triqithom lejn livell ogħla ta' għajxien; jenfasizza li huwa possibbli li jiġi żgurat livell ogħla ta' għajxien bl-għażla ta' soluzzjonijiet aktar sostenibbli;

35.  Jenfasizza li l-partijiet li mhumiex fl-Anness I ma jistgħux ikunu ttrattati bħala grupp wieħed minħabba li l-kapaċità tagħhom li jinvestu fil-mitigazzjoni u fl-adattament għat-tibdil fil-klima, kif ukoll il-kapaċitajiet tagħhom ta' aġġustament għat-tibdil fil-klima mhumiex l-istess; barra minn hekk jenfasizza li wħud minn dawn il-pajjiżi diġà huma fost l-iżjed pajjiżi li għandhom emissjonijiet sostanzjali tas-CO2 u li għandhom rata għolja ta' żieda fl-emissjonijiet tas-CO2;

36.  Jenfasizza li l-garanzija ta' koerenza fil-politika u l-integrazzjoni tal-ambjent fil-proġetti ta' żvilupp għandhom ikunu l-qofol ta' strateġija effikaċi tal-UE fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u l-adattament għaliha; b'mod partikolari, jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu stimolati strateġiji ta' żvilupp li jiffavorixxu ekonomiji aktar diversifikati u deċentralizzati; kontemporanjament jiddeplora bis-saħħa l-fatt li l-UE ftit li xejn għamlet progress fl-integrazzjoni tal-ambjent fl-attivitajiet tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u f'politiki settorjali oħra tal-UE;

37.  Ifakkar li kemm it-tibdil fl-użu tal-art kif ukoll l-agrikoltura huma responsabbli għal perċentwal sinifikanti tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE biex tippromwovi l-agrikoltura sostenibbli, speċjalment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs), peress li tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u biex jittaffa l-faqar, billi tiddiversifika l-introjtu tal-komunitajiet lokali;

38.  Jistieden lill-UE biex tappoġġa l-idea li l-Forum Internazzjonali tal-Popli Indiġeni jsir Parti fin-negozjati tal-COP16 minħabba li dawn il-popli huma partikolarment milquta mit-tibdil fil-klima u mill-mekkaniżmi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u l-adattament għaliha;

39.  Jenfasizza li azzjoni kollettiva dwar it-tibdil fil-klima trid tħaddan strutturi ta' governanza b'saħħithom u proċeduri li se jagħtu leħen aktar b'saħħtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant jistieden lill-UE tagħti kontribut għal arkitettura istituzzjonali inklussiva, trasparenti, ġusta u li tikkontempla rappreżentazzjoni bilanċjata bejn pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-entitajiet ta' tmexxija rilevanti;

REDD u deżertifikazzjoni

40.  Jenfasizza li l-bjar naturali tal-gass b'effett ta' serra, bħalma huma l-foresti, huma mezz effiċjenti biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, minħabba l-kapaċità tagħhom li jassorbu s-CO2, u jħeġġeġ lill-Partijiet biex jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-foresti u biex jiżviluppaw politika rigward il-forestazzjoni li għandha tiġi integrata fi ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;

41.  Iqis li għandhom jingħataw appoġġ finanzjarju sinifikanti u assistenza teknika u amministrattiva sabiex sa mhux iżjed tard mill-2020 titwaqqaf id-deforestazzjoni tropikali gross, u jtenni li l-finanzjament pubbliku huwa l-aktar għodda realistika fid-dawl ta' dak il-kalendarju; iħeġġeġ l-Unjoni Ewropea biex f'Cancun taħdem ħalli jittieħdu deċiżjonijiet konkreti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni (REDD), inklużi objettivi konkreti;

42.  Jistieden lill-UE biex b'mod attiv tappoġġa l-mekkaniżmu REDD+ sabiex jiġu identifikati aħjar il-muturi tad-deforestazzjoni u jkun żgurat l-involviment effikaċi tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali fil-monitoraġġ u fir-rappurtar; jistieden ukoll lill-UE biex tiżgura li r-REDD ikun jinkludi mekkaniżmi ta' salvagwardja jew kodiċi ta' kondotta li jiggarantixxi li d-drittijiet tal-popli li jgħixu fil-foresti ma jkunux miksura u li jitwaqqaf b'mod effiċjenti t-telf tal-foresti;

43.  Jappoġġa t-twaqqif ta' mekkaniżmu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni forestali u t-titjib fit-tneħħija b'mod naturali tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li jippromwovi l-konservazzjoni tal-bijodiversità; jappoġġa wkoll ir-rwol tal-konservazzjoni, tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tat-tisħiħ ta' ħażniet ta' karbonju tal-foresti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw (REDD+);

44.  Jiddeplora l-fatt li l-finanzjament tar-REDD huwa bbażat fuq definizzjoni daqstant wiesgħa ta' foresti li saħansitra tista' tinkludi pjantaġġuni ta' monokulturi ta' speċijiet mhux endemiċi; iqis li din id-definizzjoni tista' tipprovdi inċentiv pervers biex tiddevja l-finanzjament mill-protezzjoni tant meħtieġa tal-foresti antiki għall-pjantaġġuni kummerċjali ġodda;

45.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu fil-Korp Sussidjarju għall-Pariri Xjentifiċi u Teknoloġiċi kif ukoll f'fora internazzjonali oħra biex jistabbilixxu definizzjoni tan-NU ġdida tal-foresti li tkun ibbażata fuq il-bijoma, u li tkun tirrifletti d-differenzi wiesgħa li hemm fil-bijodiversità kif ukoll il-valuri tal-karbonju tal-bijomi differenti, filwaqt li tiddistingwi b'mod ċar bejn foresti nattivi u foresti ddominati mill-monokulturi tas-siġar u minn speċijiet mhux endemiċi;

46.  Huwa tal-fehma li s-sinerġiji bejn it-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio dwar il-Diversità Bijoloġika (CBD), it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u d-Deżertifikazzjoni (UNCCD) għandhom jiġu intensifikati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu sostenn attiv lill-idea li ssir laqgħa ta' livell għoli tat-tliet Konvenzjonijiet ta' Rio bħala parti mis-samit Rio+20 fl-2010;

47.  Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Lulju 2010 tirrikonoxxi l-aċċess għall-ilma tax-xorb bħala dritt tal-bniedem, u jitlob għal protezzjoni speċjali għall-ilma bħala element partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, li jista' jwassal għal tnaqqis fil-kwantità u fil-kwalità tal-ilma disponibbli, partikolarment tal-ilma tax-xorb;

Trasformazzjoni lejn ekonomija u industrija sostenibbli
48.Jenfasizza li ħafna pajjiżi qed jimxu b'pass mgħaġġel lejn ekonomija sostenibbli ġdida, minħabba diversi raġunijiet li jinkludu l-ħarsien tal-klima, l-iskarsezza u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-sigurtà enerġetika, l-innovazzjoni jew il-kompetittività; josserva l-kobor tal-pjanijiet tal-istimolu ekonomiku ddedikati lit-tranżizzjoni enerġetika f'pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina;

49.  Jitlob li jintlaħaq ftehim li jiżgura kundizzjonijiet internazzjonali ta' parità għall-industriji li jużaw il-karbonju b'mod intensiv; jenfasizza l-importanza li jintlaħaq ftehim internazzjonali vinkolanti rigward il-kompetittività tal-industrija tal-Istati Membri tal-UE; minħabba din ir-raġuni, jenfasizza l-importanza tal-pjan ta' azzjoni ta' Bali;

Ekonomija sostenibbli u kooperazzjoni teknoloġika

50.  Jemmen li indipendentement mill-progress li sar fin-negozjati internazzjonali, l-Unjoni Ewropea għandha b'mod urġenti tadotta l-politiki u l-istrumenti meħtieġa biex tippromwovi l-iżvilupp ta' ekonomija aktar sostenibbli li taħdem b'livelli baxxi ta' karbonju u tkun iżjed effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, sabiex ittaffi t-tibdil fil-klima, ittejjeb il-kwalità tal-arja u tal-ambjent, tgħolli l-istandards tas-saħħa, tippromwovi s-sigurtà fl-enerġija, toħloq impjiegi ġodda u tiżgura li l-Unjoni Ewropea ssir l-aktar ekonomija kompetittiva u sostenibbli f'dinja fejn l-investimenti qegħdin jimxu dejjem iżjed lejn teknoloġiji aktar nodfa;

51.  Jinnota li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali li għaliha ma hemmx soluzzjoni politika u teknoloġika unika, iżda li l-ġabra flimkien tal-opportunitajiet eżistenti u ż-żieda sostanzjali fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qed jiżviluppaw tikkontribwixxi għas-sejba ta' soluzzjoni għall-problema tar-riżorsi u t-tqassim, u tħejji t-triq għat-tielet rivoluzzjoni industrijali;

52.  Jenfasizza li l-ilħiq ta' ftehim jista' jipprovdi l-istimulu meħtieġ għal “Patt Ġdid Sostenibbli” li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku, jippromwovi t-teknoloġiji iżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini u t-trasport, sostenibbli f'sens ambjentali, inaqqas id-dipendenza mill-enerġija u jiżgura l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali u ekonomika kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-impenn li diġà sar mill-UE;

53.  Ifakkar fil-ftehim tal-G20 rigward il-politka dwar il-klima li jitneħħew bil-mod is-sussidji tal-fjuwils fossili, u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposti għal strateġija Ewropea għall-implimentazzjoni tiegħu bi skedi u b'mekkaniżmi ta' kumpens soċjali fejn ikun xieraq;

Riċerka u teknoloġija

54.  Huwa konvint li hemm bżonn issir trasformazzjoni globali fit-teknoloġija u fil-kooperazzjoni teknoloġika ħalli jkun garantit li l-pajjiżi kollha jkollhom aċċess għal teknoloġiji sostenibbli li jifilħu jħallsu għalihom; jinnota li kwalunkwe ftehim li jsir fil-ġejjieni għandu jipprovdi mekkaniżmi effikaċi li jirregolaw l-aċċess għal teknoloġiji nodfa;

55.  Iqis li huwa essenzjali li jkun hemm approċċ ġdid fir-rigward tal-koperazzjoni teknoloġika sabiex jitħaffu l-innovazzjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom, biex b'hekk kull pajjiż ikollu aċċess għal teknoloġiji ambjentali rħas;

56.  Jinnota li, hekk kif il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima titlob tnaqqis kemm tal-emissjonijiet kif ukoll tal-impronta ekoloġika ġenerali, l-innovazzjoni qiegħda tmexxi dan il-proċess ta' bidla meħtieġ; l-innovazzjoni għalhekk għandha tkun sostenibbli, ekoloġika, soċjali, ġusta u bi prezz raġonevoli;

57.  Jirrimarka li n-netwerk taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni fil-Klima, bħala parti minn dan il-mekkaniżmu, għandhom iservu ta' mezz utili biex jitħaffu l-iżvilupp teknoloġiku, il-kollaborazzjoni, it-tixrid u l-innovazzjoni;

58.  Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji innovattivi huma fatturi kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fl-istess ħin fl-isforzi biex nikkonvinċu lis-sħab tagħna madwar id-dinja li huwa fattibbli li jsir tnaqqis fl-emissjonijiet mingħajr telf fil-kompetittività u fl-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta modi differenti ta' kif jingħataw inċentivi ta' ġid għall-ambjent, pereżempju billi jiġu ppremjati l-impriżi l-aktar avvanzati; jitlob li jkun hemm impenn internazzjonali biex jiżdiedu l-investimenti fir-R&Ż f'teknoloġiji innovattivi fis-setturi rilevanti;

59.  Jinnota li l-istudji xjentifiċi li saru dan l-aħħar jappoġġaw il-fehma fundamentali li t-tisħin globali kkaġunat mill-bniedem għandu jkun ittrattat permezz tat-tnaqqis tal-gassijiet tas-CO2 u ta' gassijiet b'effett ta' serra oħrajn; jinnota li jinħtieġ isiru iżjed sforzi ta' riċerka fuq oqsma bħall-firxa u l-kalendarju taż-żidiet fit-temperatura, l-identifikazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima fil-livell reġjonali u lokali, u wkoll fuq l-impatt tal-użu tal-art, tal-karbonju iswed u tal-partiċelli fini, kif ukoll fuq miżuri ta' adattament korrispondenti;

60.  Jemmen li t-tibdil fil-klima huwa kwistjoni kumplessa ħafna li tinvolvi ħafna dixxiplini xjentifiċi, u li d-deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu f'dan il-qasam għandhom ikunu bbażati fuq argumenti xjentifiċi; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament Ewropew informat b'mod kontinwu dwar kull innovazzjoni jew żvilupp xjentifiku ġdid u sinifikanti;

61.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jenfasizza r-riċerka, l-innovazzjoni u l-użu tat-teknoloġija sabiex jirrifletti aħjar l-ambizzjonijiet li għandha l-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli;

Enerġija, effiċjenza enerġetika u effiċjenza tar-riżorsi

62.  Jirrimarka li huwa stmat li mad-dinja kollha għad hemm 2 biljun ruħ li għadhom bla aċċess għal enerġija sostenibbli li jifilħu jħallsu għaliha; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-faqar fl-enerġija b'mod koerenti mal-objettivi tal-politika dwar il-klima; jinnota li t-teknoloġiji enerġetiċi huma disponibbli, u li dawn jittrattaw kemm il-protezzjoni ambjentali globali u kemm l-eżiġenzi tal-iżvilupp lokali;

63.  Jiddeplora l-fatt li l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija mhuwiex ittrattat kif jixraq fuq livell internazzjonali u fl-UE b'mod partikolari; jinnota li l-iffrankar tal-enerġija u t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jiffrankaw ir-riżorsi, inaqqsu l-emissjonijiet, iżidu s-sigurtà enerġetika, joħolqu impjiegi ġodda u jġibu l-ekonomiji aktar kompetittivi; jistieden lill-UE tagħmel aktar enfasi fuq l-iffrankar tal-enerġija fin-negozjati internazzjonali;

64.  Jistieden lill-UE tagħmel aktar enfasi fuq l-iffrankar tal-enerġija fin-negozjati internazzjonali; f'dan il-kuntest, jinnota u jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-UE mhix miexja tajjeb biex tilħaq il-mira ta' 20% ffrankar tal-enerġija sa l-2020 li kienet ġiet stabbilita mill-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet, minħabba l-istrateġija mhux vinkolanti; jistieden għalhekk lill-UE biex tagħti eżempju tajjeb u lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal miżuri ġodda li jiżguraw li tintlaħaq din il-mira u li l-Ewropa ma tibqax lura fil-qasam tal-innovazzjonijiet fl-effiċjenza globali;

65.  Jenfasizza l-importanza li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tingħaqad mal-impenn li titnaqqas l-impronta ekoloġika kumplessiva tagħna, billi nistinkaw biex nippreservaw ir-riżorsi naturali, ġaladarba t-teknoloġiji ekoinnovattivi u l-għażliet alternattivi għall-enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju jiddependu minn riżorsi li huma skarsi;

Kummerċ internazzjonali

66.  Jenfasizza, b'referenza għall-Preambolu tal-Ftehim tad-WTO u l-Artikolu XX (b), (d) u (g) tal-GATT, li l-kummerċ internazzjonali ma għandux jirriżulta fl-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi naturali; jinsisti, b'konnessjoni man-negozjati tad-WTO u mal-ftehimiet kummerċjali bilaterali, li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, partikolarment fil-materja prima naturali, ma għandhiex tipperikola l-ġestjoni tar-riżorsi sostenibbli;

67.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għan tal-UE biex tagħti eżempju tajjeb billi tnaqqas l-ostakli, bħalma huma t-tariffi u l-imposti, fuq il-kummerċ fit-teknoloġiji “ħodor” u fuq prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima, u billi tippromwovi l-prodotti u s-servizzi ambjentali (EGS), f'dan ir-rigward, tiġbed l-attenzjoni lejn il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali u l-Fond Aħdar għall-Klima ta' Kopenħagen;

Suq globali tal-karbonju

68.  Jistieden lill-UE u lill-imsieħba tagħha jsibu, fil-futur immedjat, l-aktar mod effikaċi biex jippromwovu rabtiet bejn l-EU ETS u skemi oħra ta' skambji li jkollhom l-għan ta' suq globali tal-karbonju, li jiżguraw diversità ikbar fil-possibilitajiet ta' tnaqqis, titjib fil-likwidità u fid-daqs tas-suq, trasparenza u finalment l-allokazzjoni iktar effiċjenti tar-riżorsi;

69.  Jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe sforz bħal dan għandu jkun informat permezz tal-lezzjonijiet tal-kriżi finanzjarja riċenti u tan-nuqqasijiet tal-EU ETS, sabiex tinkiseb it-trasparenza, tiġi evitata l-ispekulazzjoni u jiġi żgurat li jkun tabilħaqq qed isir tnaqqis fl-emissjonijiet;

70.  Jistieden lill-UE u lis-sħab tagħha sabiex fil-ġejjieni immedjat jipproponu restrizzjonijiet fuq l-użu ħażin tal-krediti internazzjonali minn proġetti ta' gass industrijali, inkluż il-qerda tal-HFC-23, fis-sistemi ta' skambju ta' kwoti ta' emissjonijiet għal wara l-2012, u speċifikament fil-proġetti tal-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif, kif ukoll fil-mekkaniżmi settorjali tas-suq tal-ġejjieni; jistieden, għaldaqstant, lill-UE u lis-sħab tagħha biex jinkuraġġixxu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar avvanzati biex jikkontribwixxu għall-isforzi ta' tnaqqis globali permezz ta' azzjoni xierqa proprja, billi jibdew bl-irħas għażliet ta' tnaqqis;

71.  Jenfasizza li fil-kuntest globali ta' swieq kompetittivi, ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-karbonju huwa ta' tħassib serju f'ċerti setturi li huma elementi importanti tal-katina ġenerali tal-prodott industrijali – inklużi l-oġġetti li jintużaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza aktar dan ir-riskju u biex tipproponi miżuri xierqa u effikaċi sabiex tippreserva l-kompetittività internazzjonali tal-ekonomija tal-UE, u fl-istess ħin, tieħu ħsieb li ma jkun hemm l-ebda żieda tal-impronta tal-karbonju tal-UE;

72.  Jappella għal riforma fil-mekkaniżmi bbażati fuq il-proġetti, bħal CDM u JI, permezz tal-introduzzjoni ta' standards ta' kwalità stretti għall-proġetti li jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tnaqqis supplementari fl-emissjonijiet li jkun affidabbli, verifikabbli u reali, u li jkunu jappoġġaw ukoll l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; japprova, barra minn hekk, il-fehma tal-Kummissjoni li għandu jsir ftehim, għall-perjodu ta' wara l-2012, dwar mekkaniżmi settorjali għall-pajjiżi li huma l-aktar ekonomikament avvanzati fost il-pajjżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li s-CDM għandu jibqa' disponibbli għall-LDCs;

73.  Jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jissodisfaw l-impenji ta' mitigazzjoni tagħhom primarjament fl-UE, u jfakkar lill-partijiet kollha li l-użu ta' mekkaniżmi flessibbli għandu jkun limitat;

Avjazzjoni internazzjonali u trasport marittimu

74.  Ifakkar li t-trasport huwa l-aktar settur li jipproduċi emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fid-dinja, liema emissjonijiet ilaħħqu t-30% fil-każ tal-pajjiżi żviluppati u jirrappreżentaw 23% tal-emissjonijiet globali; jiddepplora n-nuqqas ta' progress fl-ittrattar tal-kwistjoni tal-avjazzjoni globali u tat-trasport marittimu, u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu jiġu inkorporati fi ftehim fl-ambitu tal-UNFCCC;

75.  Sabiex tiġi prevenuta kull żieda fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kkaġunati mit-trasport sal-2050, jitlob lill-Unjoni Ewropea tiżgura li fil-ftehim internazzjonali tqis l-impatt sħiħ tat-trasport bl-ajru u bil-baħar fuq il-klima, u li l-miri ta' tnaqqis għas-setturi tal-avjazzjoni u għas-setturi marittimi jkunu bħal dawk tas-setturi industrijali l-oħra;

76.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn mill-kumpaniji tal-ajru mad-dinja kollha biex isostnu titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil ta' 1.5% kull sena sal-2020, sabiex jinkiseb tkabbir newtrali mill-emissjonijiet tal-karbonju mill-2020 “il quddiem, u biex jinkiseb tnaqqis ta' 50% fl-emissjonijiet tas-CO2 fuq il-livelli tal-2005 sa l-2050;

77.  Jinnota li nofs l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq huma ġġenerati minn vetturi privati u li parti sostanzjali mill-emissjonijiet attribwiti lill-industrija jiġu mill-irfinar tal-fjuwil; quddiem iż-żieda persistenti fl-emissjonijiet mit-trasport bit-triq, jikkunsidra li għandhom jibqgħu jittieħdu l-miżuri li jitolbu lill-manifatturi jtejbu l-prestazzjoni ambjentali u enerġetika tal-vetturi;

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew

78.  Jemmen li d-delegazzjoni tal-UE tiżvolġi rwol importanti fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima, u għaldaqstant ma jistax jaċċetta li l-membri tal-kontinġent tal-Parlament Ewropew f'dik id-delegazzjoni ma setgħux jattendu l-laqgħat ta' koordinament tal-UE waqt il-Konferenza tal-Partijiet preċedenti; kif stipulat fil-Ftehim Qafas konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew f'Mejju 2005, li kien innegozjat mill-ġdid fl-2009, fejn il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-Komunità Ewropea, hija għandha, wara talba mill-Parlament, tiffaċilita l-inklużjoni tal-Membri tal-Parlament bħala osservaturi fid-delegazzjonijiet tal-Komunità li jkunu qed jinnegozjaw ftehimiet multilaterali; ifakkar fil-fatt li abbażi tat-Trattat ta' Lisbona (Artikolu 218 TFUE), il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal ftehimiet li jsiru bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali; jistenna li almenu l-Presidenti tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew jitħallew jattendu l-laqgħat ta' koordinament tal-UE f'Cancun;

o
o   o

79.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, bit-talba li tiġi ċċirkolata lill-partijiet kontraenti kollha li mhumiex membri tal-UE.

(1) ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.
(2) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0174.
(4) Testi adottati, P6_TA(2009)0042.
(5) Testi adottati, P7_TA(2010)0019.
(6) Rapport tal-Aġenzija dwar il-Valutazzjoni Ambjentali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Avviż legali - Politika tal-privatezza