Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2231(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0280/2010

Testi mressqa :

A7-0280/2010

Dibattiti :

PV 13/12/2010 - 20
CRE 13/12/2010 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2010 - 9.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0468

Testi adottati
PDF 328kWORD 86k
It-Tlieta, 14 ta' Diċembru 2010 - Strasburgu
Governanza tajba u politika reġjonali tal-UE
P7_TA(2010)0468A7-0280/2010

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta1-14 ta' Diċembru 2010 dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE: proċeduri ta' assistenza u kontroll mill-Kummissjoni Ewropea (2009/2231(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni rigward ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Mejju 2010 (COM(2010)0260),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar it-trasparenza fil-politika reġjonali u l-iffinanzjar tagħha(3),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza fuq diversi livelli tas-17 u t-18 ta' Ġunju 2009 u r-Rapport ta' Konsultazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa Ministerjali informali li saret fis-16 u s-17 ta' Marzu 2010 f'Málaga,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Settembru 2004, bit-titolu “Ir-responsabilitajiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-ġestjoni komuni tal-Fondi Strutturali u tal-Fondi ta' Koeżjoni - Sitwazzjoni attwali u prospettivi għall-perjodu l-ġdid ta' pprogrammar wara l-2006” (COM(2004)0580),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Mejju 2008 dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta' koeżjoni għall-perjodu ta' pprogrammar 2007-2013 (COM(2008)0301),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-snin finanzjarji 2006 u 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2008, bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta' azzjonijiet strutturali” (COM(2008)0097),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2009, bit-titolu “Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta' azzjonijiet strutturali ” (COM(2009)0042),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 mill-Kummissarji Samecki u Špidla lill-Kummissjoni fejn jingħata rapport interim dwar is-segwitu għall-pjan ta' azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' superviżjoni tal-Kummissjoni taħt ġestjoni komuni ta' azzjonijiet strutturali (SEC(2009)1463),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2010 dwar l-impatt tal-pjan ta' azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol ta' sorveljanza tal-Kummissjoni b'ġestjoni kondiviża tal-azzjonijiet strutturali (COM(2010)0052),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7–0280/2010),

A.  billi l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-biċċa l-kbira tagħha hija deċentralizzata u msejsa fuq l-assunzjoni tar-responsabilità min-naħa tal-awtoritajiet sottonazzjonali,

B.  billi l-politika ta' koeżjoni twettaq rwol ta' prekursur fl-applikazzjoni tal-governanza fuq diversi livelli bħala strument għat-titjib tal-kwalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet permezz tal-involviment attiv tal-awtoritajiet sottonazzjonali mill-fażi preleġiżlattiva tad-dibattiti,

C.  billi l-“governanza fuq diversi livelli” tfisser azzjoni kkoordinata mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll mis-sħab soċjoekonomiċi u l-NGOs, ibbażata fuq il-prinċipji tas-sħubija u tal-kofinanzjament u mmirata biex jiġu mfassla u implimentati l-politiki tal-Unjoni Ewropea, definizzjoni li timplika li r-responsabilità tinqasam bejn il-livelli differenti tal-gvern,

D.  billi r-rapport tal-2006 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri wera li s-sistemi ta' kontroll li jeżistu għall-politika ta' koeżjoni ma kinux effikaċi biżżejjed, b'rata ta' żball ta' 12% fl-ispejjeż rimborsati, u r-rapport tal-2008 kkonferma din id-data bi 11% tal-fondi rimborsati aktar milli kien imisshom,

E.  billi l-Kummissjoni teħtieġ li ssaħħaħ ir-rwol tagħha ta' sorveljanza biex tnaqqas il-livell ta' żball, ittejjeb is-sistema ta' kontroll u żżid l-assistenza lill-awtoritajiet sottonazzjonali u lill-benefiċjarji, li aktar “il bogħod fil-ġejjieni kollha se jwasslu għal politika li tkun aktar orjentata lejn ir-riżultati u tkun tirrispetta aktar lill-utenti,

F.  billi proċeduri ta' talba ta' finanzjament wisq ikkumplikati u kontrolli żejda għandhom ir-riskju li jbiegħdu lill-benefiċjarji potenzjali tal-politika ta' koeżjoni,

G.  billi s-soluzzjonijiet prattiċi mistennija minn sħabna ċ-ċittadini rigward is-servizzi pubbliċi (bħat-trasport pubbliku, l-ilma tax-xorb, is-saħħa pubblika, l-akkomodazzjoni soċjali u l-edukazzjoni pubblika) ma jistgħux jinkisbu ħlief bil-governanza t-tajba fil-livell ta' żewġ sistemi komplementari: minn naħa, is-sistema istituzzjonali, li tipprevedi t-tqassim tal-kompetenzi u tal-baġits bejn l-Istat u l-awtoritajiet regjonali u lokali, u, min-naħa l-oħra, is-sistema tas-sħubija, li tgħaqqad flimkien l-atturi pubbliċi u privati kollha kkonċernati mill-istess suġġett f' territorju partikolari,

H.  billi s-sħubija, li għandha tieħu kont tal-komunitajiet u l-gruppi kollha rilevanti, tista' ġġib kemm benefiċċji kif ukoll valur miżjud għall-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni permezz ta' leġittimità msaħħa, trasparenza garantita u assorbiment aħjar tal-fondi, u għandha tkun evalwata wkoll f'termini tal-valur soċjali u ċiviku li tirrappreżenta,

I.  billi approċċ integrat għandu jagħti każ tal-karatteristiċi speċjali tar-reġjun (żvantaġġi ġeografiċi u naturali, spopolazzjoni, reġjun ultraperiferali, eċċ.) bil-għan li jkun jista' jaffronta l-isfidi lokali u reġjonali,

L-applikazzjoni ta' governanza fuq diversi livelli

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-White Paper tal-KtR dwar il-governanza fuq diversi livelli u l-għarfien tas-sussidjarjetà sottonazzjonali fit-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza li l-approċċ mil-lat ta' diversi livelli għandu jiġi applikat mhux biss f'sens vertikali imma wkoll f'sens orizzontali, fost l-atturi tal-istess livell, fil-politiki kollha tal-Unjoni fejn jidħlu l-kompetenzi komuni inkluża l-politika ta' koeżjoni;

2.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-laqgħa ministerjali informali ta' Málaga ta' Marzu 2010 u jqis li l-governanza fuq diversi livelli hija prekundizzjoni għall-ksib tal-koeżjoni territorjali fl-Ewropa; jitlob li dan il-prinċipju jsir wieħed obbligatorju għall-Istati Membri fl-oqsma politiċi li għandhom impatt territorjali qawwi biex ikun żgurat żvilupp territorjali bbilanċjat f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jirrimarka li dispożizzjoni bħal din m'għandha bl-ebda mod twassal għal proċeduri li jkunu ta' aktar piż;

3.  Iqis li governanza sodisfaċenti fuq diversi livelli għandha tkun ibbażata fuq approċċ orjentat minn isfel għal fuq, filwaqt li jqis id-diversità tal-arranġamenti amministrattivi li jeżistu fl-Istati Membri differenti; jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw il-mezzi l-aktar effiċjenti għall-implimentazzjoni tal-governanza fid-diversi livelli u jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom mal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll mal-amministrazzjoni tal-Komunità billi, pereżempju, jistiednu uffiċċjali mil-livelli kollha tal-gvern għal laqgħat perjodiċi organizzati flimkien mal-Kummissjoni jew billi jistabbilixxu Pattijiet Territorjali Ewropej li fuq bażi volontarja jgħaqqdu bejniethom il-livelli differenti tal-gvern ikkonċernat;

4.  Jirrakkomanda li l-analiżi tal-impatt territorjali għandu jsir prattika standard billi d-diversi partijiet ikkonċernati jiġu involuti, minn fażi bikrija tad-deċiżjoni ta' politika, bil-għan li jiġu mifhuma r-riperkussjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proposti Komunitarji kemm leġiżlattivi u kemm mhux leġiżlattivi fuq ir-reġjuni;

5.  Jenfasizza li l-governanza fuq diversi livelli tippermetti espolojtazzjoni aħjar tal-potenzjal tal-kooperazzjoni territorjali grazzi għar-relazzjonijiet li ġew żviluppati fost atturi privati u pubbliċi minn naħa għall-oħra tal-fruntieri; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx id-dispożizzjonijiet li jippermettu l-istabbiliment tar-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tat-tagħrif bejn ir-REKT li diġà huma maħluqa u dawk li jinsabu fil-proċess li jiġu stabbiliti fil-qafas tal-programmi eżistenti; jifraħ lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-kwalità tax-xogħol tiegħu fuq ir-REKT u jitlob li l-istrumenti disponibbli tiegħu, b'mod partikolari l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ ta' Liżbona u n-Netwerk ta' Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tagħha, jintużaw biex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jiġu identifikati u ddeterminati b'mod konġunt l-objettivi u l-azzjonijiet ta' ppjanar sussegwenti, u, fl-aħħar, bil-ħsieb li titwettaq evalwazzjoni komparattiva tar-riżultati tal-politika ta' koeżjoni;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jintensifikaw l-użu li jagħmlu tal-approċċ integrat matul il-perjodu attwali ta' programmazzjoni; jipproponi li dan l-approċċ isir obbligatorju fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni futura; jidhirlu li approċċ flessibbli u integrat għandu mhux biss iqis l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp tat-territorju imma jippermetti wkoll li jiġu kkoordinati l-interessi tas-sħab differenti, fid-dawl tal-karatteristiċi territorjali, bil-għan li tkun tista' ssir reazzjoni għall-isfidi fil-livell lokali u reġjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa gwida għall-atturi pubbliċi u privati dwar kif għandhom jiġu implimentati fil-prattika l-prinċipji tal-governanza fuq diversi livelli u l-approċċ integrat; jirrakkomanda li azzjonijiet immirati għall-promozzjoni ta' dawn iż-żewġ approċċi jiġu ffinanzjati skont l-assistenza teknika tal-FEŻR;

8.  Jirrakkomanda li l-Kumitat tar-Reġjuni juża Jiem il-Bibien Miftuħa tal-2011 u, safejn għadu possibbli f'dan l-istadju, il-Jiem tal-Bibien Miftuħa tal-2010 bħala okkażjoni biex jippromwovi u japprofondixxi d-dibattitu dwar l-identifikazzjoni tal-mezz l-aktar adattat kif tiġi promossa l-governanza fuq diversi livelli; jissuġġerixxi li mill-2011 fir-reġjuni kollha tal-UE tiġi inizjata u stabbilita marka Ewropea tal-governanza fuq diversi livelli;

9.  Jinnota li l-mekkaniżmi tat-twettiq deċentralizzati huma fattur ewlieni għall-governanza fuq diversi livelli; minħabba l-ħtieġa ta' simplifikazzjoni, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jissottodelegaw l-implimentazzjoni ta' parti waħda minn programm operazzjonali, meta dan ikun xieraq u b'mod partikulari biex jesplojtjaw aħjar l-użu tal-għotjiet globali; jistedinhom jieħdu l-miżuri deċentralizzati meħtieġa, kemm fil-livell leġiżlattiv u kemm f'dak baġitarju, sabiex is-sistema tal-governanza fuq diversi livelli tkun tista' taħdem b'mod effikaċi u f'konformità mal-prinċipji tas-sħubija u s-sussidjarjetà; jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali, speċjalment dawk li għandhom setgħat leġiżlattivi, għandhom jiġu involuti aktar mill-qrib, peress li mhemmx min hu infurmat aħjar minnhom dwar il-potenzjalitajiet u l-ħtiġijiet tar-reġjun tagħhom u jistgħu għalhekk jikkontribwixxu għal implimentazzjoni mtejba tal-politika ta' koeżjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali relevanti u l-atturi tas-soċjetà ċivili mill-istadji l-aktar bikrija tan-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dwar programmi li jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali sabiex ikun jista' jsir djalogu f'waqtu bejn is-saffi differenti tal-gvern; jitlob li dawn l-awtoritajiet jipparteċipaw fil-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq bażi ugwali mar-rappreżentanti nazzjonali;

11.  Jenfasizza li għall-assorbiment effiċjenti tal-fondi u l-massimizzazzjoni tal-impatt tagħhom irid ikun hemm kapaċità amministrattiva suffiċjenti kemm fil-livell tal-UE u kemm fil-livell reġjonali u dak lokali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni ttejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha bil-għan li tkabbar il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni u tiżgura s-sostenibilità tal-azzjonijiet u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw strutturi amministrattivi u kapital uman adegwati f'dawk li huma reklutaġġ, remunerazzjoni, taħriġ, riżorsi, proċeduri, trasparenza u aċċessibilità;

12.  Jistieden lill-Istati Membri wkoll biex isaħħu, fejn jixraq, ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tħejjija, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-programmi u jżidu r-riżorsi li hemm għad-dispożizzjoni tagħhom; jirrakkomanda li fil-politika ta' koeżjoni tiġi adottata l-metodoloġija tal-iżvilupp lokali bbażata fuq is-sħubiji lokali, b'mod partikolari għal proġetti li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet urbani, rurali u transkonfinali; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi s-sħubija bejn ir-reġjuni li għandhom potenzjal ta' żvilupp speċifiku simili għal ta' xulxin u tiżgura li jkun hemm stabbilit qafas xieraq fil-livell tal-UE għall-koordinament tal-kooperazzjoni makroreġjonali;

13.  Iqis li l-prinċipji tas-sħubija u l-kofinanzjament irawmu l-assunzjoni tar-responsabilità min-naħa tal-awtoritajiet sottonazzjonali fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; itenni l-impenn tiegħu lejn dawn il-prinċipji ta' ġestjoni tajba u jitlob li jkomplu jiġu applikati minkejja r-restrizzjonijiet fuq l-infiq pubbliku kkawżati mill-kriżi ekonomika;

14.  Jirrakkomanda t-tisħiħ tal-prattika tas-sħubija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni miftiehma tal-kunċett tas-sħubija bħala kundizzjoni għall-kostruzzjoni ta' sħubiji veri mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-atturi tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika bis-serjetà l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju billi tiżviluppa għodod ta' evalwazzjoni u xxerred l-aħjar prattiki f'dan il-qasam permezz ta' għodod tal-ICT; jenfasizza li s-sħubija tista' tikkontribwixxi għall-effikaċja, għall-effiċjenza, għal-leġittimità u għat-trasparenza, fl-istadji kollha tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u tista' żżid l-impenn lejn ir-riżultati tal-programmi kif ukoll is-sjieda tagħhom; jenfasizza r-rwol importanti li jwettaq is-settur tal-volontarjat fil-proċess tas-sħubija;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit li jkun ikkonsultat il-pubbliku ġenerali kif permezz ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili u NGOs bil-għan li jiġu riflessi l-proposti tagħhom, u jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tgħin biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun leġittimizzat; jinnota li l-isforzi li saru bil-għan li tkun żgurata l-parteċipazzjoni pubblika fil-fażi preparatorja tal-programmi operazzjonali għall-perjodu 2007-2013 ma kinux konlussivi daqs kemm kien previst; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-prattiki t-tajba u tiffaċilita l-applikazzjoni tagħhom bil-għan li ttejjeb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini waqt il-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

16.  Jitlob li l-prinċipju tal-governanza fuq diversi livelli jiġi integrat fil-fażijiet kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija EU2020 biex tkun żgurata sjieda vera tar-riżultati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, li jridu jimplimentawha; ifakkar f'dan il-kuntest fil-proposta rigward patt territorjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-istrateġija Ewropa 2020 bil-ħsieb li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet jiġu inkuraġġiti jikkontribwixxu għas-suċċess tar-realizzazzjoni tal-objettivi tal-istrateġija 2020;

17.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tanalizza mill-ġdid il-possibilitajiet li jiġi implimentat il-proġett pilota li nbeda mill-Parlament Ewropew bit-titolu “Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali eletti” u, bil-ħsieb li jogħla l-istandard tal-proġetti proposti u jintlaħaq l-objettiv tal-effiċjenza, jistieden lill-Kummissjoni timplementa, skont il-linja baġitarja tal-assistenza teknika operazzjonali tal-FEŻR, skema ta' taħriġ u mobilità għall-atturi lokali u reġjonali involuti fl-immaniġġjar tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni flimkien mas-sħab speċjalizzati fl-implimentazzjoni tal-kunċetti tal-approċċ integrat u l-governanza fuq diversi livelli; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, talloka finanzjament għal dawn l-inizjattivi b'mod effettiv u ssaħħaħ in-netwerking mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni;

18.  Hu tal-fehma li n-netwerks Ewropej tar-reġjuni għandhom iwessgħu il-ħidma tagħhom fil-qasam tal-prattiki tajba fil-governanza u s-sħubija, għandhom jisħqu aktar fuq il-lezzjonijiet politiċi u strateġiċi li jkunu ttieħdu miċ-ċikli tal-programmi preċedenti u għandhom jiżguraw l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ewlieni dwar l-aħjar prattiki bil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea u b'hekk jgħinu ħalli jiġi żgurat li l-prattiki tajba jiġu implimentati tassew;

Tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni fl-appoġġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali

19.  Hu tal-fehma li rwol aktar b'saħħtu għal-livell reġjonali u lokali jrid jikkorrispondi ma' rwol superviżorju msaħħaħ għall-Kummissjoni li jkun jiffoka fuq il-kontroll tas-sistemi tal-verifika aktar milli fuq proġetti wieħed wieħed; jitlob f'dan il-kuntest għal sistema ta' ċertifikazzjoni Ewropea tas-servizzi nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tlesti l-approvazzjoni tar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità sabiex tevita d-dewmien fil-ħlasijiet u t-telf ta' fondi minħabba d-diżimpenn, u biex tipprovdi proposta fuq ir-riskju tollerabbli ta' żball qabel l-2012;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon dak li ħareġ mir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' Frar 2010 u l-azzjonijiet korrettivi u preventivi li nbdew s'issa; jistieden lid-DĠ REGIO ikompli għaddej b'dan l-eżerċizzju matul il-perjodu kollu kemm hu tal-implimentazzjoni biex iżomm għaddej il-momentum iġġenerat mill-Pjan ta' Azzjoni;

21.  Jenfasizza li l-inizjattivi Ewropej fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni u l-politika strutturali jeħtieġ li jiġu kkoordinati aħjar ħalli ma jipperikolawx il-koerenza tal-politika reġjonali; jitlob għalhekk koordinazzjoni msaħħa fil-Kummissjoni bejn id-Direttorat Ġenerali REGIO, li hu responsabbli għall-politika ta' koeżjoni u l-politika strutturali, u d-direttorati ġenerali responsabbli għall-inizjattivi relevanti relatati ma' setturi speċifiċi; jitlob, minħabba t-tisħiħ tad-drittijiet tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li seħħ bit-Trattat ta' Lisbona, li dawn l-awtoritajiet ikunu assoċjati aktar mill-qrib mat-tfassil tal-politika fil-livell tal-Kummissjoni, bil-għan li tiżdied ir-responsabilità għall-proġetti fost dawk responsabbli mill-proġetti: jitlob ukoll, madankollu, kontroll akbar tar-riżultati mill-Kummissjoni, fuq il-post, bil-għan li tittejjeb l-evalwazzjoni kemm tal-effiċjenza tal-istrutturi ta' proġett u tal-effikaċja tal-miżuri meta mqabbla mal-objettivi speċifikati li għandhom il-għan li jilħqu;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inizjattiva “Ħarreġ lill-ħarrieġa” għall-awtoritajiet li jimmaniġġjaw u għall-awtoritajiet li jiċċertifikaw; jenfasizza li għandu jkun hemm monitoraġġ kostanti biex ikun żgurat li l-kontenut tat-taħriġ ikun verament ittrasferit lejn il-livelli aktar baxxi b'mod ibbilanċjat, mingħajr ma jiġu ttraskurati l-atturi lokali;

23.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tillanċja malajr il-portal il-ġdid fil-bażi tad-data SFC 2007 li jippermetti aċċess dirett għal tagħrif relevanti għall-atturi kollha li għandhom x'jaqsmu mal-Fondi Strutturali; jirrakkomanda li l-Istati Membri jippromwovu u jiċċirkulaw tagħrif dwar dan l-istrument fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll fost il-benefiċjarji aħħarija;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi addizzjonali ta' assistenza teknika biex tippromwovi l-għarfien fil-livell reġjonali u lokali dwar problemi relatati mal-implimentazzjoni, speċjalment fl-Istati Membri fejn, skont l-evalwazzjoni ex post li għamlet il-Kummissjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2000-2006, hemm problemi persistenti ħafna rigward il-kapaċità amministrattiva tagħhom f'dak li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta' dawn il-programmi;

25.  Jitlob għal applikazzjoni standardizzata tal-mudell ta' informazzjoni unika u tal-mudell ta' verifika unika (SISA) fil-livelli ta' verifika kollha biex ikunu evitati d-duplikazzjoni tal-verifiki u l-kontroll żejjed; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ manwal tal-verifika unika inklużi n-noti ta' gwida kollha li ġew prodotti s'issa;

26.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jisfruttaw aktar l-istrumenti tal-inġinerija finanzjarja bħala mezz biex tiżdied il-kwalità tal-proġetti u l-parteċipazzjoni ta' atturi privati, speċjalment l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, fil-proġetti Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli tal-funzjonament ta' dawn l-istrumenti, li l-kumplessità attwali tagħhom tillimita l-użu tagħhom;

27.  Jinsab konvint li l-konformità mal-proċeduri ma tistax isseħħ għad-detriment tal-kwalità tal-interventi; jitlob mill-Kummissjoni politika futura li tkun aktar orjentata lejn ir-riżultati, li tkun iffukata fuq prestazzjoni ta' kwalità u żvilupp strateġiku tal-proġetti aktar milli fuq il-kontrolli; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi oġġettivi u li jistgħu jitkejlu li jkunu komparabbli fl-Unjoni kollha għal sistemi aħjar ta' monitoraġġ u evalwazzjoni u tkompli tikkunsidra aktar il-ħtieġa ta' regoli flessibbli fil-każ li jseħħu kriżijiet ekonomiċi;

28.  Jenfasizza li proċeduri trasparenti u ċari huma fatturi fil-governanza t-tajba; għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon is-simplifikazzjoni li qiegħda ssir bħalissa tar-Regolament Finanzjarju u tar-regoli tal-Fondi Strutturali u jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw għalkollox ma' dak li hemm mitlub fir-Regolament Finanzjarju rivedut u jxandru t-tagħrif dwar il-benefiċjarji aħħarija tal-Fondi Strutturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi regoli li jinftiehmu, li mhux se jkunu jeħtieġu li jiġu mmodifikati ta' spiss; jitlob għal arkitettura aktar sempliċi għall-Fondi wara l-2013, mhux bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika imma bħala prinċipju ġenerali tal-politika ta' koeżjoni futura, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-assorbiment tal-fondi, u jirrakkomanda trasparenza u flessibilità akbar fl-użu tal-Fondi tal-UE bil-għan li jiġi evitat piż amministratti addizzjonali li jista' jiskoraġġixxi lis-sħab potenzjali milli jieħdu sehem fil-proġetti;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rapport Strateġiku tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2010 peress li lill-proċess tat-tiswir tal-politiki jista' jagħtih lura tagħrif importanti; jikkunsidra li dak li nstab mir-rapport ukoll irid jitqies bis-serjetà waqt l-ifformular tal-proposti li jkollhom il-għan li jtejbu l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni;

30.  Itenni l-impenn tiegħu favur politika ta' koeżjoni b'saħħitha u ffinanzjata kif suppost li tiżgura li r-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea jiżviluppaw b'mod armonjuż; jitlob li l-mezzi finanzjarji ta' din il-politika jinzammu kif inhuma wara l-2013 u li kull tentattiv ta' rinazzjonalizzazzjoni jiġi rruftat;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-prinċipji tad-divrenzjar u tal-proporzjonalità fir-regolamenti futuri u biex tadatta r-rekwiżiti skont id-daqs tal-programmi u n-natura tas-sħab, speċjalment meta jkunu involuti awtoritajiet pubbliċi żgħar; jitlob li jsir użu usa' tas-somom ta' flus imħallsa f'daqqa u tar-rati fissi għall-Fondi kollha, b'mod partikolari għall-ispejjeż amministrattivi u għall-assistenza teknika; jipproponi li jsir provvediment għal kriterji ta' evalwazzjoni aktar flessibbli għal proġetti innovattivi, bil-għan li jinkoraġġihom, u rekwiżiti ta' kontroll aktar moderati għall-proġetti pilota; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa l-prinċipju tar-“rabta ta' fiduċja” mal-Istati Membri li jimpenjaw ruħhom, u jirnexxilhom, li jassiguraw utilizzazzjoni tajba tal-Fondi;

32.  Bil-għan li fil-ġejjieni tinbena politika li tirrispetta aktar lill-utent, jitlob għal armonizzazzjoni u integrazzjoni aktar profondi tar-regoli tal-Fondi Strutturali, u b'hekk jiġi evitat li proġett jiġi analizzat f'partijiet differenti biex japplika għal fondi differenti; jirrakkomanda li jsir iffukar mhux sempliċement fuq ir-regolarità tal-infiq imma fuq il-kwalità tal-interventi u li r-riżorsi jkunu kkonċentrati fl-ippotenzjar tal-assistenza fuq in-naħa tal-immaniġġjar;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mill-aktar fis possibbli proposti għar-regolamenti tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, tadotta r-regolament implimentattiv, telabora l-gwida meħtieġa u tipprovdi taħriġ dwarhom meta jkun il-waqt, u tiffaċilita l-proċess tan-negozjati u l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali bil-għan li jiġi evitat kull dewmien fl-implimentazzjni tal-politika ta' koeżjoni u fl-assorbiment tal-fondi wara l-2013;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(2) ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 10.
(3) Testi adottati, P7_TA(2010)0201.

Avviż legali - Politika tal-privatezza