Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011, taqsimiet kollha, kif modifikat mill-Kunsill (17635/2010 - C7-0411/2010 – 2010/2290(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2010 dwar il-prijoritajiet għall-baġit 2011(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-Abbozz ta' Baġit 2011(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 - it-taqsimiet kollha(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-baġit 2011(7),
– wara li kkunsidra l-abbozz ġdid tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 li ressqet il-Kummissjoni fis-26 ta' Novembru 2010 (COM(2010)0750) skont l-Artikolu 314(8) TFUE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-trilogu baġitarju tas-6 ta' Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2011 adottata mill-Kunsill fl-10 ta' Diċembru 2010 (17635/2010 - C7-0411/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 75b u 75e tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7–0369/2010),
1. Huwa tal-opinjoni li, għalkemm l-abbozz ta' baġit kif modifikat mill-Kunsill ma jissodisfax għalkollox il-ħtieġa reali għal baġit tal-Unjoni sostenibbli, koerenti u effiċjenti, l-objettiv tal-Parlament huwa li l-Unjoni jkollha baġit li jista' jiġi implimentat b'mod sħiħ u prevedibbli mill-bidu tas-sena finanzjarja;
2. Iqis li l-mod kif evolviet is-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE, li gradwalment inbidlet bil-kontribuzzjonijiet nazzjonali u li konsegwentament saret titqies bħala piż eċċessiv fuq il-finanzi pubbliċi nazzjonali, ifisser li r-riforma tagħha hija meħtieġa aktar minn qatt qabel; jieħu nota tad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni; itenni madankollu li hu importanti li l-Kummissjoni tippreżenta, sal-1 ta' Lulju 2011, proposti sostantivi għal sistema ġdida ta' riżorsi proprji għall-UE, ibbażata fuq l-Artikolu 311 TFUE, u jitlob li l-Kunsill jimpenja ruħu li jiddiskuti dawn il-proposti mal-Parlament fil-proċess ta' negozjati għall-qafas finanzjarju multiannwali (MFF) li jmiss, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Nru 3 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006;
3. Bi qbil mal-Artikolu 314(4) TFUE, iqis li xi riżervi fuq l-approprjazzjonijiet huma neċessarji biex il-Kummissjoni tiġi megħjuna ttejjeb it-trasparenza tal-informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet fit-Taqsima III tal-baġit; japprova, l-abbozz ta' baġit għall-2011 kif modifikat mill-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Japprova d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President biex jiddikjara li l-baġit ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u lill-entitajiet l-oħra kkonċernati.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-APPROPRJAZZJONIJIET GĦALL-ĦLASIJIET
“Filwaqt li jqisu l-isforzi ta' konsolidament fiskali li qed isiru fl-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaqblu dwar il-livell ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-2011 kif propost fl-abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2010. Jitolbu lill-Kummissjoni tressaq baġit emendatorju jekk l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit 2011 ma jkunux suffiċjenti biex ikopru n-nefqa taħt is-sottointestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi), is-sottointestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi), l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali), l-intestatura 3 (Ċittadinanza, libertà, sigurtà u ġustizzja) u l-intestatura 4 (L-UE bħala attur globali).
B'mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iħeġġu lill-Kummissjoni biex sa mhux aktar tard minn tmiem Settembru 2011 tippreżenta l-aħħar ċifri aġġornati rigward is-sitwazzjoni attwali u l-estimi rigward l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet taħt is-sottointestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi) u l-iżvilupp rurali taħt l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali) u, jekk ikun meħtieġ, tippreżenta abbozz ta' baġit emendatorju għal dan il-għan biss.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jieħdu pożizzjoni dwar kull abbozz ta' baġit emendatorju malajr kemm jista' jkun bil-għan li jiġi evitat kull nuqqas fl-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom li jipproċessaw malajr kull trasferiment possibbli ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet, anke bejn intestaturi tal-qafas finanzjarju, sabiex isir l-aħjar użu possibbli ta' approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet imdaħħla fil-baġit u jiġu allinjati mal-implimentazzjoni u l-ħtiġijiet attwali.“